EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012XX0209(03)
Opinion of the European Data Protection Supervisor on the proposal for a Council Decision on the conclusion of the Agreement between the United States of America and the European Union on the use and transfer of Passenger Name Records to the United States Department of Homeland Security
Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment ta’ Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti
Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment ta’ Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti
ĠU C 35, 9.2.2012, p. 16–22
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
9.2.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 35/16 |
Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment ta’ Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti
2012/C 35/03
IL-KONTROLLUR EWROPEW GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha,
Wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (1),
Wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-data, u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu (2),
ADOTTA L-OPINJONI LI ĠEJJA
1. INTRODUZZJONI
1.1. Konsultazzjoni tal-KEPD u l-għan tal-Opinjoni
1. |
Fit-28 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni adottat Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar l-użu u t-trasferiment ta’ Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (3) (minn hawn ’il quddiem: “il-ftehim”). |
2. |
Fid-9 ta’ Novembru 2011, il-KEPD ġie kkonsultat b’mod informali dwar l-abbozz tal-Proposta, fil-kuntest ta’ proċedura mgħaġġla. Fil-11 ta’ Novembru 2011, huwa ħareġ għadd ta’ kummenti ristretti. L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tikkumplimenta dawn il-kummenti fid-dawl ta’ din l-Proposta u li tagħmel l-opinjonijiet tiegħu disponibbli għall-pubbliku. Din l-Opinjoni tibni wkoll fuq numru ta’ interventi preċedenti mill-KEPD u l-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 rigward il-PNR. |
1.2. Il-Kuntest tal-Propost
3. |
Il-ftehim għandu l-għan li jipprovdi bażi legali soda għat-trasferiment tad-dejta tal-PNR mill-UE lill-Istati Uniti. Attwalment it-trasferiment huwa bbażat fuq il-ftehim tal-2007 (4) peress li l-Parlament iddeċieda li jipposponi l-vot tiegħu dwar il-kunsens sakemm jiġi sodisfatt it-tħassib tiegħu dwar il-protezzjoni tad-dejta. B’mod partikolari, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju 2010 (5), il-Parlament irrefera għar-rekwiżiti li ġejjin:
|
4. |
Dan il-ftehim għandu jiġi kkunsidrat fil-kuntest tal-approċċ globali għall-PNR, li jinkludi negozjati ma’ pajjiżi terzi oħra (jiġifieri l-Awstralja (8) u l-Kanada (9)), u proposta għal skema tal-PNR fil-livell tal-UE (10). Huwa jaqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni tan-negozjati attwali għal ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-iskambju ta’ dejta personali fil-qafas tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali (11). F’kuntest usa’, il-ftehim ġie inizjalat ftit ġimgħat qabel l-adozzjoni mistennija tal-proposti għar-reviżjoni tal-qafas ġenerali għall-protezzjoni tad-dejta (12). |
5. |
Il-KEPD jilqa’ dan l-approċċ globali bil-għan li jipprovdi qafas legali koerenti għall-ftehimiet tal-PNR b’mod konformi mar-rekwiżiti legali tal-UE. Madankollu, huwa jiddispjaċih li dan iż-żmien, fil-prattika, ma jippermettix li tiġi żgurata l-konsistenza ta’ dawn il-ftehimiet mar-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-protezzjoni tad-dejta. Huwa jixtieq ifakkar ukoll li l-ftehim ġenerali bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-iskambji tad-dejta għandu jkun applikabbli għall-Ftehim dwar il-PNR bejn l-UE u l-Istati Uniti. |
