Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1376

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Kunsill li temporanjament jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti industrijali fil-Gżejjer Kanarji” COM(2011) 259 finali – 2011/0111 (CNS)

    ĠU C 376, 22.12.2011, p. 58–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 376/58


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Kunsill li temporanjament jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq importazzjonijiet ta’ ċerti prodotti industrijali fil-Gżejjer Kanarji”

    COM(2011) 259 finali – 2011/0111 (CNS)

    2011/C 376/10

    Relatur Ġenerali: is-Sur Bernardo HERNÁNDEZ BATALLER

    Nhar is-16 ta’ Ġunju 2011, il-Kunsill iddeċieda, b'konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill li temporanjament jissospendi d-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq importazzjonjiet ta’ ċerti prodotti industrijali fil-Gżejjer Kanarji

    COM(2011) 259 finali – 2011/0111 (CNS).

    Nhar l-20 ta’ Settembru 2011, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

    Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-474 Sessjoni Plenarja tiegħu tal-21 u t-22 ta’ Settembru 2011 (seduta tat-22 ta’ Settembru) li jaħtar lis-Sur Bernardo HERNÁNDEZ BATALLER bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b'132 vot favur u 5 voti kontra.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-KESE jappoġġja din il-proposta minħabba r-rilevanza soċjoekonomika tagħha u l-leġittimità ċara tal-Unjoni biex tadottaha, fid-dawl tan-natura esklużiva tal-kompetenzi tagħha fil-qasam doganali.

    1.2   Barra minn hekk, il-proposta taffettwa biss numru determinat ta’ prodotti u oġġetti li diġà jibbenefikaw minn vantaġġi tariffarji b'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 704/2002 tal-25 ta’ Marzu 2002, u magħhom jiżdiedu biss erba' prodotti oħra (il-gomma u ċerti derivati tal-polimeru).

    1.3   L-impożizzjoni ta’ kontrolli tal-użu aħħari b'konformità mad-dispożizzjonjiet tal-Kodiċi Doganali Komunitarju u d-dispożizzjonjiet ta’ implimentazzjoni tiegħu hija proċedura stabbilita f'dan il-kuntest u ma toħloqx piż amministrattiv supplimentari sinifikattiv għall-awtoritajiet reġjonali u lokali u għall-operaturi ekonomiċi.

    1.4   Li tinżamm is-sospensjoni tad-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti industrijali huwa meqjus ta’ benefiċċju għall-ekonomija tal-Gżejjer Kanarji, li batiet il-konsegwenzi tal-kriżi ħafna aktar minn reġjuni oħra fl-Unjoni u fir-Renju ta’ Spanja.

    1.5   Il-KESE jtenni (1) li ż-żamma ta’ dawn l-arranġamenti ekonomiċi u fiskali speċifiċi hi indispensabbli sabiex ir-reġjuni ultraperiferiċi jiġu megħjuna jegħlbu d-diffikultajiet strutturali li jiffaċċjaw.

    2.   Introduzzjoni

    2.1   Il-Gżejjer Kanarji għandhom superfiċje totali ta’ bejn wieħed u ieħor 7 542 km2 u jiffurmaw arċipelagu li jinsab fl-Oċean Atlantiku, ftit aktar minn 1 000 km 'l bogħod mill-eqreb punt tal-Peniżola Iberika. Flimkien mal-arċipelagi tal-Azores, il-Madeira, is-Salvajes u l-Kap Verde, il-Gżejjer Kanarji jagħmlu parti mir-reġjun bijoġeografiku msejjaħ Macaronesia, u huma fost l-hekk imsejħa reġjuni “ultraperiferiċi” minħabba, fost affarijiet oħra, li jinsabu 'l bogħod ħafna u huma insulari. Il-KESE kemm-il darba esprima l-fehma tiegħu dwar dawn ir-reġjuni (2).

