EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IE1613

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-politika estera u ta’ sigurtà l-ġdida tal-UE u r-rwol tas-soċjetà ċivili” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 24, 28.1.2012, p. 56–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 24/56


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-politika estera u ta’ sigurtà l-ġdida tal-UE u r-rwol tas-soċjetà ċivili” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 24/11

Relatur: is-Sur CEDRONE

Nhar l-14 ta’ Settembru 2010, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-politika estera u ta’ sigurtà l-ġdida tal-UE u r-rwol tas-soċjetà ċivili.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Mejju 2011.

Matul l-475 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-26 u s-27 ta’ Ottubru 2011 (seduta tas-27 ta’ Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’111-il vot favur, 23 vot kontra u 23 astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-istrateġija

1.1.1   L-Unjoni, fid-dawl tal-bidliet kbar li qed iseħħu attwalment u filwaqt li tapprofitta miċ-ċans mogħti mit-twaqqif tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u tar-Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera, għandha bżonn tiddefinixxi mill-ġdid u taġġorna l-istrateġija tagħha tal-politika barranija, kemm fir-rigward tal-politiki kif ukoll tal-oqsma ta’ intervent li jkun tajjeb li jingħataw prijorità. Il-preżenza ta’ interessi komuni u azzjoni ta’ koordinazzjoni mifruxa biss jistgħu jaġevolaw it-twettiq ta’ dan l-objettiv.

1.1.2   L-Ewropa tirrappreżenta terz tal-PDG dinji. Madankollu, l-UE mhijiex biss komunità ekonomika. Ir-rwol tal-Ewropa jsib postu meta wieħed jintebaħ li fil-ġurnata tal-lum il-pajjiżi tal-UE bħala stati maqtugħin għalihom m’għadhomx jistgħu jipproteġu l-interessi tagħhom, jimponu l-valuri tagħhom fix-xena internazzjonali jew jiffaċċjaw sfidi li saru transkonfinali, bħall-migrazzjoni jew it-terroriżmu. Għaldaqstant, impenn ikbar u konġunt mill-Istati Membri fil-qasam tal-politika barranija jservi wkoll biex jillimita t-taqlib intergovernattiv, jew biex jipprevjeni azzjonijiet imwettqa separatement mill-Istati Membri differenti kif ġara dan l-aħħar. Jekk tibqa’ sejra, din it-tendenza tista’ taċċellera t-tinqis mhux biss ekonomiku, iżda anki politiku tal-UE u dan jista’ jhedded dawk l-istess valuri demokratiċi li fuqhom hija bbażata l-UE.

1.2   Il-politiki

1.2.1   L-UE għandha żżomm qabel kollox il-valuri tagħha fil-politika barranija, billi tiddefinixxi politiki u azzjonijiet komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu evitati l-konflitti, jiġu żviluppati l-azzjonijiet ta’ stabbilizzazzjoni, tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali fir-rispett tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (NU), jiġu kkonsolidati u appoġġjati d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, il-prinċipji tal-liġi internazzjonali, inklużi l-istandards bażiċi tax-xogħol, kif ukoll biex tingħata għajnuna lill-popli li jkunu qed jiffaċċjaw diżastri naturali jew marbuta mal-attività tal-bniedem. Iżda jekk l-Ewropa timpenja ruħha lil hinn mill-fruntieri tagħha, dan mhuwiex biss għall-valur uman jew b’imħabba għall-proxxmu, iżda għax dan huwa fl-interess tagħha jekk tixtieq iżżomm il-prosperità fl-Ewropa. Trid tiġi ttrattata wkoll il-problema tar-refuġjati u jinħoloq futur għall-popolazzjonijiet fil-pajjiżi tagħhom.

1.2.2   L-UE għandu jkollha rwol ta’ mexxej f’dan ir-rigward fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, li għandhom ir-responsabilità ewlenija għaż-żamma tal-paċi internazzjonali. Kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u n-NU tidher ukoll neċessarja għall-ġestjoni tal-kriżijiet ċivili u militari u b’mod partikolari għall-operazzjonijiet tal-għajnuna umanitarja.

1.2.3   Barra minn hekk, skont l-opinjoni tal-KESE, jeħtieġ li jissaħħu l-azzjonijiet integrati u komuni tal-politika barranija fis-setturi tas-sigurtà u l-provvista tal-enerġija, is-sikurezza tal-ikel, it-tibdil fil-klima, kif ukoll fil-qasam tar-regolamentazzjoni tal-flussi migratorji u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar illegali, il-piraterija u l-korruzzjoni. Proċess ta’ integrazzjoni u ta’ koordinament li trid tidħol fih il-politika tal-kummerċ ukoll. Komplessivament impenn kbir u kumpless li jitlob adattament tal-baġit tal-UE għall-politika barranija.

1.3   Iż-żoni ġeografiċi ta’ intervent

1.3.1   L-Unjoni hija obbligata ssegwi u tinteressa ruħha f’dak kollu li qed iseħħ barra mill-fruntieri tagħha, billi tiddefinixxi mill-ġdid strateġija għar-rabtiet tagħha stess. Madankollu, hija la għandha l-mezzi kollha u lanqas l-istrumenti kollha li jippermettulha tagħmel dan kif ikun meħtieġ u mitlub biex tkun tista’ tkun attur politiku reali fil-livell internazzjonali. Madankollu, l-isfida ewlenija tagħha mhijiex in-nuqqas ta’ strumenti, iżda l-fatt li ma tistax tiżgura l-koerenza fil-ġestjoni tal-istrumenti differenti u tiggarantixxi r-rieda politika tal-Istati Membri għal dan.

1.3.2   Huwa għalhekk li l-UE, mingħajr ma tinjora, għall-inqas mil-lat ekonomiku, ir-relazzjonijiet tagħha mal-gruppi reġjonali l-kbar tad-dinja, bħall-Amerka ta’ Fuq, li magħha għandha relazzjoni strateġika, l-Amerka t’Isfel u l-Karibew li magħhom l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet assoċjazzjoni strateġika bireġjonali, iċ-Ċina, l-Indja u r-Russja, għandha terġa’ tiddedika aktar attenzjoni għaż-żona ġeografika tagħha u fir-rigward tal-ġirien immedjati tagħha, kif għamlet s’issa. Għal dan il-għan, huwa essenzjali li jiġu żviluppati sinerġiji bejn ir-relazzjonijiet bilaterali u dawk reġjonali.

