Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE1866

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol u l-perspettivi tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili fil-kuntest ta’ forom ġodda ta’ xogħol” (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Estonjana)

    ĠU C 434, 15.12.2017, p. 30–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.12.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 434/30


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol u l-perspettivi tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili fil-kuntest ta’ forom ġodda ta’ xogħol”

    (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Estonjana)

    (2017/C 434/05)

    Relatur:

    Franca SALIS-MADINIER

    Korelatur:

    Jukka AHTELA

    Konsultazzjoni

    Presidenza Estonjana tal-Kunsill, 17.3.2017

    Bażi legali

    L-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

     

     

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

    Adottata fis-sezzjoni

    19.7.2017

    Adottata fil-plenarja

    20.9.2017

    Sessjoni plenarja Nru

    528

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    185/2/3

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jemmen li hemm bżonn aktar minn qatt qabel li jiġi rikonoxxut ir-rwol tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv fil-livelli kollha u jissaħħaħ f’dan iż-żmien ta’ bidliet kbar diġitali, ambjentali u demografiċi li qed joħolqu bidliet għall-ħaddiema, l-impjegaturi u r-relazzjonijiet tagħhom bħala msieħba soċjali.

    1.2

    Il-KESE jqis li l-bidliet li qegħdin iseħħu huma tant vasti li jeħtieġu riflessjoni kollettiva, wiesgħa u inklużiva. Il-metodu huwa bbażat fuq djalogu soċjali fil-livelli kollha u fuq il-parteċipazzjoni tal-partijiet kollha kkonċernati biex jibqgħu jinstabu tweġibiet ġodda pertinenti, jitressqu l-proposti u tiġi vvintata d-dinja ta’ għada.

    1.3

    L-atturi li huma l-imsieħba soċjali għandhom inkunu onesti dwar l-aċċellerazzjoni u l-firxa ta’ bidliet, determinati li jitnaqqsu l-effetti avversi, u konvinti li l-ekonomija kollaborattiva tista’ twassal għal żviluppi pożittivi u opportunitajiet li għandhom jittieħdu.

    1.4

    Il-KESE huwa konvint li l-għanijiet u l-prinċipji fundamentali tad-djalogu soċjali għadhom validi fid-dinja l-ġdida tax-xogħol. Id-djalogu soċjali, li jinkludi fost l-oħrajn, l-informazzjoni, il-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema għandu jkun ibbażat fuq il-fiduċja reċiproka u r-rispett tal-prattiki nazzjonali.

    1.5

    Il-Kumitat tenna, f’għadd ta’ opinjonijiet tiegħu, ir-rwol ewlieni tad-djalogu soċjali fil-forom ġodda ta’ xogħol (1). Id-djalogu soċjali għandu jaqdi rwol ewlieni fil-livelli rilevanti kollha, u dan b’rispett sħiħ lejn l-awtonomija tal-imsieħba soċjali.

    1.6

    Il-KESE jemmen li huwa impossibbli li wieħed illum ibassar l-opportunitajiet u l-isfidi kollha li ser toħloq l-ekonomija diġitali. Ir-rwol tad-djalogu soċjali u soċjetali mhuwiex li jopponi dawn it-tranżizzjonijiet, iżda li jiggwidahom bl-aħjar mod biex jitgawdew il-benefiċċji kollha li jistgħu joffru għat-tkabbir, għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u tal-ħiliet, għal impjiegi ta’ kwalità, u għall-finanzjament sostenibbli u inklużiv tal-protezzjonijiet soċjali.

    1.7

    Kif diġà stqarr il-KESE, ir-rappreżentazzjoni tat-trejdjunjins u tan-negozjar kollettiv għall-ħaddiema tal-pjattaformi qed jiġu kkontestati (2). Huwa għalhekk meħtieġ li jitneħħew l-ostakli għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u mill-konvenzjonijiet tal-ILO (3).

