EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021XC0218(05)

Pubblikazzjoni ta’ dokument uniku kif imsemmi fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal isem fis-settur tal-inbid 2021/C 58/18

C/2021/847

ĠU C 58, 18.2.2021, p. 86–92 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 58/86


Pubblikazzjoni ta’ dokument uniku kif imsemmi fl-Artikolu 94(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal isem fis-settur tal-inbid

(2021/C 58/18)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien xahrejn mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“Willamette Valley”

PGI-US-02439

Data tal-applikazzjoni: 17.10.2018

1.   Isem għar-reġistrazzjoni

Willamette Valley

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

IĠP

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

5.

Inbid frizzanti ta’ kwalità

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

L-indikazzjoni ġeografika protetta “Willamette Valley” hija riżervata għal inbejjed bla gass (ħomor, rożè u bojod); u nbejjed frizzanti ta’ kwalità.

L-inbejjed Willamette Valley huma karatterizzati u identifikati skont it-tip ta’ varjetà tal-għeneb. L-inbejjed ħomor Willamette Valley, l-aktar Pinot noir, u l-inbejjed bojod Willamette Valley, l-aktar Chardonnay, Pinot gris u Riesling, b’taħlitiet frizzanti ta’ Pinot noir/Chardonnay, jikkostitwixxu l-parti l-kbira tal-produzzjoni fil-Wied ta' Willamette.

Bħala nbejjed tal-klima friska u b’palat medju li ġeneralment ikollhom aċidità qawwija u togħma ta’ frott misjur frisk u qawwi u tannini minerali, l-inbejjed Willamette Valley juru l-karatteristiċi li ġejjin skont il-varjetà:

Inbejjed Bla Gass

Inbejjed Ħomor:

L-inbejjed ħomor Willamette Valley huma brillanti, b’kulur moderat minn aħmar sa granata, li xi kultant iqarreb lejn il-vjola skur sa iswed skont is-sit u l-vendemmja; huma joffru aroma kif ukoll togħma ta’ frott aħmar u iswed frisk pjuttost milli msajjar, minn rummien, frawli, lampun u ċirasa sa tut u għanbaqar; barra minn hekk, l-aroma toffri aspetti ta’ fjuri ħomor u vjola, ta’ ħamrija, minn ħumus sa weraq tat-te, noti ta’ jodju u ta’ ħadid ferriku, ħwawar tal-ħami tas-sassafrass, kola, minerali u, aktar ma jimmaturaw, karattri aktar kumplessi ta’ perżut, faqqiegħ, ġilda u ħwawar magħmulin mill-ħxejjex. It-togħmiet u l-konsistenza fil-ħalq huma aktar kumplessi u fihom saffi ta’ tannini ta’ partikoli fini tal-weraq tat-te u tat-tabakk taċ-ċirasa u palat medju bellusi u sħiħ li jagħti struttura u rikkezza eleganti, li jirriflettu, l-istess bħall-irwejjaħ, kemm l-elementi tal-frott kif ukoll dawk tal-ikel mielaħ skur; l-istruttura tal-palat tista’ turi firxa ta’ tannini, minn weraq tat-te għal injam, b'aċidità qawwija li tiffriska l-palat u żżomm togħmiet assertivi għal tul ta’ ħin konsiderevoli, filwaqt li tikkontribwixxi tensjoni sabiex tipproteġi u tipprovdi valur skont l-età.

Inbejjed rożè:

L-inbejjed rożè Willamette Valley ivarjaw fil-kulur minn griż fir-roża ċar ħafna għal granata pallida, kollha vivaċi u sbieħ, li jġorru aromi ta’ fjuri bojod sa ħomor (ġiżimin sa ward) u ta’ frott frisk minn larinġ tad-demm għal frawli u lampun selvaġġi, kemm fir-riħa kif ukoll fil-palat; it-togħmiet tal-palat jistgħu jkunu melħin u minerali wkoll, b’palat kremuż u xi kultant jibqa’ jippersisti ħjiel ta’ zokkor residwu. L-aċidità vivaċi karatteristika tal-inbejjed rożè Willamette Valley tipprovdi l-kapaċità ta’ maturità fil-flixkun għal xi snin.