    2.1.1   Il-popolazzjoni attwali fil-Gżejjer Kanarji hija ta’ 2 118 519 abitant. L-aktar żewġ gżejjer popolati huma Tenerife (906 854 abitant) u l-Gran Canaria (845 676 abitant) (3), fejn joqogħdu 80 % tal-popolazzjoni. Dan l-indiċi għoli tal-popolazzjoni joħloq ċerti problemi soċjali relatati mar-rati għoljin tal-qgħad u tal-emigrazzjoni.

    2.1.2   Minħabba li jinsabu 'l bogħod, l-operaturi ekonomiċi ta’ dawn il-Gżejjer jiffaċċjaw żvantaġġi ekonomiċi u kummerċjali li għandhom impatt negattiv fuq it-tendenzi demografiċi, l-impjieg u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali. B'mod partikolari, is-settur industrijali u dak tal-bini u l-industriji anċillari ġew affettwati bl-aħrax mill-kriżi ekonomika attwali, u b'hekk żdied il-qgħad, li huwa ogħla mill-medja nazzjonali ta’ Spanja. Dan joħloq ir-riskju li s-sitwazzjoni ekonomika ġenerali ssir aktar vulnerabbli minħabba n-natura volatili tat-turiżmu internazzjonali, li minnu l-gżejjer qed jiddependu dejjem aktar.

    2.1.3   Kif diġà indika l-KESE (4), il-gżejjer għandhom il-karatteristika li jiffaċċjaw xi żvantaġġi permanenti li jiddistingwuhom b'mod ċar mir-reġjuni kontinentali. Dawn l-iżvantaġġi permanenti għandhom xi karatteristiċi komuni għalkemm l-iskala tagħhom tvarja, u jinkludu: l-iżolament mill-kontinent; l-ispejjeż addizzjonali għoljin tat-trasport bil-baħar u bl-ajru, tal-komunikazzjoni u tal-infrastruttura minħabba l-ostakli naturali u klimatiċi; id-dimensjoni limitata tal-art; ir-riżorsi limitati tas-sajd; id-disponibbiltà limitata tal-ilma; in-nuqqas ta’ sorsi tal-enerġija; it-tniġġis tal-baħar u tal-kosti; id-diffikultà fil-ġestjoni tal-iskart; it-tnaqqis tal-popolazzjoni, speċjalment taż-żgħażagħ; l-erożjoni tal-kosti; in-nuqqas ta’ ħaddiema speċjalizzati; in-nuqqas ta’ ambjent ekonomiku favorevoli għall-intrapriżi; u d-diffikultà fl-aċċess għall-edukazzjoni u s-servizzi tas-saħħa, fost affarijiet oħra.

    2.1.4   Il-KESE diġà esprima ruħu (5) dwar il-kunċett tal-ispejjeż addizzjonali tar-reġjuni ultraperiferiċi, u stabbilixxa lista mhux magħluqa li tkopri mill-ispejjeż aktar għoljin tat-trasport tal-oġġetti, tal-materjali u tal-persuni sal-ispejjeż tal-ħżin, tar-reklutaġġ jew tal-installazzjoni, li wkoll huma ogħla.

    2.1.5   Is-settur industrijali tal-Gżejjer Kanarji jipproduċi prinċipalment għas-suq lokali u jiltaqa' ma’ diffikultajiet kbar biex isib klijenti barranin. Din is-sitwazzjoni diffiċli hija kkważata l-aktar min-nuqqas ta’ mezzi tat-trasport u l-ispejjeż għoljin tat-trasport għax-xiri u d-distribuzzjoni tal-merkanzija. Dan għandu impatt negattiv fuq l-ispejjeż tal-manifattura tal-prodotti lesti, li jista' jwassal għal żieda fl-ispejjeż tal-manifattura meta mqabbla mal-ispejjeż tal-manifattura ta’ intrapriżi simili fuq il-peniżola.

    3.   Il-Gżejjer Kanarji u l-Unjoni Ewropea

    3.1   Il-Gżejjer Kanarji saru parti mill-Unjoni Ewropea mal-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja fl-1986. L-Att tal-Adeżjoni ta’ Spanja u l-Portugall irrikonoxxa s-sitwazzjoni soċjoekonomika speċjali u diffiċli tal-arċipelagu. Minħabba d-diffikultajiet speċifiċi tagħhom, għall-ewwel il-Gżejjer Kanarji kienu esklużi miż-żona doganali Komunitarja, mill-politika kummerċjali komuni, mill-politika agrikola komuni u mill-politika komuni tas-sajd.

