Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IP0147

    Ir-rieżami tas-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali u l-istabbiliment tal-prijoritajiet għas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 20 ta' April 2012 dwar ir-rieżami tas-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali u l-istabbiliment tal-prijoritajiet għas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali - Ambjent aħjar għall-ħajja aħjar 2011/2194(INI)

    ĠU C 258E, 7.9.2013, p. 115–124 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.9.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 258/115


    Il-Ġimgħa 20 ta’ April 2012
    Ir-rieżami tas-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali u l-istabbiliment tal-prijoritajiet għas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali

    P7_TA(2012)0147

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2012 dwar ir-rieżami tas-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali u l-istabbiliment tal-prijoritajiet għas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali - Ambjent aħjar għall-ħajja aħjar 2011/2194(INI)

    2013/C 258 E/16

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata "Is-sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-Komunità - Valutazzjoni finali" (COM(2011)0531),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 191 u 192 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, relatati mal-preservazzjoni, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent,

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ambjent tal-10 ta' Ottubru 2011 dwar il-Valutazzjoni tas-sitt programm ta' azzjoni ambjentali tal-komunità u t-triq 'il quddiem: Lejn is-7 programm ta' azzjoni ambjentali tal-UE,

    wara li kkunsidra r-rapport taż-ZEE intitolat "L-Ambjent Ewropew - il-Qagħda u l-Prospetti 2010" (SOER2010),

    wara li kkunsidra r-rapport tekniku taż-ŻEE Nru 15/2011 "Niżvelaw l-ispejjeż tat-tniġġis tal-arja mill-faċilitajiet industrijali fl-Ewropa"

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata "Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata "L-assigurazzjoni ta' ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 (COM(2011)0244),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata "Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050" (COM(2011)0112),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni intitolata “Pjan direzzjonali għal Ewropa b'użu effiċjenti tar-riżorsi” (COM(2011)0571),

    wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni intitolata "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti" (COM(2011)0144),

    wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-qafas finanzjarju multiannwali li jmiss għas-snin 2014-2020 (COM(2011)0398),

    wara li kkunsidra l-proposti tal-Kummissjoni dwar ir-riforma tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS) u l-Politika ta' Koeżjoni,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija kif ukoll tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A7-0048/2012),

    A.

    billi s-sitt EAP attwali se jiskadi fit-22 ta' Lulju 2012;

    B.

    billi għal deċennju s-sitt EAP ipprovda qafas globali għall-politika ambjentali, li matul daż-żmien il-leġiżlazzjoni ambjentali ġiet ikkonsolidata u kkompletata b'mod sostanzjali, u billi l-adozzjoni tagħha permezz ta' kodeċiżjoni żiedet il-leġittimità tagħha u għenet toħloq sens ta' sjieda; billi, madankollu, l-Istati Membri u l-Kummissjoni mhux dejjem aġixxew skont dan il-programm, u billi kellu xi nuqqasijiet li għandhom jiġu indirizzati;

    C.

    billi l-progress lejn l-objettivi stabbiliti fis-sitt EAP kien wieħed varjabbli, b’xi objettivi li nkisbu (tibdil fil-klima, skart), u oħrajn li ma nkisbux (l-arja, l-ambjent urban, ir-riżorsi naturali), filwaqt li l-kisba ta’ oħrajn tiddependi fuq l-isforzi futuri tal-implimentazzjoni (il-kimiċi, il-pestiċidi, l-ilma), u billi jibqa’ għadd ta’ sfidi u huma meħtieġa sforzi addizzjonali;

    D.

    billi s-sitt EAP irriżulta f’nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-acquis ambjentali fl-oqsma tal-kontroll tat-tniġġis tal-arja, l-ilma u t-trattament tad-drenaġġ, l-iskart u l-konservazzjoni tan-natura;

    E.

    billi l-għan li jitwaqqaf it-tnaqqis fil-bijodiversità sal-2010 ma ntlaħaqx minħabba n-nuqqas ta’ impenji politiċi u finanzjarji;

    F.

    billi "L-Ambjent Ewropew - il-Qagħda u l-Prospetti 2010" (SOER 2010) jirrimarka li għad baqa' sfidi ambjentali ewlenin li se jkollhom konsegwenzi sinifikanti jekk ma jiġux indirizzati;

    G.

    billi ċerti aspetti tal-leġiżlazzjoni ambjentali għandhom jiġu riveduti, b’mod partikolari, bit-tisħiħ tal-indipendenza tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali fid-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali;

    H.

    billi d-degradazzjoni ambjentali - tniġġis tal-arja, storbju, kimiċi, kwalità baxxa tal-ilma u d-degradazzjoni tal-ekosistema - hija fattur importanti taż-żieda fil-mard kroniku. billi l-aġenda ambizzjuża tal-UE għall-ħarsien ambjentali hija għalhekk komponent ewlieni għall-prevenzjoni effettiva tal-mard u n-nuqqas ta’ saħħa;

    I.

    billi jibqgħu differenzi ewlenin fil-kwalità ambjentali u fis-saħħa pubblika bejn l-Istati Membri;

    1.

    Jissottolinja l-urġenza tal-adozzjoni mill-aktar fis possibbli tas-seba' EAP, sabiex jindirizza l-isfidi ambjentali tal-ġejjieni: għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għas-seba EAP mingħajr dewmien;

    2.