Inbejjed bojod:

L-inbejjed bojod Willamette Valley huma brillanti b’mod uniformi, aċidużi ħafna, b’kulur minn platinu sa lewn il-lumi ċar u, fil-każ ta’ inbejjed bojod minn ħsad tardiv jew li jinżammu fil-btieti tal-ballut, minn lewn il-krema sa dehbieni. Fihom l-istess luminożità tal-frott bħall-Pinot noir, jew saħansitra, aktar qawwija, iżda jirriflettu firxa ta’ aromi ta’ tipi differenti ta’ frott abjad minn frott taċ-ċitru, frott tal-għadma (ħawħ, lanġas, eċċ.) u elementi ta’ fjuri bojod u fjuri tal-ġonna; kollha għandhom mineralità u salinità qawwija (mill-pH, l-aċidità u frott ta’ kulur qawwi u nieqes miz-zokkor) fuq il-palat, b’qalba ta' togħmiet friski tal-frott pur xprunati minn aċidità għolja, li jipprovdu ħajja promettenti u twila. Maż-żmien, l-inbejjed jipprovdu ħjiel ta’ fjuri mnixxfa, noti ta’ ċitru tal-marmellata u elementi ta’ għasel u noti minerali żviluppati.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

16 %

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

7 %

Aċidità totali minima

4 g/l tartariku

pH=4 massimi

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

23,31 mEq/l (inbejjed ħomor)

19,98 mEq/l (inbejjed bojod u rożè)

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

150 mg/l

40 mg/l Diossidu tal-kubrit mhux marbut

Inbejjed Frizzanti ta’ Kwalità

L-inbejjed frizzanti ta’ kwalità Willamette Valley jiġu prodotti bħala nbejjed bojod u rożè, magħmulin minn Pinot noir, Chardonnay, u f’xi każijiet jinkludu Pinot meunier. Huma jkollhom ragħwa fina għal medja, finezza, ħjut perlati ta’ bżieżaq, u togħmiet espressivi, nodfa, xi ftit aċidużi ta’ frott tal-għadma kemm kemm misjur u ta’ ċitru ta’ kwalità. L-inbejjed frizzanti bojod ta’ kwalità huma lewn il-platinu u jleqqu, b’aromi tat-tuffieħ jew tal-lanġas u b’togħmiet ukoll ta’ xkomp, frott tal-għadma jew minerali. L-inbejjed rożè juru noti friski ta’ frawli salvaġġ, aċidità għolja, u diversi saffi ta’ togħmiet qawwija ta’ frott aħmar (tuffieħ/għanbaqar). Huwa normali li l-inbid jitħalla fil-flixkun għal aktar minn għaxar snin. Il-kulur tal-inbejjed rożè jvarja minn aħmar lewn iċ-ċirasa jleqq sa “ħjiel” ta’ kuluri roża. F’dak li jirrigwarda l-aroma, ir-rożè joffru rwejjaħ ta’ petali tal-ward roża sa tuffieħ tal-qoxra ħamra sa frawli lewn l-għanbaqar ċar skont it-taħlita u l-maturità tal-frott fil-mument tal-ħsad. Komponent karatteristiku ta' “ħwawar” mhuwiex rari wkoll. Deskrizzjonijiet tipiċi tal-aroma u tat-togħma jistgħu jinkludu frawli selvaġġ u frott artab ieħor tas-sajf, ċitru bħal larinġ tad-demm/mandolin, tuffieħ/tuffieħ selvaġġ, ħwawar bħal ħxejjex imnixxfin u ġinġer. Aċidità għolja iżda bbilanċjata tippermetti li l-inbid iżomm għal aktar minn għaxar snin fil-flixkun.

L-aromatiċi tal-inbejjed frizzanti Brut magħmulin b’Chardonnay, Pinot noir, u Pinot meunier jistgħu jvarjaw minn fjuri bojod sa qoxra tal-gajdri tax-xtut tal-oċean sa tuffieħ/lanġas u grejpfrut abjad. It-togħmiet ivarjaw skont il-perċentwali tal-varjetà tal-għeneb użat u l-post fejn jitkabbar il-frott. Il-fjuri jvarjaw minn abjad delikat għal roża, ħwawar minn vanilla sa ġinġer sa ħxejjex aromatiċi mnixxfa, frott inkluż tuffieħ tal-qoxra ħadra, safra jew ħamra, tuffieħ selvaġġ, frott irqiq qares, u lanġas simili għall-Anjou, grejpfrut abjad, starfruit, u mandolin huwa possibbli. L-aċidità hija qawwija u vibranti, filwaqt li l-espressjoni ta’ frott misjur tista’ tippersisti għal tul ta’ ħin.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

14 %

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

7 %

Aċidità totali minima

5 g/l tartariku

pH=4 massimi

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

<=23,31 mEq/L

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

150 mg/l

30 mg/l Diossidu tal-kubrit mhux marbut

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

a.   Prattiki enoloġiċi essenzjali

xejn

b.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

Pinot noir u nbejjed Ħomor oħra: 7 850 kg/ha (45 hl/ha);

Chardonnay: 10 100 kg/ha (60 hl/ha);

Bojod oħrajn: 12 330 kg/ha (70 hl/ha);

Inbejjed frizzanti ta’ kwalità: 15 700 kg/ha (90 hl/ha).