2. RIMARKI ĠENERALI
6. |
Skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, kwalunkwe limitazzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali għandha tkun meħtieġa, proporzjonali u stabbilita bil-liġi. Kif intqal ripetutament mill-KEPD (13) u l-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 (14), il-ħtieġa u proporzjonalità tal-iskemi tal-PNR u tat-trasferimenti kbar ta’ dejta tal-PNR lil pajjiżi terzi s’issa għadhom ma ntwerewx. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali huma ta’ din il-fehma wkoll (15). Il-kummenti speċifiċi ta’ hawn taħt huma mingħajr preġudizzju għal din l-osservazzjoni preliminari u fundamentali. |
7. |
Filwaqt li dan il-ftehim jinkludi xi titjib meta mqabbel mal-ftehim tal-2007, u jinkludi salvagwardji xierqa dwar is-sigurtà u s-sorveljanza tad-dejta, ma jidher li ġie sodisfatt l-ebda tħassib ewlieni espress fl-opinjonijiet imsemmija hawn fuq u lanqas il-kundizzjonijiet meħtieġa mill-Parlament Ewropew biex jipprovdi l-kunsens tiegħu (16). |
3. RIMARKI SPEĊIFIĊI
3.1. L-għan għandu jiġi ċċarat
8. |
L-Artikolu 4(1) tal-ftehim jiddikjara li l-Istati Uniti jipproċessaw dejta tal-PNR għall-finijiet ta’ prevenzjoni, skoperta, investigazzjoni u prosekuzzjoni ta’ (a) reati terroristiċi u reati relatati u (b) reati li huma punibbli b’sentenza ta’ priġunerija ta’ tliet snin jew aktar u li huma transnazzjonali fin-natura. Xi wħud minn dawn il-kunċetti huma definiti aktar. |
9. |
Għalkemm dawn id-definizzjonijiet huma aktar preċiżi milli fil-ftehim tal-2007, għad hemm xi kunċetti u eċċezzjonijiet vagi li jistgħu jinjoraw il-limitazzjoni tal-iskop u jħassru ċ-ċertezza legali. B’mod partikolari:
|
3.2. Il-lista tad-dejta tal-PNR li għandha tiġi ttrasferita trid titnaqqas
10. |
L-Anness I tal-ftehim fih 19-il tip ta’ dejta li sejra tintbagħat lill-Istati Uniti. Ħafna minnhom jinkludu wkoll kategoriji differenti ta’ dejta u huma identiċi għall-oqsma tad-dejta fil-ftehim tal-2007, li kienu diġà meqjusa sproporzjonati mill-KEPD u mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 (18). |
11. |
Dan jirreferi b’mod partikolari għall-qasam “Rimarki ġenerali inkluż informazzjoni OSI (19), SSI (20) and SSR (21)”, li jista’ jiżvela dejta relatata ma’ twemmin reliġjuż (e.ż., il-preferenzi tal-ikel) jew mas-saħħa (e.ż. talba għal siġġu tar-roti). Dejta sensittiva bħal din għandha tiġi eskluża mil-lista b’mod espliċitu. |
12. |
Filwaqt li tiġi evalwata l-proporzjonalità tal-lista, għandu jitqies li minħabba t-trasmissjoni avvanzata (l-Artikolu 15(3) tal-ftehim), dawn il-kategoriji sejrin jirreferu mhux biss għal passiġġieri attwali iżda wkoll għal dawk l-individwi li finalment ma jtirux (e.ż., minħabba kanċellazzjonijiet). |
13. |
Barra minn hekk, il-preżenza ta’ oqsma tad-dejta miftuħ tista’ tħassar iċ-ċertezza legali. Kategoriji bħal “l-informazzjoni kollha disponibbli dwar kuntatti”, “l-informazzjoni dwar il-bagalji kollha” u “rimarki ġenerali” għandhom jiġu definiti aħjar. |
14. |
