EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0064

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2014/2948(RSP))

ĠU C 316, 30.8.2016, p. 54–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 316/54


P8_TA(2015)0064

Rapport ta' Progress 2014 dwar dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2014 dwar Dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (2014/2948(RSP))

(2016/C 316/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2005 li jagħti l-istatus ta' pajjiż kandidat għal sħubija fl-UE kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2013; wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-16 ta' Diċembru 2014,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Thessaloniki tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni,

wara li kkunsidra l-ħdax-il laqgħa, li saret fit-23 ta' Lulju 2014, tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-pajjiż u l-UE,

wara li kkunsidra r-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni (SWD(2014)0303) u l-Komunikazzjoni tat-8 ta' Ottubru 2014 bit-titolu “Strateġija tat-Tkabbir u Sfidi Ewlenin 2013-2014” (COM(2014)0700), kif ukoll id-Dokument ta' Strateġija Indikattiv (2014-2020) adottat fid-19 ta' Awwissu 2014,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nri 817 (1993) u 845 (1993),

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja dwar l-Applikazzjoni tal-Ftehim Interim tat-13 ta' Settembru 1995,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar is-seba' emendi għall-Kostituzzjoni tal-pajjiż, adottati fl-10 u l-11 ta' Ottubru 2014,

wara li kkunsidra s-sejbiet tal-missjoni għall-osservazzjoni elettorali internazzjonali tal-OSKE/ODIHR magħmula għall-elezzjonijiet presidenzjali u dawk parlamentari bikrin,

wara li kkunsidra t-tnax-il laqgħa li saret bejn is-26 u s-27 ta' Novembru 2014 tal-Kumitat Parlamentari Konġunt (KPK) tal-UE u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu,

wara li kkunsidra x-xogħol ta' Ivo Vajgl bħala rapporteur permanenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin għall-pajjiż,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ilha pajjiż kandidat tal-UE għal disa' snin u hija l-aktar pajjiż avvanzat fir-rigward tal-allinjament mal-acquis;

B.

billi, għas-sitt darba konsekuttiva, il-Kummissjoni rrakkomandat lill-Kunsill biex jibda n-negozjati; billi l-pajjiż huwa ppreparat biex jinnegozja mal-UE; billi għal dawn l-aħħar tmien snin il-Parlament talab kontinwament għall-bidu tan-negozjati ta' adeżjoni mal-pajjiż, u billi aktar dewmien biex jibdew in-negozjati jaf ikollu impatt negattiv fuq il-proċessi ta' riforma fil-pajjiż u l-kredibbiltà tal-UE fir-reġjun;

C.

billi l-Kunsill ilu jwaqqaf il-progress għall-fażi li jmiss tal-proċess ta' adeżjoni minħabba l-kwistjoni mhux solvuta dwar l-isem mal-Ġreċja; billi l-kwistjonijiet bilaterali mhumiex maħsuba biex jostakolaw in-negozjati ta' adeżjoni mal-Unjoni Ewropea; billi n-nuqqas ta' progress fil-proċess ta' integrazzjoni mal-UE jista' jżid l-ispejjeż għall-istabbiltà reġjonali u jaffettwa l-kredibbiltà tal-UE u jwassal għal tnaqqis fl-istandards demokratiċi tal-pajjiż;

D.

billi dan il-posponiment ulterjuri qiegħed iżid il-frustrazzjoni li qiegħda dejjem tikber fl-opinjoni pubblika tal-Maċedonja dwar l-istaġnar tal-proċess ta' integrazzjoni fl-UE u jirriskja li jiggravaw il-problemi domestiċi u t-tensjonijiet interni;

E.

billi kull pajjiż kandidat (potenzjali) se jiġi ġġudikat fuq il-merti tiegħu stess, u r-rapidità u l-kwalità tar-riformi meħtieġa jiddeterminaw l-iskeda ta' żmien għall-adeżjoni;

F.

billi l-kwistjonijiet bilaterali għandhom jiġu indirizzati bi spirtu kostruttiv kemm jista' jkun kmieni, filwaqt li jittieħed kont tal-prinċipji u l-valuri tan-NU u tal-UE;

G.

billi n-nuqqas ta' djalogu kostruttiv u inklużiv bejn il-gvern u l-oppożizzjoni kif ukoll il-bojkott ta' wara l-elezzjoni min-naħa tal-oppożizzjoni fixklu l-ħidma parlamentari; billi hija r-responsabbiltà komuni kemm tal-gvern kif ukoll tal-oppożizzjoni li jiżguraw kooperazzjoni politika sostenibbli, li hija essenzjali għall-iżvilupp demokratiku tal-pajjiż u l-insegwiment tal-aġenda Ewropea; billi l-elezzjonijiet saru taħt rappurtaġġ parzjali mill-midja u fi klima ta' separazzjoni insuffiċjenti bejn l-attivitajiet tal-istat u dawk tal-partit;

H.

billi waqt it-tnax-il laqgħa tal-KPK ma setgħet tiġi adottata l-ebda rakkomandazzjoni konġunta; billi l-funzjonament b'mod sħiħ tal-KPK huwa strumentali fl-iżgurar tal-kontroll parlamentari fuq il-proċess ta' adeżjoni;

I.

billi l-istat tad-dritt, il-libertà tal-midja, il-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet ta' viċinat tajba huma partijiet essenzjali mill-proċess ta' tkabbir tal-UE;

J.

billi l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata jibqgħu problemi serji; billi l-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-midja jibqgħu taħt theddida;

1.

