EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE1164

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- Proposta għal Regolament tal-Kunsill (Euratom) li jistipola r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet f’azzjonijiet indiretti taħt il-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u għat-tixrid tar-riżultati tar-riċerka (2012–2013) COM(2011) 71 finali – 2011/0045 (NLE) – il- Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għar-riċerka u attivitajiet ta’ taħriġ nukleari (2012–2013) COM(2011) 72 finali – 2011/0046 (NLE) – il- Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Speċifiku, li għandu jitwettaq permezz ta’ azzjonijiet indiretti, li jimplimenta l-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika għal attivitajiet ta’ riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012–2013) COM(2011) 73 finali – 2011/0043 (NLE) – il- Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Speċifiku, li għandu jitwettaq permezz ta’ azzjonijiet diretti miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka, li jimplimenta l-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012–2013) COM(2011) 74 finali – 2011/0044 (NLE)

ĠU C 318, 29.10.2011, p. 127–132 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/127


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Kunsill (Euratom) li jistipola r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet f’azzjonijiet indiretti taħt il-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u għat-tixrid tar-riżultati tar-riċerka (2012–2013)”

COM(2011) 71 finali – 2011/0045 (NLE)

il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għar-riċerka u attivitajiet ta’ taħriġ nukleari (2012–2013)”

COM(2011) 72 finali – 2011/0046 (NLE)

il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Speċifiku, li għandu jitwettaq permezz ta’ azzjonijiet indiretti, li jimplimenta l-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika għal attivitajiet ta’ riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012–2013)”

COM(2011) 73 finali – 2011/0043 (NLE)

il-“Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Speċifiku, li għandu jitwettaq permezz ta’ azzjonijiet diretti miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka, li jimplimenta l-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012–2013)”

COM(2011) 74 finali – 2011/0044 (NLE)

2011/C 318/21

Relatur: is-Sur WOLF

Nhar it-22 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

 

il-Proposta għal Regolament tal-Kunsill (Euratom) li jistipola r-regoli għall-parteċipazzjoni ta’ impriżi, ċentri ta’ riċerka u universitajiet f’azzjonijiet indiretti taħt il-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u għat-tixrid tar-riżultati tar-riċerka (2012-2013)

COM(2011) 71 finali — 2011/0045 (NLE)

 

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) għar-riċerka u attivitajiet ta’ taħriġ nukleari (2012 - 2013)

COM(2011) 72 finali — 2011/0046 (NLE)

 

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Speċifiku, li għandu jitwettaq permezz ta’ azzjonijiet indiretti, li jimplimenta l-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika għal attivitajiet ta’ riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012 – 2013)

COM(2011) 73 finali — 2011/0043 (NLE)

 

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Programm Speċifiku, li għandu jitwettaq permezz ta’ azzjonijiet diretti miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka, li jimplimenta l-Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika għar-riċerka nukleari u attivitajiet ta’ taħriġ (2012 sal-2013)

COM(2011) 74 finali — 2011/0044 (NLE)

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-23 ta’ Ġunju 2011.

Matul l-473 sessjoni plenarja tiegħu li saret fit-13 u l-14 ta’ Lulju 2011 (seduta tal-14 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni bi 92 vot favur u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   L-inċident tal-blokk ta’ reatturi tal-fissjoni nukleari kkawżat mit-tsunami f’Fukushima u l-konsegwenzi tiegħu juru kemm dawn ir-reatturi huma vulnerabbli għall-ħsara fis-sistemi tat-tkessiħ ta’ emerġenza. Dan diġà wassal biex l-Istati Membri jieħdu deċiżjonijiet fil-politika tal-enerġija rigward l-użu kontinwu ta’ din it-teknoloġija u biex jinbeda dibattitu fil-livell tal-UE. Hemm bżonn li jiġu valutati mill-ġdid l-għanijiet ta’ riċerka u żvilupp tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-EURATOM li qed jiġi analizzat f’din l-opinjoni (għall-perjodu 2012-2013). Dan ġie kkunsidrat fil-kummenti li ġejjin.