    Iqis li s-seba’ EAP il-ġdid jeħtieġ li jiddeskrivi b’mod mhux ambivalenti l-isfidi ambjentali li l-UE qed tħabbat wiċċha magħhom, inkluż ir-rata mgħaġġla tat-tibdil fil-klima, id-deterjorazzjoni tal-ekosistema tagħna u ż-żieda fl-użu żejjed tar-riżorsi naturali;

    3.

    Iqis, fid-dawl tal-isfidi attwali ta’ sostenibilità li qed tiffaċċja l-UE, li l-Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali, bħala strumenti globali, jikkontribwixxu biex jiżguraw il-koordinazzjoni meħtieġa bejn il-politiki Komunitarji differenti. Iqis, b'mod speċifiku, li fid-deċennju li ġej, se jkun iżjed kruċjali li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ambjentali b'approċċ aktar koerenti u integrat li jikkunsidra r-rabtiet ta' bejniethom u li jimla’ n-nuqqasijiet li għad baqa', għaliex inkella tista’ ssir ħsara irriversibbli;

    4.

    Iqis li s-seba’ EAP għandu jipprovdi narrattiva pożittiva dwar il-benefiċċji tal-politika ambjentali stretta sabiex isaħħaħ l-appoġġ pubbliku u r-rieda politika għall-azzjoni;

    5.

    Għandu l-fehma li s-seba' EAP għandu jistabbilixxi miri konkreti għall-2020 kif ukoll jistabbilixxi viżjoni ambizzjuża u ċara għall-ambjent fl-2050 li għandha l-għan li tipprovdi kwalità għolja tal-ħajja u benesseri għal kulħadd fil-limiti ambjentali siguri;

    6.

    Iqis li l-iskeda ta' żmien għas-seba' EAP għandha tkun allinjata mal-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ta' wara l-2013 u mal-Istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza madankollu li d-deċiżjonijiet ewlenin f’oqsma oħra tal-politika b’impatt qawwi fuq l-ambjent aktarx li jittieħdu qabel l-adozzjoni tas-seba’ EAP.

    7.

    Jenfasizza li s-seba' EAP għandu jipprovdi l-qafas it-tajjeb biex jiżgura finanzjament adegwat, inkluż għall-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp u li l-objettivi ambjentali finanzjarji, f'sinerġija ma' LIFE, u li jintegraw b'mod sħiħ il-protezzjoni tal-ambjent, għandhom ikunu parti importanti tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss, tar-riforma tal-Politika Agrikultura Komuni (PAK), u l-Politika tas-Sajd Komuni (PSK), tal-Politika ta' Koeżjoni u l-Orizzont 2020; iqis b'mod partikolari, li l-UE għandha tippermetti l-ħolqien ta’ sorsi ġodda ta’ finanzjament għall-EAP billi timmobilizza strumenti tas-suq u ħlasijiet għal servizzi tal-ekosistemi;

    8.

    Iqis li s-seba' EAP għandu jkun qafas globali li jagħmilha possibbli li jiġu indirizzati l-isfidi ambjentali u ta' sostenibilità persistenti u emerġenti b’kunsiderazzjoni xierqa tal-miżuri eżistenti u ppjanati;

    9.

    iqis li, għad-deċennju li ġej, is-seba' EAP għandu jiżgura li l-għażliet ambjentali tal-UE jkunu ċari u prevedibbli biżżejjed għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u lokali, ċittadini, negozji u investituri; huwa tal-opinjoni li dan il-programm tal-UE globali għandu jibgħat messaġġ politiku qawwi lill-bqija tad-dinja u jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' governanza ambjentali internazzjonali;

    10.

    Jistieden lill-Kummissjoni tibbaża l-proposta futura tagħha għas-seba' EAP fuq it-tliet prijoritajiet li ġejjin:

    Implimentazzjoni u tisħiħ

    Integrazzjoni

    Dimensjoni internazzjonali

    11.

    Jemmen li ħafna mill-miri li jinsabu fis-sitt Programm ta' Azzjoni Ambjentali huma fformulati sew, iżda huwa wkoll konxju li ħafna għadhom 'il bogħod milli jiġi sodisfati; Għalhekk, il-Parlament Ewropew jixtieq li jara aktar minn dawn l-objettivi trasferiti għas-seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali.

    12.

    Jixtieq jenfasizza l-importanza li l-prinċipju tal-prekawzjoni jitħalla jiggverna l-politika ambjentali tal-UE;

    Implimentazzjoni u tisħiħ

    13.

    Jinnota bi tħassib li l-implimentazzjoni tal-acquis ambjentali għadha mhijiex suffiċjenti; iqis li l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar fil-livelli kollha, u t-tisħiħ addizzjonali tal-prijoritajiet politiċi ambjentali ewlenin u relatati - il-bidla fil-klima, il-bijodiversità, ir-riżorsi, l-ambjent u s-saħħa, kif ukoll il-politiki soċjali u tal-impjieg, l-enerġija, it-trasport sostenibbli, l-agrikoltura sostenibbli u l-iżvilupp rurali - huma kruċjali; għalhekk jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ leġiżlazzjoni ambjentali ċara, konsistenti, ibbażata fuq l-evalwazzjonijiet u l-feedback tal-politika pubblika;

    14.

    Jissottolinja l-fatt li l-konformità sħiħa mal-liġi ambjentali tal-UE hija obbligu ġenwin tat-Trattat u kriterju għall-użu tal-fondi tal-UE fl-Istati Membri;

    15.