Itenni għad-disa' darba konsekuttiva l-istedina tiegħu lill-Kunsill biex mingħajr aktar dewmien jiffissa data għall-bidu tan-negozjati ta' adeżjoni, sabiex ma jintilifx il-momentum u sabiex tingħata spinta lir-riformi relatati mal-acquis u jissaħħaħ il-proċess ta' demokratizzazzjoni; itenni l-fehma tiegħu li l-kwistjoni marbuta mal-isem, li hija kwistjoni bilaterali, m'għandhiex tkun ostaklu għat-tnedija tan-negozjati ta' adeżjoni għalkemm għandha tiġi solvuta qabel tmiem il-proċess ta' adeżjoni; jappoġġja l-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni li n-nuqqas tal-partijiet biex jilħqu kompromess wara kważi żewġ deċennji ta' djalogi ta' medjazzjoni qed ikollu impatt dirett u negattiv fuq l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-pajjiż u l-poplu tiegħu; jistieden liż-żewġ gvernijiet sabiex jieħdu passi konkreti lejn is-sejba ta' soluzzjoni li tkun aċċettabbli reċiprokament; itenni l-importanza u l-ħtieġa ta' approċċ kostruttiv għall-isfidi mal-ġirien dwar dawn il-kwistjonijiet bilaterali;

2.

Ifakkar dwar l-impenn tal-Istati Membri biex jerġgħu lura għall-kwistjoni fl-2015 bil-ħsieb li jibdew in-negozjati ta' adeżjoni; iqis li l-bidu tan-negozjati mal-UE jistgħu biss jinfluwenzaw b'mod pożittiv l-isforzi biex jissolva t-tilwim bilaterali filwaqt li jiġġenera wkoll riformi ulterjuri tant meħtieġa, b'mod partikolari fir-rigward tal-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jenfasizza l-fatt li jekk il-ftuħ tan-negozjati jkompli jiddewwem dan iwassal għal konsegwenzi dejjem akbar u imprevedibbli għall-pajjiż kif ukoll għall-istabbiltà reġjonali; jenfasizza li aktar ma jittawwal l-istatus quo, aktar jiddgħajjfu l-kredibilità u l-effikaċja tal-politika ta' tkabbir tal-UE u l-pożizzjoni tagħha fir-reġjun;

3.

Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-kwistjonijiet bilaterali ma għandhomx jiġu evokati biex ixekklu l-proċess ta' adeżjoni; iqis li dawn ma għandhomx jirrappreżentaw ostakolu għall-ftuħ uffiċjali tan-negozjati ta' adeżjoni, iżda għandhom jiġu indirizzati kemm jista' jkun malajr fil-proċess ta' adeżjoni; huwa konxju tan-nuqqas ta' konformità minn waħda mill-partijiet mas-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal-5 ta' Diċembru 2011 rigward l-applikazzjoni tal-Ftehim Interim ta' Settembru 1995; jistieden lill-Greċja biex tafferma mill-ġdid l-impenn li ħadet fl-Aġenda ta' Thessaloniki fl-2003, u biex toħloq ambjent pożittiv biex issolvi d-differenzi bilaterali fl-ispirtu tal-valuri u tal-prinċipji Ewropej; jappella għal aktar progress, inkluż f'kuntatti ta' livell għoli bejn il-gvernijiet u f'relazzjonijiet bilaterali mal-Bulgarija bil-ħsieb li jinnegozjaw ftehim dwar relazzjonijiet ta' viċinat tajba li jindirizzaw kwistjonijiet komuni; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-użu ta' argumenti storiċi fid-dibattitu attwali mal-ġirien, u jilqa' kull sforz favur ċelebrazzjonijiet konġunti ta' avvenimenti storiċi komuni mal-Istati Membri ġirien tal-UE; iqis li dan jista’ jikkontribwixxi għal fehim aħjar tal-istorja u għal relazzjonijiet ta' viċinat tajba;

4.