1.3.3   Minn dan il-lat, jidher li huwa meħtieġ li jitlesta l-proċess tat-tkabbir lejn il-Balkani, li jikkostitwixxu żona estremament sensittiva fil-fruntieri tal-Unjoni, jitkomplew in-negozjati mat-Turkija u titfassal politika effikaċi tal-viċinat filwaqt li l-Unjoni titfa’ l-attenzjoni tagħha fuq is-sitwazzjoni fil-Mediterran u fil-Lvant Nofsani.

1.3.4   F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li l-politika tal-Mediterran titnieda mill-ġdid fuq bażijiet ġodda, permezz ta’ istituzzjonijiet ġodda u organizzazzjonijiet ġodda ta’ kooperazzjoni li għandhom mezzi u strumenti operattivi adegwati. L-entitatjiet li jaħdmu favur id-demokratizzazzjoni u l-progress ċivili f’dawn il-pajjiżi għandhom jingħataw widen u għajnuna. L-Unjoni għandha responsabilità fundamentali biex tiżgura tranżizzjoni rapida u mingħajr xkiel lejn id-demokrazija, filwaqt li m’għandhiex responsabilità lejn dittatorjati ġodda, tkun xi tkun il-forma li jistaħbew warajha, biex ma titradixxix l-istennijiet ta’ libertà, dinjità umana u ġustizzja soċjali tal-popli u taż-żgħażagħ.

1.3.5   Għaldaqstant, jidher li huwa meħtieġ li jiġu allokati ħafna iktar riżorsi mill-baġit Komunitarju lill-kooperazzjoni ma’ dawn il-pajjiżi, b’mod partikolari għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali, għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, kif ukoll għall-ħolqien ta’ impjiegi u ta’ opportunitajiet ta’ investiment fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

1.3.6   F’dan il-kuntest, ir-rwol tal-KESE jidher essenzjali biex jitwettqu azzjonijiet u interventi interpersonali u biex tiġi żviluppata rabta organika mal-organizzazzjonijiet reali u r-rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili tal-baċir tal-Mediterran u tar-reġjun tal-Lvant Nofsani, li minnhom bdew dawn il-proċessi attwali ta’ tranżizzjoni, sabiex jingħata appoġġ lid-djalogu bejn dawn l-organizzazzjonijiet u l-gvernijiet rispettivi, biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni demokratika għall-ħarsien tad-drittijiet ċivili u tal-istat tad-dritt.

1.3.7   L-Afrika kollha kemm hi għandha tkun il-prijorità l-oħra ta’ intervent għall-Unjoni: is-sigurtà u l-istabilità tagħha jiddependu fil-biċċa l-kbira tagħhom mill-iżvilupp u t-tkabbir tad-demokrazija ta’ dan il-kontinent, li hu tant qrib tagħna. Jekk l-Unjoni beħsiebha tegħleb il-flussi destabilizzanti tal-emigrazzjoni massiva dovuta għad-deżertifikazzjoni, il-kriżijiet tal-ikel, il-faqar tal-poplu Afrikan, ir-reġimi korrotti u giddibin u n-nuqqas ta’ ġustizzja u libertà, hija għandha taġixxi b’mod effikaċi u minnufih billi tagħmel patt ma’ dan il-kontinent.

1.4   L-organizzazzjonijiet internazzjonali

1.4.1   Għall-promozzjoni tal-azzjonijiet ikkoordinati u effikaċi fil-forums internazzjonali billi tiġi ffavorita wkoll il-bidla tagħhom fil-fond biex isiru iktar funzjonali fir-rigward tal-kompiti u l-ħtiġijiet il-ġodda tagħhom, l-UE għandu jirnexxilha tesprimi ruħha b’mod unanimu f’dan il-kuntest u jkollha rappreżentant wieħed.

1.4.2   B’mod partikolari, jeħtieġ li tingħata l-istess dinjità lid-drittijiet tax-xogħol previsti mill-konvenzjonijiet bażiċi tal-ILO u lid-drittijiet ekonomiċi u ta’ kummerċ ħieles. Anke fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) l-UE għandu jkollha vuċi waħda.

1.4.3   Il-KESE jqis li l-UE għandu jkollha rwol dejjem iktar attiv f’dan il-kuntest, b’attenzjoni partikolari għall-proċess tal-G20 u għar-rabtiet mal-istituzzjonijiet li l-iktar jirrappreżentaw in-NU, b’mod partikolari l-ECOSOC, fejn għandha tirrappreżenta pożizzjonijiet komuni. F’dan il-qafas, permezz tar-riforma tal-ECOSOC ikun jista’ jsir avvanz u tingħata għajnuna wkoll biex is-soċjetà ċivili tesprimi ruħha aħjar fi ħdan din l-organizzazzjoni.

1.4.4   Hija għandha wkoll tfassal politiki effikaċi u sostenibbli għall-preservazzjoni taż-żona tal-euro u toħloq strumenti adegwati għall-ġlieda kontra ċ-ċaqliq spekulattiv fil-livell internazzjonali, jitneħħew ir-rifuġji fiskali, titnaqqas il-kompetizzjoni bbażata fuq il-kambji tal-muniti differenti, jitnieda mill-ġdid it-tkabbir ekonomiku u x-xogħol f’impjiegi dinjitużi. L-emendar tal-Artikolu 136 tat-Trattat huwa l-ewwel pass importanti. Dan jixraq lill-Ewropa komunitarja: ir-rwol ċentrali tal-Kummissjoni u s-sħubija tal-Parlament Ewropew ġew żgurati u dan jiffavorixxi l-proċess demokratiku. L-istess għandu jsir għall-politika estera (emendar tal-Artikolu 24).

1.4.5   Il-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet meħtieġa għall-ħarsien u l-promozzjoni tal-valuri li huma l-qofol ta’ koabitazzjoni paċifika fil-livell internazzjonali. L-UE għandha tippromovi konsultazzjoni wiesgħa mal-KESE, mas-soċjetà ċivili u mal-imsieħba soċjali biex tiffaċilita s-sehem fl-istrutturi futuri tal-organizzazzjonijiet internazzjonali.

