EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE1544

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-Reviżjoni tal-Linji Gwida Komunitarji dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali” — COM(2014) 963 final

ĠU C 451, 16.12.2014, p. 123–126 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 451/123


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-Reviżjoni tal-Linji Gwida Komunitarji dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali”

COM(2014) 963 final

(2014/C 451/20)

Rapporteur:

IS-SUR KRAWCZYK

Korelatur:

IS-SUR WENNMACHER

Nhar it-8 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

L-Għajnuna mill-Istat lill-ajruporti u lil-linji tal-ajru.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Ġunju 2014.

Matul il-500 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Lulju 2014 (seduta tad-9 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’183 vot favur, 3 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon ir-Regolament ġdid tal-Kummissjoni Ewropea dwar Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Ajruporti u l-Linji tal-Ajru. Dan ir-Regolament li ilu mistenni kemm mill-ajruporti kif ukoll mil-linji tal-ajru jistabbilixxi l-qafas, b’mod partikolari, bil-perjodu ta’ tranżizzjoni, li jindirizza xi problemi importanti tas-settur tat-trasport Ewropew li qed jgħaddi minn bidliet kbar.

1.2.

Il-KESE jiddispjaċih/jinnota b’dispjaċir li minħabba pressjonijiet mhux ġustifikati ġejjin minn lobbies reġjonali u politikanti eletti fil-livell lokali, ir-regolament finali adottat mill-Kummissjoni Ewropea ma jipprovdix għodod suffiċjenti għal titjib sostanzjali fit-trasparenza tas-suq/settur tal-avjazzjoni Ewropea. L-iżvilupp ta’ infrastruttura tal-avjazzjoni fuq l-art irid jiġi kkoordinat aħjar fil-livelli differenti (UE, Stat Membru, reġjuni). L-infiq ta’ flus ta’ min iħallas it-taxxa, inklużi r-riżorsi baġitarji tal-UE, irid ikun maħsub tajjeb abbażi ta’ studju ta’ fattibilità li ma jkunx influwenzat mill-politika lokali iżda jkun validitat mid-domanda ekonomika u soċjali rilevanti. Dan l-istudju għandu jevalwa wkoll is-sostenibbiltà tal-proġett billi jintegra kriterji ta’ użu tal-art, l-impatt fuq l-impjieg, kundizzjonijiet ta’ xogħol u l-impatt ambjentali. Għandha titqies ukoll il-koerenza mal-proġetti strateġiċi tal-UE, bħall-Ajru Uniku Ewropew kif ukoll is-SESAR.

1.3.

Il-KESE huwa mħasseb dwar l-ammont li qed jikber ta’ “każijiet ta’ kompetizzjoni” mill-Kummissjoni, u l-attitudini ħażina tal-Istati Membri f’dak li għandu x’jaqsam man-nuqqas tal-kundizzjonijiet ugwali fis-settur tal-avjazzjoni Ewropea. Perjodu ta’ tranżizzjoni twil ħafna għal ajruporti biex jibdew jagħmlu qligħ mhux qed jipprovdi inċentiv biżżejjed għal bidla sostanzjali f’dan ir-rigward.

1.4.

Il-KESE qed jesprimi d-dispjaċir kbir tiegħu dwar il-fatt li qatt ma sar dan l-istudju li għandu jippreżenta l-qagħda attwali tal-għajnuna pubblika u prattiki simili f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni, u li kien ġie mitlub mill-Kumitat fl-Opinjoni preċedenti tiegħu. Tħalla wisq spazju għal nuqqas ta’ ċarezza politika dwar is-suġġett u mhemmx biżżejjed data konkreta sabiex jiġu proposti soluzzjonijiet rilevanti. Il-KESE qed jerġa’ jippreżenta t-talba tiegħu bħala waħda li għadha rilevanti u ġustifikata. Dan l-istudju għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-ammont ta’ għajnuna u x’tip ta’ għajnuna, l-impatt reali tagħha fuq l-iżvilupp u l-effiċjenza tal-ekonomija, u l-impatt tagħha fuq l-impjieg, mil-lat kwantitattiv kif ukoll kwalitattiv.