    Jenfasizza l-importanza fundamentali li għandha l-informazzjoni li tingħata liċ-ċittadini dwar il-politiki ambjentali tagħna biex jiġu involuti fis-suċċess ta' tali politiki. jitlob, għalhekk, li f’dan ir-rigward isir sforz akbar fil-Programm futur ta’ Azzjoni, bil-kunsiderazzjoni li l-ħolqien ta’ ambjent aħjar għal ħajja aħjar ma jistax isir b’mod unilaterali mill-Istituzzjonijiet mingħajr l-għajnuna tas-soċjetà nnifisha;

    Tibdil fil-klima

    16.

    Għandu l-fehma li s-seba' EAP għandu jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-pakkett dwar il-klima u l-enerġija u jipprovdi għat-tisħiħ tiegħu;

    17.

    Iqis li s-seba' EAP għandu jirrifletti l-ħtieġa għall-miri vinkolanti għall-effiċjenza tal-enerġija u/jew l-iffrankar tal-enerġija peress li dan se jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u għall-protezzjoni ambjentali; jenfasizza l-importanza ta' qafas Komunitarju flessibbli, sabiex jiġi żgurat li l-miżuri proposti għall-effiċjenza tal-enerġija jikkunsidraw b'mod xieraq l-ispeċifiċitajiet f'kull Stat Membru;

    18.

    Għandu l-fehma li s-seba’ EAP għandu jkompli bid-dibattitu lil hinn mill-2020 u jqis il-miri fuq perjodu ta’ żmien medju għat-tnaqqis fl-emissjonijiet, l-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli għall-2030;

    19.

    Iqis li s-seba' EAP għandu jindirizza wkoll l-emmissjonijiet marittimi u dawk mhux tas-CO2;

    20.

    Iqis li l-adattament għat-tibdil fil-klima għandu jiġi indirizzat sew mis-seba’ EAP, b'kunsiderazzjoni tan-neċessitajiet differenti tar-reġjuni, fuq il-bażi tal-Istrateġija ta' Adattament tal-UE li ġejja; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi riforma ambizzjuża tal-leġiżlazzjoni dwar is-saħħa tal-pjanti tal-UE għall-ġlieda effettiva kontra t-tixrid ta’ speċi invażivi u organiżmi ta' ħsara, li wħud minnhom huma kkawżati mill-bidla fil-klima.

    21.

    Jirrikonoxxi l-benefiċċji addizzjonali tal-produzzjoni li dejjem qed tiżdied tal-enerġija rinnovabbli f’termini tat-tnaqqis fit-tniġġis u l-impatti fuq is-saħħa, sakemm tnaqqas b'mod effikaċi l-produzzjoni tal-enerġija mhux rinnovabbli;

    22.

    Jirrakkomanda li jissaħħaħ l-appoġġ għall-istrateġiji reġjonali ta’ karbonju baxx u reżiljenti għall-klima kif ukoll proġetti fil-klima fuq skala żgħira mwettqa mill-SMEs, l-NGOs u awtoritajiet lokali fis-subprogramm Azzjoni għall-Klima inklużi fil-programm ġdid LIFE propost mill-Kummissjoni;

    Użu Effiċjenti u Sostenibbli tar-Riżorsi

    23.

    Ifakkar li tnaqqis assolut tal-użu tar-riżorsi huwa meħtieġ b'mod urġenti; jistieden lill-Kummissjoni tinterpreta t-terminu "effiċjenza tar-riżorsi" b’mod wiesa’, sabiex fih jiġu inklużi r-riżorsi kollha; jindika li fost dawn hemm, pereżempju, ir-riżorsi enerġetiċi naturali u mhux enerġetiċi, bħall-ilma, l-ekosistemi, u l-bijodiversità; jistieden lill-Kummissjoni tintegra wkoll il-ġestjoni ta’ materjali sostenibbli u s-sostenibilità fil-produzzjoni u l-konsum fil-qasam tal-effiċjenza tar-riżorsi;

    24.

    Iqis li s-seba' EAP għandu jkun strumentali fil-kisba ta' mira fit-tul, jiġifieri t-tnaqqis tal-Impronta Ekoloġika bil-50 % fl-20 sena li ġejjin; jirrimarka li l-impronta ekoloġika eċċessiva tal-UE qed timmina l-perspettivi reġjonali u globali tal-ekosistemi naturali li jistgħu jappoġġaw lill-bniedem b’mod suffiċjenti;

    25.

    Iqis li l-objettivi tal-Pjan Direzzjonali lejn Ewropa b'użu effiċjenti tar-riżorsi għandu jiġi inkluż bis-sħiħ fis-seba' EAP;

    26.

    Jistieden lill-Kummissjoni tuża diġà - u ttejjeb - l-indikaturi eżistenti tal-effiċjenza tar-riżorsi meta jkunu disponibbli, u tistabbilixxi għanijiet mingħajr dewmien f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet l-oħra kollha interessati, u biex tiżviluppa malajr kemm jista' jkun indikaturi ġodda u għanijiet fejn meħtieġ, kif mitlub fil-Pjan Direzzjonali; jistieden lill-Kummissjoni, minħabba l-limitazzjonijiet tal-indikatur prinċipali fuq il-produttività tar-riżorsi, tiddefinixxi mill-aktar fis possibbli indikatur tal-konsum tal-materjal skont approċċ ibbażat fuq iċ-ċiklu tal-ħajja li jintegra l-flussi moħbija, jiġifieri, it-trasferiment possibbli ta’ pressjonijiet ambjentali barra mill-UE u l-moviment ta’ nuqqasijiet u dipendenzi.