Jitlob li jkun hemm involviment aktar attiv tal-UE dwar il-kwistjoni tal-isem, u jappoġġja approċċ proattiv min-naħa tal-mexxejja politiċi tal-UE; jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) il-ġdida biex tiżviluppa inizjattivi ġodda sabiex tegħleb l-istaġnar attwali u biex taħdem, f'kooperazzjoni mar-Rappreżentant Speċjali tan-NU, favur soluzzjoni aċċettabbli b'mod reċiproku; jistieden lill-Kunsill biex jagħmel diskussjoni dettaljata dwar il-perspettiva ta' adeżjoni mal-UE ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fl-ewwel nofs tal-2015; jinsisti li l-pajjiżi kollha kandidati u dawk potenzjalment kandidati għandhom jiġu ttrattati fil-proċess ta' integrazzjoni skont il-merti proprji tagħhom; jemmen li t-tkomplija tad-Djalogu ta' Livell Għoli dwar l-Adeżjoni mal-Kummissjoni ġġib kwalità addizzjonali għall-proċess ta' riforma;

5.

Jistieden lill-membri tan-NATO, u b'mod speċjali lill-Istati Membri kollha tal-UE li huma membri tan-NATO, biex jappoġġjaw b'mod attiv l-adeżjoni tal-pajjiż lin-NATO sabiex tinkiseb aktar sigurtà u stabbiltà politika fix-Xlokk tal-Ewropa;

6.

Jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' kooperazzjoni transkonfinali fl-oqsma tal-istorja, il-kultura u l-edukazzjoni u l-promozzjoni tal-valuri Ewropej li jappoġġaw l-isforzi favur bidliet demokratiċi; f’dan ir-rigward, jistieden lill-Istati Membri ġirien tal-UE, fl-ispirtu ta' relazzjonijiet ta' viċinat tajba, biex jappoġġjaw ir-rieda li jsiru bidliet demokratiċi, li jfisser li jappoġġjaw il-bidu tal-proċess tan-negozjati;

7.

Iħeġġeġ lill-pajjiż biex iwaqqaf kumitati esperti konġunti mal-ġirien tiegħu dwar l-istorja u l-edukazzjoni, bl-għan li jikkontribwixxu għal interpretazzjoni oġġettiva tal-istorja, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni akkademika, u l-promozzjoni ta' attitudnijiet pożittivi fiż-żgħażagħ fir-rigward tal-ġirien tagħhom;

8.

Iħeġġeġ bis-sħiħ lill-awtoritajiet u lis-soċjetà ċivili jieħdu miżuri xierqa għar-rikonċiljazzjoni storika bil-għan li tingħeleb il-firda bejn u fi ħdan id-diversi gruppi etniċi u nazzjonali, inklużi ċ-ċittadini ta' identità Bulgara;

9.

Jieħu nota tal-pakkett ta' emendi propost għall-Kostituzzjoni; huwa tal-opinjoni li xi proposti, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar id-definizzjoni ta' żwieġ u l-formazzjoni ta' żoni finanzjarji internazzjonali, jistgħu jkunu ulterjorment imtejba f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; ifakkar ukoll fil-ħtieġa li jirrispettaw il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll biex jittieħed kont tal-acquis tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa għal tħejjija bir-reqqa tal-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni għal kwalunkwe bidla kostituzzjonali; jenfasizza li l-proċess ta' tibdil kostituzzjonali li jservi għal żmien twil jeħtieġ appoġġ politiku wiesa', djalogu kostruttiv u kooperazzjoni bejn il-forzi politiċi kollha; jenfasizza l-ħtieġa għal dibattitu pubbliku inklużiv għal kollox u konsultazzjoni bir-reqqa u l-bini ta' kunsens mal-partiti tal-oppożizzjoni, mas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati rilevanti;

10.

Huwa mħasseb dwar il-klima domestika polarizzata; iħeġġeġ lill-gvern biex jirrispetta r-rwol tal-parlament billi jipprovdi ambitu u żmien suffiċjenti għall-konsultazzjonijiet, inkluż dwar il-bidliet kostituzzjonali, u dan biex ikun hemm lok għal kontroll parlamentari indipendenti u sħiħ; jistieden kemm lill-gvern kif ukoll il-partiti politiċi kollha biex jaħdmu favur it-titjib tar-relazzjonijiet sabiex iżommu l-istabbiltà politika, jiżguraw il-kooperazzjoni politika kostruttiva sostenibbli, u jgħaġġlu l-aġenda Ewropea; ifakkar li l-kompromessi huma fundamentali għal demokrazija li tiffunzjona; jissottolinja n-neċessità ta' titjib tal-inklużjoni u tat-trasparenza tal-proċess ta' adeżjoni; jisħaq li l-bojkott ta' wara l-elezzjoni huwa problema li teħtieġ tiġi solvuta fl-ispirtu tar-responsabbiltà konġunta bejn il-gvern u l-oppożizzjoni fir-rigward tal-funzjonament tajjeb tal-parlament; jistieden lill-VP/RGħ sabiex tinvolvi ruħha mal-partijiet kollha sabiex jiġi ffaċilitat id-djalogu politiku;

11.