1.2   Għal għadd ta’ raġunijiet, il-Kumitat jemmen li l-livell ta’ għarfien dwar it-teknoloġiji nukleari, l-użu u l-konsegwenzi tagħhom għandu jinżamm u jiġi żviluppat. Fid-dawl tal-fatt li jaqdi rwol ta’ koordinazzjoni fil-qsim tar-riżorsi u l-integrazzjoni tal-isforzi komuni, il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-EURATOM joffri valur miżjud Ewropew sinifikanti f’dan ir-rigward.

1.3   Il-KESE b’hekk jirrakkomanda dan li ġej:

ir-riċerka dwar it-teknoloġija tar-reatturi li jaħdmu bil-fissjoni għandha tikkonċentra fuq it-titjib tas-sigurtà tar-reatturi, it-tnaqqis u r-rimi tal-iskart radjuattiv b’ħajja twila, il-monitoraġġ tal-materjal fissili u l-protezzjoni mir-radjazzjoni;

jeħtieġ li jinżammu u jiġu żviluppati l-kapaċità ta’ reazzjoni għad-difetti li ma jkunux previsti fid-disinn u l-istress tests li għandhom jitwettqu ’l quddiem fuq il-faċilitajiet eżistenti;

il-ħidma biex tiġi żviluppata l-produzzjoni tal-enerġija mill-fużjoni nukleari għandha titkompla bis-sħiħ fid-dawl tas-sigurtà potenzjali u l-vantaġġi l-oħra ta’ din it-teknoloġija, u l-proġett tar-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (ITER), ibbażat fuq sħubija internazzjonali, għandu jaqdi rwol ċentrali. L-“assoċjazzjonijiet” huma l-pedamenti tal-programm tal-fużjoni nukleari;

għandu jiġi pprovdut taħriġ adegwat biex jiġi żgurat li hemm biżżejjed speċjalisti bi kwalifiki għoljin fl-oqsma prinċipali u li fl-iskejjel qed jiġi mgħallem biżżejjed għarfien bażiku dwar dawn it-teknoloġiji u l-emissjonijiet radjuattivi, il-periklu li jirrappreżentaw u kif jistgħu jitkejlu.

1.4   Id-dokumenti li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-Kumitat jissuġġerixxu li l-proposti u l-pjani tal-Kummissjoni jikkorrespondu b’mod wiesa’ mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu msemmija hawn fuq. Madankollu, il-Kumitat jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tiċċekkja jekk ġewx allokati biżżejjed riżorsi fid-dawl tas-sitwazzjoni l-ġdida u jekk hemmx xi suġġetti individwali li jirrikjedu li jiġu żviluppati aktar.

1.5   Rigward ir-rakkomandazzjonijiet l-oħra tiegħu, il-Kumitat jappoġġja l-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-EURATOM u l-istrumenti tiegħu bħala element prinċipali taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

2.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni

2.1   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni hija maqsuma f’erba’ dokumenti separati bi proposti għal regolamenti jew deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar il-Programm tal-EURATOM għall-2012 sal-2013. Il-bżonn ta’ deċiżjonijiet jew regolamenti ġodda għal dan il-perjodu ġej mill-fatt li s-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għar-Riċerka, l-Iżvilupp Teknoloġiku u l-attivitajiet ta’ dimonstrazzjoni (2007-2013) u s-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (EURATOM) għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta’ taħriġ (2007-2011) ikopru perjodi differenti. B’hekk il-qabża ta’ sentejn għandha tingħalaq.

2.2   L-erba’ dokumenti tal-Kummissjoni jkopru l-aspetti rilevanti kollha, jiġifieri:

ir-regoli għall-parteċipazzjoni;

il-programm qafas;

il-programm speċifiku - azzjonijiet indiretti;

il-programm speċifiku - azzjonijiet diretti taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka.

Bl-annessi inkużi, dawn id-dokumenti fihom 120 paġna; għaldaqstant huwa impossibbli li l-kontenut tagħhom jinġabar fil-qosor hawnhekk jew li jingħata kumment dwar l-aspetti kollha.

