EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CB0519

Kawża C-519/08: Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal- 24 ta’ April 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Monomeles Protodikeio Athinon — Il-Greċja) — Archontia Koukou vs Elliniko Dimosio (L-ewwel inċiż tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura — Politika soċjali — Direttiva 1999/70/KE — Klawżoli 5 u 8 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss — Kuntratt ta’ impjieg għal żmien fiss fis-settur pubbliku — Kuntratti suċċessivi — Tnaqqis tal-livell ġenerali ta' protezzjoni għall-ħaddiema — Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-abbużi — Sanzjonijiet — Projbizzjoni assoluta tat-tibdil tal-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss f’kuntratti ta’ impjieg permanenti fis-settur pubbliku — Konsegwenzi ta’ traspożizzjoni inkorretta ta’ direttiva — Interpretazzjoni konformi)

ĠU C 205, 29.8.2009, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.8.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 205/17


Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-24 ta’ April 2009 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-Monomeles Protodikeio Athinon — Il-Greċja) — Archontia Koukou vs Elliniko Dimosio

(Kawża C-519/08) (1)

(L-ewwel inċiż tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura - Politika soċjali - Direttiva 1999/70/KE - Klawżoli 5 u 8 tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss - Kuntratt ta’ impjieg għal żmien fiss fis-settur pubbliku - Kuntratti suċċessivi - Tnaqqis tal-livell ġenerali ta' protezzjoni għall-ħaddiema - Miżuri intiżi sabiex jipprevjenu l-abbużi - Sanzjonijiet - Projbizzjoni assoluta tat-tibdil tal-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss f’kuntratti ta’ impjieg permanenti fis-settur pubbliku - Konsegwenzi ta’ traspożizzjoni inkorretta ta’ direttiva - Interpretazzjoni konformi)

2009/C 205/31

Lingwa tal-kawża: Il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Monomeles Protodikeio Athinon

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Archontia Koukou

Konvenuta: Elliniko Dimosio

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari — Monomeles Protodikeio Athinon — Interpretazzjoni tal-klawżoli 5 u 3 tal-Anness tad-Direttiva 1999/70/KE tal-Kunsill, tat-28 ta’ Gunju 1999, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU L 175, p. 43) — Raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid indefinit ta’ kuntratti suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss — Obbligu, impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, biex tali kuntratti jiġu konklużi — Projbizzjoni milli tiġi adottata leġiżlazzjoni għat-traspożizzjoni li tnaqqas il-livell ta’ protezzjoni għall-ħaddiema — Kunċett ta’ deterjorazzjoni

Dispożittiv

1)

Il-Klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 u anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi l-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ impjieg għal żmien fiss li huwa ġġustifikat biss mill-fatt li l-użu ta’ kuntratti suċċessivi ta’ impjieg għal żmien fiss huwa stabbiliti minn dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari ġenerali ta’ Stat Membru. Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-imsemmija klawżola, jeżiġi li l-użu għal din it-tip partikolari ta’ relazzjoni ta’ impjieg, kif stabbilit bir-regolament nazzjonali, jiġi ġġustifikat bl-eżistenza ta’ elementi konkreti li jirrigwardaw b’mod partikolari l-attività inkwistjoni u l-kundizzjonijiet tal-eżerċizzju tagħha.

2)

Il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix regolament nazzjonali kif inhu dak fil-kawża prinċipali li, għalkemm jimponi, fir-rispett tat-terminu massimu totali ta’ kuntratti suċċessivi, miżuri preventivi kontra l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss suċċessivi, jistabbilixxi, fir-rigward ta’ ċerti kategoriji ta’ ħaddiema, eċċezzjonijiet għal din l-aħħar limitazzjoni meta dawn il-ħaddiema jibbenefikaw tal-inqas minn waħda mill-miżuri preventivi stabbiliti fl-imsemmija klawżola.

3)

Il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix regolament nazzjonali kif inhu dak fil-kawża prinċipali li jistabbilixxi, abbażi ta’ miżuri li jipprojbixxu l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ impjieg għal żmien fiss, l-għoti ta’ pagi u l-ħlas ta’ kumpens kif ukoll sanzjonijiet kriminali u dixxiplinari, sa fejn, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni kif ukoll li l-implementazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt nazzjonali jikkostitwixxu miżura adegwata sabiex jiġi ssanzjonat l-użu abbużiv mill-amministrazzjoni pubblika ta’ kuntratti suċċessivi ta’ impjieg għal żmien fiss.