1.5   Il-politika tas-sigurtà

1.5.1   Rigward il-politika tas-sigurtà u tad-difiża, jeħtieġ li tissaħħaħ l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, li l-kooperazzjonijiet ta’ natura permanenti jsiru realtà kemm jista’ jkun malajr, b’mod partikolari biex ikunu permessi sinerġiji u ekonomiji utli fil-livell tal-baġits nazzjonali, billi r-riżorsi ffrankati jingħataw lill-investimenti produttivi, lill-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u lit-tnaqqis tad-dejn pubbliku.

1.5.2   L-istrumenti ta’ sigurtà u ta’ difiża li għandha l-UE għandhom ikunu jistgħu jintużaw u jiġu rikonoxxuti bħala strumenti ġenwini ta’ sigurtà reġjonali.

1.5.3   Fil-qasam tas-sigurtà, l-UE għandha topera l-aktar fil-viċinat tagħha permezz ta’ interventi maħsuba għall-istabbilizzazzjoni taż-żoni fi kriżi u ta’ azzjonijiet għaż-żamma tal-paċi.

1.5.4   Għal dan il-għan, il-KESE jixtieq li, bħalma diġà seħħ wara l-ftehimiet ta’ Saint-Malo tal-1998, l-esperjenzi komuni jiġu ssorveljati mill-Aġenzija għad-Difiża u integrati fil-politika tas-sigurtà komuni.

1.6   Il-KESE

Il-KESE għandu jkun jista’ jwettaq ir-rwol tiegħu stess u jagħti l-kontribut tiegħu fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika barranija tal-Unjoni. Għalhekk iqis li hu utli wkoll li jfassal opinjoni dwar il-miżuri dwar il-politika estera tal-UE, anke sabiex jiżgura t-trasparenza u l-monitoraġġ tal-inizjattivi. Għalhekk, għandhom jintużaw l-opinjonijiet kollha eżistenti tal-KESE li jipprovdu linji gwida dwar l-aspetti tal-politika barranija u tas-sigurtà tal-UE u dawk li jikkunsidraw l-istrumenti ta’ kooperazzjoni li jista’ jkollhom impatt fuq il-politika barranija (1). L-azzjoni tal-KESE tista’ tkun effikaċi ħafna f’dan ir-rigward, peress li sservi ta’ ħolqa fil-katina bejn l-azzjoni tal-Istati Membri, l-UE u l-ħtiġijiet espressi mis-soċjetà ċivili.

1.6.1   Dan huwa meħtieġ sabiex is-soċjetà ċivili organizzata u l-opinjoni pubblika jkunu jistgħu jieħdu sehem fid-dinamiki tat-teħid tad-deċiżjonijiet rigward is-suġġetti tal-politika internazzjonali li għandhom l-iktar impatt dirett fuq l-ekonomija u fuq il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej.

1.6.2   Fil-livell internazzjonali, il-KESE jista’ jagħti segwitu għall-politika tal-UE dwar il-valorizzazzjoni tar-rwol tas-soċjetà ċivili fin-negozjati u fit-twettiq tal-ftehimiet stipulati. Fuq il-bażi tal-esperjenza akkumulata u tal-inizjattivi li diġà implimenta, iqis li minn naħa jrid jopera mal-imsieħba biex jagħti segwitu għan-negozjati internazzjonali li jsiru mill-UE u mill-oħra, ikun integrat fil-mekkaniżmu għall-applikazzjoni u t-tħaddim ta’ dawn il-ftehimiet, kemm jekk ikunu ta’ assoċjazzjoni, kummerċjali jew oħrajn.

1.6.3   B’mod partikolari, fil-qafas tal-proċessi ta’ konsultazzjoni u tal-mandati internazzjonali li jirċievi għall-parteċipazzjoni, il-KESE għandu jkompli jgħaqqad l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi u r-reġjuni li għalihom il-politika tal-Unjoni għandha tkun maħsuba bi prijorità.

1.6.4   Għaldaqstant, biex il-Kumitat ikun jista’ jaqdi dmiru kif jixraq fl-interess taċ-ċittadini tal-UE, hemm bżonn li l-proċess ta’ konsultazzjoni tal-KESE jseħħ, fil-fażijiet differenti, anke minn naħa tas-servizz estern komuni. Għal dan il-għan jista’ jiġi stabbilit protokoll ta’ kooperazzjoni bejn il-KESE u s-servizz estern komuni, abbażi ta’ dak li jeżisti diġà bejn il-Kummissjoni u l-KESE, Memorandum ta’ Qbil li jistabbilixxi r-regoli u l-metodi ta’ ħidma komuni u strutturata.

1.7   L-istrumenti u r-rwol tal-UE

1.7.1   L-użu tal-possibilitajiet tat-Trattat, billi nibdew mis-SEAE, biex l-Unjoni tkun tista’ tikseb rwol dejjem iktar importanti fil-kuntest internazzjonali billi tesprimi ruħha b’mod unanimu u tiżgura l-koerenza tal-politiki Komunitarji kif ukoll dawk ta’ bejn il-politiki tal-UE u tal-Istati Membri, billi jiġu evitati qasmiet kbar li jagħmlu ħsara għall-immaġni tagħha.

1.7.2   Il-promozzjoni tal-istrumenti bħala l-kooperazzjonijiet imsaħħa fil-qafas tal-politika barranija biex jinħoloq grupp ta’ pajjiżi li jkollu rwol ta’ mexxejja u ta’ xprun għal politika barranija dejjem iktar integrata, biex tinħoloq organizzazzjoni istituzzjonali aktar soda u koerenti fit-triq lejn l-objettivi komuni. Jista’ jinbeda bl-appoġġ ta’ patt għall-politika estera kif ġara għall-euro (Kunsill tal-24-25 ta’ Marzu 2011).

1.7.3   Għaldaqstant, il-KESE jqis li l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE għandu jitjieb u jsir iktar effikaċi, b’mod partikolari fir-rigward taż-żieda fil-viżibilità tal-UE fil-livell internazzjonali. Minn dan il-lat, il-Kumitat jittama li l-UE ssib il-mezzi u l-proposti adatti biex taġixxi b’vuċi waħda fil-politika barranija.