Jinsab serjament imħasseb dwar id-deterjorament tar-relazzjonijiet bejn il-gvern u l-oppożizzjoni, partikolarment fir-rigward tat-tħabbira reċenti tal-akkużi mill-Prim Ministru kontra l-kap tal-oppożizzjoni u wkoll tal-kontroakkużi ta' mġiba ħażina kriminali; jikkundanna s-sorveljanza illegali kollha, u jitlob li l-allegazzjonijiet kollha jiġu ppubblikati u liberament irrappurtati; jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti dwar l-allegazzjonijiet kollha u sorveljanza mwettqa, fuq il-bażi tar-rispett sħiħ lejn il-prinċipji ta' trasparenza, imparzjalità u l-preżunzjoni tal-innoċenza; itenni l-importanza li jiġi rrispettat il-prinċipju fundamentali tal-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-atturi politiċi kollha biex jimpenjaw ruħhom fi djalogu kostruttiv sabiex iżommu l-attenzjoni fuq il-prijoritajiet strateġiċi tal-pajjiż u taċ-ċittadini tiegħu;

12.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' oppożizzjoni fil-ħidma regolari tal-KPK; iqis li huwa essenzjali li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-KPK permezz tar-rappreżentanza xierqa tal-partiti parlamentari kollha fil-proċeduri tiegħu;

13.

Jinsab imħasseb li l-koeżistenza interetnika tibqa' fraġli u tippreżenta sfida għall-pajjiż; huwa mħasseb dwar iż-żieda fit-tensjonijiet interetniċi li jesponu n-nuqqas ta' fiduċja bejn il-komunitajiet; jikkundanna bil-qawwa l-użu ta' lingwaġġ etnoċentriku u diviżiv, partikolarment matul il-kampanji elettorali; jenfasizza li l-bidu tat-taħdidiet ta' adeżjoni mal-UE jista' jgħin lill-pajjiż jindirizza aħjar din l-isfida billi jsaħħaħ il-koeżjoni interetnika madwar dak l-għan komuni; jikkundanna l-forom kollha ta' nazzjonaliżmu u etnoċentriżmu estremi li japprofondixxu d-diviżjoni fis-soċjetà; jistieden lill-partiti politiċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha biex jippromwovu b'mod attiv soċjetà multietnika u multireliġjuża inklużiva u tolleranti u biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali tal-persuni kollha li jappartjenu għal minoranzi etniċi; ifakkar li l-edukazzjoni għandha rwol vitali fil-ksib tat-tolleranza u r-rispett bejn persuni differenti; jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid il-proġetti u l-programmi mmirati favur it-tisħiħ ta' djalogu interetniku u fehim reċiproku;

14.

Jilqa' l-fatt li l-aġenda tal-UE tibqa' l-prijorità strateġika tal-pajjiż; jinkoraġġixxi lill-pajjiż biex ikompli jikkonsolida r-riformi u jbiddel il-politiki u l-prattiki li għad jistgħu jostakolaw il-ġejjieni Ewropew tiegħu, u biex jiżgura progress fl-implimentazzjoni ta' prijoritajiet ta' riforma relatati mal-UE, inkluż fil-kuntest tad-Djalogu ta' Adeżjoni ta' Livell Għoli;

15.

Jinnota li l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari bikrin ta' April 2014 ġew ivvalutati mill-OSKE/ODIHR bħala amministrati b'mod effiċjenti; jaqsam it-tħassib, madankollu, dwar il-linja mċajpra bejn l-attivitajiet tal-istat u dawk tal-partit, li tmur kontra l-obbligi internazzjonali għal elezzjonijiet demokratiċi, kif ukoll dwar rappurtar parzjali tal-midja u allegazzjonijiet ta' intimidazzjoni tal-votanti; jilqa' r-riformi elettorali, imma jħeġġeġ lill-awtoritajiet jinvestigaw l-irregolaritajiet allegati qabel u matul l-elezzjonijiet; jistieden lill-gvern biex jindirizza fi żmien xieraq ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-ODIHR sabiex jitjieb il-proċess elettorali, inklużi l-ġestjoni u l-eżattezza tar-reġistri elettorali; barra minn hekk, f’dan ir-rigward, ifakkar il-ħtieġa li jitfasslu reġistri elettorali li jikkorrispondu ma' standards internazzjonali;

16.

Iħeġġeġ lill-gvern biex jittratta n-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-assistenza IPA bħall-problemi sistemiċi tas-sistema ta' kontroll, il-koordinament intra u interistituzzjonali insuffiċjenti, ix-xogħol b'lura fl-akkwist pubbliku, ir-rata baxxa ta' assorbiment u l-kapaċità baxxa tal-istituzzjonijiet; jitlob it-tisħiħ tar-rabta bejn l-assistenza tal-UE u l-istrateġiji ta' riforma nazzjonali u l-fondi tal-IPA sabiex tintuża ħalli tiffinanzja diċentralizzazzjoni tal-baġit ferm akbar fil-pajjiż; jitlob għal azzjoni biex jiġi evitat aktar telf fl-assistenza kif ukoll biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-programm sabiex jissaħħaħ l-impatt tal-assistenza tal-UE;

17.