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

Il-Wied ta’ Willamette bħala Żona Vitikulturali Amerikana huwa deskritt speċifikament kif approvat u rreġistrat fir-regolamenti tal-Uffiċċju tat-Taxxa u l-Kummerċ tal-Istati Uniti, b’dan is-sommarju:

§9.90 Wied ta’ Willamette.

Fruntieri. Iż-żona vitikulturali tal-Wied ta’ Willamette tinsab fil-Majjistral tal-Oregon u fit-Tramuntana tmiss max-Xmara Columbia, fil-Punent mal-muntanji tal-Coast Range, fin-Nofsinhar mal-muntanji Calapooya, u fil-Lvant mal-muntanji Cascade, u tkopri madwar 5200 mil kwadru (3,3 miljun acre).

Il-fruntieri eżatti taż-żona vitikulturali, ibbażati fuq postijiet magħrufa u punti ta’ referenza li jinsabu fuq il-mapep approvati, huma kif ġej: Mill-punt tal-bidu fl-intersezzjoni tal-linja bejn il-Kontej ta’ Columbia u ta’ Multnomah u l-linja bejn l-Istati ta’ Oregon u Washington;

Lejn il-Punent tul il-linja bejn il-Kontej ta’ Columbia u ta’ Multnomah għal 8,5 mili mill-intersezzjoni tagħha mal-linja bejn il-Kontej ta’ Washington u ta’ Multnomah;

Lejn in-Nofsinhar tul il-linja tal-Kontea ta’ Washington għal 5 mili mill-intersezzjoni tagħha mal-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied;

Lejn il-Majjistral (15-il mil lejn il-Majjistral) tul il-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied mill-intersezzjoni tagħha mal-Awtostrada Statali 47, 0,5 mili fit-Tramuntana ta’ “Tophill”;

Imbagħad, lejn il-Punent mill-Awtostrada Statali 47 għal kwart ta’ mil mil-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied, tkompli lejn in-Nofsinhar u mbagħad lejn il-Lbiċ tul il-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied mill-intersezzjoni tagħha mal-Foresta Nazzjonali ta’ Siuslaw (punt madwar 43 mil fin-Nofsinhar u 26 mil fil-Punent ta’ “Tophill”), għal mil fit-Tramuntana tal-Awtostrada Statali 22;

Lejn in-Nofsinhar għal 6,5 mili sal-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied fuq il-linja tal-Kontej ta’ Lincoln u ta’ Polk;

Tkompli tul il-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied (għal madwar 23 mil) lejn il-Lvant, in-Nofsinhar, u mbagħad lejn il-Punent, sa punt fejn il-linja tal-Kontea ta’ Polk tiltaqa’ mal-linja ta’ bejn il-Kontej ta’ Lincoln u ta’ Benton;

Lejn in-Nofsinhar tul il-linja tal-Kontej ta' Lincoln u ta’ Benton, għal 11-il mil mill-intersezzjoni tagħha mal-linja tal-Foresta Nazzjonali ta’ Siuslaw;

Lejn il-Lvant għal sitt mili tul il-linja tal-Foresta Nazzjonali ta’ Siuslaw u mbagħad lejn in-Nofsinhar tul il-linja tal-Foresta Nazzjonali ta’ Siuslaw għal sitt mili mill-Awtostrada Statati 34 u l-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied;

Lejn in-Nofsinhar tul il-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied sal-intersezzjoni tagħha mal-linja tat-Township T17S/T18S (31 mil fix-Xlokk, u mil fil-Punent tal-Awtostrada Statali 126);

Lejn il-Lvant tul T17S/T18S 4,5 mili mil-linja tar-Range R6W/R7W, lejn in-Nofsinhar tul din il-linja tar-range għal 2,5 mili mil-linja ta’ kontorn ta’ 1000 pied;

Lejn il-Grigal, imbagħad lejn ix-Xlokk tul il-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied għal madwar 12-il mil mill-intersezzjoni tagħha mal-linja tar-range R5W/R6W;

Lejn in-Nofsinhar tul il-linja tar-range R5W/R6W għal madwar 0,25 mil mill-intersezzjoni mal-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied;

Ġeneralment lejn ix-Xlokk tul il-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied li sserrep u li taqsam fuq il-mappa ta’ Letz Creek, sa punt fuq il-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied li jinsab fit-Tramuntana tal-intersezzjoni ta’ Siuslaw River Road u Fire Road;

Lejn in-Nofsinhar f’linja dritta għal madwar 0,55 mili, taqsam minn fuq ix-Xmara Siuslaw u l-intersezzjoni ta’ Siuslaw River Road u Fire Road, sal-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied;