1.8   Il-prijoritajiet ta’ issa

1.8.1   L-organizzazzjonijiet kollha tal-KE involuti fit-tnedija tas-servizz estern komuni għandhom jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ biex jikkollaboraw u jevitaw li l-proċess ikun limitat għal sempliċi żieda ta’ direttorat ġenerali ġdid flimkien ma’ dawk li diġà jeżistu.

1.8.2   Insistenza biex isir ftehim internazzjonali li jevita li jiġu ripetuti l-ispekulazzjonijiet finanzjarji li għadhom jeżistu s’issa, abbażi tal-proposti ppreżentati mill-UE fil-G20.

1.8.3   Il-Mediterran jitqiegħed fiċ-ċentru tal-inizjattivi immedjati u konkreti tal-UE.

1.8.4   Għandhom jiġu applikati b’mod konkret il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-sħubija strateġika tal-Unjoni tas-16 ta’ Settembru 2010 u tal-24-25 ta’ Marzu 2011.

1.8.5   Għandhom jiġu applikati, b’mod konkret u strett, l-Artikolu 11 tat-Trattat ta’ Lisbona filwaqt li l-istituzzjonijiet jiġu mistiedna jirrispettaw l-obbligu tal-konsultazzjoni kull fejn dan ikun mitlub u jiddjalogaw mill-qrib dwar is-suġġetti li jista’ jkollhom impatt dirett jew indirett fuq is-soċjetà ċivili, f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-PE u l-Parlamenti Nazzjonali.

2.   Introduzzjoni

2.1   Il-politika barranija tal-UE għandha ċ-ċans li tagħmel qabża ta’ kwalità permezz tat-Trattat il-ġdid, sakemm il-gvernijiet jippermettu dan; b’hekk, jista’ jissaħħaħ ir-rwol ta’ attur politiku tal-Unjoni fil-qasam internazzjonali. It-Trattat il-ġdid, anki jekk ma jikkorrispondix għall-ħtiġijiet oġġettivi tal-Unjoni, qanqal diversi aspettattivi fi ħdan l-Istati Membri u fil-livell dinji. Issa jeħtieġ li jitwettqu l-modifiki li ġew introdotti u li jingħata rispons kif xieraq għall-aspettattivi tas-soċjetà internazzjonali, inkella hemm ir-riskju li l-UE titlef il-kredibilità tagħha. Dan l-objettiv ma jistax jinkiseb jekk is-soċjetà ċivili ma tipparteċipax b’mod attiv u sħiħ f’dan il-proċess. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu leġittimità sħiħa permezz tal-Artikolu 11 tat-Trattat ta’ Lisbona biex bħala rappreżentant tas-soċjetà ċivili organizzata jikkontribwixxi għall-politika barranija u ta’ sigurtà komuni tal-Unjoni Ewropea, u għalhekk għandu jiġi involut direttament mill-UE u mis-SEAE.

3.   Il-qafas internazzjonali l-ġdid

3.1   Fl-imgħoddi, l-UE kellha rwol pjuttost sekondarju fil-qasam tal-politika esterna. Illum il-ġurnata hija għandha iktar possibilitajiet li trid tivvalorizza biex twaqqaf il-falliment tagħha. Fil-fatt l-Istati Membri individwali qed ikunu dejjem aktar marġinali fil-qafas internazzjonali l-ġdid li qed jevolvi kontinwament u b’pass mgħaġġel. Għaldaqstant hemm bżonn li aktar solidarjetà fi ħdan l-Ewropa permezz ta’ ċaqliq tas-setgħat minn pajjiż wieħed għal dak komuni tal-UE kollha kemm hi billi tiġu evitata l-kompetizzjoni bejn l-Istati, li kważi dejjem tagħmel il-ħsara.

3.2   Illum iktar minn qatt qabel, l-Unjoni Ewropea trid tiffaċċja ammont kbir ta’ sfidi dinjin li jeħtieġu iktar koeżjoni u rieda komuni li jiġu affrontati theddidiet dejjem iktar kumplessi li qed ixaqilbu l-bilanċ ġeopolitiku lejn dinja multipolari: fil-Lvant Nofsani – b’mod partikolari bil-kwistjoni bejn l-Iżrael u l-Palestina li għandha ma ġietx solvuta – fl-Iran, l-Afganistan, l-Iraq, is-Sudan u f’postijiet oħra fid-dinja għad hemm konflitti mhux solvuti jew żoni ta’ tensjoni. L-Afrika ta’ Fuq kollha kemm hi hija milquta minn rvellijiet kontra reġimi awtoritarji, li diffiċli li wieħed jipprevedi r-riżultat tagħhom. Is-sigurtà tal-Istati hija pperikolata minħabba theddid globali differenti, inklużi l-intolleranza reliġjuża jew programmi nukleari ġodda bħal dak tal-Iran.

3.3   Fatturi oħra estremament importanti huma u/jew jistgħu jsiru sors ta’ nuqqas ta’ stabilità u ta’ rvell, bħas-sigurtà tal-ikel, it-tkabbir demografiku, l-inugwaljanzi soċjali li għandhom tendenza jsiru iktar serji, l-iżbilanċi kummerċjali u fl-aħħar nett il-ġlieda għall-artijiet u l-metalli rari. Dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu affrontati minn stadju bikri u huma marbutin mal-globalizzazzjoni, li fost affarijiet oħrajn, fetħet ukoll opportunitajiet ġodda lill-pajjiżi fil-ġlieda kontra l-faqar, il-qgħad, eċċ.

3.4   L-UE tinsab f’sitwazzjoni li “tobbligaha” taġixxi, fid-dawl tal-“qagħda ta’ bżonn” li tinsab fiha. Biss għandha tagħmel dan b’iktar ħeffa u bla dewmien, għall-kuntrarju ta’ dak li seħħ fir-rigward tal-fondi ta’ appoġġ għaż-żona tal-euro pereżempju, jew fil-Mediterran, fil-Lvant Nofsani, eċċ. Il-politika estera komuni tirrappreżenta antidotu b’saħħtu għal dan l-iżvilupp u strument eċċellenti biex l-interessi tal-UE, tal-intrapriżi tagħha u taċ-ċittadini tagħha jitħarsu aħjar. Il-kriżi fil-Mediterran, tista’ tkun l-okkażjoni biex titfassal politika estera tal-UE.