Għalhekk, il-lista għandha titnaqqas. B’mod konformi mal-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 (22), aħna nemmnu li d-dejta għandha tkun limitata għal din l-informazzjoni: kodiċi tal-lokalizzatur tar-reġistrazzjoni tal-PNR, data tal-prenotazzjoni, data(i) tal-ivvjaġġar previst, isem tal-passiġġieri, ismijiet oħra tal-PNR, itinerarju tal-vjaġġi kollha, identifikaturi għall-biljetti b’xejn, biljetti mingħajr ritorn, informazzjoni fil-qasam tal-biljetti, dejta tal-ATFQ (Kwotazzjoni Awtomatizzata tal-Prezz tal-Biljett), numru tal-biljett, data tal-ħruġ tal-biljett, assenzi preżenza, numru ta’ bagalji, numri tat-tikketta tal-bagalji, passiġġieri mingħajr prenotazzjoni, numru ta’ bagalji fuq kull segment, promozzjonijiet volontarji/involontarji, il-bidliet storiċi kollha għad-dejta tal-PNR fir-rigward tal-punti msemmija hawn fuq. |
3.3. Id-DHS ma għandux jipproċessa dejta sensittiva
15. |
L-Artikolu 6 tal-ftehim jiddikjara li d-DHS għandu juża sistemi awtormatizzati għall-filtrazzjoni u “l-protezzjoni” ta’ dejta sensittiva. Madankollu, id-dejta sensittiva għandha tiġi maħżuna għal mill-inqas 30 jum u tista’ tintuża f’każijiet speċifiċi (l-Artikolu 6(4)). Il-KEPD jenfasizza li, anki wara li jkun hemm “protezzjoni”, din id-dejta xorta tkun “sensittiva” u tirrigwarda persuni fiżiċi identifikabbli. |
16. |
Kif diġà ġie ddikjarat mill-KEPD, id-DHS m’għandux jipproċessa dejta sensittiva relatata maċ-ċittadini tal-UE, anki jekk ikun hemm “protezzjoni” taghha meta tasal. Il-KEPD jirrakkomanda li fit-test tal-ftehim jiġi speċifikat li t-trasportaturi bl-ajru m’għandhomx jittrasferixxu dejta sensittiva lid-DHS. |
3.4. Il-perjodu ta’ żamma huwa eċċessiv
17. |
L-Artikolu 8 jistabbilixxi li d-dejta tal-PNR għandha tinżamm sa 5 snin f’database attiva u mbagħad tiġi trasferita f’database inattiva u tiġi maħżuna sa 10 snin. Dan il-perjodu massimu ta’ żamma ta’ 15-il sena huwa spropozjonat b’mod ċar, irrispettivament minn jekk id-dejta tinżammx f’databases “attivi” jew “inattivi”, kif ġie diġà enfasizzat mill-KEPD u l-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29. |
18. |
L-Artikolu 8(1) jispeċifika li d-dejta sejra tkun “depersonalizzat[a] u protett[a]” sitt xhur wara li tasal fid-DHS. Madankollu, kemm dejta “protetta” u dejta maħżuna f’“database inattiva” huma dejta personali sakemm dawn ma jiġux anonimizzati. Id-dejta għandha għalhekk tiġi anonimizzata (b’mod irriversibbli) jew imħassra immedjatament wara l-analiżi jew wara massimu ta’ 6 xhur. |
3.5. Użu tal-metodu “push” u l-frekwenza tat-trasferimenti
19. |
Il-KEPD jilqa’ l-Artikolu 15(1), li jiddikjara li d-dejta sejra tiġi trasferita permezz tal-metodu “push”. Madankollu, l-Artikolu 15(5) jeħtieġ li t-trasportaturi “jipprovdu aċċess” għad-dejta tal-PNR f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Sabiex jiġi prekluż b’mod definittiv l-użu tas-sistema “pull”, u fid-dawl tat-tħassib li reċentement ġie enfasizzat għal darb’oħra mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 (23), aħna nagħtu parir li l-ftehim jipprojbixxi b’mod espliċitu l-possibbiltà li uffiċjali tal-Istati Uniti jkollhom aċċess għad-dejta separatament permezz ta’ sistema “pull”. |
20. |
In-numru u l-perjodiċità tat-trasferimenti minn trasportaturi bl-ajru lid-DHS għandu jiġi definit fil-ftehim. Sabiex tittejjeb iċ-ċertezza legali, il-kundizzjonijiet li fihom ikunu awtorizzati trasferimenti addizzjonali għandhom ikunu aktar dettaljati. |
3.6. Sigurtà tad-dejta
21. |
Il-KEPD jilqa’ l-Artikolu 5 tal-ftehim dwar is-sigurtà u l-integrità tad-dejta u, b’mod partikolari, l-obbligu li l-individwi affettwati jiġu notifikati rigward inċident relatat mal-privatezza. Madankollu, l-elementi li ġejjin ta’ notifika tal-ksur tad-dejta għandhom jiġu ċċarati:
|
22. |
Il-KEPD jappoġġa l-obbligu li kull aċċess u pproċessar tal-PNR jiġi rreġistrat jew dokumentat, peress li dan sejjer jippermetti verifika dwar jekk id-DHS ikunx uża d-dejta tal-PNR b’mod xieraq u jekk kienx hemm xi aċċess mhux awtorizzat għas-sistema. |
3.7. Superviżjoni u infurzar
23. |
Il-KEPD jilqa’ l-fatt li l-konformità mas-salvagwardji tal-privatezza fil-ftehim sejra tkun soġġetta għal reviżjoni indipendenti u sorveljanza mill-Uffiċjali dwar il-Privatezza tad-Dipartiment bħall-Kap Uffiċjal tal-Privatezza tad-DHS, kif iddikjarat fl-Artikolu 14(1). Madankollu, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta, il-KEPD u l-Awtoritajiet nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Dejta għandhom jaħdmu mad-DHS fuq il-proċeduri u l-modalitajiet tal-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet (24). Il-KEPD jilqa’ referenza għal din il-kooperazzjoni fil-ftehim. |
24. |
Il-KEPD jappoġġja bis-sħiħ id-dritt għal rimedju “irrispettivament min-nazzjonalità, il-pajjiż ta’ oriġini, jew il-post ta’ residenza” stabbilit fl-Artikolu 14(1), it-tieni subparagrafu. Madankollu, huwa jiddispjaċih li l-Artikolu 21 jiddikjara b’mod espliċitu li l-ftehim “m’għandux joħloq jew jagħti, skont il-liġi tal-Istati Uniti, xi dritt jew benefiċċju lil kwalunkwe persuna”. Anki jekk jingħata d-dritt għal “stħarriġ ġudizzjarju” fl-Istati Uniti skont il-ftehim, dan id-dritt ma jistax ikun ekwivalenti għad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fl-UE, b’mod partikolari fid-dawl tar-restrizzjoni ddikjarata fl-Artikolu 21. |
3.8. Trasferimenti nazzjonali u internazzjonali ’l quddiem
25. |
L-Artikolu 16 tal-ftehim jipprojbixxi t-trasferiment tad-dejta lill-awtoritajiet domestiċi li ma jipprovdux lill-PNR salvagwardji “ekwivalenti jew paragunabbli” għal dawk stabbiliti f’dan il-ftehim. Il-KEPD jilqa’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, il-lista ta’ awtoritajiet li jistgħu jirċievu dejta tal-PNR, għandha tiġi speċifikata aħjar. F’dak li jirrigwarda trasferimenti internazzjonali, il-ftehim jipprevedi li dawn għandhom iseħħu biss jekk l-użu maħsub tar-riċevitur ikun konsistenti ma’ dan il-ftehim u jipprovdi salvagwardji tal-privatezza “paragunabbli” ma’ dawk previsti fil-ftehim, ħlief f’ċirkostanzi ta’ emerġenza. |
26. |
Fir-rigward tal-kliem “paragunabbli” jew “ekwivalenti” użat fil-ftehim, il-KEPD jixtieq jenfasizza li m’għandu jsir l-ebda trasferiment domestiku jew internazzjonali ’l quddiem mid-DHS sakemm il-benefiċjarju ma jipprovdix salvagwardji li mhumiex inqas strinġenti minn dawk stabbiliti f’dan il-ftehim. Fil-ftehim għandu jiġi ċċarat ukoll li t-trasferiment ta’ dejta tal-PNR għandu jsir fuq bażi ta’ każ b’każ, filwaqt li jiġi żgurat li d-dejta meħtieġa biss tiġi ttrasferita lir-riċevituri rilevanti, u ma għandha tiġi permessa l-ebda eċċezzjoni. Barra minn hekk, il-KEPD jirrakkomanda li t-trasferimenti ta’ dejta lejn pajjiżi terzi għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel. |
27. |
L-Artikolu 17(4) jistabbilixxi li meta d-dejta ta’ residenti ta’ Stat Membru tal-UE tiġi trasferiti lejn pajjiż terz, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jiġu infurmati fil-każijiet fejn id-DHS ikun konxju ta’ din is-sitwazzjoni. Din il-kundizzjoni għandha tiġi mħassra, peress li d-DHS għandu dejjem ikun konxju ta’ trasferimenti ’l quddiem lejn pajjiżi terzi. |