Ġeneralment lejn ix-Xlokk tul il-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied, taqsam fuq il-mappa ta’ Roseburg, Oregon, sal-intersezzjoni tal-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied mal-linja tal-Kontej ta' Lane u Douglas;

Lejn il-Lvant tul il-linja tal-Kontej ta' Lane u Douglas għal madwar 3,8 mili sal-intersezzjoni mal-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied eżatt fil-Lvant tas-South Fork tax-Xmara Siuslaw;

Ġeneralment lejn it-Tramuntana, imbagħad lejn il-Grigal tul il-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied madwar Spencer Butte, u mbagħad ġeneralment lejn in-Nofsinhar sa punt tul il-linja tal-Kontej ta’ Lane u Douglas 0,5 mili fit-Tramuntana tal-Awtostrada Statali 99;

Lejn in-Nofsinhar tul il-linja tal-Kontej ta’ Lane u Douglas għal 1,25 mil mil-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied;

Tkompli ssegwi l-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied madwar il-widien ta' Little River, Mosby Creek, Sharps Creek sal-intersezzjoni ta' R1W/R1E u l-Awtostrada Statali 58;

Lejn it-Tramuntana tul R1W/R1E għal sitt mili, sakemm taqsam il-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied eżatt fit-Tramuntana ta' Little Fall Creek;

Tkompli tul il-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied madwar Hills Creek, titla’ x-xaqliba tan-Nofsinhar ta’ McKenzie River Valley sa Ben u Kay Dorris State Park, u taqsam fuq u tinżel ix-xaqliba tat-Tramuntana madwar Camp Creek, ix-Xmara Mohawk u t-tributarji tagħha, ix-Xmara Calapooia (tliet mili fix-Xlokk tal-belt ta’ Dollar) sa punt fejn Wiley Creek taqsam ir-R1E/R1W madwar mil fin-Nofsinhar ta’ T14S/T13S;

Lejn it-Tramuntana tul R1E/R1W għal 7,5 mili sa T12S/T13S f'Cedar Creek;

Lejn il-Punent tul T12S/T13S għal erba’ mili sal-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied;

Tkompli fid-direzzjoni ġenerali tat-Tramuntana tul il-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied madwar Crabtree Creek, Thomas Creek, ix-Xmara North Santiam (sal-intersezzjoni tagħha ma’ Sevenmile Creek), u x-Xmara Little North Santiam sal-intersezzjoni tal-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied mal-R1E/R2E (madwar mil mit-Tramuntana tal-Awtostrada Statali 22);

Lejn it-Tramuntana tul R1E/R2E (minn ġo porzjon żgħir ta’ Silver Falls State Park) 14-il mil minn T6S/T7S;

Lejn il-Lvant tul T6S/T7S għal sitt mili minn R2E/R3E;

Lejn it-Tramuntana tul R2E/R3E għal sitt mili minn T5S/T6S;

Lejn il-Grigal għal 8,5 mili mill-intersezzjoni ta’ T4S/T5S u R4E/R3E;

Lejn il-Lvant tul T4S/T5S għal sitt mili minn R4E/R5E;

Lejn it-Tramuntana tul R4E/R5E għal sitt mili minn T3S/T4S;

Lejn il-Lvant tul T3S/T4S għal sitt mili minn R5E/R6E;

Lejn it-Tramuntana tul R5E/R6E għal 10,5 mili minn punt fejn taqsam il-fruntiera tal-Foresta Nazzjonali ta’ Mount Hood (madwar tliet mili mit-Tramuntana tal-Awtostrada tal-Istati Uniti 26);

Lejn il-Punent għal erba’ mili u lejn it-Tramuntana għal mil tul il-fruntiera tal-foresta sal-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied (eżatt fit-Tramuntana tax-Xmara Bull Run);

Lejn it-Tramuntana tul il-linja tal-kontorn ta’ 1000 pied, fil-Kontea ta’ Multnomah, sal-intersezzjoni tagħha ma’ R4E/R5E;

Lejn it-Tramuntana għal madwar tliet mili mil-linja tal-Istati ta’ Oregon u Washington; u

Lejn il-Punent u mbagħad lejn it-Tramuntana, għal 34 mil tul il-linja tal-Istati ta' Oregon u ta’ Washington sal-punt tal-bidu.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid/jinkisbu l-inbejjed

L-inbejjed bla gass u l-inbejjed frizzanti ta’ kwalità Willamette Valley jużaw l-għeneb tal-inbid li ġej: Pinot noir, Pinot gris, Chardonnay, Riesling, Pinot blanc, Syrah, Cabernet sauvignon, Gamay noir, Pinot meunier.