Jilqa' l-adozzjoni ta' qafas leġiżlattiv ġdid għas-servizz ċivili kif ukoll għall-impjieg pubbliku fi Frar 2014, bħala pass ’il quddiem lejn il-kisba ta' amministrazzjoni pubblika unifikata, trasparenti u responsabbli; jinsab imħasseb li l-amministrazzjoni pubblika, minkejja l-progress leġiżlattiv, tibqa' frammentata, politiċizzata u suġġetta għall-influwenza politika; jinkoraġġiha bil-qawwa biex jissaħħu l-professjonaliżmu u l-indipendenza tagħha fil-livelli kollha; iħeġġeġ l-isforzi biex tiġi implimentata l-liġi, b'rispett xieraq lejn il-prinċipji tat-trasparenza, il-mertu u r-rappreżentanza ekwa; jistieden lill-gvern jadotta programm ta' riforma tal-ġestjoni finanzjarja pubblika;

18.

Iħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim Qafas ta' Ohrid (OFA); jitlob għat-tlestija tar-rieżamii tal-implimentazzjoni tiegħu, li jirriżulta f'rakkomandazzjonijiet ta' politika; jirrakkomanda bis-sħiħ li l-OFA jitqies bħala element essenzjali għall-istat tad-dritt, ir-relazzjonijiet interkomunitarji u d-deċentralizzazzjoni kontinwa; jinkoraġġixxi b'mod qawwi l-iżvilupp ta' governanza lokali u l-promozzjoni ta' miżuri ta' bini ta' fiduċja fit-tul fil-livell politiku, bħalma huma ż-żamma ta' dibattiti pubbliċi biex jispjegaw il-benefiċċji tal-OFA; jistieden lill-gvern u lill-awtoritajiet lokali kompetenti biex jipproċedi bl-implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar l-Edukazzjoni Integrata u li jiġi pprovdut finanzjament akbar għal dak l-għan; iqis li huwa importanti li jiġu inklużi fil-proċess l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ); jirrakkomanda approċċ aktar proattiv sabiex jiġu żgurati l-identitajiet etniċi, kulturali u lingwistiċi tal-komunitajiet kollha;

19.

Jilqa' l-livell għoli ta' allinjament mal-acquis leġiżlattiv u t-titjib fl-effiċjenza u l-professjonaliżmu tal-qrati bħala riżultat ta' riformi ġudizzjarji komprensivi; jinsab imħasseb, madankollu, dwar influwenza politika mhux xierqa fuq ċerti proċeduri tal-qorti, u jenfasizza li l-ġudikatura għandha tibqa' indipendenti mill-pressjonijiet esterni kollha tal-fergħat parlamentari u eżekuttivi; jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-istandards ġudizzjarji f'konformità man-normi Ewropej u l-aħjar prattika; jitlob l-unifikazzjoni tal-ġurisprudenza, biex tiġi żgurata sistema ġudizzjarja prevedibbli u l-fiduċja tal-pubbliku; jitlob għal titjib fil-kwalità tal-ġustizzja, użu miżjud tar-rimedji mhux ġudizzjarji u soluzzjoni għat-tilwim alternattiva, ippjanar strateġiku aħjar, aċċess aħjar għall-ġustizzja għal membri vulnerabbli tas-soċjetà, u iktar involviment ta' organizzazzjonijiet professjonali u tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-indipendenza ġudizzjarja;

20.

Jinnota l-iżviluppi pożittivi fl-implimentazzjoni tal-programmi għal kontra l-korruzzjoni 2011-2015, fit-tisħiħ tas-sistema ta' integrità personali u istituzzjonali kif ukoll tal-kooperazzjoni interistituzzjonali u internazzjonali; jinnota l-kwistjonijiet sostanzjali li għadhom pendenti relatati mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħasil tal-flus, inklużi l-kwistjonijiet transkonfinali, it-twettiq ta' valutazzjoni nazzjonali tar-riskji u t-titjib fl-effiċjenza operattiva; itenni li Kummissjoni Statali għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni indipendenti u kompletament funzjonali għandha tkun l-akbar istituzzjoni tal-istat għat-trattament ta' din il-kwistjoni; sabiex itejbu l-ħidma ta' dik il-Kummissjoni, jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jtejbu l-interkonnettività tal-IT bejn il-qrati u s-servizz tal-prosekuzzjoni u joħolqu reġistru ċentrali ta' uffiċjali pubbliċi;

21.