    3.2   L-Unjoni Ewropea għarfet il-problemi partikolari u speċifiċi ta’ dan ir-reġjun u l-implikazzjonijiet tagħhom biex il-Gżejjer Kanarji jiġu integrati fl-Unjoni. Fl-aħħar snin ġew introdotti miżuri li, b'approċċ komprensiv u fid-dawl tal-fatt li dan hu reġjun insulari u ultraperiferiku, naqqsu bil-mod il-mod il-livell u l-impatt ta’ dawn l-eżenzjonijiet b'tali mod li r-reġjun ilu jagħmel parti integrali miż-żona dogali Komunitarja mill-31 ta’ Diċembru 2000, jiġifieri minn meta ddaħħlet b'mod sħiħ it-Tariffa Doganali Komuni (6).

    3.3   Dan wassal għall-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1911/91 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-Komunità għall-Gżejjer Kanarji (7), li ġie modifikat kemm-il darba. B'konformità ma’ dan ir-Regolament ġew żviluppati miżuri partikolari permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 91/314/KE li tistabblixxi programm ta’ għażliet speċifiċi għan-natura remota u insulari tal-Gżejjer Kanarji (Poseican) (8). B'dan il-programm kien possibbli li ssir il-modulazzjoni ta’ ċerti politiki komuni kif ukoll li jiġu adottati ċerti miżuri speċifiċi għall-Gżejjer Kanarji.

    3.4   Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 704/2002 tal-25 ta’ Marzu 2002 jissospendi temporanjament id-dazji awtonomi tat-Tariffa Doganali Komuni fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti industrijali u jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni tal-kwoti awtonomi tat-tariffi tal-Komunità fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-ħut lejn il-Gżejjer Kanarji. Skont dan ir-Regolament, is-sospensjoni tad-dazji tat-Tariffi Doganali Komuni għal ċerti prodotti kapitali li jintużaw b'mod kummerċjali jew industrijali ser tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2011. Għal din ir-raġuni, il-proposta eżaminata hawnhekk qed titressaq qabel ma tiskadi din is-sospensjoni.

    3.5   Mill-banda l-oħra, l-Artikolu 349 tat-TFUE jirrikonoxxi l-kundizzjoni ta’ reġjun ultraperiferiku li għandhom il-Gżejjer Kanarji, jikkunsidra s-sitwazzjoni strutturali soċjali u ekonomika tagħhom, u jirrikonoxxi l-bogħod, l-insularità, id-daqs żgħir, it-topografija u l-klima diffiċli tagħhom u d-dipendenza tagħhom minn ftit prodotti. Il-permanenza u l-kumbinazzjoni ta’ dawn il-fatturi jirrestrinġu bi kbir l-iżvilupp tagħhom. Għalhekk, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jadotta miżuri speċifiċi b'rabta, fost oħrajn, mal-politiki doganali u tal-kummerċ, il-politika fiskali, iż-żoni liberi, il-politika agrikola u dik tas-sajd, il-kundizzjonijiet għall-forniment ta’ materja prima u oġġetti essenzjali għall-konsumatur, l-għajnuna mill-Istat u l-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-fondi strutturali u għall-programmi orizzontali tal-Unjoni.

    4.   Il-proposta għal Regolament tal-Kunsill

    4.1   It-TFUE jippermetti li jittieħdu miżuri speċjali għar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni sabiex jgħinuhom jegħlbu l-iżvantaġġi ekonomiċi li jiffaċċjaw minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom. Il-persistenza tal-kriżi ekonomika u finanzjarja aggravat il-problemi tal-ħolqien tal-impjieg u t-telf tal-kompetittività tal-Gżejjer Kanarji.