2.3   Tematikament dawn id-dokumenti jikkonċernaw ir-riċerka appoġġjata mill-UE fl-oqsma tal-fużjoni nukleari (b’enfasi fuq l-ITER), il-fissjoni u l-protezzjoni mir-radjazzjoni. Il-Kummissjoni tqis li fis-sentejn li ġejjin ir-riċerka għandha tissejjes fuq l-attivitajiet li twettqu b’suċċess matul l-2007-2011 u tkompli tiżviluppahom.

2.4   L-ammont totali ta’ finanzjament huwa ta’ madwar EUR 2 560 miljun, u l-ikbar sehem huwa allokat lill-programm ta’ fużjoni nukleari permezz tal-ITER.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Fukushima - punt tat-tluq ġdid

Id-dokumenti tal-Kummissjoni msemmijin hawn fuq tħejjew qabel ma ġraw l-avvenimenti f’Fukushima. Fid-dawl tal-impatt tat-tsunami fuq l-impjanti tal-fissjoni nukleari li jinsabu hemm u l-ħsara u l-effetti sussegwenti fuq il-pubbliku u l-ambjent, il-Kumitat iqis li l-għanijiet ta’ riċerka u żvilupp tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-EURATOM diskussi hawnhekk għandhom jiġu riveduti fid-dawl ta’ dan l-aspett u, jekk ikun meħtieġ, l-enfasi tiegħu għandu jiġi adattat. Għalhekk din l-opinjoni, li tittratta biss ir-riċerka u l-iżvilupp, tikkonċentra fuq ħafna aktar aspetti mis-sempliċi adattament tal-perjodu taż-żmien tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-EURATOM għal dak tas-Seba’ Programm Kwadru ġenerali għar-Riċerka u l-Iżvilupp.

3.1.1   Għalkemm il-KESE jemmen li għadu kmieni wisq biex jinsiltu konklużjonijiet ġenerali dwar il-politika tal-enerġija, hu jirrispetta d-deċiżjoni ta’ dawk l-Istati Membri li b’konformità mal-prinċipju tal-prekawzjoni ddeċidew li fil-futur ma jużawx aktar il-fissjoni nukleari bħala sors ta’ enerġija. Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li t-tema ta’ Fukushima qed tiġi ttrattata wkoll fil-livell tal-UE (1) u ġiet inkluża fl-aġenda tal-politika tal-enerġija, fejn skont it-Trattat ta’ Lisbona kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi liema taħlita tal-enerġija jippreferi.

3.2   Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-EURATOM

Il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-EURATOM, li huwa mmirat primarjament lejn ir-riċerka fil-qasam tal-enerġija, jikkomplementa r-riċerka fil-qasam tal-enerġija koperta mill-Programm Qafas ġenerali għar-Riċerka u l-Iżvilupp (2) li jiffoka b’mod partikolari fuq ir-riċerka u l-iżvilupp tas-sorsi rinnovabbli tal-enereġija u teknoloġiji oħra mhux nukleari għall-produzzjoni tal-enerġija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Dan għandu jiżgura li t-teknoloġiji utli għal taħlita ta’ enerġija sostenibbli u l-karatteristiċi tagħhom jiġu riċerkati u valutati fl-UE.

3.3   Valur miżjud Ewropew

Għal ħafna raġunijiet (ara hawn taħt), il-Kumitat iqis li jeħtieġ għarfien aktar fil-fond dwar it-teknoloġiji nukleari u l-użu u l-impatt tagħhom. Fid-dawl tal-fatt li jaqdi rwol ta’ koordinazzjoni fil-qsim tar-riżorsi u l-integrazzjoni tal-isforzi komuni, il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-EURATOM joffri valur miżjud Ewropew sinifikanti f’dan ir-rigward. Fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu li jinsabu hawn taħt, il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-EURATOM u l-istrumenti tiegħu bħala element prinċipali taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (3).