    27.

    Huwa tal-opinjoni li s-seba’ EAP għandu jipprovdi għall-iżvilupp ta’ qafas leġiżlattiv għall-integrazzjoni f’politiki rilevanti, speċjalment fil-każ tal-produzzjoni sostenibbli, tal-idea tal-użu kaskata tar-riżorsi, sabiex jiżgura li l-materja prima skarsa tintuża fil-potenzjal sħiħ tagħha;

    28.

    Huwa tal-opinjoni li s-seba' EAP għandu jinkludi objettivi dwar kif jiġi indirizzat l-ambjent urban, fejn tgħix il-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej, fejn jiġu prodotti iktar minn żewġ terzi tal-emissjonijiet tas-Co2, u fejn iseħħ impatt konsiderevoli fuq l-ambjent, u għandu jipprovdi gwida dwar kif għandu jiġi promoss l-ippjanar ambjentali integrat, il-mobilità sostenibbli, il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa tal-bniedem fl-ibliet, b'kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta' sussidjarjetà;

    29.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, bil-għan li jiġu implimentati strateġiji li jnaqqsu t-tniġġis fl-ambjent urban, jeżaminaw il-possibilità li jinħoloq qafas ta’ appoġġ Ewropew għall-implimentazzjoni progressiva ta’ pjanijiet ta’ mobilità urbana fil-bliet Ewropej, li jistabbilixxi proċeduri u mekkaniżmi ta’ appoġġ finanzjarju fuq livell Ewropew għall-preparazzjoni ta’ rapporti ta’ awditjar għall-mobilità urbana kif ukoll pjanijiet għall-mobilità urbana, u jistabbilixxu Tabella ta’ Mobilità Urbana Ewropea;

    30.

    Iqis li s-seba' EAP għandu jipprovdi għall-kisba sħiħa tal-għanijiet għall-konsum u l-produzzjoni sostenibbli u ekoloġiċi stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali, pereżempju rigward l-Akkwist Pubbliku Aħdar u Sostenibbli f'konformità mal-prinċipji ta' trasparenza u kompetizzjoni ġusta; jitlob li jkun hemm żbilupp tal-politika tal-prodott, jiġi indirizzat iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-prodott u jiġu inklużi l-metodi favur il-benessri tal-annimali; jistieden lill-Kummissjoni, ladarba jkun ġie finalizzat il-metodu Ewropew armonizzat għall-kalkolu tal-impronta ambjentali ta' prodott, tiżgura li tiġi inkluża informazzjoni addizzjonali għall-konsumaturi dwar l-impatt ambjentali tal-prodotti, lil hinn minn skemi eżistenti (eko-tikketta, tikketta tal-enerġija, ċertifikazzjoni organika, eċċ); jistieden lill-Kummissjoni testendi l-ambitu tad-Direttiva tal-Ekodisinn u terġa' teżamina l-implimentazzjoni tagħha;

    31.

    Iqis li s-seba’ EAP għandu jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ skemi ta’ inċentivi għall-appoġġ tad-domanda għall-materjali riċiklati, speċjalment meta jkunu inkorporati fil-prodotti finali;

    32.

    Għandu l-opinjoni li s-seba' EAP għandu jipprovdi għall-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart, inkluża l-konformità mal-ġerarkija tat-trattament tal-iskart filwaqt li tiġi żgurata koerenza ma' politiki tal-UE oħrajn; iqis li għandu jistabbilixxi miri ta' prevenzjoni, użu mill-ġdid u ta' riċiklaġġ aktar ambiżżjuzi, inkluż tnaqqis nett fil-ġenerazzjoni tal-iskart, l-ebda inċinerazzjoni tal-iskart li jkun adattat għar-riċiklaġġ jew għall-ikkompostjar fir-rigward tal-ġerarkija tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, u projbizzjoni stretta fuq ir-rimi ta' skart miġbur b'mod selettiv f'landfills, kif ukoll l-objettivi settorjali għall-effiċjenza tar-riżorsi u punti ta’ referenza dwar l-effiċjenza tal-proċess. ifakkar li l-iskart ukoll huwa riżorsa u spiss jista’ jerġa’ jintuża, u f’dan il-każ inkunu nistgħu niżguraw l-użu effiċjenti tar-riżorsi; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga kif tista' tagħmel il-ġbir tal-iskart minn prodotti tal-konsumaturi iktar effiċjenti kemm billi testendi l-prinċipju ta' responsabbiltà estiża tal-produttur kif ukoll permezz ta' linji gwida dwar il-ġestjoni tas-sistemi tal-irkupru, il-ġbir u r-riċiklaġġ. jenfasizza l-bżonn ta’ investiment fir-riċiklaġġ tal-materja prima u ta' elementi terrestri rari, peress li l-attività tal-minjieri, ir-raffineriji u r-riċiklaġġ ta’ elementi rari jista’ jkollhom konsegwenzi serji fuq l-ambjent jekk ma jkunux immaniġjati sewwa;

    33.

    Jemmen li l-miri li diġà ġew stabbiliti f’diversi Direttivi rigward il-ġbir u s-separazzjoni tal-iskart, għandhom jiġu elaborati aktar u stabbiliti għall-ikbar u l-iżjed irkupru kwalitattiv ta’ materja f’kull fażi tar-riċiklaġġ, jiġifieri l-ġbir, id-diżarmar, l-ipproċessar minn qabel u r-riċiklaġġ/raffinerija;

    34.