    1.8

    It-teknoloġija diġitali tisfida l-metodi tradizzjonali ta’ ġestjoni u amministrazzjoni u titlob ġestjoni parteċipattiva u l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ekwi u kollettivi. Dan il-metodu ġdid ta’ ġestjoni għandu jipprovdi postijiet ta’ espressjoni u parteċipazzjoni tal-impjegati fis-soluzzjoni tal-problemi u fil-qsim tal-prattiki biex jissaħħu r-referenzi komuni, l-għarfien professjonali u jsir l-aħjar użu mir-riżorsi umani fil-proċess ta’ innovazzjoni u ta’ żvilupp tal-impriża.

    1.9

    Fl-istess waqt, il-KESE jirrikonoxxi li l-forom ġodda ta’ xogħol, flimkien ma’ disintermedjazzjoni u bidliet mgħaġġla u kontinwi, jeħtieġu adattament tal-istrutturi u tal-metodi ta’ djalogu soċjali.

    1.10

    Il-KESE jirrakkomanda li tiġi rrispettata l-awtonomija tal-imsieħba soċjali li, permezz tan-negozjar kollettiv, huma impenjati li jsibu forom innovattivi ta’ djalogu soċjali u tat-tweġibiet adatti għall-ħtiġijiet ta’ min iħaddem kif ukoll tal-ħaddiema, kemm fl-impriżi tradizzjonali kif ukoll fl-ekonomija diġitali.

    1.11

    F’din l-opinjoni l-KESE isemmi xi esperjenzi inizjali, tweġibiet u soluzzjonijiet innovattivi, prattiki tax-xogħol u riżultati ta’ negozjar kollettiv li jissodisfaw l-isfidi maħluqa minn dan it-tibdil.

    1.12

    Il-KESE jinnota li d-diġitalizzazzjoni u l-effetti tagħha fuq ix-xogħol għandhom ikunu prijorità fil-livell Ewropew kif ukoll għall-Istati Membri kollha u jsiru kwistjoni ċentrali tad-djalogu soċjali. Il-KESE jirrakkomanda li:

    jiġu segwiti l-iżvilupp, it-tendenzi, it-theddid u l-opportunitajiet tad-diġitalizzazzjoni u l-impatt tagħhom fuq ir-relazzjonijiet industrijali, il-kondizzjonijiet tax-xogħol u d-djalogu soċjali,

    jissaħħu l-effettività u r-rilevanza tad-djalogu soċjali fil-bidliet fid-dinja tax-xogħol, b’mezzi xierqa bħall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni, it-twettiq ta’ studji prospettivi, il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u qafas legali u mhux legali xieraq.

    1.13

    Dawn il-bidliet kbar li qed tgħaddi minnhom id-dinja tax-xogħol iqajmu wkoll il-kwistjoni ta’ kooperazzjoni akbar bejn l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet l-oħrajn tas-soċjetà ċivili. Il-KESE diġà ddikjara li kellha ssir distinzjoni ċara bejn djalogu soċjali u djalogu ċivili, iżda għalkemm ma jistgħux jingħaqdu flimkien, ma jfissirx li għandhom ikunu totalment separati minn xulxin (4). Barra minn hekk, fost l-inizjattivi msemmija minn din l-opinjoni hemm konsultazzjonijiet wiesgħa fil-livell tal-gvernijiet li jdaħħlu partijiet interessati oħrajn tas-soċjetà ċivili fid-dibattitu aktar ġenerali dwar l-impatt globali diġitali.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    Bħal fl-1985, meta l-imsieħba soċjali u d-djalogu soċjali ngħataw leġittimità u rwol ewlieni fl-integrazzjoni Ewropea, il-KESE jirrakkomanda li f’dan il-perjodu ta’ bidliet kbar, jissaħħaħ ir-rwol tal-imsieħba soċjali fil-livelli kollha filwaqt li jiġi rikonoxxut ir-rwol tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

    2.2

    Il-forom ġodda ta’ xogħol frammentat u ż-żieda fin-numru ta’ ħaddiema atipiċi jeħtieġu l-involviment ta’ dawn il-ħaddiema permezz ta’ aktar informazzjoni u aktar konsultazzjoni, kif ukoll permezz ta’ adattament tad-drittijiet kollettivi u tal-arranġamenti ta’ ħinijiet tax-xogħol u tad-drittijiet soċjali (5).