1.5.

F’dan il-kuntest, il-Kumitat jaħseb li huwa importanti li jitħeġġeġ id-djalogu soċjali u li jiġi evitat id-dumping soċjali fis-settur. Huwa importanti wkoll li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jiżgura li tkun disponibbli kontinwament data aġġornata dwar l-evoluzzjoni tas-suq tax-xogħol fis-settur tal-avjazzjoni.

1.6.

Waħda mill-problemi serji li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ linji gwida preċedenti kienet infurzar dgħajjef/mhux suffiċjenti. Il-KESE huwa mħasseb li l-għadd kbir ta’ “eċċezzjonijiet” fir-regolament attwali – flimkien ma’ perjodu ta’ tranżizzjoni twil ħafna – se jwassal biex fil-futur l-infurzar jibqa’ dgħajjef u b’hekk jipperikola l-kisba tal-għan ewlieni ta’ dan ir-Regolament: il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet indaqs.

1.7.

L-applikazzjoni retroattiva tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni fir-rigward tal-għajnuna operattiva għandha tippermetti dawk l-ajruporti u linji tal-ajru li għal snin ilhom joperaw lil hinn mill-qafas stabbilit mil-Linji Gwida tal-2005 biex jikkonformaw mar-regoli l-ġodda. B’mod simili, applikazzjoni retroattiva tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni ġodda għandha tevita li tippenalizza atturi tas-suq li segwew u rrispettaw il-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal-2005 li kienu applikabbli.

1.8.

Għalhekk, taf tkompli taffettwa ħażin l-avjazzjoni Ewropea fil-mod kif tittejjeb il-konnettività. Huma neċessarji kundizzjonijiet ugwali sabiex l-avjazzjoni Ewropea terġa’ ssir sostenibbli. Seduta pubblika organizzata mill-KESE fl-2014 uriet b’mod ċar li t-tellieqa għas-sussidji attwali qed tipperikola s-sitwazzjoni tal-avjazzjoni Ewropea u ddgħajjef ħafna s-sostenibilità tagħha.

1.9.

Il-KESE jirrikonoxxi l-approċċ li l-Linji Gwida tal-Avjazzjoni jagħtu lir-Regolament dwar l-għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru, għalkemm fl-aħħar mill-aħħar huma biss l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ regoli ġodda li se jidditerminaw jekk intlaħqux ċ-ċarezza u s-sempliċità.

1.10.

Fir-rigward ta’ pjani għal linji tal-ajru ġodda li jinvolvu fondi pubbliċi estensivi, il-KESE jaħseb li programmi ta’ sensibilizzazzjoni u prattiki ta’ appoġġ huma organizzati għas-sidien u l-meniġers ta’ ajruporti reġjonali, li huma ftit jew xejn preparati biex jittrattaw dawn il-problemi.

1.11.

L-implimentazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat fi ħdan is-suq intern trid tiġi mtennija f’pajjiżi terzi. L-awtoritajiet tal-UE jridu jkunu koerenti u jadattaw il-politika tagħhom fir-rigward tal-aċċess għas-suq tal-UE, speċjalment għal operaturi li jibbenefikaw minn kundizzjonijiet favorevoli fil-pajjiżi tagħhom li aktarx joħolqu kompetizzjoni mhux ġusta. L-għan huwa li jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali.

1.12.