Jitlob għall-implimentazzjoni aktar effiċjenti ta' politiki u leġiżlazzjoni kontra l-korruzzjoni, b'mod partikolari fil-politika, l-amministrazzjoni pubblika, l-akkwist pubbliku u l-infurzar tal-liġi, kif ukoll għat-titjib tal-kapaċitajiet amministrattivi; iħeġġeġ lill-pajjiż biex jikseb rekord pożittiv għall-kundanni f'każijiet ta' korruzzjoni, inklużi każijiet ta' livell għoli; jistieden l-OSĊ indipendenti u l-midja sabiex jikxfu l-korruzzjoni u jappoġġjaw investigazzjonijiet u proċessi indipendenti u imparzjali; jistieden lill-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku biex jippermetti l-investigazzjoni adegwata u f'waqtha ta' affermazzjonijiet f'dan il-qasam;

22.

Jinnota b'sodisfazzjon li l-qafas legali u istituzzjonali huwa fis-seħħ rigward il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; ifaħħar il-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali attiva tal-pajjiż, inkluż permezz tal-Eurojust u l-Europol; jilqa' l-fatt li twettaq b'suċċess għadd ta' operazzjonijiet tal-pulizija kontra gruppi organizzati, b'mod partikolari għal qtugħ ta' rotot internazzjonali għat-traffikar tad-drogi u l-kuntrabandu ta' migranti;

23.

Jikkundanna l-forom kollha ta' estremiżmu politiku u/jew reliġjuż u jara l-ħtieġa għal kooperazzjoni transkonfinali ma' pajjiżi oħra tal-Balkani tal-Punent u l-Istati Membri tal-UE; jilqa' l-bidliet li saru fil-Kodiċi Kriminali li jiddefinixxu ulterjorment kemm ir-reati kif ukoll il-pieni għal persuni li jkunu qed jieħdu sehem fl-estremiżmu politiku u/jew reliġjuż; itenni bil-qawwa l-ħtieġa ta' strateġija proattiva komuni għal politika barranija, tas-sigurtà u tad-difiża, minħabba t-theddida terroristika internazzjonali attwali; ifakkar li l-politika pubblika għandha tiġġieled il-forom kollha ta' estremiżmu, u li l-istigmatizzazzjoni ta' kwalunkwe grupp wieħed reliġjuż f'dan il-kuntest għandha tkun evitata bil-galbu;

24.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati pubbliċi tat-tfassil tal-liġijiet; jinnota li tali kooperazzjoni għandha tkun ibbażata fuq rieda ġenwina min-naħa tal-gvern li jikkonsulta ma' diversi partijiet interessati kemm fit-tfassil tal-liġiijiet kif ukoll tal-politiki; jenfasizza r-rwol kruċjali li jista' jkollhom l-OSĊ biex iqajmu kuxjenza pubblika dwar il-proċess ta' adeżjoni u jagħmluh aktar trasparenti, responsabbli u inklużiv; iħeġġeġ lill-gvern biex jgħin fl-iżvilupp tas-soċjetà ċivili fiż-żoni rurali wkoll; jistieden lill-gvern biex jibda dibattitu sostanzjali mal-universitajiet, l-akkademiċi u l-istudenti dwar ir-riforma fl-edukazzjoni ogħla;

25.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jirkupraw l-arkivji tas-servizzi sigrieti Jugoslavi rilevanti mis-Serbja; huwa tal-fehma li l-ġestjoni trasparenti tal-imgħoddi totalitarju, inkluż il-ftuħ tal-arkivji tas-servizzi sigrieti, huwa pass ’il quddiem lejn aktar demokratizzazzjoni, responsabbiltà u saħħa istituzzjonali;

26.

Huwa mħasseb ħafna dwar il-fatt li l-pressjonijiet politiċi u finanzjarji qed jipperikolaw b'mod kostanti u sinifikanti l-indipendenza tal-midja; jiddeplora d-deterjorament kontinwu tal-libertà tal-espressjoni li jirriżulta fl-iktar livell baxx ta' libertà tal-istampa fir-reġjun; jiddispjaċih f'dan il-kuntest li, fl-indiċi kkompilat minn Ġurnalisti Mingħajr Fruntieri, il-pajjiż niżel mill-34 post fl-2009 għall-117-il post fl-2015; jinnota bi tħassib li dejjem jiżdied il-kontroll tal-istat fuq il-midja, inkluż id-dipendenza kontinwa fuq il-baġit tal-istat, l-għażla frekwenti tal awtoċensura, u l-istandards u l-etika professjonali foqra; jinnota bi tħassib il-fatt li jirrikorri għall-malafama f'kuntest politiku u dak tal-midja; filwaqt li ttieħdu xi passi biex jerġa' jiġi stabbilit id-djalogu bejn il-gvern u l-komunità tal-midja, jiddispjaċih li l-liġi dwar is-servizzi awdjoviżivi ġiet emendata bi proċedura rapida mingħajr konsultazzjoni xierqa mal-partijiet interessati tal-midja;

27.