3.4   Prijorità għar-riċerka fil-qasam tas-sigurtà u ż-żamma tal-livell ta’ għarfien

Irrispettivament minn deċiżjonijiet futuri possibbli mill-Istati Membi u l-UE dwar l-użu futur tat-teknoloġija tal-fissjoni għall-produzzjoni tal-enerġija, fil-fehma tal-KESE huwa assolutament indispensabbli li fl-UE jinżamm u jiġi żviluppat bis-sħiħ l-għarfien tagħna dwar il-kwistjonijiet ta’ sigurtà u dwar it-teknoloġiji relatati, għar-raġunijiet li ġejjin:

1)

l-impatt transkonfinali possibbli tal-inċidenti;

2)

il-migrazzjoni globali tal-esperti u t-teknoloġiji;

3)

is-siti eżistenti u l-iskart radjuattiv tagħhom;

4)

l-eżistenza ta’ armi nukleari flimkien mal-faċilitajiet assoċjati tal-produzzjoni u r-riskji politiċi serji ħafna, eċċ.

In-nuqqas ta’ għarfien komplet iwassal għal politika perikoluża. Għaldaqstant, anke biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-għarfien dwar dawn it-tekniki u l-effetti tagħhom jintnesew b’mod kollettiv, huwa partikolarment importanti li jitħeġġu u jitħarrġu b’mod sistematiku u kontinwu x-xjenzjati u t-tekniki meħtieġa.

3.5   Il-fissjoni nukleari

Fir-rigward tat-teknoloġija tal-fissjoni nukleari, il-Kumitat jenfasizza b’mod partikolari l-aspett tas-sigurtà:

il-protezzjoni kontra r-radjazzjoni, it-trattament mediku kontra r-radjazzjoni, miżuri mediċi u tekniċi ta’ prevenzjoni;

impjanti tal-enerġija nukleari bil-fissjoni li jkunu aktar siguri u jipproduċu anqas skart (4);

il-ġestjoni (rimi) ta’ skart radjuattiv b’ħajja twila;

l-estrazzjoni u l-ipproċessar ta’ materjal fissili (karburant nukleari);

miżuri għall-prevenzjoni tas-serq u l-abbuż ta’ materjal fissili u/jew radjuattiv;

għad-difetti li ma jkunux previsti fid-disinn fis-siti eżistenti u l-konsegwenzi ta’ stress tests meħtieġa li għandhom isiru ’l quddiem (5).

3.6   Fużjoni termonukleari kkontrollata

Il-programm tal-fużjoni nukleari ġie promoss sa mill-bidu nett (6) b’mod partikolari minħabba l-vantaġġi konsiderevoli tiegħu fil-qasam tas-sigurtà (inventorju baxx ħafna ta’ karburant, m’hemmx bżonn ta’ tiksiħ ta’ emerġenza, m’hemmx katina ta’ reazzjonijiet, m’hemmx prodotti ta’ fissjoni u lanqas aktinidi) u vantaġġi oħra ta’ din it-teknoloġija. Il-progress li sar ippermetta li jinbena sit (ITER) b’ammont konsiderevoli ta’ enerġija mill-fużjoni nukleari (500 MW). Għalkemm skont l-għarfien u l-livell ta’ finanzjament attwali, ir-reatturi ta’ fużjoni ser ikunu jistgħu jikkontribwixxu biss għall-produzzjoni tal-enerġija fit-tieni nofs tas-seklu, u għalkemm għad hemm bżonn ta’ riċerka u żvilupp konsiderevoli biex dan jiġi żviluppat f’sors ta’ enerġija li jista’ jintuża, il-fużjoni nukleari kkontrollata tirrappreżenta l-unika possibbiltà ta’ enerġija magħrufa li toffri potenzjal disponibbli internazzjonalment u prattikament illimitat li bħalissa mhux qed jintuża b’xi mod jew ieħor (7). Għaldaqstant il-Kumitat jirrakkomanda li tingħata attenzjoni partikolari lil dan il-programm. Ħafna estrapolazzjonijiet jaqblu li l-bżonnijiet globali tal-enerġija u l-kwistjoni ta’ provvista ta’ enerġija internazzjonalment suffiċjenti, li tirrispetta l-ambjent u li tkun sostenibbli, ser jiżdiedu tul is-seklu. Għalhekk hemm bżonn partikolarment urġenti għal sors ieħor ta’ enerġija li m’għandux impatt negattiv fuq il-klima, bħall-fużjoni nukleari.