Għeneb ieħor tal-inbid jintuża f’ammonti iżgħar: Arneis, Albarino, Auxerrois, Cabernet Franc, Chenin blanc, Dolcetto, Gewurztraminer, Gruner veltliner, Merlot, Muller-Thurgau, Sangiovese, Sauvignon blanc, Tempranillo, Viognier, Zinfandel.

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Bħal fi kwalunkwe tentattiv ta’ suċċess li jikseb reputazzjoni stmata sew, ir-rabta ma’ kwalità għolja hija waħda kumplessa, mhux sempliċi: għalkemm il-fatturi naturali assoċjati mal-pożizzjoni tal-Wied ta’ Willamette x’aktarx li huma l-aktar importanti, bl-effetti klimatiċi, ġeoloġiċi, ġeografiċi u ta’ vendemmja li jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kwalità finali tal-inbid, ma jistax jonqos li jingħata kreditu wkoll għal dawk il-fatturi umani li jissistematizzaw u li jagħmlu konsistenti t-tkabbir tal-għeneb, il-produzzjoni tal-inbid, u l-proċessi ta' kummerċjalizzazzjoni, il-ħolqien ta' affidabbiltà, il-kontroll u r-reputazzjoni tal-inbejjed tar-reġjun.

Ħamrija u l-Ġeoloġija: Fil-Wied ta’ Willamette, l-inbejjed ta’ kwalità għolja tipiċi tal-post huma magħmulin minn għeneb tal-klima friska speċifikat hawn fuq, imkabbar f’vinji li jinsabu kważi esklużivament fuq għoljiet jew ta’ ħamrija vulkanika u/jew sedimentarja mbuttata ’l fuq mill-qiegħ tal-wied permezz ta’ azzjoni tettonika, f’għoli ta’ bejn 61 u 305 metri (200 u 1000 pied), bil-loess (trab minfuħ mir-riħ) fuq il-qċaċet ta’ ċerti għoljiet. Il-ħamrija tal-għoljiet tipprovdi fond adegwat għall-għeruq u żżomm ilma biżżejjed, tipprovdi nutrijenti lid-dwieli mingħajr ma tkun rikka wisq (u b’hekk tħeġġeġ tkabbir faċli u ħadrani minflok prijoritajiet meħtieġa ta’ frott prodott taħt stress) u drenaġġ tajjeb tal-ħamrija u tal-arja b’ħamrija li titfarrak u hija inqas suxxettibbli għal ġlata u pressjonijiet minn mard (pereżempju moffa). Il-ħamrija tal-għoljiet hija ta’ tliet tipi (trab ħafif vulkaniku, sedimentarju u glaċjali) u tittrażmetti lid-dwieli u l-inbejjed li jirriżultaw minnhom aromi, togħmiet, mineralità, u karatteristiċi tat-tkabbir uniċi u prevedibbli; pereżempju, bil-Pinot noir, il-ħamrija vulkanika tipproġetta aroma u togħma ta’ frott ta’ lewn aħmar qawwi frisk (lampun sa ċirasa bing sa ċirasa sewda) bi struttura ta’ tannini fina moderata, sottili u b’kulur moderat; ħamrija sedimentarja tipproġetta kulur aktar skur, aromi u togħmiet ta’ frott aħmar fl-iswed, (ċirasa sewda sa tut sa ribes jew huckleberry) bi ħjiliet ta’ faqqiegħ, ħwawar tal-ħami, kafè, u ġamm iswed, b’tannini moderati għal għolja; il-ħamrija tat-trab minfuħ mir-riħ tittrażmetti kulur aktar ċar (minn frawli sa lampun sa ċirasa) u inqas struttura, b'livell baxx ta' tannini u freskezza. Kollha fihom aċidu moderat għal għoli u jistgħu jitħallew jimmaturaw.

Ġeografija: Il-karatteristiċi organolettiċi meqjusa bħala uniċi għall-Wied ta’ Willamette, b’mod speċjali bil-Pinot noir, jinkludu l-aspetti tal-luminożità u tal-frott frisk, bl-aċidità pprovduta mill-klima friska protetta; karattri differenti ta’ frott aħmar għal suwed u livelli differenti ta’ fenoli strutturali jew tannini assoċjati mat-tipi ta’ ħamrija, l-elevazzjonijiet u l-ġeografija; u firxa wiesgħa ta’ marki individwali stilistiċi minn opinjonijiet differenti tal-produtturi tal-inbid dwar il-personalità ta’ Pinot noir.