Iħeġġeġ lill-Gvern biex isegwi politiki li jsaħħu l-pluraliżmu fil-midja u d-diversità tal-opinjonijiet kif ukoll biex jiggarantixxi l-indipendenza tax-xandar pubbliku u r-regolatur tal-midja; jinnota bi tħassib li x-xandar pubbliku wera tendenza sinifikanti favur il-partijiet li huma fil-gvern, kemm matul il-kampanji elettorali (kif irrappurtat fir-rapporti tal-OSKE/ODIHR) u f'ċirkostanzi mhux tal-kampanja (kif irrappurtat fir-Rapport ta' Progress tal-Kummissjoni); jilqa' l-fatt li l-gvern għamel id-dejta fuq ir-reklamar tal-gvern disponibbli pubblikament; jistieden lill-gvern, madankollu, biex itejjeb it-trasparenza dwar il-kriterji użati fl-allokazzjoni ta' fondi; jirrakkomanda bil-qawwa lill-Kummissjoni biex tkun aktar attiva fil-monitoraġġ u l-konsultazzjoni dwar l-iżviluppi tal-politika u fit-tħeġġiġ tad-djalogu fost il-partijiet interessati kollha tal-midja;

28.

Ifakkar lill-gvern u lill-partiti politiċi dwar ir-responsabbiltà tagħhom biex joħolqu kultura ta' inklużjoni u tolleranza; jitlob li l-liġi kontra d-diskriminazzjoni tiġi allinjata mal-acquis peress li ma tipprojbixxix id-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali; jikkundanna l-vjolenza kollha kontra l-komunità LGBTI u jitlob li dawk ħatja, inkluż dawk responsabbli għall-inċidenti vjolenti kontra ċ-Ċentru ta' Appoġġ tal-LGBTI fi Skopje, jitressqu quddiem il-qorti; jenfasizza l-ħtieġa biex jiġu miġġielda l-preġudizzji u d-diskriminazzjoni kontra r-Roma, u biex jittieħdu aktar miżuri biex itejbu s-sitwazzjoni tagħhom, partikolarment fl-oqsma tad-djar, tas-saħħa, tal-edukazzjoni u tal-impjieg; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma kollha ta' politika li għandhom l-għan li tiġi żgurata l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-eżistenza kontinwa ta' sterjotipi tas-sessi fis-soċjetà u dwar il-vjolenza domestika; iħeġġeġ lill-gvern biex jindirizza d-differenzi strutturali u d-differenzi fil-pagi bejn is-sessi f'oqsma ekonomiċi, politiċi u soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq l-impenn tagħha li tagħmel il-Kapitolu tal-Politika Soċjali u tal-Impjieg prijorità fil-proċess ta' adeżjoni, billi tniedi inizjattiva f'dan ir-rigward fid-Djalogu ta' Livell Għoli dwar l-Adeżjoni mal-pajjiż;

29.

Jibqa’ mħasseb dwar ir-rati għolja ta' faqar fost it-tfal u n-nuqqas ta' kapaċità tal-istituzzjonijiet responsabbli għall-implimentazzjoni ta' politiki u azzjonijiet strateġiċi f’dan il-qasam; iħeġġeġ lill-gvern sabiex iżid l-isforzi tiegħu biex jimplimenta l-istrateġija nazzjonali riveduta dwar il-faqar u l-esklużjoni soċjali; iħeġġeġ li tingħata aktar attenzjoni biex jiġi żgurat aċċess ġust u effettiv għall-ġustizzja għat-tfal kollha; jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi addizzjonali mill-gvern biex jappoġġja tfal b'diżabilitajiet u tfal mill-komunità tar-Roma; jitlob biex isiru sforzi ulterjuri biex jittejbu s-saħħa u n-nutrizzjoni tat-tfal, bi tħassib partikolari dwar it-tfal Roma;

30.

Jilqa' l-fatt li l-pajjiż għadu l-mexxej reġjonali fir-rigward tal-faċilità li biha jsir in-negozju, kif ukoll il-prestazzjoni mtejba tiegħu fil-klassifika globali tal-Bank Dinji, li fiha huwa tela' mill-31 post fl-2013 għat-30 post fl-2014; jinnota, madankollu, li l-infurzar diffiċli tal-kuntratti u l-bidliet legali frekwenti mingħajr konsultazzjoni adegwata joħolqu sfidi serji lill-klima tan-negozju; jenfasizza, fl-istess ħin, l-importanza li jsir progress fir-rigward tal-liġi tax-xogħol u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali; jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb aktar l-ambjent tan-negozju bl-appoġġ għall-SMEs, it-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali, u r-rabta bejn l-istituzzjonijiet ta' riċerka u żvilupp mas-settur tan-negozju u l-impjiegi;