    3.   Ir-realtà tax-xogħol fuq il-pjattaformi

    3.1

    Skont l-Ewrobarometru (6), 17 % taċ-ċittadini Ewropej jużaw pjattaformi diġitali bħala klijenti u ħaddiema. Parti kbira minnhom għandhom kwalifiki għolja u jgħixu fl-ibliet. Fost dawn iċ-ċittadini, 5 % biss mill-ħaddiema joffru b’mod regolari servizzi u xogħol fuq il-pjattaformi, u 18 % jagħmlu dan b’mod sporadiku. Ix-xogħol fuq il-pjattaformi bħala attività ewlenija għadu għalhekk marġinali, iżda qed jiżdied. Għall-kuntrarju, l-impatti diġitali u tal-intelliġenza artifiċjali fuq ix-xogħol fl-impriżi tradizzjonali huma ħafna aktar importanti u, mingħajr ma jittraskura x-xogħol fuq il-pjattaformi, id-djalogu soċjali għandu jiffoka fuq dawn il-bidliet li jibdlu ħafna n-natura u l-organizzazzjoni tax-xogħol.

    3.2

    Il-KESE jitlob li ssir investigazzjoni dwar l-istatus kuntrattwali tal-crowd workers u l-forom ġodda ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg, kif ukoll l-obbligi tal-intermedjarji, għal negozjati dwar il-kondizzjonijiet tax-xogħol. Hemm bżonn ta’ aktar kjarifiki fir-rigward ta’ dawn il-forom ta’ xogħol u tas-sistema fiskali u tas-sigurtà soċjali applikabbli.

    3.3

    Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea, l-OECD u l-ILO jaħdmu flimkien mal-imsieħba soċjali biex jiżviluppaw dispożizzjonijiet adatti dwar kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u protezzjoni għall-ħaddiema onlajn u għal ħaddiema taħt relazzjonijiet ġodda oħrajn. Il-KESE huwa tal-fehma li l-elaborazzjoni ta’ approċċ fil-livell tal-UE jkun ta’ benefiċċju, filwaqt li jinnota li l-parti l-kbira tal-azzjonijiet se jkollhom jitwettqu f’livell nazzjonali, settorjali jew f’dak tal-post tax-xogħol (7).

    3.4

    Il-KESE huwa partikolarment imħasseb dwar id-dubji rigward ir-rappreżentanza tat-trejdjunjins u tad-dritt għan-negozjar kollettiv tal-ħaddiema tas-settur diġitali. Dan għandu jippermetti l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, li huma effettivament f’sitwazzjoni li tixbah lil dik ta’ impjegat dipendenti. Għaldaqstant għandha tiġi eżaminata każ b’każ il-pożizzjoni tal-ħaddiema kkonċernati u, jekk ikunu qegħdin iwettqu attività b’paga, jitneħħew l-ostakoli li għandhom tendenza li jeskludu lil dawn il-ħaddiema tan-negozjar kollettiv u r-rappreżentanza trejdjunjonistika (8).

    4.   It-teknoloġija diġitali u temi ta’ prijorità għall-imsieħba soċjali fid-djalogu soċjali.

    4.1

    Il-KESE jqis li l-kwistjonijiet relatati max-xogħol, mat-tranżizzjonijiet, mat-taħriġ vokazzjonali tul il-ħajja (9), b’mod partikolari mat-taħriġ, mal-protezzjoni soċjali u mas-sostenibilità tal-finanzjament tagħhom (10), mal-kondizzjonijiet tax-xogħol u anke mal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tar-remunerazzjoni, kif ukoll is-sigurtà tad-dħul huma fost it-temi ewlenin tad-djalogu soċjali fl-era tad-diġitalizzazzjoni.