3.9. Forma u reviżjoni tal-ftehim
28. |
Mhuwiex ċar liema forma legali hija magħżula mill-Istati Uniti għad-dħul f’dan il-ftehim u kif dan il-ftehim sejjer isir legalment vinkolanti fl-Istati Uniti. Dan għandu jiġi ċċarat. |
29. |
L-Artikolu 20(2) jindirizza l-koerenza mal-iskema possibbli tal-PNR tal-UE. Il-KEPD josserva li l-konsultazzjonijiet dwar l-aġġustament ta’ dan il-ftehim għandhom jeżaminaw b’mod partikolari “jekk kwalunkwe sistema futura tal-PNR tal-UE tapplikax standards ta’ protezzjoni tad-dejta inqas stretti minn dawk previsti f’dan il-ftehim”. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, kull aġġustament għandu wkoll (u partikolarment) jikkunsidra salvagwardji aktar b’saħħithom fi kwalunkwe skema tal-PNR fil-futur. |
30. |
Il-ftehim għandu jiġi rivedut ukoll fid-dawl tal-qafas il-ġdid għall-protezzjoni tad-dejta u tal-konklużjoni possibbli ta’ ftehim ġenerali bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-iskambju ta’ dejta personali fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali. Tista’ tiġi miżjuda dispożizzjoni ġdida simili għall-Artikolu 20(2) li tistabbilixxi li “jekk u meta jiġi adottat qafas ġdid għall-protezzjoni tad-dejta fl-UE jew jiġi konkluż ftehim ġdid dwar l-iskambju ta’ dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin sabiex jiddeterminaw jekk il-Ftehim preżenti għandux jiġi aġġustat skont dan. Konsultazzjonijiet bħal dawn għandhom jeżaminaw b’mod partikolari jekk kwalunkwe modifika futura tal-qafas legali tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE jew kwalunkwe ftehim dwar il-protezzjoni tad-dejta fil-futur bejn l-UE u l-Istati Uniti għandux japplika salvagwardji għall-protezzjoni tad-dejta aktar stretti minn dawk previsti f’dan il-ftehim”. |
31. |
F’dak li jirrigwarda r-reviżjoni tal-ftehim (l-Artikolu 23), il-KEPD iqis li l-Awtoritajiet nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Dejta għandhom jiġu inklużi espliċitament fit-tim ta’ reviżjoni. Ir-reviżjoni għandha tikkonċentra wkoll fuq valutazzjoni tal-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżuri, dwar l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta, u jinkludu verifika tal-mod li bih it-talbiet tas-suġġetti tad-dejta qegħdin jiġu pproċessati fil-prattika, speċjalment meta ma jkun awtorizzat l-ebda aċċess dirett. Il-frekwenza tar-reviżjonijiet għandha tkun speċifikata. |
4. KONKLUŻJONI
32. |
Il-KEPD jilqa’ s-salvagwardji dwar is-sigurtà u s-sorveljanza tad-dejta previsti fil-ftehim u t-titjib meta mqabbla mal-ftehim tal-2007. Madankollu, jibqa’ ħafna tħassib speċjalment rigward il-koerenza tal-approċċ globali għall-PNR, il-limitazzjoni tal-iskop, il-kategoriji tad-dejta li għandha tiġi trasferita lid-DHS, l-ipproċessar ta’ dejta sensittiva, il-perjodu ta’ żamma, l-eċċezzjonijiet għall-metodu “push”, id-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta u t-trasferimenti ’l quddiem. |
33. |
Dawn l-osservazzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti ta’ ħtieġa u proporzjonalità għal kwalunkwe skema leġittima tal-PNR u ftehim li jipprovdi għat-trasferiment kbir ta’ dejta tal-PNR mill-UE lejn pajjiżi terzi. Kif tenna l-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta’ Mejju, “in-neċessità u l-proporzjonalità huma prinċipji ewlenin mingħajr liema l-ġlieda kontra t-terroriżmu qatt ma tista’ tkun effettiva”. |
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2011.