    4.2   Konsegwentement, il-Gvern tar-Renju ta’ Spanja talab, permezz ta’ proposta għal Regolament, li tiġi estiża l-iskema attwali tas-sospensjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni ta’ ċerti prodotti lejn il-Gżejjer Kanarji. Din il-proposta tipprevedi li jiġu sospiżi wkoll id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni għal erba' prodotti ġodda.

    4.3   Il-proposta hija maħsuba biex tkun koerenti mal-politiki l-oħra tal-Unjoni, partikolarment fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali, il-kompetizzjoni, l-intrapriżi, l-iżvilupp u r-relazzjonijiet esterni. Normalment, kull tant żmien jittieħdu miżuri ta’ dan it-tip sabiex jissaħħu l-operaturi ekonomiċi.

    4.3.1   Bis-saħħa tas-sospensjoni termporanja tad-dazji, il-proposta tippermetti lill-operaturi ekonomiċi lokali tal-Gżejjer Kanarji li jimpurtaw ċertu ammont ta’ materja prima, partijiet, komponenti u prodotti kapitali mingħajr dazju fuqhom.

    4.3.1.1   B'mod speċifiku, mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2021 ser jiġu sospiżi b'mod sħiħ id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni applikabbli għall-importazzjoni fil-Gżejjer Kanarji tal-prodotti kapitali għall-użu kummerċjali jew industrijali mniżżlin fl-Anness.

    4.3.1.2   Dawn il-prodotti għandhom jintużaw mill-operaturi ekonomiċi li jinsabu fil-Gżejjer Kanarji għal perjodu ta’ mill-inqas 24 xahar wara li jiġu rilaxxati liberament fiċ-ċirkolazzjoni.

    4.3.1.3   Barra minn hekk, mill-1 ta’ Jannar 2012 sal-31 ta’ Diċembru 2021 ser jiġu sospiżi b'mod sħiħ ukoll id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni applikabbli għall-importazzjoni fil-Gżejjer Kanarji ta’ materja prima, partijiet u komponenti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM elenkati fl-Anness II aġġornat u li jintużaw għat-trasformazzjoni industrijali jew għall-manutenzjoni fil-Gżejjer Kanarji.

    4.3.2   Sabiex jiġi evitat kull użu abbużiv jew frodulenti jew kwalunkwe devjazzjoni tal-flussi kummerċjali tradizzjonali, huwa previst li jiġu stabbiliti kontrolli u mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni biex jikkontrollaw l-użu aħħari tal-prodotti li jibbenefikaw mis-sospensjoni tad-dazju.

    4.3.3   Il-materja prima, il-partijiet u l-komponenti jridu jintużaw għat-trasformazzjoni industrijali u għall-manutenzjoni fil-Gżejjer Kanarji sabiex jibbenefikaw mis-sospensjoni tad-dazji.

    4.3.4   Barra minn hekk, il-prodotti kapitali jridu jintużaw mill-kumpaniji lokali fil-Gżejjer Kanarji għal perjodu ta’ mill-inqas sentejn qabel ma jkunu jistgħu jinbiegħu liberament lil kumpaniji oħra li jinsabu f'partijiet oħra tat-territorju doganali tal-Unjoni.

    4.3.4.1   Sabiex tingħata perspettiva fit-tul lill-investituri u sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jilħqu l-livell ta’ attivitajiet industrijali u kummerċjali, is-sospensjoni tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni applikabbli għal ċerti prodotti mniżżlin fl-Anness II u fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 740/2002 ser tiġi estiża b'mod sħiħ għal perjodu ta’ 10 snin.

    4.3.4.2   Sabiex jiġi żgurat li operaturi ekonomiċi stabbiliti fit-territorju tal-Gżejjer Kanarji biss jibbenefikaw minn dawn il-miżuri tariffarji, is-sospensjoni għandha tkun tiddependi mill-użu aħħari tal-prodotti b'konformità ma’ dak li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju; u f'każ li ssir devjazzjoni tal-kummerċ, il-Kummissjoni tingħata s-setgħat ta’ implimentazzjoni li jippermettulha li temporanjament tirtira s-sospensjoni.