    Iqis li s-seba' EAP għandu jikkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-Pjan għall-Politika tal-UE dwar l-Ilma li ġej u jenfasizza l-valur ta’ approċċ ikkoordinat aħjar għall-ipprezzar tal-ilma; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess għal soluzzjonijiet għan-nuqqas ta' ilma, l-irkupru ta' ilma u tiżviluppa tekniki alternattivi ta' irrigazzjoni u tippromwovi l-ottimizzazzjoni tal-użu suċċessiv tal-ilma irtirat fiċ-ċiklu tal-ilma, inkluż l-ilma tar-riċiklaġġ għall-prodotti agrikoli u industrijali fejn il-kontenut hu rilevanti waqt li tirkupra n-nutrijenti u l-enerġija tad-drenaġġ;

    35.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-leġiżlazzjoni dwar l-ilma u għandu l-opinjoni li, sabiex tkun żgurata konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar il-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji ta' għargħar, jeħtieġ li jiġu żviluppati miżuri għall-irkupru tax-xtut naturali tax-xmajjar u riforestazzjoni tal-inħawi tal-madwar;

    36.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvolvi l-partijiet interessati rilevanti kollha fil-formulazzjoni ta' miri li għandhom jiżguraw is-sostenibilità tal-użu tal-art fis-seba' EAP; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi kwistjonijiet kritiċi dwar l-użu tal-art bħal pereżempju t-telf ta' ħabitats semi naturali u ċ-ċaqliq mill-użu tal-art ta’ valur għoli għall-għelejjel tal-bijoenerġija; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa għall-kriterji ta' sostenibilità għal bijomassa u l-bijofjuwils li jindirizzaw ukoll il-kwistjoni tal-bidla indiretta fl-użu tal-art;

    37.

    Iqis li s-seba’ EAP jeħtieġ li jindirizza l-impatti tal-politiki Ewropej lil hinn mill-UE, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tmexxi l-kwistjoni tat-tnaqqis fl-impronta tal-UE fuq l-art fil-pajjiżi terzi, b’mod partikolari billi tindirizza l-bidla fl-użu indirett tal-art minħabba l-bijofjuwils u l-bijomassa għall-enerġija, u tinkludi l-għan li l-ebda art ta’ valur ambjentali għoli ma tiġi kkonvertita f’użu ġdid sabiex jiġu prodotti l-għelejjel għall-UE;

    Il-Bijodiversità u l-Forestrija

    38.

    Jissottolinja l-importanza li ssir azzjoni issa, sabiex l-UE titpoġġa fit-triq it-tajba biex tikseb l-għan ewlieni tagħha tal-bijodiversità għall-2020, kif ukoll l-impenji globali tagħha, għaliex aħna ma naffordjawx infallu darb'oħra, u jiġu ppjanati riżorsi suffiċjenti għall-konservazzjoni tan-Netwerk Natura 2000; iqis li d-diffikultajiet li jinqalgħu sabiex ikun hemm konformità mal-għan għall-2010 jindikaw il-ħtieġa li ssir reviżjoni fil-fond tal-metodi applikati s’issa; jemmen li għandhom jitwettqu studji strateġiċi integrati, inklużi studji tal-elementi li jistgħu jinfluwenzaw żoni protetti, iqis li dawn l-istudji għandhom jiġu inkorporati fl-ippjanar urban u jkunu akkumpanjati minn kampanji edukattivi u informattivi dwar l-importanza tar-riżorsi naturali lokali u l-konservazzjoni tagħhom;

    39.

    Iqis li l-objettivi tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE għall-2020, inklużi l-għanijiet u l-azzjonijiet tagħha, għandhom jiġu inklużi bis-sħiħ fis-seba' EAP bħala mezz li jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tagħha; iqis li ċerti azzjonijiet jeħtieġu li jissaħħu fiż-żmien qasir sabiex il-bijodiversità tiġi indirizzata b'mod aktar ċar fl-oqsma politiċi kollha, u li l-azzjonijiet addizzjonali huma neċessarji sabiex tinkiseb b'mod effikaċi l-mira tal-2020; jenfasizza li s-seba' EAP se jipprovdi qafas b'saħħtu biex jappoġġa l-adozzjoni tal-istrumenti legali u finanzjarji meħtieġa, l-ewwel nett permezz ta' finanzjament garantit għal Natura 2000;

    40.

    Jenfasizza l-importanza tal-immobilizzar kemm tal-appoġġ finanzjarju tal-UE kif ukoll dak nazzjonali mis-sorsi possibbli kollha kif ukoll tal-iżvilupp tal-mekkaniżmi finanzjarji innovattivi sabiex jiġi żgurat livell adegwat ta’ appoġġ għall-bijodiversità;

    41.

    Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija Forestali Ewropea ġdida sa tmiem l-2012 u tipproponi miżuri effettivi biex titjieb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-forestrija, jiġi promoss l-użu razzjonali tar-riżorsi forestali u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

    42.

    Jirrakkomanda li tingħata aktar attenzjoni lill-foresti bħala parti mill-Politika Agrikola Komuni l-ġdida permezz tal-promozzjoni tal-agroforestrija, u biex jippromwovu l-iżvilupp rurali bbażat fuq pajsaġġi sostenibbli;

    43.