4.   Raġunijiet u objettivi ta’ politika esterna u l-istat tal-Unjoni

4.1   Il-proċess tal-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja enfasizzaw u ssottolinjaw il-ħtieġa ta’ regoli ġodda fil-qasam tal-finanzi u ta’ governanza Ewropea u dinjija aħjar, governanza li l-UE għandha tappoġġja. Minn hawn, il-bżonn li l-Istati Membri jaġixxu f’konsultazzjoni mill-qrib u jitkellmu b’leħen wieħed f’kuntesti internazzjonali, fejn jiġu rrappreżentati individwalment u kultant saħansitra jiġu rrappreżentati żżejjed meta mqabbla mal-importanza reali tagħhom fix-xena internazzjonali. Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu jistgħu jiddefendu l-pożizzjoni tal-UE fi ħdan l-istituzzjonijiet internazzjonali kollha (Artikolu 34 tat-Trattat), ibda mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (ara d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tal-24-25 ta’ Marzu 2011).

4.2   Il-KESE jqis li, biex twettaq azzjoni unitarja, l-UE għandu jkollha viżjoni strateġika komuni, b’tali mod li tkun tista’ tilqa’ l-isfidi u l-opportunitajiet marbuta mal-globalizzazzjoni, billi tiddefinixxi prijoritajiet politiċi u żoni ta’ interess prijoritarji, u taġixxi progressivament, billi twessa’ l-qasam ta’ intervent tagħha skont il-mezzi u l-kapaċità ta’ azzjoni tagħha. Huwa indispensabbli, għaldaqstant, li l-UE tiddefinixxi strateġija tal-alleanzi f’sistema multipolari fil-livell dinji. Hemm bżonn li tibda mir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi, li jeħtieġu li jiġu kkonsolidati permezz tal-iżvilupp ta’ strateġija politika unifikata, minħabba r-rabta miż-żewġ naħat li ilha teżisti għal ħafna żmien. Dan iservi biex ma jibqgħux jiddgħajfu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġt ixtut tal-Atlantiku li qed nassistu għaliha. Dan kollu jġiegħel lill-Unjoni biex f’dan il-kuntest tassumi r-rwol tagħha b’konvinzjoni u kredibilità, b’tali mod li tiffavorixxi konkretament dinja multipolari u bilanċ tajjeb mill-ġdid tar-relazzjonijiet bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar, billi tiżviluppa l-azzjoni tagħha lejn l-Amerika Latina, l-Asja u, b’mod partikolari, il-kontinent Afrikan.

4.3   L-UE għandha bżonn tkun aktar attenta fl-għażliet tagħha. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ interess muri f’dawn l-aħħar snin fir-rigward tal-awtoritajiet tas-soċjetà ċivili tax-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran, fejn l-ewwel nett il-proċess ta’ Barċellona u mbagħad l-Unjoni għall-Mediterran ma rnexxewx b’mod ċar, jikkostitwixxi theddida għas-sigurtà ta’ fruntiera li hija ta’ importanza kruċjali għall-istabilità nnifisha tal-Unjoni Ewropea. L-Unjoni għandha tilqa’ b’mod responsabbli din il-problematika kumplessa bħala opportunità, u għandha twieġeb għat-talbiet li ġejjin mis-soċjetà ċivili ta’ dawn il-pajjiżi, li taspira għall-progress ċivili, ekonomiku u soċjali, billi tiffavorixxi it-tisħiħ tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt.

4.4   Din ir-riflessjoni għandha wkoll tiġi estiża għall-bqija tal-kontinent Afrikan, fejn l-Unjoni ma tistax tħalli liċ-Ċina, l-uniku pajjiż li qed jespandi, tieħu l-inizjattiva, u ma tistax tinsa r-responsabilitajiet tagħha li ġejjin mill-istorja u l-ġeografija, billi tagħmel patt komuni mal-kontinent kollu.

4.5   L-irkupru tad-dinamiżmu u tal-effikaċja tal-“politika estera” tal-Unjoni, li s’issa kien qed jaħdem, irriżulta fit-tkabbir progressiv tal-fruntieri ġeografiċi tagħha lejn il-Lvant u n-Nofsinhar. Dan il-proċess għad irid jitlesta permezz tan-negozjati li għaddejjin mal-Istati tal-Balkani u mat-Turkija, li ma jistgħux jibqgħu għaddejjin għal dejjem u li għandhom jiġu iffaċċjati b’mod miftuħ, mingħajr prekunċetti jew biżgħat miż-żewġ naħat.

4.6   Ikun tajjeb li wieħed jaġixxi fl-interess reċiproku, permezz ta’ forom ta’ sħubija mal-pajjiżi jew reġjuni, għall-iskopijiet ta’ żvilupp bilanċjat li jqiegħed lill-“persuna” fiċ-ċentru tal-interess komuni u tal-azzjoni konġunta, bla ma jiġu sottovvalutati l-interessi strateġiċi tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha. L-UE dejjem għandha tappoġġja u tippromovi l-prinċipji tal-mudell soċjali Ewropew u għandha tibbaża l-ftehimiet tagħha fuq id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tax-xogħol.

4.7   Il-KESE jqis li hemm numru ta’ politiki li jitqajmu fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u li għalihom l-intervent tas-soċjetà ċivili jidher li huwa essenzjali, meta wieħed iqis ir-riperkussjonijiet qawwija tagħhom, inkluż fi ħdan l-Unjoni. Iktar preċiżament dan jirrigwarda d-drittijiet, ir-regoli li jirregolaw il-finanzi spekulattivi, il-politika monetarja (l-euro bħala munita ta’ riserva u strument tal-politika ekonomika internazzjonali), tal-enerġija (sikwit użata bħala strument ta’ rikatt), dik ambjentali, kummerċjali, tas-sigurtà tal-ikel, tas-sigurtà u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-immigrazzjoni u l-korruzzjoni.

4.8   Għalhekk ikun utli li tiġi pprovduta informazzjoni oġġettiva, konkreta u effikaċi, ipprovduta mill-Kummissjoni Ewropea, u bl-għajnuna tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar l-azzjoni mwettqa mill-UE fil-politika estera, it-tifsira u l-valur miżjud tagħha meta mqabbla ma’ dik nazzjonali. Sikwit dan ma jsirx, jew inkella jsir mill-Istati Membri f’forma xi ftit mibdula. F’dan ir-rigward l-involviment tal-Parlament Ewropew u tal-Parlamenti nazzjonali huwa importanti ħafna.