3.7   Dwar il-proposti tematiċi tal-Kummissjoni – appoġġ sħiħ

Fid-dawl tal-kummenti mressqa f’punt 3.1, bi pjaċir ninnotaw li r-rakkomandazzjonijiet tal-KESE f’din l-opinjoni diġà ġew ikkunsidrati kemm jista’ jkun fil-proposti tematiċi tal-Kummissjoni; għaldaqstant il-Kumitat jappoġġjahom bis-sħiħ. Madankollu, fid-dawl tad-dokumenti li huma disponibbli, il-Kumitat mhuwiex f’pożizzjoni – u lanqas ma jqis li huwa r-rwol tiegħu – li jevalwa jekk ir-riżorsi provduti f’termini ta’ tagħmir, persunal u finanzjament humiex adegwati biex jinkisbu eżattament l-għanijiet stabbiliti. Għalhekk jirrakkomanda li l-Kummissjoni tagħti istruzzjonijiet lill-gruppi ta’ esperti tagħha, li qed jakkumpanjaw il-programm, biex iwettqu din ir-reviżjoni taħt intestaturi individwali tal-programm u, jekk ikun hemm bżonn, jallokaw riżorsi addizzjonali.

3.8   Studji aktar dettaljati dwar is-sigurtà u r-riskju

Peress li l-kwistjonijiet tas-sigurtà u tar-riskju ma jikkonċernawx biss il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp tal-EURATOM, il-Kumitat jirrakkomanda li jitwettqu studji dwarhom b’mod konġunt mar-riċerka fil-qasam tal-enerġija fil-qafas tas-Seba’ Programm Kwadru għar-Riċerka u l-Iżvilupp u, jekk jista’ jkun, b’kollaborazzjoni ma’ msieħba internazzjonali oħra, fid-dawl tad-diżastri naturali li seħħew reċentement. Dawn għandhom jindirizzaw, fost affarijiet oħra, l-aspetti li ġejjin:

ir-riskji tekniċi ta’ bosta teknoloġiji kruċjali tal-enerġija, bħall-fissjoni nukleari, il-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju, ir-reservoirs, l-akkumulaturi pnewmatiċi, it-teknoloġiji taż-żejt u tal-gass, il-promozzjoni, it-trasport u l-ipproċessar tal-karburanti fossili, is-sistemi ta’ ħżin tal-idroġenu u l-użu tal-idroġenu bħala sors tal-enerġija, b’mod partikolari għall-użu mobblieċċ.;

ir-riskji ambjentali minħabba l-fatt li ma jintlaħqux il-miri għat-tnaqqis tas-CO2  (8) u ż-żieda relatat ma’ dan fit-tibdil fil-klima;

ir-riskji soċjali, politiċi, u possibbilment militari (i) ta’ nuqqas globali sejru ta’ enerġija u s-sitwazzjonijiet ta’ kriżi li dan iġib miegħu u (ii) il-perikli potenzjali tat-tibdil fil-klima (9).

3.9   Nedukaw liċ-ċittadini

Barra minn hekk, il-Kumitat jemmen huwa importanti li, flimkien mat-taħriġ speċjalizzat (ara punt 3.4) fl-oqsma tal-fiżika, il-kimika u l-inġinerija (li huwa neċessarju fi kwalunkwe każ), iċ-ċittadini kollha jiġu infurmati sa minn meta jkunu żgħar, fl-iskejjel u fl-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, dwar il-kejl tar-radjazzjoni u għandhom jitgħallmu jiddistingwu bejn livelli ta’ radjazzjoni naturali/aċċettabbli u dawk perikolużi. Il-Kumitat jemmen li dan huwa l-aħjar mezz biex jiġi żgurat li l-pubbliku jkun jista’ jevalwa b’mod suffiċjenti t-theddid nukleari u jirreaġixxi bl-oġġettività meħtieġa, partikolarment f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ kriżi fejn il-paniku għandu jiġi evitat u tkun meħtieġa azzjoni kalma u mmirata.