    5.   L-impjiegi u t-taħriġ vokazzjonali

    5.1

    Huwa diffiċli li wieħed jifhem il-bidla fil-kwalità u fil-kwantità li ser jesperjenzaw l-impjiegi wara t-tranżizzjoni diġitali, l-aktar meta l-effetti jistgħu jvarjaw skont is-setturi u s-snajja’.

    5.2

    Madankollu, l-imsieħba soċjali għandhom jantiċipaw dawn il-bidliet sabiex jadattaw il-ħiliet tal-ħaddiema għall-impjiegi l-ġodda (11). It-taħriġ tul il-ħajja u l-adattament tal-kontenut tiegħu għall-ħiliet diġitali huma ta’ prijorità. F’xi Stati Membri jeżistu drittijiet minimi għat-taħriġ edukattiv imħallas. Jeħtieġ li jitqies jekk dawn id-drittijiet humiex, kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem, strument adegwat ta’ adattament għall-bżonnijiet li jeżistu fejn jidħlu kwalifiki u jekk hemmx bżonn jitfasslu miżuri fil-livell Ewropew sabiex dawn l-esperjenzi jinfirxu fl-UE kollha (12).

    6.   Il-protezzjoni soċjali

    6.1

    Il-funzjonament tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali għandu jiġi eżaminat mill-ġdid u adattat skont il-każ, peress li kien imfassal għal karrieri b’pagi kontinwi, li qegħdin isiru dejjem inqas komuni. F’għaxar snin, in-numru ta’ Ewropej li jaħdmu part-time żdied bi 11-il miljun (illum qegħdin 44 miljun) u n-numru ta’ ħaddiema li għandhom kuntratt temporanju żdied b’aktar minn tliet miljuni (22 miljun b’kollox) (13).

    6.2

    Fil-livell Ewropew u dak nazzjonali, iridu jsiru għażliet politiċi finanzjarji u fiskali biex jiżguraw is-sostenibbiltà tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, u dawn it-temi huma s-suġġett tad-djalogu soċjali.

    7.   L-iżvilupp legali tar-relazzjoni ta’ subordinazzjoni

    7.1

    Il-KESE qies f’opinjoni (14) li l-istess definizzjoni tax-xogħol u d-distinzjoni strutturali bejn l-impjegat u x-xogħol indipendenti għandhom jinbidlu legalment sabiex ma jħallux lill-impjegati diġitali mingħajr protezzjoni. Il-KESE jappella għal kjarifika tal-istatuti u r-relazzjonijiet fl-ekonomija diġitali sabiex jiġi żgurat li kull ħaddiem jibbenefika minn drittijiet u protezzjoni soċjali xierqa. L-imsieħba soċjali tagħha għandhom rwol ewlieni x’jaqdu biex jiżguraw li dan il-proċess iwassal għal riżultat pożittiv, ġust u sostenibbli, u li jiġu indirizzati kwistjonijiet mhux ċari fid-drittijiet u l-protezzjoni.

    8.   L-effetti fuq ix-xogħol

    Id-diġitalizzazzjoni għandha impatt kbir kemm fuq l-organizzazzjonijiet eżistenti kif ukoll fuq l-entitajiet ġodda. L-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq il-metodi ta’ ħidma, bħaż-żieda rapida tax-xogħol mill-bogħod f’bosta setturi, huwa fenomenu li qed jikber b’mod mgħaġġel ħafna. Skont studju reċenti tal-Eurofound, fl-UE-28 kollha, medja ta’ madwar 17 % tal-impjegati huma teleħaddiema jew ħaddiema mobbli fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) (15).

    8.1

    Iż-żieda tan-numru ta’ teleħaddiema u ta’ ħaddiema mobbli jobbliga lill-imsieħba soċjali jsibu modi ġodda u metodi innovattivi sabiex jilħqu lill-ħaddiema li ma għadhomx fiżikament preżenti fil-bini tal-kumpaniji.