4.9   Għaldaqstant, hemm ir-riskju li l-popli Ewropej iħossuhom diżorjentati u jistaqsu lilhom infushom x’inhuma l-utilità u r-rwol tal-Unjoni. Fil-fatt, mhijiex ħaġa rari li l-klassi politika ta’ diversi Stati ma jkollhiex interess tivvalorizza l-ħidma mwettqa fi Brussell. Hija iktar preokkupata li tiżgura s-sussistenza tagħha fuq perjodu qasir milli li tinvolvi ruħha fi proġett strateġiku fuq żmien twil u ta’ skala kbira.

4.10   Madankollu, l-Unjoni Ewropea llum il-ġurnata għadha mudell ta’ żvilupp ibbilanċjat u sostenibbli, mudell li jkun tajjeb li jiġi estiż għall-pajjiżi ġirien, ibbażat fuq il-valuri tal-liġi, tad-demokrazija u tal-koeżistenza paċifika. Is-“setgħa bbażata fuq il-persważjoni” (“soft power”) tal-UE u t-“transformational diplomacy” tagħha ppermettew li l-kontinent tagħna jiġi stabbilizzat billi jiġu estiżi l-proċess demokratiku u l-prosperità għal diversi Stati permezz tal-politiki tat-tkabbir u tal-viċinat.

4.11   Iżda dan jista’ ma jkunx biżżejjed. Il-Kunsill Ewropew tas-16 ta’ Settembru 2010 stqarr li l-Unjoni għandha tkun attur dinji effikaċi, lest li jaqsam ir-responsabilità tas-sigurtà dinjija u li jkollu rwol dinamiku fid-definizzjoni tar-rispons konġunt għall-isfidi komuni.

4.12   L-Unjoni għadha d-donatur ewlieni għall-pajjiżi li jeħtieġu l-għajnuna; għaldaqstant għandha tuża aħjar il-politika ta’ kooperazzjoni. L-Unjoni hija l-ewwel setgħa kummerċjali fid-dinja u hija minn ta’ quddiem fil-politika ambjentali, bħalma juri s-Summit reċenti ta’ Cancún. Għaldaqstant, għandha d-dritt u d-dmir li tipparteċipa u li tkun minn ta’ quddiem u li jkollha rwol ċentrali fid-definizzjoni tar-regoli l-ġodda ta’ natura multilaterali.

4.13   In-Nazzjonijiet Uniti huma l-ogħla awtorità ta’ natura internazzjonali. Aħna għandna nġeddu l-multilateraliżmu biex naffrontaw l-isfidi politiċi u anki dawk ekonomiċi. Ser ikollna naġixxu fil-fond fil-kuntesti internazzjonali kollha u nikkontribwixxu għar-riforma radikali ta’ istituzzjonijiet bħall-FMI, il-Bank Dinji u d-WTO. Ikun tajjeb ukoll li l-G20 jingħata missjoni iżjed strutturata u mmirata għal regolamentazzjoni aħjar tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, bħalma ilu jintalab għal żmien twil, mingħajr ma jinħolqu aktar ġerarkiji.

5.   Il-politika tas-sigurtà

5.1   L-Unjoni żviluppat politika tas-sigurtà u tad-difiża komuni billi żviluppat strumenti għall-ġestjoni tal-kriżijiet u billi kkunsidrat il-pożizzjonijiet diverġenti tal-Istati Membri tagħha. Hija għandha taqdi rwol importanti ta’ stabbilizzazzjoni fil-pajjiżi ġirien. Huwa għalhekk li għandha titlob l-adozzjoni u r-rispett mill-Istati kollha tal-prinċipji li huma l-qofol tal-koeżistenza paċifika internazzjonali, fl-għarfien li d-drittijiet fundamentali mhumiex negozzjabbli.

5.2   L-UE ilha żmien twil involuta direttament (jew permezz tal-Istati Membri tagħha) f’diversi missjonijiet militari u ċivili. Prattikament dan huwa impenn globali li xi drabi jkollu biss valur simboliku. L-istrumenti li għandha l-UE għad-dispożizzjoni tagħha jistgħu jissaħħu u jintużaw bħala strumenti reali ta’ sigurtà reġjonali u jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala tali. L-UE għandha tintervjeni b’mod konkret permezz tal-istrumenti kollha tagħha, bħas-SEAE u r-Rappreżentant Għoli/Viċi President.

5.3   Fil-qasam tas-sigurtà, l-Unjoni għandha topera bi prijorità f’dak li jissejjaħ il-“viċinat”: l-Ewropa tal-Lvant, il-Kawkasu, il-Balkani, il-Mediterran u l-Afrika, permezz ta’ taħlita ta’ interventi, bil-għan li tistabbilizza ż-żoni fi kriżi, permezz ta’ azzjonijiet ta’ żamma tal-paċi, ta’ tisħiħ tal-istituzzjonijiet u ta’ żvilupp ekonomiku. Huwa proprju f’dawn iż-żoni li s-soċjetà ċivili jista’ jkollha rwol importanti, sabiex ikun hemm żvilupp paċifiku. Il-KESE huwa diġà attiv ħafna f’dan il-qasam u jwettaq ħidma ta’ valur kbir f’dan ir-rigward.

5.4   Anki settur li tradizzjonalment jaqa’ taħt is-sovranità tal-Istati, bħall-politika tas-sigurtà u tad-difiża, jikseb importanza li qed tiżdied għas-soċjetà ċivili u l-opinjoni pubblika Ewropej, minħabba l-implikazzjonijiet strateġiċi, baġitarji u soċjali li jista’ jkollhom l-għażliet li jsiru f’dan il-qasam.