Il-klima friska moderata minn korpi kbar tal-ilma bħall-Oċean Paċifiku tippermetti li t-temperatura tal-ġurnata tvarja minn jiem sħan għal iljieli friski ħafna, bil-fluss mill-oċean fuq l-art ikessaħ il-Wied ta’ Willamette bi 30 sa 40F (16,5–22 C) bil-lejl. Dan jaffettwa r-respirazzjoni tal-pjanti, jippermetti t-tkessiħ tal-pjanti, u jippreserva l-aċidità li hija karatteristika tal-inbejjed Willamette Valley.

Il-gradjent ipprovdut minn żieda ta’ 244 metru (800 pied) fl-elevazzjoni joħloq ukoll kundizzjonijiet varji ta’ maturazzjoni għal ħtiġijiet ta’ varjetajiet differenti ta’ għeneb kif ukoll versatilità addizzjonali bl-adattament għat-tibdil fil-klima, b’siti iktar sħan iktar fil-baxx u siti iktar kesħin f’elevazzjonijiet ogħla, u b’hekk jipproġettaw karattri ta’ nbejjed aktar misjurin u rotob fil-baxx, u inbejjed ta’ frott frisk aktar brillanti u aċidità ogħla, aktar ’il fuq. Id-direzzjoni tas-siti tkompli tipprovdi aktar irfinar; dawn jiffaċċjaw in-Nofsinhar jew il-Lvant jew il-Punent fuq dawn l-għoljiet biex jilqgħu x-xemx, benefiċċju reali fl-istorja bikrija u kiesħa tar-reġjun, minħabba li l-vinji kienu jfittxu l-maturazzjoni perfetta bl-iffaċċjar lejn in-Nofsinhar.

Daqs kemm huma importanti l-pożizzjonijiet tal-uċuħ tal-għoljiet għall-maturazzjoni, l-ilma, it-togħmiet u l-aċidità, il-karatteristika kritika tal-inbejjed Willamette Valley ġejja mill-forma ta’ skutella tal-wied, li tikkontribwixxi għall-kundizzjonijiet klimatiċi ġenerali friski ta’ dan il-wied protett mill-ktajjen tal-muntanji Cascade u tal-Coast Range fil-Lvant u l-Punent rispettivament, li jipprevjenu temp sħun, niexef, kontinentali u temp frisk u xita, rispettivament, milli jfixklu l-istaġun tat-tkabbir. L-għeneb jimmatura għalkollox f’dan ir-reġjun protett ta’ klima friska ġenwina, filwaqt li jżomm l-aċidità mill-istaġuni tat-tkabbir u tal-maturazzjoni friski. L-inbejjed ta’ kwalità għolja fini, vivaċi u ta’ integrità strutturali jeħtieġu din l-aċidità biex jagħmlu l-inbejjed Willamette Valley inbejjed għax-xorb eċċellenti, fuq perjodu ta’ żmien qasir sa medju, iżda wkoll b’potenzjal ta’ maturazzjoni fit-tul.

L-Influwenzi Ġeografiċi Ġenerali għall-inbejjed frizzanti u bla gass ta’ kwalità għolja: Il-Wied ta’ Willamette jinsab fuq il-45 parallel fit-Tramuntana. F’din il-latitudni, il-bidliet fl-elevazzjoni jinfluwenzaw b’mod notevoli l-flora u l-fawna taż-żona. Anki bidliet fl-elevazzjoni tal-vinji ta’ 60 metru biss jistgħu jdewmu l-maturazzjoni b’10 ijiem sa 14-il jum. Il-fjoritura tad-dwieli sseħħ bħala medja fit-tielet ġimgħa ta’ Ġunju (Solstizju tas-sajf) u spiss seħħet f’Lulju (erba’ ġimgħat wara s-Solstizju). Din il-latitudni u l-prossimità għall-Oċean Paċifiku kiesaħ iġibu l-varjabilità fit-temp tal-istaġun tat-tkabbir, inkluż fit-temp tal-ħsad. Fil-fatt, il-Wied ta’ Willamette huwa l-uniku fost ir-reġjuni tal-vitikultura tal-kosta tal-Punent tal-Istati Uniti fejn it-temp huwa varjabbli. Barra minn hekk, it-tul tal-ġurnata u l-bidliet ta’ kuljum huma severi biżżejjed biex joħolqu rispons fiżjoloġiku kkawżat mill-ħin ta’ esponiment għad-dawl mill-pjanti li jwaqqgħu l-weraq, inklużi d-dwieli. It-total ta’ sħana u l-ħin ta’ dawl tal-Wied ta’ Willamette joħolqu restrizzjonijiet fuq iż-żoni fejn tista’ sseħħ maturazzjoni konsistenti. Pereżempju, ftit vinji jistgħu jirnexxu ’l fuq minn 240 metru, jew jekk ikunu jinsabu fejn il-medja annwali ta' xita taqbeż l-1300 mm, jew jekk ikunu jħarsu lejn it-Tramuntana. Barra minn hekk, vinji ta’ kwalità konsistenti jinsabu fuq għoljiet li jħarsu f’direzzjonijiet li jinkoraġġixxu d-dawl tax-xemx jaqa’ fuq il-weraq tad-dielja u jsaħħan il-ħamrija fir-rebbiegħa. Dan huwa reġjun tal-inbid fejn il-varjetajiet tal-klima sħuna bħal Cabernet sauvignon ma jimmaturawx b’mod konsistenti. U, fil-fatt, hija waħda mill-ftit reġjuni tal-vitikultura ta’ klima friska li ġiet imħawla fuq il-ġnub tal-għoljiet l-ewwel u MHUX imħawla fil-qiegħ kiesaħ tal-wied.