    5.   Kummenti ġenerali

    5.1   Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta li jiġi modifikat ir-Regolament (KE) u jemmen li l-miżuri speċjali li fih jistgħu jiġu adottati mingħajr ma tiġi pperikolata bl-ebda mod l-integrità u l-koerenza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, inklużi s-suq intern u l-politiki komuni.

    5.2   Dawn ir-raġunijiet legali u ekonomiċi ġew ikkonfermati minn ċirkustanzi oħra, bħall-fatt li l-Grupp Ekonomiku dwar il-Kwistjonijiet Tariffarji ma qajjem l-ebda oġġezzjoni għall-adozzjoni futura tal-miżuri inkwistjoni, u għall-fatt li t-tfassil ta’ dawn il-miżuri ma rrikjediex li ssir valutazzjoni tal-impatt minħabba n-natura universali tagħhom.

    5.3   Il-Kummissjoni tibbaża l-proposta għal Regolament fuq l-Artikolu 349 tat-TFUE, filwaqt li l-kontenut integrali tal-miżuri jirreferi għall-politika doganali, li hija kompetenza esklużiva tal-UE. Għaldaqstant, id-dispożizzjoni li din il-proposta tintbagħat lill-parlamenti nazzjonali, li aktarx ġejja minn interpretazzjoni wiesgħa ħafna tal-Artikolu 2(1) tal-Protokoll Nru 1 anness mat-TUE u t-TFUE (dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea), hija wisq formalista.

    5.4   Jidher li din iċ-ċirkustanza ser iddewwem l-adozzjoni tar-Regolament, li aktarx toħloq polemiki jew kontroversji interni li ta’ sikwit ikunu ta’ ħsara għall-interess ġenerali tal-UE jew għat-twettiq adegwat ta’ xi objettivi speċifiċi, bħall-protezzjoni tat-territorji u r-reġjuni ultraperiferiċi mill-kundizzjonijiet ekonomiċi ħżiena tagħhom.

    5.5   Ikun tajjeb ukoll li jiġi definit b'mod kwantitattiv u kwalitattiv il-kunċett ta’ “devjazzjoni tal-kummerċ”. Dan jista' jagħti lill-Kummissjoni l-kompetenza li tirtira l-eżenzjonijiet tariffarji permezz ta’ atti implimentattivi.

    5.6   Dan hu aktar u aktar neċessarju għaliex, biex jiġi apprezzat l-aspett kwantitattiv ta’ dawn id-devjazzjonijiet, hemm bżonn li jsiru analiżi ekonomiċi kumplessi tas-suq bil-għan li jinsab bilanċ reali bejn l-importazzjonijiet tal-prodotti rilevanti u l-ħtiġijiet li jkunu ġejjin mid-domanda tagħhom fil-kummerċ insulari.

    5.7   B'mod simili, għandha tiġi ċċarata n-natura legali tal-atti li jistabbilixxu deċiżjoni definittiva dwar iż-żamma jew it-tneħħija tal-irtirar tal-iskema ta’ sospensjoni wara li jgħaddi l-perjodu ta’ 12-il xahar stabbilit fl-Artikolu 4(1) tal-proposta għal Regolament.

    5.8   Billi huwa l-Kunsill li jadotta r-Regolament dwar is-sospensjoni temporanja permezz ta’ proċedura leġislattiva speċjali, jidher loġiku li jkun hu wkoll li jadotta din id-deċiżjoni definittiva, u b'hekk il-kompetenza mogħtija lill-Kummissjoni tiġi limitata għall-possibbiltà li tadotta l-atti dwar l-irtirar temporanju msemmi hawn fuq għal perjodu massimu ta’ 12-il xahar.

    5.9   Il-KESE jemmen li l-proposta tgħin biex tiġi garantita l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif ukoll biex il-Gżejjer Kanarji jikkompetu bl-istess opportunitajiet fl-Unjoni Ewropea kollha, billi tikkumpensa l-iżvantaġġi permanenti ta’ natura ġeografika, naturali, ekonomika, soċjali jew strutturali li għandhom.