    Jitlob il-ħolqien ta’ regolament ġdid Komunitarju dwar il-prevenzjoni tan-nar, jew mill-inqas, jipproponi li jistabbilixxu kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam;

    Kwalità tal-ambjent u saħħa

    44.

    Minħabba li kundizzjonijiet ambjentali ħżiena għandhom impatt sostanzjali fuq is-saħħa li jinvolvu spejjeż għoljin, għandu l-fehma li s-seba' EAP għandu notevolment:

    ikompli jinkludi l-objettiv tas-sitt EAP li sal-2020, il-kimiċi jiġu prodotti biss u użati b’modi li ma jwasslux għal impatt negattiv sinifikanti fuq is-saħħa u l-ambjent;

    jindirizza l-kwalità tal-arja - inkluża l-kwalità tal-arja ta' ġewwa - u l-impatt tagħha fuq is-saħħa;

    jindirizza l-istorbju u l-impatt tiegħu fuq is-saħħa;

    jipprovdi għall-iżvilupp ta' miżuri speċifiċi relatati ma' theddid emerġenti tas-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali, attwalment mhux indirizzati biżżejjed, sabiex jeżamina l-effetti ta' żviluppi ġodda fuq is-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali, bħal pereżempju n-nanomaterjali, sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali u l-effetti kombinati ta' kimiċi, abbażi ta' studji xjentifiċi u definizzjonijiet komunament aċċettati, fejn ikunu disponibbli;

    jinkludi azzjoni għall-ħarsien tas-saħħa tat-tfal mit-tniġġis ambjentali abbażi tad-Dikjarazzjoni Ewropa Parma tad-WHO dwar l-Ambjent u s-Saħħa ta’ Marzu 2010;

    jaqbel mat-tieni Pjan ta' Azzjoni tas-Saħħa Ambjentali;

    45.

    Jissottolinja li s-seba’ EAP għandu jistabbilixxi għanijiet speċifiċi sabiex jiżgura li sal-2020 is-saħħa taċ-ċittadini Ewropej ma tkunx iżjed imminata mit-tniġġis u s-sustanzi perikolużi;

    46.

    Iqis li għandhom jitqiesu b’mod sħiħ il-metodi użati fil-valutazzjoni tar-riskju tal-kimiċi, billi jiġu prijoritizzati l-alternattivi għat-testijiet fuq l-annimali; iqis li s-seba’ EAP għandu jipprovdi għall-adozzjoni ta’ strateġija mifruxa fl-UE kollha sabiex jitnaqqas l-għadd ta’ annimali użati fl-ittestjar tas-sigurtà, filwaqt li tiġi ggarantita kwalità għolja tal-ħajja għall-bnedmin u l-annimali fl-UE.

    47.

    Jemmen li hemm bżonn ta’ approċċ olistiku għas-saħħa u l-ambjent, li jiffoka fuq il-prekawzjoni u l-prevenzjoni tar-riskji, u li jikkunsidra partikolarment gruppi vulnerabbli bħal feti, tfal u żgħażagħ.

    48.

    Iqis li għandhom isiru sforzi sabiex l-attenzjoni tkun fuq il-ħarsien, il-prekawzjoni u l-promozzjoni tal-attivitajiet favur l-ambjent fil-livell tal-UE, fil-qasam tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp, bil-għan li jitnaqqas il-piż ambjentali tal-mard;

    49.

    Iqis li s-seba' EAP għandu jindirizza l-kwistjoni tat-trasport billi jippromwovi aktar investiment f'sistemi ta' trasport favur l-ambjent u jipproponi soluzzjonijiet għall-indirizzar tal-konġestjoni, emissjonijiet tas-CO2 u mikropartiċelli;

    50.

    Iqis li huma importanti li s-seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali jagħti attenzjoni speċjali lit-tneħħija kontinwa tal-merkurju, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha;

    Infurzar

    51.

    Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u xierqa tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE kif ukoll tal-politiki u l-istrateġiji adottati, u jiżguraw il-kapaċità u l-finanzi adegwati għall-implimentazzjoni sħiħa anke fiż-żminijiet ta’ awsterità, għaliex in-nuqqas tal-implimentazzjoni jew l-implimentazzjoni mhux kompluta tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE mhux biss huma illegali, imma wkoll ferm iżjed ta’ spiża għas-soċjetà fuq perjodu ta’ żmien twil;

    52.

    Iqis li huwa essenzjali li jissaħħaħ in-Netwerk tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL) u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tirraporta dwar modi possibbli ta' kif jista' jsir dan;

    53.

    Jistieden lill-Kummissjoni tapplika b’mod sistematiku l-kontrolli ex-ante tal-konformità mal-liġijiet rilevanti kollha tal-Komunità, partikolarment fil-qasam tal-Politika ta' Koeżjoni, qabel jingħata kwalunkwe finanzjament;

    54.

    Iqis li huwa importanti li s-seba' EAP jiġi kkunsidrat bħala mezz ta' komunikazzjoni maċ-ċittadini Ewropej, biex b'hekk ikun jista' jimmobbilizza dawn iċ-ċittadini, mhux tal-anqas għall-fini ta' infurzar fuq il-post tal-politiki miftiehma;

    55.

    Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala "gwardjan tat-Trattati" biex tiżgura traspożizzjoni korretta, implimentazzjoni u infurzar tal-leġiżlazzjoni ambjentali mill-Istati Membri kollha; jirrakkomanda parteċipazzjoni akbar tal-awtoritajiet lokali matul il-proċess ta’ żvilupp ta’ politika ambjentali biex itejbu l-implimentazzjoni ġenerali tal-leġiżlazzjoni, inkluż permezz ta’ twaqqif ta' timijiet għat-traspożizzjoni tal-liġi ambjentali fuq livell reġjonali u lokali; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tesplora r-rwol li jista’ jkollha l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent rigward it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni.

    Integrazzjoni

    56.

    Għandu l-fehma li kunsiderazzjonijiet ambjentali qed jiżdiedu fl-importanza f'politiki settorjali oħra u, għaldaqstant integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali f'politiki settorjali oħra tkun mixtieqa;

    57.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa indikaturi sabiex tkun tista' tkejjel it-titjib tal-integrazzjoni;

    58.

    Huwa tal-fehma li l-objettivi tal-Pjan Direzzjonali 2050 jistgħu jinkisbu biss jekk jiġu implimentati strateġiji komplementari, fosthom il-valutazzjoni tal-agrikoltura, ir-riforestazzjoni u l-introduzzjoni ta’ inċentivi ta’ politika għall-innovazzjoni u l-implimentazzjoni rapida tal-enerġija solari, ġeotermali u dik tal-baħar;

    59.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha tas-seba' EAP lista aggregata tal-għanijiet kollha eżistenti relatati mal-ambjent għall-oqsma differenti ta' politika, speċjalment it-tibdil fil-klima, il-bijodiversità, it-trasport, l-enerġija, l-agrikoltura, is-sajd u l-politika ta' koeżjoni, u teżaminahom flimkien, sabiex tippermetti paragun xieraq u tiżgura li l-objettivi jkunu koerenti.

    60.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, meta' terġa' teżamina d-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali u d-Direttiva 2001/42/KE, tiżgura li huma jikkontribwixxu għal użu sostenibbli tal-art bħala riżorsa kritika fl-UE u wkoll biex testendi l-ambitu tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali biex ikopru mhux biss proġetti kbar, filwaqt li tirrestrinġi u tespandi l-kriterji ta' tali valutazzjonijiet, iżda wkoll tinkludi l-kunċett ta' użu kaskata tar-riżorsi u l-analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ;

    61.

    Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi proċedura li tiżgura l-imparzjalità u l-indipendenza tal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali, l-ewwel nett billi telimina r-relazzjoni diretta bejn l-iżviluppaturi tal-proġett u l-assessuri.

    62.

    Jirrakkomanda li jinstab bilanċ ekwu bejn il-ħtieġa għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-waqfien jew in-nuqqas tat-telf tal-bijodiversità u s-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, sabiex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tilħaq l-għanijiet tal-UE 2020 u tevita l-impatt finanzjarju li jirriżulta mill-bidla fil-klima u t-telf tal-bijodiversità; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza tal-politika ta' koeżjoni wara l-2013; jenfasizza wkoll, b'kunsiderazzjoni tal-politika ta' prevenzjoni, il-ħtieġa li l-ispejjeż jitqiesu bħala investimenti għall-futur u għal impjiegi ġodda u sabiex jiġu mnedija kampanji ta’ informazzjoni, ta’ sensibilizzazzjoni u kampanji oħra sabiex ikun hemm skambju tal-aħjar prattiki fil-livelli kollha; jenfasizza l-ħtieġa għal użu aħjar tal-assistenza teknika fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex tiżdied il-kapaċità amministrattiva fejn meħtieġ; iqis neċessarju li l-għanijiet ta’ riċerka u innovazzjoni ikunu jikkorrispondu b'mod effiċjenti mal-ħtiġijiet ta’ żvilupp kemm lokali kif ukoll reġjonali;

    63.

    Huwa tal-fehma li l-objettivi tal-Pjan Direzzjonali 2050 jistgħu jinkisbu biss jekk jiġu implimentati strateġiji komplementari, fosthom il-valutazzjoni tal-agrikoltura, ir-riforestazzjoni u l-introduzzjoni ta’ inċentivi ta’ politika għall-innovazzjoni u l-implimentazzjoni rapida tal-enerġija solari, ġeotermali u dik tal-baħar;

    64.

    Għandu l-fehma li s-seba' EAP għandu jinkludi pjan strett u dettaljat kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali għat-tneħħija b'mod gradwali sal-2020 tas-sussidji kollha li huma ta' ħsara għall-ambjent, pereżempju dawk li jaffettwaw il-bijodiversità, sabiex jiġu rispettati l-impenji ta' Nagoya;

    65.

    Iqis li s-seba' EAP għandu jipprovdi għall-inklużjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali lil hinn mill-bidla fil-klima attwali u indikaturi ewlenin tal-enerġija fis-Semestru Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, tintegra politiki tal-effiċjenza tar-riżorsi kif stabbilit fil-Pjan Direzzjonali tal-Effiċjenza tar-Riżorsi, u timmonitorja permezz tas-Semestru Ewropew, is-segwitu tal-Istati Membri tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi b'mod xieraq;

    66.

    Jissottolinja r-rwol importanti tal-awtoritajiet reġjonali u lokali, organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-akkademiċi, kif ukoll tas-soċjetà ċivili u s-settur privat, fil-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika ambjentali effettiva fl-UE kollha;

    67.