31.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-influssi tal-IDB baqgħu stabbli u ppermettew aktar diversifikazzjoni tal-esportazzjoni; jinnota li 80 % tal-istokk tal-IDB totali joriġina minn kumpaniji tal-UE, b'żieda akbar fil-flussi kummerċjali f'oġġetti u servizzi mal-UE; itenni l-importanza li jiġi attirat l-investiment barrani, u jemmen li dan id-dewmien fil-proċess ta' adeżjoni tal-UE jista' jirrappreżenta ostaklu għal integrazzjoni ekonomika aktar profonda; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiżdied id-dħul pubbliku u jinħolqu impjiegi f'setturi bi produttività għolja, peress li l-istruttura globali tal-ekonomija tibqa' ffukata fuq attivitajiet bi produttività baxxa; jenfasizza li r-regoli kollha li jkopru ż-żoni finanzjarji internazzjonali għandhom ikunu f'konformità mal-acquis u mal-ħtiġijiet internazzjonali;

32.

Jilqa' t-tnaqqis fir-rata globali tal-qgħad minn 29,9 % fl-ewwel kwart tal-2013 għal 27,9 % fit-tielet kwart tal-2014; jistieden lill-gvern biex iġġedded l-isforzi tiegħu biex ikompli jnaqqas il-qgħad strutturali u fit-tul, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ (li għalihom ir-rata hija 'l fuq minn 50 %) u gruppi vulnerabbli inklużi r-Roma; jitlob għall-adozzjoni ta' riformi biex jiżdiedu l-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol u l-mobbiltà tal-ħaddiema kif ukoll biex jitnaqqas is-settur informali kbir li qed ikompli jxekkel il-kompetizzjoni; huwa mħasseb li l-livell tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-forza tax-xogħol spiss ma tikkorrispondix għall-ħtiġijiet reali tal-ekonomija, u li numru kbir ta' ħaddiema kwalifikati żgħażagħ huma konsegwentement imġiegħla jemigraw minħabba d-diffikultà li jsibu opportunitajiet adegwati ta' impjieg fil-pajjiż; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-aħħar bidliet leġiżlattivi li jmorru kontra d-dritt tal-istrajk, u jistieden lill-awtoritajiet biex jirrevedu l-leġiżlazzjoni f'konformità mal-istandards tal-ILO;

33.

Jinnota l-passi meħuda biex jitnaqqas il-qgħad fost in-nisa, iżda jistieden lill-gvern biex jagħmel aktar peress li l-qgħad fost in-nisa għadu ħafna ogħla mill-medja tal-UE;

34.

Jirrimarka li huma meħtieġa sforzi sinifikanti, f'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati rilevanti, fil-qasam tal-ambjent u b'mod partikolari fl-oqsma tal-kwalità tal-arja u tal-ilma, il-protezzjoni tan-natura u l-ġestjoni tal-iskart; huwa mħasseb dwar it-tniġġis tal-arja u tal-ilma; jinnota bi tħassib il-konċentrazzjoni ta' partikuli li jagħmlu l-ħsara, li huwa bosta drabi ogħla mil-livell limitu permess, speċjalment fi Skopje, Tetovo, Bitola, Kičevo u Kavadarci; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti biex iżidu l-kooperazzjoni tagħhom bil-għan li jimplimentaw il-leġiżlazzjoni rilevanti, jissaħħu l-kapaċitajiet amministrattivi u jiġu allokati biżżejjed fondi għal investiment f'infrastruttura bħal impjanti għat-trattament tal-ilma mormi;

35.

Jiddispjaċih li l-miri tal-enerġija tal-2013 ma ġewx sodisfatti, fir-rigward, b'mod partikolari, tal-effiċjenza enerġetika u l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jitlob, f'dan ir-rigward, l-adozzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni rilevanti u l-allinjament mal-politika tal-UE dwar il-klima;

36.

Jilqa' l-fatt li l-pajjiż baqa' attiv u kostruttiv fil-kooperazzjoni reġjonali u li ma għandu ebda kwistjonijiet pendenti dwar il-fruntieri mal-pajjiżi ġirien tiegħu; jilqa' l-presidenza li ġejja tal-pajjiż tal-Inizjattiva Ewropea Ċentrali; jistieden lill-gvern sabiex itejjeb il-livell ġenerali ta’ allinjament mad-dikjarazzjonijiet u deċiżjonijiet tal-PESK; jenfasizza l-importanza ta' allinjament progressiv mal-pożizzjonijiet ta' politika barranija tal-UE;

37.

Jilqa' l-progress li sar dwar il-konnessjoni ferrovjarja bejn il-pajjiż u l-Bulgarija, li se twassal għal relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali aħjar, u r-rieda tiegħu biex din tiġi ffinalizzata;

38.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-pajjiż.


Top