Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024D2771

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2024/2771 tad-29 ta’ Ottubru 2024 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/1693 dwar miżuri restrittivi kontra ISIL (Da’esh) u Al-Qaida, u persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom

ST/14299/2024/INIT

ĠU L, 2024/2771, 30.10.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2771/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2771/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2771

30.10.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2024/2771

tad-29 ta’ Ottubru 2024

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/1693 dwar miżuri restrittivi kontra ISIL (Da’esh) u Al-Qaida, u persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Settembru 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/1693 (1).

(2)

Fl-10 ta’ Ġunju 2024, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 2734 (2024). Il-KSNU afferma mill-ġdid li atti jew attivitajiet li jindikaw li individwu, grupp, impriża jew entità huma assoċjati mal-ISIL (Da’esh) jew l-Al-Qaida jinkludu, meta jitwettqu minn, flimkien ma’, taħt isem, f’isem, jew b’appoġġ għal Al-Qaida, ISIL, jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom, il-parteċipazzjoni fil-finanzjament, l-ippjanar, l-iffaċilitar, it-tħejjija jew it-twettiq ta’ atti jew attivitajiet; il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat; jew ir-reklutaġġ għal, jew l-appoġġ b’xi mod ieħor tal-atti jew l-attivitajiet ta’ Al-Qaida, ISIL, jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom. Huwa rrikonoxxa wkoll li l-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti li jinvolvu vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, inkluż l-istupru, l-iskjavitù ta’ persuni, u każijiet ta’ ħtif u traffikar ta’ persuni jistgħu jkunu eliġibbli għal deżinjazzjoni fil-lista ta’ sanzjonijiet tan-NU kontra l-ISIL (Da’esh) u Al-Qaida abbażi ta’ dawk il-kriterji tal-elenkar, meta tali atti jkunu qed jintużaw mill-ISIL, Al-Qaida u individwi, gruppi u entitajiet assoċjati bħala tattika tat-terroriżmu.

(3)

Fid-dawl tat-theddida kontinwa mill-ISIL (Da’esh) u Al-Qaida, u minn persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom, il-Kunsill iqis li huwa meħtieġ li jiġi ċċarat li l-kriterji għall-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi mill-KSNU, skont ir-Riżoluzzjonijiet 1267 (1999), 1333 (2000) u 2253 (2015), jew mill-Kumitat stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 1267 (1999) jinkludu wkoll l-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti li jinvolvu vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, inkluż l-istupru, l-iskjavitù ta’ persuni, u każijiet ta’ ħtif u traffikar ta’ persuni, meta tali atti jkunu qed jintużaw minn ISIL (Da’esh), Al-Qaida u individwi, gruppi u entitajiet assoċjati bħala tattika tat-terroriżmu.

(4)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2016/1693 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/1693 hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, ta’ persuni deżinjati u soġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mill-KSNU skont il-UNSCRs 1267 (1999), 1333 (2000) u 2253 (2015) jew mill-Kumitat, identifikati bħala li:

(a)

jipparteċipaw fil-finanzjament, l-ippjanar, l-iffaċilitar, it-tħejjija jew it-twettiq ta’ atti jew attivitajiet minn, flimkien ma’, taħt l-isem ta’, f’isem, jew b’appoġġ għal Al-Qaida, ISIL (Da’esh), jew kwalunkwe ċellula, grupp affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom;

(b)

ifornu, ibigħu jew jittrasferixxu armi u materjal relatat lil Al-Qaida, ISIL (Da’esh), jew kwalunkwe ċellula, grupp affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom;

(c)

jirreklutaw għal, jew inkella li jappoġġaw atti jew attivitajiet ta’ Al-Qaida, ISIL (Da’esh) jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom;

(d)

huma involuti f’atti jew f’attivitajiet skont il-kriterji (a), (b) jew (c), inkluż l-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti li jinvolvu vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, inkluż stupru, skjavitù tal-persuni, u każijiet ta’ ħtif u traffikar ta’ persuni, meta tali atti jkunu qed jintużaw mill-ISIL, minn Al-Qaida u minn individwi, gruppi u entitajiet assoċjati bħala tattika tat-terroriżmu; jew

(e)

huma kkontrollati direttament jew indirettament minn, jew b’xi mod jappoġġaw, kwalunkwe individwu, grupp, impriża jew entità assoċjata ma’ Al-Qaida jew ISIL (Da’esh), inklużi fuq il-lista ta’ sanzjonijiet kontra l-ISIL (Da’esh) u Al-Qaida.”.

(2)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-fondi kollha, l-assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi oħrajn, li huma l-proprjetà ta’ jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minn persuni, gruppi, impriżi u entitajiet deżinjati u soġġetti għal iffriżar tal-assi mill-KSNU skont l-UNSCRs 1267 (1999), 1333 (2000) u 2253 (2015), jew mill-Kumitat, identifikati bħala li:

(a)

jipparteċipaw fil-finanzjament, l-ippjanar, l-iffaċilitar, it-tħejjija jew it-twettiq ta’ atti jew attivitajiet minn, flimkien ma’, taħt l-isem ta’, f’isem, jew b’appoġġ għal Al-Qaida, ISIL (Da’esh), jew kwalunkwe ċellula, grupp affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom;

(b)

ifornu, ibigħu jew jittrasferixxu armi u materjal relatat ma’ Al-Qaida, ISIL (Da’esh), jew kwalunkwe ċellula, grupp affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom;

(c)

jirreklutaw għal, jew inkella jappoġġaw atti jew attivitajiet ta’ Al-Qaida, ISIL (Da’esh) jew kwalunkwe ċellola, grupp affiljat, sottogrupp dissidenti jew derivattiv tagħhom;

(d)

huma involuti f’atti jew f’attivitajiet skont il-kriterji (a), (b) jew (c), inkluż l-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta’ atti li jinvolvu vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru, inkluż stupru, skjavitù tal-persuni, u każijiet ta’ ħtif u traffikar ta’ persuni, meta tali atti jkunu qed jintużaw mill-ISIL, minn Al-Qaida u minn individwi, gruppi u entitajiet assoċjati bħala tattika tat-terroriżmu; jew

(e)

huma proprjetà ta’ jew ikkontrollati direttament jew indirettament minn, jew b’xi mod jappoġġaw, kwalunkwe individwu, grupp, impriża jew entità assoċjata ma’ ISIL (Da’esh) jew Al-Qaida, inklużi fuq il-lista ta’ sanzjonijiet kontra l-ISIL (Da’esh) u Al-Qaida, jew minn parti terza li taġixxi f’isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom;

għandhom jiġu ffriżati.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

BÓKA J.


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1693 tal-20 ta’ Settembru 2016 dwar miżuri restrittivi kontra ISIL (Da’esh) u Al-Qaida, u persuni, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2002/402/PESK (ĠU L 255, 21.9.2016, p. 25).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2771/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top