    9.   Sorveljanza u kontroll tax-xogħol

    9.1

    Għalkemm l-ICT u d-diġitalizzazzjoni joffru opportunitajiet ta’ awtonomija fil-ġestjoni tal-ħin u tal-postijiet tax-xogħol għal ċerti ħaddiema (peress li l-valutazzjoni tagħhom hija bbażata aktar fuq ir-riżultat milli fuq is-sigħat ta’ preżenta), għal oħrajn, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni jimponu sorveljanza u kontroll akbar tax-xogħol tagħhom.

    9.2

    L-imsieħba soċjali, permezz tad-djalogu soċjali, għandhom jindirizzaw dawn l-isfidi sabiex jiġu mħarsa l-interessi kollettivi ta’ dawn il-ħaddiema kollha u jiġi garantit xogħol ta’ kwalità.

    10.   Il-ħaddiema iperkonnessi u r-riskju għas-saħħa

    10.1

    Għalkemm l-użu aktar intensiv tal-ICT jista’ jirrappreżenta opportunità ta’ awtonomija u bilanċ akbar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għal ċerti ħaddiema, meta dan ma jkunx ikkontrollat sew, jista’ jkun ukoll ta’ riskju għas-saħħa. Iż-żieda tan-numru ta’ ħaddiema li jbatu mill-istress u minn burn-out hija realtà ta’ tħassib u li tiswa għalja, u jeħtieġ li d-djalogu soċjali jsib soluzzjonijiet għaliha. Il-Kummissjoni ressqet proposta għal direttiva dwar il-bilanċ bejn il-ħajja privata u dik professjonali tal-ġenituri u l-persuni li jindukraw u fil-qafas tal-pakkett ta’ miżuri li jakkumpanjaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (16).

    10.2

    L-ICTs (17) jistgħu wkoll jimblukkaw il-konfini bejn il-ħajja privata u dik professjonali. Djalogu wiesa’ sabiex tiġi limitata d-disponibbiltà kontinwa tal-ħaddiema, kif ukoll it-taħriġ tagħhom għall-użu effettiv tal-ICT, huma t-tweġibiet meħtieġa, kif ukoll drittijiet ġodda, bħal dak għall-iskonnessjoni, rikonoxxuta riċentament fi Franza.

    11.   Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet

    11.1

    Ix-xejra lejn awtonomija akbar mid-diġitalizzazzjoni lil ċerti ħaddiema tirrappreżenta sfida għall-impriżi, il-korpi tagħhom, il-governanza tagħhom, kif ukoll il-metodi ta’ ġestjoni u l-istrutturi ġerarkiċi tradizzjonali tal-impriżi. Dawn l-iżviluppi jeħtieġu aktar forom ta’ djalogu soċjali, informazzjoni, konsultazzjoni u parteċipazzjoni qawwija tal-ħaddiema. Dawn jistgħu jikkontribwixxu huma stess għal prattiki innovattivi u tal-proċessi ta’ żvilupp ta’ benefiċċju għall-impriża u l-partijiet interessati tagħha.

    11.2

    Minħabba dan il-kuntest, il-KESE jqis li jenħtieġu influwenza u parteċipazzjoni akbar tal-ħaddiema fil-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-fiduċja tal-ħaddiema u tat-trejdjunjins tagħhom u l-kontribut tagħhom, fil-livelli kollha u l-korpi rilevanti, kemm jekk fuq livell lokali u/jew tal-bordijiet ta’ sorveljanza u tmexxija, hija kruċjali. Il-parteċipazzjoni tagħhom fl-antiċipazzjoni tal-bidliet, fil-ġestjoni u fid-deċiżjonijiet li jirrigwardaw lil dan it-tibdil, hija essenzjali biex jiġu indirizzati l-effetti tat-trasformazzjonijiet diġitali u jinħoloq spirtu u kultura orjentati lejn l-innovazzjoni. Skont rapport tal-Eurofound, il-maġġoranza tad-diretturi tal-impriżi huma konvinti li l-parteċipazzjoni tal-impjegati fl-għażla tal-impriżi tikkostitwixxi vantaġġ kompetittiv (18).