4)

Il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss għandha tiġi interpretata fis-sens li, sa fejn fis-sistema legali nazzjonali tal-Istat Membru ma hemmx, fis-settur pubbliku, miżuri oħra effettivi sabiex jiġi evitat u, jekk ikun il-każ, issanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ impjieg għal żmien fiss, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, hija tipprekludi regolament nazzjonali, kif inhu dak fil-kawża prinċipali, meta huwa ma japplikax ratione temporis għall-kuntratti suċċessivi ta’ impjieg għal żmien fiss li jkunu ġew konklużi jew imġedda wara li t-terminu stabbilit mid-Direttiva 1999/70 għat-traspożizzjoni tagħha skada u li l-kuntratti ma kinux għadhom applikabbli fid-data ta’ meta dan ir-regolament ikun daħal fis-seħħ jew fi kwalunkwe mument matul it-terminu ta’ tliet xhur qabel din id-data.

5)

Fiċ-ċirkustanzi kif inhuma dawk fil-kawża prinċipali, il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta fis-sistema legali nazzjonali tal-Istat Membru inkwistjoni jkun hemm, fis-settur inkwistjoni, miżuri oħra effettivi sabiex jiġi evitat u, jekk ikun il-każ, issanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ impjieg għal żmien fiss fl-istess sens ta’ punt 1, hija ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ regola fid-dritt nazzjonali li tipprojbixxi b’mod assolut, għas-settur pubbliku biss, il-bdil f’kuntratti ta’ impjieg permanenti ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss suċċessivi li, peress illi kellhom l-għan li jissodisfaw l-eżiġenzi permanenti u dewwiema ta’ min qiegħed jimpjega, għandhom jitqiesu abbużivi. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha tevalwa sa fejn il-kundizzjonijiet applikabbli kif ukoll l-implementazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti fid-dritt nazzjonali jikkostitwixxu miżura adegwata sabiex jiġi evitat u, jekk ikun il-każ, issanzjonat l-użu abbużiv ta’ kuntratti suċċessivi ta’ impjieg għal żmien fiss mill-awtorità pubblika.

6)

Il-Klawżola 5(1) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix, fil-prinċipju, li l-kawżi li jirrigwardaw l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-qrati amministrattivi. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha tiżgura, fid-dawl tar-rispett tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza, li d-dritt ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jiġi ggarantit.

7)

Il-Klawżola 8(3) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss għandha tiġi interpretata fis-sens li hija ma tipprekludix regolament nazzjonali kif inhu dak fil-kawża preżenti li jistabbilixxi, għal finijiet li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss, kundizzjonijiet supplimentari meta mqabbla ma’ dawk stabbiliti fid-dritt nazzjonali preċedenti, bħalma huwa, b’mod partikolari, l-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920 dwar ix-xoljiment obbligatorju ta’ kuntratt ta’ impjieg ta’ ħaddiem fis-settur privat meta dawn il-kundizzjonijiet, li għandhom jiġu vverifikati mill-imsemmija qorti, jaffettwaw kategorija limitata ta’ ħaddiema li jkunu kkonkludew kuntratt ta’ impjieg għal żmien fiss jew ikunu kkumpensati permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri li jipprevjenu l-użu abbużiv ta’ kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss fis-sens tal-Klawżola 5(1) tal-imsemmi Ftehim Qafas.

8)

Sa fejn huwa possibbli, il-qorti tar-rinviju għandha tagħti lid-dispożizzjonijiet rilevanti fid-dritt nazzjonali interpretazzjoni konformi mal-Klawżoli 5(1) u 8(3) tal-Ftehim Qafas dwar xogħol għal żmien fiss, kif ukoll li tiddetermina, f’dan il-kuntest, jekk dispożizzjoni fid-dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 8(3) tal-Liġi 2112/1920, għandhiex tiġi applikata fil-kawża preżenti minflok ċerti dispożizzjonijiet oħra f’dan id-dritt.


(1)  ĠU C 44, 21.2.2009


Top