Peter HUSTINX
Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data
(1) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(3) COM(2011) 807 finali.
(4) Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi tal-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti (DHS) (ĠU L 204, 4.8.2007, p. 18).
(5) Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta’ Mejju 2010 dwar it-tnedija ta’ negozjati għal ftehimiet ta’ Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) mal-Istati Uniti, l-Awstralja u l-l-Kanada (ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 70). Ara wkoll ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Marzu 2003 dwar it-trasferiment ta’ data personali mil-linji tal-ajru fil-każ ta’ titjiriet transatlantiċi (ĠU C 61 E, 10.3.2004, p. 381), tad-9 ta’ Ottubru 2003 dwar it-trasferiment ta’ data mil-linji tal-ajru fil-każ ta’ titjiriet transatlantiċi: stat ta’ negozjati mal-Istati Uniti tal-Amerika (ĠU C 81 E, 31.3.2004, p. 105), tal-31 ta’ Marzu 2004 dwar l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-livell adegwat ta’ protezzjoni pprovdut mid-data personali misjuba fir-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNRs) trasferiti lejn l-Uffiċċju tad-Dwana u l-Protezzjoni tal-Fruntieri tal-Istati Uniti (ĠU C 103 E, 29.4.2004, p. 665), ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2006 dwar in-negozjati għal ftehim mal-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-użu ta’ data tar-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali, inkluża l-krminalità organizzata (ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 250), riżoluzzjoni tal-14 ta’ Frar 2007 dwar SWIFT, il-ftehim tal-PNR u d-djaloġu transatlantiku dwar dawn il-kwistjonijiet (ĠU C 287E, 29.11.2007, p. 349), u r-riżoluzzjoni tat-12 ta’ Lulju 2007 dwar il-Ftehim tal-PNR mal-Istati Uniti tal-Amerika (Testi adottati, P6_TA(2007)0347). Dawn huma kollha disponibbli fuq http://www.europarl.europa.eu
(6) Limitata għall-infurzar tal-liġi u l-finijiet tas-sigurtà fil-każijiet ta’ kriminalità serja organizzata u transnazzjonali jew terroriżmu ta’ natura transkonfinali, fuq il-bażi tad-definizzjonijiet legali stabbiliti fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3) u fid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew (ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1).
(7) “L-ebda deċiżjoni biex passiġġier ma jtirx jew deċiżjoni ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni ma tista’ tittieħed unikament fuq ir-riżultati ta’ tfittxijiet awtomatizzati bħal dawn jew tfittxijiet fil-bażijiet tad-data”.
(8) Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) minn trasportaturi tal-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri, iffirmat fid-29 ta’ Settembru 2011.
(9) Ftehim bejn il-Komunità Ewropew u l-Gvern tal-Kanada dwar l-ipproċessar ta’ Informazzjoni Antiċipata dwar il-Passiġġieri u r-rekord ta’ Data tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (ĠU L 82, 21.3.2006, p. 15).