    11.3

    Skont il-KESE, jeħtieġ jittieħdu inkunsiderazzjoni forom xierqa ta’ konsultazzjoni u informazzjoni tal-ħaddiema fl-organizzazzjonijiet tax-xogħol. Fil-livell nazzjonali bħal fl-impriżi, l-imsieħba soċjali għandhom isibu l-aktar soluzzjonijiet xierqa biex jiggarantixxu l-parteċipazzjoni tal-atturi tagħhom.

    12.   L-ewwel riżultati tad-djalogu soċjali dwar it-teknoloġija diġitali fl-Istati Membri: prinċipji u prattiki tajbin

    12.1

    F’ċertu numru ta’ Stati Membri, il-gvernijiet taw bidu għal djalogu dwar il-kwistjonijiet u l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni. It-trejdjunjins, min iħaddem, ir-riċerkaturi u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili ġew involuti fih.

    12.2

    Il-KESE jiddeskrivi l-inizjattivi li ttieħdu f’għadd ta’ Stati Membri tal-UE sabiex jantiċipaw il-forom ġodda ta’ xogħol. Dawn l-inizjattivi jinvolvu imsieħba soċjali u atturi tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u ta’ kontra l-faqar.

    12.2.1

    Il-Ġermanja kienet pijuniera bil-pubblikazzjoni fl-2015 tal-Green Paper bl-isem “Xogħol 4.0 – Nimmaġinaw ix-xogħol mill-ġdid”, li wittiet it-triq għal djalogu mal-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra dwar l-implimentazzjoni diġitali.

    12.2.2

    Fi Franza, inħoloq Kunsill nazzjonali għat-teknoloġija diġitali u fl-2015 ġie ppubblikat ir-rapport “Rapport Mettling”. It-trejdjunjins, min iħaddem u ċ-ċittadini ġew involuti fit-tfassil ta’ dan ir-rapport li fih għadd ta’ rakkomandazzjonijiet li għandhom japplikaw l-impriżi.

    12.2.3

    Dawn l-inizjattivi meħuda mill-gvernijiet u li jinvolvu lill-imsieħba soċjali, lid-dinja akkademika u lir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili ġew skjerati wkoll fl-Awstrija, fil-Finlandja, fl-Isvezja, fil-Portugall, fl-Italja, Spanja, l-Ungerija u d-Danimarka.

    Il-KESE jqis li r-riżultati ta’ dan id-djalogu b’diversi partijiet interessati għandu jiġi kkonsolidat fil-livell Ewropew u li l-ħtiġijiet u l-problemi espressi jridu jiġu kkunsidrati fl-inizjattivi Ewropej biex jgħinu jarmonizzaw il-qafas ta’ referenza.

    13.   L-imsieħba soċjali u l-evoluzzjoni tas-suġġetti tad-djalogu soċjali u tal-azzjonijiet tat-trejdjunjins fil-konfront tal-qasam diġitali

    13.1

    Testijiet li fihom il-KESE jorbot b’mod mhux eżawrjenti, impriżi f’bosta Stati Membri, juru l-evoluzzjoni tal-prattiki tat-trejdjunjins u l-kisba ta’ drittijiet ġodda permezz ta’ negozjati kollettivi li jkopru l-forom ġodda ta’ xogħol.

    13.2

    Fi Franza, ġew rikonoxxuti żewġ drittijiet ġodda: l-ewwel wieħed inkluż fl-Att dwar ix-Xogħol ta’ Awwissu 2016, huwa d-dritt tal-iskonnessjoni, li jtaffi r-riskji ta’ xogħol mingħajr fruntieri u mingħajr limiti. Dan id-dritt jiggarantixxi lill-ħaddiema li jużaw l-ICT il-possibilità li jillimitaw il-konnessjoni permanenti.