3.10   Livelli ta’ finanzjament dubbjużi

Għalkemm il-Kumitat mhuwiex f’pożizzjoni li jevalwa din il-kwistjoni b’mod kwantittativ fuq bażi ad hoc, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ġodda msemmija hawn fuq huwa xettiku (ara wkoll punt 3.7) dwar jekk il-livelli attwali ta’ finanzjament humiex suffiċjenti għall-perjodu li qed jiġi diskuss biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li qamu b’biżżejjed enfasi u b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat dwar il-Pjan SET (10) u l-Pjan Direzzjonali 2050 (11). Għalhekk jirrakkomanda li, sakemm il-baġit sal-2013 jista’ jiġi determinat mingħajr ma jkun hemm il-possibbiltà li jinbidel, tal-anqas għall-perjodu ta’ finanzjament ta’ wara l-2013 (i) tiġi stabbilita riċerka fuq il-bażi tal-implikazzjonijiet ġenerali li jkun hemm f’każ ta’ nuqqas ta’ enerġija u jekk ma jintlaħaqx l-għan ta’ tnaqqis ta’ CO2 tal-Istrateġija Ewropa 2020 u (ii) li jiġu allokati biżżejjed riżorsi għal dan il-għan. Il-Kumitat itenni li r-riċerka fil-qasam tal-enerġija bħala proporzjon tal-finanzjament għall-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp ilha li waqfet tirrifletti l-importanza fundamentali tal-enerġija għas-soċjetà u l-kwistjonijiet klimatiċi relatati ma’ dan.

3.11   Opinjonijiet dwar is-Seba’ Programm Kwadru

B’referenza għall-kumment tiegħu f’punt 3.7, il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li l-programm propost għas-sentejn li ġejjin għandu jissejjes fuq l-attivitajiet imwettqa b’suċċess bejn l-2007 u l-2011 u jkompli jiżviluppahom b’mod xieraq; il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza – li ġiet enfasizzata f’ħafna opinjonijiet – ta’ appoġġ adegwat kontinwu għas-suċċess tar-riċerka. Għaldaqstant jirreferi wkoll għall-opinjonijiet tiegħu kemm dwar is-Seba’ Programm Kwadru (2007-2011) tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (EURATOM) għar-riċerka nukleari u l-attivitajiet ta’ taħriġ, kif ukoll dwar il-programmi speċifiċi u r-regoli għall-parteċipazzjoni korrispondenti; jikkonferma mill-ġdid ir-rakkomandazzjonijiet li għamel f’dawn l-opinjonijiet u jżid il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti hawnhekk. Din ir-referenza għall-opinjonijiet eżistenti tal-Kumitat hija partikolarment importanti peress li, għal raġunijiet ovvji, din l-opinjoni mhijiex f’pożizzjoni li tiddiskuti d-dettalji kollha tal-proposti tal-Kummissjoni.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   Insolvu l-problema tal-ġestjoni u tar-rimi tal-iskart

B’referenza għall-opinjonijiet preċedenti tal-Kumitat dwar l-enerġija nukleari, dwar il-pjan direzzjonali għad-dekarbonizzazzjoni tal-enerġija sal-2050 u dwar il-kwistjoni tar-rimi tal-iskart nukleari (12), il-KESE jtenni l-importanza tal-isforzi għat-tnaqqis tal-kwantità u l-ħajja tal-iskart perikoluż. Ikun pass deċiżiv ’il quddiem kieku jirnexxilna nnaqqsu l-ħajja tal-iskart radjuattiv permezz ta’ transmutazzjoni effettiva minn “skala ta’ żmien ġeoloġiku” għal “skala ta’ żmien storiku”. Dan jiftaħ approċċ kompletament ġdid biex tiġi solvuta jew titnaqqas il-problema tal-iskart u tar-rimi tiegħu. Il-possibbiltajiet kollha biex titwettaq riċerka xjentifika u teknoloġika u jinkiseb suċċess f’dan il-qasam, għalhekk, għandhom jiġu appoġġjati bis-sħiħ.