5.5   F’din il-perspettiva, l-UE u n-NATO għandhom jiżviluppaw u japprofondixxu s-sħubija strateġika tagħhom għal kooperazzjoni aħjar fil-ġestjoni tal-kriżijiet. Il-politika tas-sigurtà u tad-difiża komuni tal-Unjoni Ewropea mhijiex biss element essenzjali tal-Politika Esterna u ta’ Sigurtà Komuni (PESK), iżda titqies ukoll bħala parti integrali mill-kunċett strateġiku l-ġdid tal-Alleanza Atlantika, li ġie deċiż f’Lisbona fl-20 ta’ Settembru 2010, bil-parteċipazzjoni tal-ogħla awtoritajiet tan-NATO u tal-UE.

6.   Ir-rwol tal-KESE

6.1   L-għan tal-attivitajiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni huwa li jesprimu l-fehma tas-soċjetà ċivili organizzata dwar il-politiki tal-UE relatati mal-kummerċ, it-tkabbir, l-iżvilupp u l-affarijiet barranin.

6.2   Il-KESE jiżgura l-monitoraġġ tal-progress fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-ħafna pajjiżi tad-dinja, b’mod partikolari l-pajjiżi u r-reġjuni li magħhom l-Unjoni Ewropea għandha relazzjonijiet strutturati, u jiżviluppa relazzjonijiet mas-soċjetajiet ċivili ta’ dawn il-pajjiżi u r-reġjuni. Ġew stabbiliti relazzjonijiet mill-qrib mal-imsieħba ekonomiċi u soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili ta’ pajjiżi terzi biex jitfasslu proposti prinċipalment dwar kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali u jiġi ffavorit it-tisħiħ tas-soċjetà ċivili. F’dan l-ambitu, ġew adottati dikjarazzjonijiet konġunti għall-attenzjoni tal-awtoritajiet politiċi.

6.3   Ir-relazzjonijiet mal-kontropartijiet tagħna jseħħu permezz tal-intermedjarju tal-kumitati permanenti. Għaldaqstant, jeżistu kumitati konsultattivi konġunti mal-pajjiżi kandidati (it-Turkija, il-Kroazja u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja) u mal-pajjiżi li għalihom ġiet implimentata ftehima ta’ assoċjazzjoni (il-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea). Jeżistu gruppi ta’ kuntatt għall-Balkani tal-Punent, ir-Russja, il-Ġappun u l-pajjiżi Ewropej tal-Lvant ġirien. Barra minn hekk, il-kumitati ta’ monitoraġġ jaħdmu mal-kontropartijiet tagħhom fil-qasam tar-relazzjonijiet mal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku, mal-Amerika Latina u fil-qafas tal-Unjoni għall-Mediterran. Isiru laqgħat ta’ diskussjoni tas-soċjetà ċivili fuq bażi regolari mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tal-Brażil u ċ-Ċina.

6.4   Fost dawn il-politiki speċifiċi, il-KESE, pereżempju, żviluppa attivitajiet importanti fi tliet oqsma:

rigward il-politika tal-iżvilupp, il-KESE jikkollabora b’mod regolari mal-Kummissjoni billi jwassal il-kontribut tas-soċjetà ċivili organizzata sad-diversi proposti tad-DĠ Żvilupp, kemm fil-forma ta’ opinjonijiet kif ukoll ta’ rakkomandazzjonijiet konġunti mfassla mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi AKP;

rigward it-tkabbir tal-UE, il-KESE jaħdem f’kooperazzjoni mal-pajjiżi kandidati, li magħhom iwaqqaf kumitati konsultattivi konġunti tas-soċjetà ċivili. Dawn il-kumitati huma responsabbli għat-tixrid tal-għarfien, l-esperjenzi u l-informazzjoni dwar il-firxa tal-politiki komuni u dwar l-implimentazzjoni tal-acquis communautaire u jaġixxu bħala konnessjoni bejn l-UE u l-organizzazzjonijiet soċjoprofessjonali ta’ dawn il-pajjiżi;

fil-qasam tal-politika kummerċjali, il-KESE jiżgura s-segwitu tan-negozjati u beħsiebu jiżgura l-monitoraġġ tal-impatt ekonomiku u soċjali kif ukoll ambjentali tal-ftehimiet internazzjonali ffirmati mill-UE bħala intermedjarju għall-mekkaniżmi maħluqa fuq bażi ugwali mas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi jew ir-reġjuni involuti, bħala l-kelliem tas-soċjetà ċivili organizzata. Dan l-objettiv jista’ jintlaħaq permezz ta’ involviment akbar fin-neogozjati tal-ftehimiet internazzjonali tal-UE, li għandhom jipprevedu b’mod ċar il-preżenza u r-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata.

6.5   Barra minn hekk, il-KESE ngħata l-kompitu li jipparteċipa fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali li saru bejn l-UE u l-Cariforum, l-UE u l-Amerika Ċentrali kif ukoll l-UE u l-Korea. Iż-żieda fin-negozjati kummerċjali għandha twassal biex dan ir-rwol jikber b’mod sinifikanti. Il-KESE jieħu ħsieb ukoll il-monitoraġġ tal-istrumenti Ewropej għad-demokrazija u d-drittijiet umani u l-istrument għall-kooperazzjoni internazzjonali, permezz ta’ laqgħat speċifiċi mal-Kummissjoni u interazzjoni mal-Parlament Ewropew li fir-rigward ta’ dawn l-istrumenti jeżerċita “droit de regard”.

6.6   B’dan il-mod, il-KESE jista’ jagħti kontribut partikolarment sinifikanti għal koerenza aħjar tal-politiki Ewropej, li għandhom impatt li qed jiżdied fuq il-politika internazzjonali u li huma influwenzati minnha. Biżżejjed insemmu r-rabtiet mill-qrib li jeżistu bejn il-politiki mwettqa fi ħdan is-suq uniku u fil-livell internazzjonali fil-qasam ekonomiku u finanzjarju, monetarju, tal-enerġija, ambjentali, kummerċjali, soċjali, agrikolu u industrijali, fost l-oħrajn. Il-KESE jista’ jkollu rwol partikolarment utli li jservi bħala pont bejn l-azzjoni tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet Ewropej min-naħa l-waħda, u l-ħtiġijiet espressi mis-soċjetà ċivili mill-oħra.

