EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0286

Kawża C-286/08: Rikors ippreżentat fit- 30 ta' Ġunju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Ellenika

ĠU C 223, 30.8.2008, p. 33–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 223/33


Rikors ippreżentat fit-30 ta' Ġunju 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Ellenika

(Kawża C-286/08)

(2008/C 223/51)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: M. Patakia u J.-B. Laignelot)

Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara li billi naqset milli tfassal u tadotta fi żmien raġonevoli pjan għall-immaneġġjar ta' skart perikoluż li jissodisfa r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti, u billi naqset milli tistabbilixxi netwerk integrat u adegwat ta' installazzjonijiet għar-rimi ta' skart perikoluż li permezz tiegħu dan l-iskart ikun jista' jintrema bl-aktar metodi xierqa sabiex jiġi assigurat livell għoli ta' protezzjoni ta' l-ambjent u tas-saħħa pubblika, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 1(2) u 6 tad-Direttiva 91/689/KEE (1) fuq skart perikoluż, flimkien ma' l-Artikoli 5(1) u (2) u 7(1) tad-Direttiva 2006/12/KE (2) (li qabel kienet id-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart, kif emendata bid-Direttiva 91/156/KEE);

tiddikjara li billi naqset milli tieħu l-miżuri meħtieġa kollha sabiex tassigura, fir-rigward ta' l-immaneġġjar ta' skart perikoluż, il-konformità ma' l-Artikoli 4 u 8 tad-Direttiva 2006/12/KE (li qabel kienet id-Direttiva 75/442/KEE, kif emendata bid-Direttiva 91/156/KEE) u ma' l-Artikoli 3(1), 6, 7, 8, 9, 13 u 14 tad-Direttiva 1999/31/KE (3), dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma [f'landfills], ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/689/KEE fuq skart perikolluż, flimkien ma' l-Artikoli 4 u 8 tad-Direttiva 2006/12/KE (li qabel kienet id-Direttiva 75/442/KEE dwar l-iskart, kif emendata bid-Direttiva 91/156/KEE), u mill-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 3(1), 6, 7, 8, 9, 13 u 14 tad-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma [f'landfills];

tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Wara li eżaminat il-miżuri leġiżlattivi nnotifikati mir-Repubblika Ellenika b'relazzjoni ma' l-immaneġġjar ta' skart perikoluż, u b'mod partikolari l-Pjan ta' Mmaneġġjar Nazzjonali, il-Kummissjoni kkonstatat li dawn ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar l-immaneġġjar ta' skart perikoluż.

B'mod aktar speċifiku, il-Pjan ta' Mmaneġġjar Nazzjonali mhuwiex komplet peress li jinkludi biss linji gwida li jeħtieġu elaborazzjoni sussegwenti u ma jissodisfax ir-rekwiżit ta' “preċiżjoni suffiċjenti”, bi ksur ta' l-Artikoli 1(2) u 6(1) tad-Direttiva 91/689/KEE, flimkien ma' l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2006/12/KE (li qabel kienet id-Direttiva 75/442/KEE).

Barra minn hekk, il-Pjan ta' Mmaneġġjar Nazzjonali ma jagħmel ebda provvediment għal netwerk integrat u adegwat ta' installazzjonijiet għar-rimi ta' skart minħabba li m'hemmx infrastruttura adegwata, m'hemm ebda stima dwar il-livell ta' kapaċità operattiva meħtieġa u hemm nuqqasijiet fir-rigward ta' l-istabbiliment u l-pożizzjoni ġeografika ta' siti adegwati, bi ksur ta' l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/689/KEE, flimkien ma' l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/12/KE (li qabel kienet id-Direttiva 75/442/KEE).

Barra minn hekk, ġie stabbilit li fil-prattika r-rimi ta' skart perikoluż fil-Greċja normalment isir permezz ta' “ħażna temporanja” li, madankollu, minħabba li l-permessi rilevanti jiġu mġedda fid-dawl tan-nuqqas ta' landfills adegwati, saret waħda permanenti. Minn dan isegwi li ma ttieħdux miżuri adegwati għar-rimi finali u mingħajr periklu ta' skart perikoluż mingħajr ma jkun ikkawżat periklu għas-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma tkun ikkawżata ħsara għall-ambjent, bi ksur ta' l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/689/KEE, flimkien ma' l-Artikoli 4 u 8 tad-Direttiva 2006/12/KE (li qabel kienet id-Direttiva 75/442/KEE), u ma' l-Artikoli 3(1), 6, 7, 8, 9, 13 u 14 tad-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'terraferma [f'landfills].


(1)  ĠU L 377, 31.12.1991, p. 20.

(2)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9.

(3)  ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1.


Top