4.2   Innaqqsu r-riskju ta’ MCA/super-MCA (inċident massimu prevedibbli/ inċident massimu prevedibbli fuq skala kbira)

Fil-fehma tal-Kumitat il-faċilitajiet tekniċi magħmula mill-bniedem qatt ma jistgħu jkunu kompletament siguri. Madankollu, objettiv ta’ żvilupp possibbli jista’ jkun li fil-futur jinbnew u jiġu operati faċilitajiet li jkunu siguri f’każ ta’ inċidenti kkawżati internament u jkunu vulnerabbli biss f’każ ta’ avvenimenti esterni estremament rari (pereżempju impatt meteoriku) li fi kwalunkwe każ jistgħu jikkawżaw ħsara fuq skala tant kbira li l-ħsara jew id-destruzzjoni tas-sit fih innifsu ma żżidx b’mod konsiderevoli l-konsegwenzi dannużi.

4.3   Il-programm ta’ fużjoni nukleari

Fid-dawl tal-importanza tad-disponibbiltà futura tal-enerġija minn fużjoni nukleari, il-Kumitat jirrakkomanda li:

titwettaq ħidma preparatorja għall-iżvilupp ta’ reattur ta’ dimostrazzjoni (DEMO) biex jissostitwixxi l-ITER bil-għan li għall-ewwel darba juri l-produzzjoni tal-enerġija elettrika mill-fużjoni nukleari fil-qafas ta’ sistema integrata, u b’hekk tiġi promossa l-attività ta’ riċerka sħiħa u fid-dettall meħtieġa; u

fil-fażi ta’ żvilupp tal-kunċett, apparti l-enfasi meħtieġa fuq l-approċċ minn ta’ quddiem, Tokamak bl-ITER bħala l-punt ewlieni, għandhom jiġu esplorati wkoll konfigurazzjonijiet manjetiċi alterati proposti (speċjalment stellarators) alternattivi.

Barra minn hekk, irridu nikkunsidraw f’liema kundizzjonijiet jista’ jitqassar il-proċess tal-implimentazzjoni ta’ DEMO, u kif – fid-dawl tal-esperjenzi miksuba mill-organizzazzjoni globali tal-proġett ITER – jista’ jkompli jiġi żviluppat programm Ewropew b’saħħtu u effettiv tal-enerġija nukleari. Il-Kumitat jenfasizza li l-Ewropa ser tkun tista’ tiżviluppa l-ITER u tuża r-riżultati li jipproduċi biss permezz ta’ infrastruttura b’saħħitha ta’ laboratorji ta’ riċerka fil-qasam tal-enerġija minn fużjoni nukleari b’rabtiet adegwati mal-industriji rilevanti.

4.4   Regoli dwar il-parteċipazzjoni fl-enerġija minn fissjoni nukleari u l-protezzjoni kontra r-radjazzjoni

Il-Kumitat ma jara l-ebda differenza sinifikanti fir-regoli eżistenti dwar il-parteċipazzjoni fil-programm tal-2007-2011. Għalhekk jirreferi għall-opinjoni preċedenti tiegħu (13), li magħha m’għandu xejn xi jżid.

4.5   Regoli ta’ parteċipazzjoni għall-programm ta’ fużjoni

Bħalissa, hemm regoli ta’ parteċipazzjoni speċifikament adattati għall-programm Ewropew dwar il-fużjoni, li l-parti prinċipali tagħhom issa huma 26 “kuntratt ta’ assoċjazzjoni” ma’ ċentri ta’ riċerka li qed jipparteċipaw jew mal-Istati Membri rilevanti tagħhom (l-hekk imsejħa “assoċjazzjonijiet”). Barra minn hekk, hemm ukoll il-programm Joint European Torus (JET) bir-regoli ta’ appoġġ speċifiċi. Fuq il-bażi ta’ din l-infrastruttura ta’ suċċess, l-Ewropa setgħet tieħu sehem fil-proġett internazzjonali tal-ITER u rebħet il-kompetizzjoni biex tospitah.