6.7   Il-KESE jqis li dawn l-objettivi għandhom ukoll ikunu segwiti permezz ta’ rappreżentanza adegwata tas-soċjetà ċivili u azzjoni determinata fi ħdan l-organizzazzjonijiet internazzjonali, mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-ILO sal-istituzzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, li ilhom li għandhom bżonn jiġu riformati fil-fond, b’tali mod li fi ħdanhom jiġu riflessi t-tibdiliet rapidi li għalihom nassistu jum wara l-ieħor u li tiġi żgurata trasparenza aħjar tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, li huma sikwit neqsin minn sistemi ta’ kontroll effikaċi.

6.8   It-Trattat ta’ Lisbona jagħti lill-UE bħala entità sħiħa l-possibilità li taġixxi flimkien mas-soċjetà ċivili, mudell li tajjeb li jkun aktar magħruf u li jiġi enfasizzat fil-kuntest internazzjonali. Skont l-Artikolu 11 tat-Trattat, il-KESE jista’ jkollu rwol essenzjali fil-politika esterna billi jikkontribwixxi għad-demokrazija parteċipattiva li fuqha sserraħ l-Unjoni, bħala rappreżentant u garanti fir-rigward taċ-ċittadini ta’ “diplomazija ċivili”, inkluż mill-perspettiva tat-trasparenza tal-inizjattivi. Għal dawn id-diversi raġunijiet, kif ukoll għall-ħidma mwettqa sa issa fil-livell internazzjonali, il-KESE jqis li għandu jkun, bħalma diġà huwa l-każ għal politiki oħra, wieħed mill-interlokuturi ewlenin tal-Kummissjoni għat-tfassil u l-monitoraġġ tal-politika estera, permezz tas-servizz diplomatiku l-ġdid tal-Parlament u tal-Kunsill (SEAE). Dwar dan, il-KESE ser jipproponi lis-SEAE t-tfassil ta’ memorandum ta’ ftehim bejn iż-żewġ istituzzjonijiet sabiex ikun hemm struttura aħjar għas-sehem tas-soċjetà ċivili fil-politika estera tal-UE, kemm permezz ta’ opinjonijiet kif ukoll ta’ mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni regolari oħrajn.

6.9   Il-KESE diġà ilu żmien twil iwettaq attività intensiva fil-livell internazzjonali. Huwa stabbilixxa netwerk ta’ relazzjonijiet ma’ organizzazzjonijiet simili f’diversi partijiet tad-dinja u sar il-kelliem għall-prinċipji li fuqhom isserraħ l-Unjoni u għat-talbiet tas-soċjetà ċivili fil-qasam tal-ekonomija, il-koeżjoni, is-sħubija u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi soċjali.

6.10   Il-KESE jittama li jkun hemm koerenza ikbar bejn l-azzjonijiet tad-DĠ differenti tal-Kummissjoni Ewropea u tad-diversi korpi tal-UE. Barra minn hekk, huwa jqis li d-WTO għandha tpoġġi d-drittijiet tax-xogħol fuq l-istess livell tad-drittijiet ekonomiċi u tal-kummerċ ħieles, filwaqt li jeżistu xi pajjiżi li ma jimplimentawx jew jinjoraw għalkollox il-konvenzjonijiet tal-ILO. Il-konsegwenzi ta’ dawn l-għażliet jaqgħu fuq is-soċjetà Ewropea, l-intrapriżi u l-ħaddiema. Huwa għalhekk li l-KESE jqis li l-UE għandha tappoġġja idea iktar ambizzjuża u ġusta tal-globalizzazzjoni, sabiex jiġi evitat li jkun hemm sitwazzjoni ta’ rkupru kostanti mingħajr impjieg (“jobless recovery”).

6.11   Il-KESE huwa tal-opinjoni li s-soċjetà ċivili organizzata għandha tkun iktar involuta b’mod attiv fil-kwistjonijiet tal-politika internazzjonali, permezz ta’ rabtiet diretti u konsultazzjoni regolari mal-SEAE. Il-KESE jixtieq jevita li ċ-ċittadini tal-Unjoni ma jiġux infurmati kif xieraq dwar l-avvenimenti li jolqtuhom direttament.

6.12   F’dan il-kuntest, il-KESE jista’ jservi ta’ mezz biex jieħu fil-livell Ewropew id-dibattitu dwar il-kwistjonijiet li ma jistgħux jiġu solvuti fil-livell nazzjonali: l-immigrazzjoni, l-enerġija, il-viċinat, l-ambjent, it-tibdil demografiku, il-korruzzjoni, il-kwistjonijiet soċjali, dawk tal-ikel, il-kummerċ u l-iżvilupp, eċċ. Huwa jista’ wkoll iżomm il-viżibilità ta’ dawn id-dibattiti, anki meta jkun hemm ir-riskju li kwistjonijiet urġenti oħra jneħħuhom minn fuq l-aġenda Ewropea.

6.13   Il-KESE jista’ wkoll joffri l-esperjenza u l-kapaċità tiegħu ta’ analiżi tal-politiki speċifiċi tal-UE lill-istituzzjonijiet Ewropej, skont perspettivi ġodda li jirrappreżentaw l-interessi partikolari tas-setturi kkonċernati: il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali fil-pajjiżi terzi, l-interessi tal-bdiewa fl-iskambji internazzjonali tal-ikel, ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-politika tal-iżvilupp, il-ġestjoni internazzjonali tal-ilma, il-kummerċ internazzjonali tal-prodotti agrikoli fl-ambitu tad-WTO, l-intrapriżi ż-żgħar, il-koeżjoni soċjali, l-integrazzjoni reġjonali, eċċ.

Brussell, 27 ta’ Ottubru 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara, pereżempju dwar “Id-dimensjoni esterna tal-istrateġija ta’ Lisbona mġedda” (ĠU C 128, 18.5.2010, p. 41–47), dwar “Integrazzjoni reġjonali għall-iżvilupp fil-pajjiżi tal-AKP”, (ĠU C 317, 23.12.2009, p. 126–131); dwar “Il-valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà (VIS) u l-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 218, 23.7.2011, p. 14–18); dwar Strument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) tal-Unjoni Ewropea: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali (ĠU C 44, 11.2.2011, p. 123–128)dwar “Strument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) tal-Unjoni Ewropea: ir-rwol tas-soċjetà ċivili organizzata u l-imsieħba soċjali” u dwar “L-istrument Ewropew għad-demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR)” (ĠU C 182, 4.8.2009, p. 13–18).


Top