Jekk l-avjazzjoni tal-UE trid tlaħħaq mad-domanda dejjem tiżdied b’mod sostenibbli, trid toffri impjiegi ta’ kwalità u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin sabiex tissodisfa kemm l-interessi tal-vjaġġaturi kif ukoll ir-rekwiżiti tas-sigurtà. Kif diġà ntqal, għalhekk huwa importanti li jitħeġġeġ id-djalogu soċjali u jiġi evitat id-dumping soċjali fis-settur. Diġà jeżistu diversi gruppi fis-settur tal-avjazzjoni tal-UE li twaqqfu għal diskussjoni mal-imsieħba soċjali rilevanti u għal raġunijiet ta’ effiċjenza jridu jissaħħu iżjed u jinkludu r-rappreżentanti tal-ajruporti. Huwa importanti wkoll li titqajjem aktar sensibilizzazzjoni neċessarja fost l-operaturi u li ma tingħatax għajnuna mill-Istat fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli rilevanti u b’mod partikolari fil-każ ta’ ksur tal-liġijiet tax-xogħol applikabbli.

1.13.

Huwa għalhekk ukoll li se jkun importanti ħafna li tiġi monitorjata mill-qrib l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni attwali “ġodda”. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tirrivedi kemm jistgħu jintlaħqu l-miri preżunti u tirrapporta lura mhux aktar minn 12-il xahar wara.

2.   Introduzzjoni

2.1.

L-avjazzjoni Ewropea kienet żviluppata bħala suq fejn id-domanda tiddetermina l-prezzijiet tal-ajru u l-miżati u ħlasijiet imħallsa mill-utenti jkopru l-ispejjeż tal-avjazzjoni bl-għan li tiġi stabbilita “sistema tat-trasport kompetittiva u effiċjenti fir-riżorsi” (White Paper dwar it-Trasport, 2011). Madankollu, l-għajnuna mill-Istat lill-ajruporti u lil-linji tal-ajru ħolqot dgħufijiet strutturali fundamentali fis-suq tal-avjazzjoni Ewropew li kellhom jiġu korretti.

2.2.

Il-Kummissjoni Ewropea kienet ilha bil-ħsieb li tirrevedi l-Linji Gwida tal-1994 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fis-settur tal-avjazzjoni, u għal-Linji Gwida tal-UE tal-2005 dwar il-finanzjament tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu għall-kumpaniji tal-ajru li jitilqu minn ajruport reġjonali (minn issa ‘l quddiem imsejħa Linji Gwida tal-Avjazzjoni). Kien ilu jinħass il-bżonn ta’ regoli iżjed ċari sabiex l-ajruporti jkunu jistgħu jirċievu għajnuna fejn hija tabilħaqq meħtieġa – b’mod partikolari meta wieħed iqis li kien ġeneralment rikonoxxut li l-Linji Gwida tal-Avjazzjoni preċedenti ma kinux ġew infurzati b’mod effettiv.

2.3.

Fl-482 sessjoni plenarja tiegħu, li saret fil-11 ta’ Lulju 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) adotta Opinjoni addizzjonali dwar ir-“Reviżjoni tal-linji gwida tal-1994 u tal-2005 dwar l-avjazzjoni u l-ajruporti fl-UE” CCMI/95. Fl-Opinjoni tiegħu l-KESE ppreżenta tajjeb l-iżvilupp tas-suq Ewropew tal-Avjazzjoni, kif ukoll l-ostakli kbar fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni ta’ dak iż-żmien, barra milli ressaq sensiela ta’ konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet.

2.4.

F’din l-Opinjoni l-KESE ppromova l-ħtieġa għal qafas legali tal-UE standardizzat għas-settur tal-avjazzjoni kollu sabiex jevita prattiki ta’ sussidju mhux kontrollati u jiżgura kundizzjonijiet ugwali għall-parteċipanti kollha tas-suq anki fil-livell lokali.

2.5.

Il-KESE rrimarka li l-Linji Gwida tal-Avjazzjoni ġodda għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ sett ċar u sempliċi ta’ regoli sabiex tinkiseb ċertezza legali għas-settur tal-avjazzjoni Ewropew. Il-KESE enfasizza l-importanza ta’ implimentazzjoni adegwata tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni; l-infurzar għandu jkun l-aspett l-iżjed importanti.

2.6.