    Iqis li, sabiex jinkisbu riżultati sinifikanti, għandha tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-programm fuq livell reġjonali u lokali u l-proċess għandu jinkludi b’mod aktar wiesa’ l-partijiet kollha interessati; jitlob li tingħata attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni ta’ reġjuni u territorji b’karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi, bħalma hu l-każ tal-gżejjer, ir-reġjuni fil-muntanji jew ir-reġjuni b’popolazzjoni baxxa; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex issaħħaħ l-użu tal-Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali u l-Valutazzjonijiet tal-Impatt Ambjentali Strateġiċi fit-teħid ta' deċiżjonijiet lokali u reġjonali;

    68.

    Jissottolinja li s-seba' EAP għandu jipprovdi għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Konvenzjoni ta' Aarhus, b'mod partikolari dwar l-aċċess għall-ġustizzja; jenfasizza f'dak il-kuntest il-ħtieġa urġenti għall-adozzjoni tad-direttiva dwar l-aċċess għall-ġustizzja; jistieden lill-Kunsill jirrispetta l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Aarhus u jadotta pożizzjoni komuni dwar il-proposta korrispondenti tal-Kummissjoni qabel l-aħħar tal-2012

    69.

    Għandu l-fehma li s-seba' EAP għandu jimmira lejn l-appoġġ għall-iżvilupp ta' mudelli alternattivi għat-tkejjil tat-tkabbir u l-benessri li jmorru lil hin minn evalwazzjoni fuq il-bażi tal-PDG;

    70.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l- 'ekonomija ħadra' madwar id-dinja, filwaqt li jintegraw l-aspetti ambjentali, soċjali u ekonomiċi bħat-tnaqqis tal-faqar;

    71.

    Jenfasizza l-importanza li jintwera liċ-ċittadini tal-UE, speċjalment fil-kuntest tas-sitwazzjoni ekonomika attwali, li l-protezzjoni tal-ambjent mhix kontradittorja fir-rigward tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli; huwa favur, għal dan il-għan, li jiġu promossi proġetti ta' suċċess u t-tixrid ta’ informazzjoni lill-pubbliku dwar il-fattibbiltà ta’ żvilupp ekonomiku li jirrispetta l-ambjent f’żoni ta’ wirt naturali u kulturali importanti bħan-netwerk Natura 2000;

    72.

    Ifakkar li s-seba' EAP għandu jipprovdi għall-qafas xieraq biex jiżgura finanzjament adegwat, inkluż qafas għall-innovazzjoni, riċerka u żvilupp;

    73.

    Huwa tal-fehma li l-programm LIFE+ għandu jkun immaniġġjat mill-Kummissjoni, b'enfasi fuq proġetti ta' innovazzjoni u eċċellenza, il-promozzjoni ta’ SMEs u istituzzjonijiet ta’ riċerka u żvilupp u l-prijoritizzazzjoni taż-żamma tl-bijodiversità b' approċċ sistematiku u integrali, u teknoloġiji agrikoli kompatibbli mal-preservazzjoni tal-ħamrija u tal-katina tal-ikel tal-ekosistemi tal-annimali; jemmen li l-Programm LIFE+ tal-UE għandu jkun promoss b’mod aktar wiesa’ fir-reġjuni kollha tal-Ewropa sabiex jiġu mħeġġa prattiki innovattivi fil-livell lokali, u sabiex l-impatt u s-sensibilizzazzjoni tat-taqsima li tirrigwarda l-politika u l-ġestjoni ambjentali ta' dan il-programm jissaħħu;

    74.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw, fil-Programm ta’ Qafas ta’ Riċerka li jmiss, programmi ta’ riċerka u innovazzjoni fil-qasam ta' materjali u riżorsi ġodda li fil-futur jistgħu jieħdu post il-materja prima eżistenti li l-provvista tagħhom hija insuffiċjenti;

    Dimensjoni internazzjonali

    75.

    Iqis li s-seba' EAP għandu jkollu bħala għan l-integrazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet ambjentali fir-relazzjonijiet esterni kollha tal-UE, b'mod partikolari fl-għajnuna għall-iżvilupp u l-ftehimiet kummerċjali, sabiex jippromwovi l-ħarsien ambjentali fil-pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-UE biex tippromwovi programmazzjoni konġunta tar-riċerka fil-qasam ambjentali mal-ġirien tagħha;

    76.

    Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fil-proposta tagħha għan għall-UE biex tappoġġa bis-sħiħ il-ħidma tan-NU, tal-Bank Dinji u tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent dwar il-kontabilità ambjentali, sabiex tgħammar id-dinja b'sistema armonizzata ta' kontabilità ambjentali; u jilqa’ l-impenji taħt l-Istrateġija Ewropea għall-Bijodiversità biex jittejjeb l-għarfien dwar dawn l-ekosistemi u s-servizzi tagħhom fl-UE (bħal dawk li jipprovdu l-foresti); iħeġġeġ lill-Istati Membri jaqsmu l-informazzjoni dwar l-esperjenzi tagħhom u jikkumparaw riflessjonijiet metodoloġiċi relatati mal-kontabilità tal-Ekosistemi;

    77.

    Iqis li s-seba' EAP għandu jipprovdi għall-implimentazzjoni f'waqtha tal-impenji internazzjonali tal-UE, b'mod partikolari fil-qafas tal-UNFCCC u s-CBD;

    78.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra fis-seba’ EAP ir-riżultat tal-konferenza Rio+20 dwar l-Ekonomija Ekoloġika u dwar it-tisħiħ tal-Governanza Ambjentali Internazzjonali;

    *

    * *

    79.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


    Top