EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0280

Kawża C-280/08 P: Appell ippreżentat fis- 26 ta' Ġunju 2008 mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla Estiża) fl- 10 ta' April 2008 fil-kawża T-271/03, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni

ĠU C 223, 30.8.2008, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 223/31


Appell ippreżentat fis-26 ta' Ġunju 2008 mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza (Il-Ħames Awla Estiża) fl-10 ta' April 2008 fil-kawża T-271/03, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-280/08 P)

(2008/C 223/48)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Deutsche Telekom AG (rappreżentanti: U. Quack, Rechtsanwalt, S. Ohlhoff, Rechtsanwalt, M. Hutschneider, Rechtsanwalt)

Partijiet oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, Arcor AG & Co. KG, Versatel NRW GmbH, preċedentement Tropolys NRW GmbH, preċedentement CityKom Münster GmbH Telekommunikationsservice, EWE TEL GmbH, HanseNet Telekommunikation GmbH, Versatel Nord-Deutschland GmbH, preċedentement KomTel Gesellschaft für Kommunikations- und Informationsdienste mbH, NetCologne Gesellschaft für Telekommunikation mbH, Versatel Süd-Deutschland GmbH, preċedentement tesion Telekommunikation GmbH, Versatel West-Deutschland GmbH & Co. KG, preċedentement VersaTel Deutschland GmbH & Co. KG

Talbiet ta' l-appellanti

tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-10 ta' April 2008, fil-kawża T-271/03;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/707/KE (1) tal-21 ta' Mejju 2003, ippubblikata bin-nurmru C(2003) 1536 finali;

sussidjarjament, tnaqqas, bis-saħħa tas-setgħa diskrezzjonali sħiħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-multa imposta fuq Deutsche Telekom AG fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tibbaża l-appell tagħha mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza imsemmija fuq l-aggravji segwenti:

Is-sentenza tikser l-Artikolu 82 KE u l-prinċipju fundamentali tal-protezzjoni ta' l-aspettativi leġittimi, peress li f'din il-kawża ma seħħ l-ebda ksur oġġettiv ta' l-imsemmija dispożizzjoni imputabbli lill-appellanti u l-appellanti mhija responsabbli għall-ebda nuqqas. Is-sentenza ma tiħux in kunsiderazzjoni l-verifika li saret diversi drabi bil-mod previst mil-liġi fir-rigward ta' l-allegata pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet minn dik li kienet l-awtorità regolatorja tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet kompetenti għall-appellanti (Regulierungsbehörde für Telekommunikation und Post, iktar 'il quddiem “RegTP”). Ir-RegTP diversi drabi ivverifikat u eskludiet l-eżistenza ta' pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet f'dak li jirrigwarda l-aċċess għal-linji lokali disassoċjati. F'każ bħal dan ir-responsabiltà ta' l-awtorità regolatorja kompetenti tieħu preċedenza fuq ir-responsabiltà partikolari għall-istruttura tas-suq ta' l-impriża suġġetta għar-regolamentazzjoni, billi tillimitaha. B'referenza għall-awtorità regolatorja, l-appellanti trid titlaq mill-idea li l-aġir tagħha ma kienx jikser ir-regoli tal-kompetizzjoni. Is-suppożizzjoni, li skondha, billi żiedet il-prezzijiet ta' l-ADSL tagħha, l-appellanti setgħet naqqset l-allegata pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, tmur kontra l-premessa li telqet minnha l-Qorti tal-Prim'Istanza li skondha “sussidju trażversali” bejn id-diversi swieq m'għandux jittieħed in kunsiderazzjoni fil-verifika ta' l-eżistenza ta' pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat meta injorat il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tivverifika jekk żieda fil-prezzijiet ta' l-ADSL setgħetx fil-fatt tnaqqas l-allegata pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet.

Is-sentenza tikser ukoll l-Artikolu 82 KE, minħabba li l-Qorti tal-Prim'Istanza żbaljat fil-verifika ta' jekk ir-rekwiżiti materjali ta' din id-dispożizzjoni kinux sodisfatti. Eżami tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet ma jwassalx, a priori, sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta' abbuż. Jekk (kif inhu l-każ fil-kuntest ta' din il-kawża), il-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji ġew iffissati b'mod vinkolanti mill-awtorità regolatorja, dan l-eżami jista' saħansitra jwassal għal riżultati antikompetittivi.

Minn dan l-aspett, il-Qorti tal-Prim'Istanza kisret ukoll l-obbligu tagħha li timmotiva s-sentenza.

Is-sentenza appellata hija żbaljata fid-dritt fir-rigward ta' diversi punti importanti li jikkonċernaw il-verifika tal-metodu applikat mill-Kummissjoni sabiex tivverifika l-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet. L-ewwel nett, minħabba li l-hekk imsejjaħ “As-Efficient-Competitor-Test” (kriterju tal-kompetitur daqstant ieħor effiċjenti) li l-Qorti tal-Prim'Istanza użat bħala bażi bħala l-uniku kriterju ta' paragun validu, huwa madankollu irrilevanti jekk l-impriża f'pożizzjoni dominanti fis-suq u l-kompetituri tagħha, joperaw (bħal fil-każ preżenti) skond regoli u kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni differenti. It-tieni nett, minħabba li l-eżami tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet jieħu in kunsiderazzjoni biss it-tariffi ta' konnessjoni, meta l-prezzijiet għall-provvista ta' servizzi oħra ta' telekomunikazzjoni, li huma bbażati fuq l-istess servizz intermedjarju (b'mod partikolari l-kollegamenti) ma jittiħdux in kunsiderazzjoni. Anke l-konstatazzjonijiet tas-sentenza dwar l-allegata pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet huma vvizzjati b'diversi żbalji fid-dritt u l-Qorti tal-Prim'Istanza ma vverifikatx ir-rabta kawżali bejn l-allegata pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet u l-konstatazzjonijiet tagħha rigward l-istruttura tas-suq.

Is-sentenza tikser qabel kollox ir-rekwiżiti ta' l-Artikolu 253 KE rigward il-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza applikat b'mod żbaljat l-Artikolu 15(2) tar-Regolament 17, meta ma kkontestatx il-kalkolu tal-multa mill-Kummissjoni, minkejja li din ta' l-aħħar telqet, b'mod żbaljat, mill-premessa ta' l-eżistenza ta' ksur gravi, ma ħaditx in kunsiderazzjoni b'mod xieraq ir-regoli settorjali dwar il-prezzijiet ta' l-appellanti u, l-iktar l-iktar, kellha d-dritt timponi multa simbolika. Għalhekk, il-Qorti tal-Prim'Istanza naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni, b'mod ġuridikament korrett, il-fatturi rilevanti kollha, u milli teżamina, b'mod ġuridikament tajjeb biżżejjed, l-argumenti miġjuba mill-appellanti bil-għan li tikseb l-annullament jew it-tnaqqis tal-multa.


(1)  ĠU L 263, p. 9.


Top