4.5.1   Kuntratti ta’ assoċjazzjoni

Fl-arranġamenti msemmija hawn fuq il-ħolqien adatt ta’ kuntratti ta’ assoċjazzjoni immirati lejn għanijiet ta’ żvilupp, permezz tal-effett deċiżiv ta’ lieva tagħhom fuq il-politika ta’ appoġġ tal-Istati Membri u l-appoġġ politiku, qeda rwol prinċipali biex jiġi żgurat il-progress rapidu attwali u stabbli ta’ dan il-programm. Dan biss għamel l-ITER possibbli, li l-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ bħala l-aktar proġett importanti fl-iżvilupp attwali tar-riċerka dwar l-enerġija mill-fużjoni nukleari. Minħabba ż-żieda konsiderevoli fl-ispejjeż tal-ITER, li l-kawżi tagħha ma jistgħux jiġu diskussi mill-Kumitat hawnhekk, hemm pressjoni kbira ħafna biex jiġu ffrankati l-flus fir-rigward tal-aspetti l-oħra tal-programm, b’mod partikolari l-attivitajiet relatati mal-“kuntratti ta’ assoċjazzjoni”. Il-Kumitat jixtieq iwissi kontra dan l-iffrankar sal-punt fejn l-effett ta’ lieva ta’ dawn il-kuntratti ta’ assoċjazzjoni jiġi pperikolat u b’hekk jiġu kompromessi l-effikaċja tal-programm, il-bażi ta’ għarfien meħtieġa u – b’mod aktar ġenerali – l-appoġġ politiku tal-Istati Membri. Dawn huma neċessarji biex l-ITER jirnexxi u biex jiġi żgurat li l-Ewropa tapprofitta mill-benefiċċji mistennija. L-“assoċjazzjonijiet” huma l-pedament u t-think-tanks tal-programm tal-enerġija mill-fużjoni nukleari; huma jippreparaw l-operazzjoni u l-użu tal-ITER, jiżviluppaw u jinvestigaw ideat ġodda, iħarrġu x-xjenzjati u l-inġiniera ġodda u jistabbilixxu rabta maċ-ċittadini tal-UE.

4.6   Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka

L-għanijiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, li huwa istituzzjoni iffinanzjata mill-Kummissjoni, fir-rigward tal-Programm Euratom huma: (a) il-ġestjoni tal-iskart nukleari, l-impatt fuq l-ambjent u l-għarfien bażiku; (b) is-sigurtà nukleari; u (c) sistemi ta’ protezzjoni nukleari. Dawn l-objettivi jikkorrespondu mar-rakkomandazzjonijiet imressqa fil-punti inizjali ta’ din l-opinjoni u kif ukoll fl-opinjoni tal-KESE dwar is-Seba’ Programm Kwadru (14) u għaldaqstant il-Kumitat jappoġġjahom bis-sħiħ.

Brussell, 14 ta’ Lulju 2011.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Pereżempju fil-Forum Ewropew dwar l-Enerġija Nukleari, http://ec.europa.eu/energy/nuclear/forum/forum_en.htm.

(2)  Ara ĠU C 65, 17.3.2006, p. 9 (mhux disponibbli bil-Malti).

(3)  Ara ĠU C 44, 16.2.2008, p. 1.

(4)  Ara wkoll il-Memorandum tal-Akkademja tax-Xjenza tal-Land Nordrhein-Westfal “Zur Sicherheit der Kernkraftwerke nach dem Unfall von Fukushima” (Is-sigurtà tal-impjanti nukleari wara l-inċident f’Fukushima), tas-26 ta’ Mejju 2011.

(5)  Ara l-istqarrija għall-istampa Nru 60/2011 tal-KESE tat-30 ta’ Mejju 2011.

(6)  Ara ĠU C 302, 7.12.2004, p. 27.

(7)  Ara ĠU C 107, 6.4.2011, p. 37.

(8)  Ara: http://www.iea.org/index_info.asp?id=1959, tat-30 ta’ Mejju 2011.

(9)  Ara nota 5 f’qiegħ-il paġna u Research*eu results magazine – Nru 2 – Mejju 2011, p. 20.

(10)  Ara ĠU C 21, 21.1.2011, p. 49.

(11)  Ara ĠU C 107, 6.4.2011, p. 37.

(12)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 135.

(13)  Ara ĠU C 309, 16.12.2006, p. 41.

(14)  Ara ĠU C 185, 8.8.2006, p. 10.


Top