    5.10   Is-sospensjoni tad-dazji prevista hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, fid-dawl tal-firxa tal-iżvantaġġi tal-Gżejjer Kanarji li jitkejlu f'termini tal-livell ta’ aċċessibbiltà, pożizzjoni ġeografika u, eventwalment, produttività. Il-KESE jaħseb li s-sospensjonijiet tad-dazji huma maħsuba biex jikkumpensaw l-ispejjeż addizzjonali marbutin mas-sitwazzjoni ta’ dawn il-Gżejjer u mhumiex fattur ta’ distorsjoni tas-suq, iżda għall-kuntrarju huma element ta’ bilanċ.

    6.   Kummenti speċifiċi

    6.1   Billi l-aċċessibbiltà għall-kontinent Ewropew ma marritx għall-aħjar, l-istabbiliment tal-arranġamenti ekonomiċi u fiskali divrenzjati kien maħsub bħala strument li jiddinamizza l-ekonomija Kanarja u li jipprova jikkumpensa għal dawn l-iżvantaġġi strutturali li qed tiffaċċja.

    6.2   Minħabba d-daqs tas-suq u l-intrapriżi tal-ekonomija Kanarja, ma kienx possibbli li jkun hemm politiki ta’ sinerġija bejn is-servizzi tal-materja prima fir-rigward tal-proċessi ta’ produzzjoni, it-trasport, il-kummerċjalizzazzjoni fis-suq intern tal-konsum u l-kapaċità tal-esportazzjoni, u b'hekk l-intrapriżi ma kellhomx il-possibbiltà li jġibu l-valur miżjud b'mod sostenibbli jew permezz ta’ spejjeż marġinali marbutin mad-domanda (sfruttament tal-ekonomiji tal-kobor).

    6.3   Minħabba dawn il-fatturi kollha tal-insularità u l-ispejjeż addizzjonali, is-settur industrijali qed jitlef il-kompetittività tiegħu fil-kuntest tas-swieq l-oħra li, f'ambjent dejjem aktar globalizzat, qed jiksbu importanza akbar bis-saħħa tal-possibbiltà ta’ rilokazzjoni. B'konsegwenza ta’ dan, l-ekonomija Kanarja qed titlef settur li joħloq impjiegi stabbli bi kwalifiki għoljin u li jiffaċilita l-iżvilupp ta’ proċessi innovattivi.

    6.4   Il-mekkaniżmi fiskali u doganali ppruvaw jikkumpensaw l-ispejjeż addizzjonali li jiffaċċja s-settur industrijali minħabba li jinsab f'reġjun ultraperiferiku. Studju reċenti jgħid li l-ispejjeż addizzjonali marbutin man-natura ultraperiferika tal-Gżejjer Kanarji jammontaw għal EUR 5 988 273 924, li 25 % minnhom trid terfagħhom l-industrija.

    6.5   Is-settur industrijali tal-Gżejjer Kanarji jemmen li 32 % tal-ispejjeż addizzjonali ġejjin mill-hekk imsejħa “kapaċità produttiva mhux użata”, jiġifieri l-ispejjeż addizzjonali minħabba li ma jintużawx il-vantaġġi tal-ekonomiji tal-kobor peress li l-intrapriżi Kanarji joperaw f'suq lokali limitat u jsibuha diffiċli biex jiksbu aċċess għas-swieq esterni, billi 25 % tal-ispejjeż addizzjonali ġejjin mit-trasport u 28 % mill-ispejjeż addizzjoni tal-enerġija.

    Brussell, 22 ta’ Settembru 2011.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Staffan NILSSON


    (1)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 72.

    (2)  ĠU C 221, 17.9.2002, p. 37 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (3)  Data mill-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika ta’ Spanja.

    (4)  ĠU C 268, 19.9.2000, p. 32 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (5)  ĠU C 211, 19.8.2008, p. 72.

    (6)  Att tal-Adeżjoni, Protokoll Nru 2.

    (7)  ĠU L 171, 29.6.1991, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 14, Volum 1, p. 3-6 ).

    (8)  ĠU L 171, 29.6.1991, p. 5 (mhux disponibbli bil-Malti).


    Top