Skont l-Opinjoni preċedenti tal-Kumitat (CCMI/95), il-Linji Gwida tal-Avjazzjoni ġodda li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni għandhom jimmiraw li jipproteġu kull tip ta’ trasportatur minn għajnuna finanzjarja diskriminatorja, mhux ċara jew li toħloq distorsjoni u li tingħata minn gvernijiet jew ajruporti reġjonali. Il-ffondi pubbliċi m’għandhomx jgħawġu l-kompetizzjoni la fost l-ajruporti u lanqas fost il-kumpaniji tal-ajru.

2.7.

Il-KESE sostna li l-għajnuna mill-Istat għal investimenti fl-infrastruttura tal-ajruport u għajnuna tal-bidu għall-kumpaniji tal-ajru kellha tingħata biss f’każijiet strettament definiti, u kellha tkun limitata skont il-perjodu ta’ żmien u l-intensità. Barra minn hekk, kellha tingħata biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali u b’kunsiderazzjoni xierqa għall-prinċipji tat-trasparenza, it-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni.

2.8.

Fir-rigward tat-trasparenza, il-KESE kkonkluda li l-kundizzjonijiet li bihom kellha tkun disponibbli l-għajnuna pubblika għandhom jiġu ppubblikati għall-pubbliku. Għandu jkun hemm żvelar sħiħ tal-għajnuna disponibbli lill-ajruporti u t-trasportaturi u l-kundizzjonijiet li bihom l-għajnuna ngħatat.

2.9.

Bħala prinċipju ġenerali, kienet il-fehma tal-KESE li l-investiment privat ma jistax jitqies bħala għajnuna mill-Istat. Fl-istess ħin, operatur pubbliku jista’ jaġixxi bħala investitur privat jekk l-investiment huwa kummerċjalment ġustifikabbli.

2.10.

Il-Kumitat kien tal-fehma li kien hemm bżonn li jitħejja studju li jippreżenta l-qagħda attwali tal-għajnuna mill-Istat u prattiki simili f’dik li għandha x’taqsam l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni. B’mod partikolari, sabiex jiġi valutat sa liema punt il-prattika li għadha għaddejja għawġet jew le l-kundizzjonijiet ugwali fost l-ajruporti kif ukoll fost il-linji tal-ajru, l-istudju għandu jipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-ammont u t-tip ta’ għajnuna mogħtija, l-impatt tagħha fuq l-iżvilupp/l-effiċjenza eknomiku/a reali, u l-impatt kwantitattiv u kwalitattiv fuq l-impjieg.

2.11.

Il-KESE rrimarka li l-linji gwida l-ġodda għandhom iqisu l-interess tal-impjegati u l-vjaġġaturi. Peress li r-riżorsi umani huma komponent essenzjali tal-kwalità tas-sistema tat-trasport bl-ajru, jeħtieġ li industrija sostenibbli tal-avjazzjoni ċivili toffri impjieg ta’ kwalità u kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol. Għall-istess raġunijiet huwa importanti li jitħeġġeġ id-djalogu soċjali sabiex jiġi evitat id-dumping soċjali fis-settur.

2.12.

Il-KESE appella wkoll għal politika fit-tul fir-rigward tal-iżvilupp tal-ajruporti reġjonali. Il-Linji Gwida tal-Avjazzjoni jistgħu jiġu infurzati b’suċċess biss jekk ikun hemm qbil dwar prijoritajiet ta’ politika ċari dwar l-iżvilupp tal-ajruport reġjonali. Kellu jkun il-kompitu tal-Kummissjoni li tfassal din l-aġenda ta’ politika sabiex din titħejja mingħajr iktar dewmien.

2.13.

Il-KESE appella lill-Istati Membri biex jagħtu appoġġ u impenn b’saħħithom għat-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida l-ġodda. Dan l-appell kien partikolarment rilevanti safejn hija kkonċernata l-allokazzjoni tal-fondi tal-UE fil-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid. “Li nagħmlu iktar b’baġit iżgħar jeħtieġ prijoritajiet ċari. L-iżvilupp reġjonali huwa importanti ħafna, iżda m’għandux jiġġustifika aktar l-iżvilupp tal-ajruporti, fejn ma hemm l-ebda possibbiltà li tinħoloq biżżejjed domanda”.