    13.3

    Id-djalogu soċjali fil-livell tal-impriżi jsarraf dan id-dritt għall-iskonnessjoni permezz ta’ ftehimiet kollettivi għall-kumpanija jew għall-fergħat. Ġew innegozjati wkoll ftehimiet tat-telexogħol u xogħol mobbli f’għadd ta’ kumpaniji. Fl-2016 ġie ffirmat ukoll ftehim dwar it-teknoloġija diġitali, l-ewwel wieħed fl-Ewropa, bejn imsieħba soċjali fi ħdan kumpanija tat-telekomunikazzjoni. Dan jinkludi fost l-oħrajn il-ħolqien ta’ kumitat bl-imsieħba soċjali inkarigati milli jantiċipaw il-ħiliet ġodda li se jkollhom bżonn l-impjegati minħabba l-iżviluppi diġitali.

    13.4

    It-tieni dritt ġdid miksub fi Franza huwa l-kont tan-negozju personali. Il-ħaddiema kollha (impjegati, dawk li jaħdmu għal rashom jew il-ħaddiema indipendenti “fittizji” kif ukoll il-ħaddiema tal-pjattaformi) igawdu minnu u permezz tiegħu jistgħu jiġbru d-dritt għat-taħriġ, għall-benefiċċju soċjali, għall-benefiċċju tal-qgħad u għall-pensjoni fuq kont wieħed trasferibbli.

    13.5

    Barra minn hekk, qegħdin ifeġġu prattiki industrijali innovattivi: ċerti junjins ħolqu pjattaforma għal dawk li jaħdmu għal rashom, li tipproponi servizzi ġodda bħal assigurazzjoni għas-saħħa, garanziji ta’ benefiċċji u ta’ servizzi legali mfassla għall-attività tagħhom.

    13.6

    Fil-Ġermanja u fl-Iżvezja, il-junjin Ġermaniża IG Metall u l-junjin Żvediża Unionen kkonkludew ftehim ta’ sħubija f’Ġunju 2016, sabiex jimmonitorjaw u jivvalutaw ix-xogħol fuq il-pjattaformi diġitali sabiex jantiċipaw il-bidliet ikkawżati mill-ekonomija l-ġdida u jiżviluppaw għodod diġitali ta’ komunikazzjoni industrijali, sabiex jorganizzaw lill-ħaddiema li jaħdmu għal rashom u lill-ħaddiema parteċipattivi (crowd-workers). L-aċċess għall-pjattaforma tat-trejdunjins maħluqa b’dan il-mod huwa transnazzjonali u huma mmirat lejn il-ħaddiema lil hinn mill-konfini nazzjonali. Fil-Ġermanja ġie konkluż ukoll ftehim industrijali dwar ix-xogħol mobbli li jqis l-arranġamenti l-ġodda tax-xogħol: telexogħol, xogħol mobbli, xogħol mid-dar.

    13.7

    Fl-Italja, il-junjins innegozjaw ftehimiet għall-ħaddiema atipiċi f’ċerti impriżi li jipprovdu garanziji ta’ kopertura ta’ benefiċċji u mard, li s’issa kienu riżervati għall-impjegati tradizzjonali, kif ukoll assistenza legali xierqa.

    13.8

    Fid-Danimarka u f’għadd ta’ pajjiżi oħrajn tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fl-Istati Uniti, il-forom ġodda ta’ xogħol diġitali ġew ikkritikati ħafna mill-junjins peress li jaħarbu l-liġijiet tax-xogħol fis-seħħ fis-setturi tradizzjonali kif ukoll it-taxxi. Il-kumpanija tat-trasport Uber, emblema tax-xogħol fuq il-pjattaformi, kienet fiċ-ċentru tad-dibattiti dwar l-ekonomija diġitali. L-isfida kienet li s-sewwieqa ta’ Uber jiġu rikonoxxuti bħala impjegati, u b’hekk, li Uber tkun imġiegħla tiddikjarahom, tħallas il-kontribuzzjonijiet ta’ min iħaddem u tirrispetta r-regolamenti tal-impjieg (19). It-trejdjunjins għandhom l-għan prinċipali li jinnegozjaw, f’isem il-ħaddiema tal-pjattaformi, pagi minimi, it-trasparenza tal-kriterji li jirregolaw l-algoritmi u jiddeterminaw il-klassfikazzjoni u l-valutazzjoni tagħhom kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti (20).