(10) Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tad-dejta fir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u reati serji (COM/2011/0032 finali).
(11) Fit-3 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill awtorizza l-ftuħ tan-negozjati għal ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar il-protezzjoni tad-dejta personali meta tiġi trasferita u pproċessata għall-iskop tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-iskoperta jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, inkluż it-terroriżmu, fil-qafas tal-kooperazzjoni mal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali. Ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni fuq http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/10/1661
(12) Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija komprensiva dwar il-ħarsien tad-dejta personali fl-Unjoni Ewropea, 4 ta’ Novembru 2010, COM(2010) 609 finali, u s-segwitu tagħha.
(13) Opinjoni tal-KEPD tal- 25 ta’ Marzu 2011 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-dejta fir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u reati serji; Opinjoni tal-KEPD tal-15 ta’ Lulju 2011 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-UE u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data fir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri minn trasportaturi tal-ajru lis-Servizz Awstraljan tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntiera; Opinjoni tal-KEPD tad-19 ta’ Ottubru 2010 dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta’ data fir-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri lil pajjiżi terzi; u Opinjoni tal-KEPD tal-20 ta’ Diċembru 2007 dwar il-Proposta għal Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar l-użu ta’ data fir-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi. Kollha disponibbli fuq http://www.edps.europa.eu
(14) Opinjoni 10/2011 tad-WP29 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu tad-data fir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri għall-prevenzjoni, l-intraċċar, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u reati serj; Opinjoni 7/2010 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-approċċ globali għat-trasferimenti ta’ data fir-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) lil pajjiżi terzi; Opinjoni 5/2007 dwar il-ftehim ta’ segwitu bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data fir-reġistri tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) minn trasportaturi tal-ajru lid-Dipartiment tas-Sigurtà Interna tal-Istati Uniti konkluż f’Lulju 2007 u Opinjoni 4/2003 dwar il-Livell ta’ Protezzjoni żgurat fl-Istati Uniti għat-Trasferiment tad-Data tal-Passiġġieri. Dawn huma kollha disponibbli fuq http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/workinggroup/wpdocs/2011_en.htm
(15) Opinjoni tal-FRA tal-14 ta’ Ġunju 2011 dwar il-Proposta għal Direttiva dwar l-użu ta’ data fir-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u reati serji (disponibbli fuq http://fra.europa.eu/fraWebsite/attachments/FRA-PNR-Opinion-June2011.pdf) u Opinjoni tal-KESE tal-5 ta’ Mejju 2011 dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta’ data fir-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni, l-iskoperta, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati terroristiċi u reati serji (disponibbli fuq http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.soc-opinions.15579).
(16) Ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 5.
(17) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3).
(18) Ara l-Opinjonijiet tal-KEPD u tad-WP29 imsemmija hawn fuq.
(19) Informazzjoni oħra relatata mas-Servizzi.
(20) Informazzjoni dwar Servizzi Speċjali.
(21) Talbiet dwar Servizzi Speċjali.
(22) Ara l-Opinjoni 4/2003 tad-WP29, imsemmija hawn fuq.
(23) Ara l-Ittra tad-19 ta’ Jannar 2011 mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 lill-Kummissarju Malmström rigward il-Ftehim tal-PNR tal-UE mal-Istati Uniti, il-Kanada u l-Awstralja.
(24) Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 pereżempju diġà pprovda gwida dwar l-għoti ta’ informazzjoni lill-passiġġieri (ara l-Opinjoni 2/2007 tad-WP29 tal-15 ta’ Frar 2007 (riveduta u aġġornata fl-24 ta’ Ġunju 2008) dwar informazzjoni lill-passiġġieri dwar it-trasferiment ta’ dejta fil-PNR lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/justice/policies/privacy/docs/wpdocs/2008/wp151_mt.pdf)