Fatturi Umani u Għażliet Stilistiċi: Il-Wied ta’ Willamette jinsab fl-aktar naħa ta’ fuq possibbli biex wieħed ikun jista’ konsistentement jimmatura l-varjetajiet tal-klima friska importanti għall-inbejjed bla gass jew frizzanti ta’ kwalità għolja (eż. Pinot noir, Pinot meunier, u Chardonnay). Hija din l-ispeċifiċità tal-post li tippreżenta karatteristiċi eċċitanti u uniċi għall-inbejjed bla gass u frizzanti ta’ kwalità għolja, b’għażliet ewlenin għas-sengħa stilistika tal-produtturi tal-inbid. B’data ta’ fjoritura medja fis-solstizju tas-sajf, l-għeneb tal-inbid frizzanti ta’ kwalità għandu t-tendenza li jimmatura bejn nofs u l-aħħar ta’ Settembru u l-għeneb tal-inbejjed bla gass jimmatura bejn l-aħħar ta’ Settembru u nofs Ottubru. Il-pożizzjonijiet tal-uċuħ tal-għoljiet jippermettu l-qlib ta' temperaturi sħan fil-bidu ta' filgħaxija u jippermettu lid-dwieli jieħdu n-nifs qabel it-temperaturi friski ta' tard bil-lejl u ta’ kmieni filgħodu tas-sajf. Minbarra d-differenzi makro fil-pożizzjonijiet bejn il-vinji, il-pożizzjonijiet tal-uċuħ tal-għoljiet jippermettu wkoll lill-produttur tal-inbid li jaħsad f’diversi direzzjonijiet u elevazzjonijiet biex ikompli jtejjeb id-diversità fl-espressjonijiet tat-togħma tal-frott, u biex jaġġusta l-karatteristiċi ta’ kull staġun uniku tat-tkabbir.

F’din l-estremità tat-Tramuntana, il-varjazzjonijiet fit-togħma jistgħu jseħħu minħabba bidliet żgħar fil-vinja kkawżati minn kloni, l-għeruq, l-ispazjar, il-pożizzjoni, l-elevazzjoni, u anke x-xogħol tal-bidwi stess. Id-differenzi minn blokka ta’ vinji għal blokka ta’ vinji ġara jistgħu jwasslu għal varjetà stilistika fl-inbejjed frizzanti ta’ kwalità għolja u fl-inbejjed bla gass.

Għall-inbid frizzanti ta’ kwalità għolja, l-għeneb tal-inbid fil-Wied ta’ Willamette jimmatura b’togħmiet tal-frott misjur kumplessi mingħajr ma jitlef l-aċidità naturali għolja. Il-frott jista’ jinħasad fl-aqwa tal-maturazzjoni tiegħu aktar ma wieħed jitla’ ’l fuq. Meta d-dwieli jitkabbru sa ma kważi jilħqu maturità konsistenti, jiġu prodotti togħmiet tal-frott kumplessi u bnini. L-inbejjed frizzanti minn Pinot noir u Chardonnay ilhom isiru fil-Wied ta’ Willamette sa mill-bidu tas-snin tmenin. Illum hemm aktar minn 100 produttur tal-inbejjed frizzanti bil-metodu tradizzjonali u l-produzzjoni għadha qed tikber kemm fl-għadd ta’ produtturi kif ukoll fil-volum.

Togħmiet ta’ frott misjur, aċidità naturali għolja, u għeneb tal-inbid b’alkoħol baxx maqtugħ f’nofs Settembru jipproduċu nbejjed frizzanti u nbejjed bla gass kumplessi, ta’ kwalità u li jimmaturaw fit-tul. Il-Wied ta’ Willamette, minħabba l-latitudni għolja tiegħu fit-Tramuntana, il-viċinanza ta’ oċean kiesaħ, il-vinji mtarrġa protetti mix-xita, il-ħin ta’ esponiment għad-dawl dinamiku tiegħu, u l-inabbiltà li jirnexxielu jimmatura l-varjetajiet tal-għeneb ta’ klima aktar sħuna, jippreżenta stil “ġdid” uniku ta’ nbid tal-Amerka ta’ Fuq.