    13.9

    Fin-Netherlands, ħaddiema b’kuntratti flessibbli jew “indipendenti” ukoll bdew jingħaqdu f’junjins.

    13.10

    Id-djalogu soċjali Ewropew fis-settur tal-metalli kkonkluda pożizzjoni konġunta ffirmata mit-trejdjunjin Industriall u l-organizzazzjoni ta’ min iħaddem CEEMET), dwar l-impatt tad-diġitalizzazzjoni u l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu (21).

    13.11

    Fil-livell Ewropew, Business Europe, UNI Europa, is-CEEP u l-UEAPME iffirmaw dikjarazzjoni komuni dwar l-effetti tat-teknoloġija diġitali fid-dinja tax-xogħol u identifikaw l-akbar sfidi li qed jiffaċċjaw il-kapijiet Ewropej u l-imsieħba soċjali (22).

    Brussell, l-20 ta’ Settembru 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  ĠU C 125 tal-21.4.2017, p. 10, ĠU C 303 tad-19.8.2016, p. 54, u ĠU C 13 tal-15.1.2016, p. 161.

    (2)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 54.

    (3)  L-Artikoli 12 u 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u l-konvenzjonijiet tal-ILO Nru 87 u Nru 98, ara wkoll il-punt 3.2 et seq.

    (4)  ĠU C 458, 19.12.2014, p. 1.

    (5)  Kif irrikonoxxiet Marianne Thyssen, waqt il-konferenza konġunta ETUI/KES organizzata f’Ġunju 2016 dwar it-tema “Insawru d-dinja ġdida tax-xogħol”.

    (6)  Flash Eurobarometer 438, 2016.

    (7)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 54.

    (8)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 54.

    (9)  Opinjoni tal-KESE dwar “Ħiliet/forom ġodda ta’ xogħol” (ara paġna 36 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (10)  Dwar l-adattament neċessarju tat-tassazzjoni u tas-sigurtà tax-xogħol fi ħdan il-pjattaformi għall-finanzjament tal-protezzjoni soċjali, ara ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161.

    (11)  Opinjoni tal-KESE dwar “Ħiliet/forom ġodda ta’ xogħol” (ara paġna 36 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (12)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161.

    (13)  Dokument ta’ riflessjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa, April 2017.

    (14)  ĠU C 75, 10.3.2017, p. 33.

    (15)  “Working anytime, anywhere: The effects on the world of work” (Xogħol kullimkien, f’kull waqt: l-effetti fuq id-dinja tax-xogħol), Eurofound, 2017.

    (16)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea bit-titlu “Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw”, April 2017.

    (17)  Ara l-istudju tal-Eurofund “Working anytime, anywhere: The effects on the world of work” (Xogħol kullimkien, f’kull waqt: l-effetti fuq id-dinja tax-xogħol), 2017.

    (18)  “Work organisation and employee involvement in Europe”, 2013, ara wkoll ĠU C 161, 6.6.2013, p. 35.

    (19)  Fl-Ingilterra, sentenza tal-qorti kkundannat lil Uber fil-każ M. Y Aslam, M. J Farrar u oħrajn vs.Uber; Uber għamlet appell.

    (20)  “Les impacts sociaux de la digitalisation de l’économie” (L-impatti soċjali tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija), Christophe Degryse, Dokument ta’ Ħidma tal-ETUI 2016.02; “ReformsWatch”, servizz ta’ informazzjoni onlajn ta’ ETUI, 2016; “Trade unions must organise people working through plateforms”, Gunhild Wallin, Ġunju 2016 u “Digitalisation and working life: lessons from the Uber cases around Europe”, Eurofound, Jannar 2016.

    (21)  “Pożizzjoni konġunta ta’ Industriall Europe u CEEMET”, 8 ta’ Diċembru 2016.

    (22)  Dikjarazzjoni tal-imsieħba soċjali Ewropej dwar id-diġitalizzazzjoni, iffirmata waqt is-Summit Soċjali Tripartitiku, fis-16 ta’ Marzu 2016.


    Top