Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CN0528

    Kawża C-528/07 P: Appell imressaq fid- 29 ta' Novembru 2007 mill-Association de la presse internationale ASBL (API) kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Awla Manja) fit- 12 ta' Settembru 2007 fil-Kawża T-36/04: Assocation de la presse internationale ASBL (API) vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    ĠU C 22, 26.1.2008, p. 36–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.1.2008   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    C 22/36


    Appell imressaq fid-29 ta' Novembru 2007 mill-Association de la presse internationale ASBL (API) kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Awla Manja) fit-12 ta' Settembru 2007 fil-Kawża T-36/04: Assocation de la presse internationale ASBL (API) vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    (Kawża C-528/07 P)

    (2008/C 22/65)

    Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

    Partijiet

    Appellanti: Association de la presse internationale ASBL (API) (rappreżentanti: S. Völcker, Rechtsanwalt, F. Louis, avocat u C. O'Daly, Solicitor)

    Parti oħra fil-kawża: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    Talbiet ta' l-appellanti

    L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:

    tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej fil-Kawża T-36/04, API vs Il-Kummissjoni, tat-12 ta' Settembru 2007 safejn il-Qorti tal-Prim'Istanza ddeċidiet li l-Kummissjoni kellha d-dritt li ma tiżvelax l-atti ppreżentati mill-Kummissjoni f'kawżi fejn kienet għadha trid issir il-proċedura orali;

    tannulla l-partijiet tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni D(2003) 30621 ta' l-20 ta' Novembru 2003 li ma ġewx annullati preċedentement mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kawża T-36/04, jew sussidjarjament tirreferi l-kawża lill-Qorti tal-Prim'Istanza għal deċiżjoni ulterjuri fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja; u

    tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    L-appellanti ssostni li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata għall-motivi li ġejjin:

    1.

    L-ewwel nett, il-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat b'mod żbaljat it-tieni inċiż ta' l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (l-“eċċezzjoni relatata mal-proċedimenti fil-qrati”) meta sostniet li l-Kummissjoni m'għandhiex għalfejn twettaq evalwazzjoni konkreta dwar jekk għandhiex tipprovdi aċċess għall-atti ppreżentati minnha qabel l-proċedura orali. Din l-interpretazzjoni (i) tmur kontra prinċipji stabbiliti sew fir-rigward ta' l-interpretazzjoni ta' l-eċċezzjoni relatata mal-proċedimenti fil-qrati li huma rikonoxxuti f'partijiet oħra tas-sentenza; (ii) hija bbażata fuq dritt ineżistenti tal-Kummissjoni li tiddefendi l-interessi tagħha “ħielsa minn kull influwenza esterna”; (iii) tiddependi fuq argumenti legali li huma manifestament żbaljati meta tinvoka l-“prinċipju ta' equality of arms”; (iv) teskludi b'mod żbaljat l-importanza tar-regoli ta' qrati oħra li jippermettu l-aċċess għall-atti qabel is-seduta; u (v) tiddependi b'mod żbaljat fuq il-ħtieġa li jiġi protett l-effet utile tal-qrati Komunitarji fi proċeduri in camera.

    2.

    Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Prim'Istanza interpretat b'mod żbaljat il-frażi “interess pubbliku akbar” li tinsab fl-aħħar ta' l-Artikolu 4(2) tar-Regolament billi sostniet li, meta l-kwistjoni tkun dwar l-atti ppreżentati quddiem il-qrati, l-interess pubbliku ġenerali fil-kontenut ta' proċeduri quddiem il-qrati Komunitarji ma jistax jitqies aktar importanti minn kwalunkwe interess protett mill-eċċezzjoni relatata mal-proċedimenti fil-qrati.


    Top