3.   Il-qagħda attwali tal-Linji Gwida tal-Avjazzjoni

3.1.

Fl-20 ta’ Frar 2014 il-Kummissjoni Ewropea addottat il-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-Ajruporti u l-Linji tal-Ajru, li ħadu post dawk li kienu ilhom fis-seħħ għal kważi għaxar snin (1994 u 2005).

3.2.

Ir-regoli l-ġodda jippermettu l-għoti ta’ għajnuna operattiva lil ajruporti żgħar li mhux qed jagħmlu qligħ matul perjodu tranżitorju ta’ għaxar snin. Wara dak iż-żmien l-ajruport irid ikopri l-ispejjeż tiegħu. L-ammont massimu ta’ għajnuna permess huwa:

50 % tad-differenza meħtieġa għall-finanzjament operattiv inizjali għal ajruporti li jirċievu inqas minn 3 miljun passiġġier fis-sena,

80 % għal ajruporti li jirċievu sa 7 00  000 passiġġier fis-sena.

3.2.1.

Madankollu, se jkun għadu possibbli li jingħata kumpens għal spejjeż operattivi għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali mhux koperti. Dan ikun japplika għal ajruporti b’rwol importanti fit-titjib tal-konnettività reġjonali ta’ reġjuni iżolati remoti jew periferiċi.

3.3.

L-għajnuna għal investiment trid tkun iktar immirata u permessa biss jekk ikun hemm ħtieġa ġenwina għal trasport u sakemm l-effetti pożittivi huma ċari. Kapaċità ta’ trasport addizzjonali għandha tinħoloq biss meta hemm domanda għaliha. M’għandha tingħata l-ebda għajnuna għal investiment meta l-investiment idgħajjef ajruporti li diġà jeżistu fl-istess żona, u l-ebda għajnuna għal investiment f’żoni li diġà għandhom konnessjonijiet tajbin b’mezzi oħra ta’ trasport.

3.3.1.

L-ammont massimu ta’ investiment permess huwa:

Sa 25 % għal ajruporti li jirċievu 3-5 miljun passiġġier fis-sena,

Sa 50 % għal ajruporti li jirċievu 1-3 miljun passiġġier fis-sena,

Sa 75 % għal ajruporti li jirċievu inqas minn miljun passiġġier fis-sena,

L-ebda għajnuna għal ajruporti li jirċievu ‘l fuq minn 5 miljun passiġġier fis-sena (b’eċċezzjonijiet żgħar, jiġifieri rilokazzjoni).

Il-limitu massimu għal għajnuna għal investiment għall-finanzjament tal-infrastruttura tal-ajruporti jista’ jiżdied sa 20 % għal ajruporti li jinsabu f’reġjuni remoti.

3.4.

Il-linji tal-ajru se jkunu jistgħu jirċievu għajnuna li tkopri sa 50 % tal-ħlasijiet tal-ajruporti għal destinazzjonijiet ġodda matul perjodu ta’ tliet snin. Arranġamenti iżjed flessibbli jistgħu jkunu ġustifikati għal ajruporti li jinsabu f’reġjuni remoti.

3.5.

Arranġamenti bejn linji tal-ajru u ajruporti se jiġu kkunsidrati ħielsa mill-għajnuna jekk investitur privat, li jopera taħt kundizzjonijiet tas-suq normali, ikun aċċetta l-istess kriterji. Jekk l-arranġament ma jagħmilx qligħ, il-ftehim bejn l-ajruport u l-linja tal-ajru se jiġi kkunsidrat bħala appoġġ pubbliku lil-linja tal-ajru.

Brussell, 9 ta’ Lulju 2014

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


Top