Fi ftit kliem, għalkemm il-ġustifikazzjoni ewlenija għall-indikazzjoni ġeografika hija msejsa fuq Fatturi Naturali li joħolqu reġjun uniku u eċċezzjonali, l-attributi sekondarji tal-Wied ta’ Willamette li jiddistingwuh minbarra dawn il-karatteristiċi fiżiċi huma l-Fatturi Umani — l-attenzjoni eċċezzjonali, il-kollaborazzjoni, ir-rigorożità teknika u r-riċerka u l-approċċi organizzattivi li ġabu interess u relazzjonijiet mad-dinja kollha, inkluża l-kollaborazzjoni tal-industrija globali bħall-International Cool Climate Symposium fl-1984 u l-International Pinot Noir Celebration li ilha ssir 34 sena u li tilqa’ lil dawk kollha li jkabbru l-Pinot noir fid-dinja kollha. Xogħol kollaborattiv b'saħħtu u prodotti ta' kwalità għolja konsistenti jiżviluppaw ammirazzjoni u interess u jikkontribwixxu għar-reputazzjoni ġenerali tar-reġjun.

Varjetajiet oħra jirnexxu hawnhekk għal raġunijiet simili bħall-Pinot noir, iżda l-Pinot noir hija l-qofol tar-reputazzjoni tiegħu. L-istampa, l-akkademja, il-pari u l-konsumaturi kollha jafu l-inbejjed Willamette Valley, kemm dawk bla gass kif ukoll dawk frizzanti, minħabba l-Pinot noir. Ir-rikonoxximent huwa ġenerali u internazzjonali: pereżempju, il-Platinum Best of Show wine tad-Decanter World Wine Awards ta’ sentejn ilu kien ġej mill-Wied ta’ Willamette; Robert Parker Jr. qal, “Oregon fl-aħħar qed jilħaq il-potenzjal kbir tiegħu”; Isaac Asimov tan-New York Times iddikjara, “Il-Wied ta’ Willamette huwa post fejn l-ideali ta’ finezza u grazzja tal-Pinot noir jistgħu jintlaħqu b’mod konsistenti.”

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli

Prattikament l-inbid kollu mill-Wied ta’ Willamette huwa indikat skont il-varjetà u jrid ikun magħmul minn minimu ta’ 90 % minn dik il-varjetà, skont il-Liġijiet u r-Regolamenti tal-Istat ta’ Oregon (OAR 845 OLCC Regulations).

L-oriġini tal-inbid trid tkun preċiża, biż-Żoni Vitikulturali Amerikani (American Viticultural Areas — AVAs) iddikjarati fuq it-tikketti jeħtieġu li mill-inqas 95 % tal-inbid f’dak il-flixkun partikolari jkun minn dik l-AVA.

L-inbejjed Willamette Valley kollha għandhom jiġu prodotti u ppreparati għall-ibbottiljar f’Oregon, rekwiżit li jissalvagwardja l-kwalità u l-oriġini tal-għeneb, bil-premessa li l-ipproċessar bir-reqqa ta’ dawn l-inbejjed delikati u l-iffaċilitar tal-attività kollaborattiva fit-tlestija tal-inbid fejn jitkabbar l-għeneb huma importanti. Jekk tikketta tal-inbid turi “Willamette Valley AVA” bħala d-denominazzjoni ta’ oriġini tiegħu, ir-regolamenti Federali dwar it-tikkettar (Regolament Federali tal-Kodiċi, Titolu 27 CFR 4.25(e)(3)(iv)) jeħtieġu li l-inbid jitlesta kompletament f’Oregon. L-Alcohol and Tobacco Tax and Trade Bureau (TTB) tal-Istati Uniti iddefinixxa l-inbid “kompletament lest” fil-materjal tat-tfassil tar-regolamenti bħala nbid li huwa “lest biex jiġi bbottiljat, ħlief għat-trattament fil-kantina u t-taħlit li ma jirriżultawx f’bidla fil-klassi u fit-tip.”

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://assets.simpleviewinc.com/simpleview/image/upload/v1/clients/willametteor/2020_02_GUIDELINES_FOR_PROTECTED_GEOGRAPHICAL_INDICATION_Willamette_Valley_091718_add_092519_100819_030520_7d32ebb7-96f1-4049-b608-d3838347b797.pdf


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


Top