Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D2865

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2865 tal-20 ta’ Diċembru 2023 li tistabbilixxi l-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka INFRAFRONTIER (INFRAFRONTIER ERIC) (notifikata bid-dokument C(2023) 8865)

    C/2023/8865

    ĠU L, 2023/2865, 21.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2865/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2865/oj

    European flag

    Il-Ġurnal Uffiċjali
    ta'l-Unjoni Ewropea

    MT

    Serje L


    2023/2865

    21.12.2023

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2865

    tal-20 ta’ Diċembru 2023

    li tistabbilixxi l-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka INFRAFRONTIER (INFRAFRONTIER ERIC)

    (notifikata bid-dokument C(2023) 8865)

    (It-testi biċ-Ċek, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 723/2009 tal-25 ta’ Ġunju 2009 dwar il-qafas ġuridiku Komunitarju applikabbli għal Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1)(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Iċ-Ċekja, il-Ġermanja, il-Greċja, Franza, il-Finlandja u l-Iżvezja ppreżentaw applikazzjoni lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 biex jistabbilixxu INFRAFRONTIER ERIC (“l-applikazzjoni”).

    (2)

    L-applikanti qablu li l-Ġermanja tkun l-Istat Membru ospitanti tal-INFRAFRONTIER ERIC.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 723/2009 ġie inkorporat fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 (2).

    (4)

    Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009, u kkonkludiet li din tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-Regolament. Matul il-valutazzjoni, il-Kummissjoni kisbet il-fehmiet ta’ esperti indipendenti fil-qasam tar-riċerka tal-funzjoni tal-ġeni fis-saħħa u l-mard, u l-ġenerazzjoni, il-fenotipar, l-arkivjar u d-distribuzzjoni ta’ sistemi ta’ mudelli in vivo/in vitro u data relatata.

    (5)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 723/2009,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Jitwaqqaf il-Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka INFRAFRONTIER (INFRAFRONTIER ERIC).

    2.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti tal-INFRAFRONTIER ERIC kif imsemmija fl-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 huma stabbiliti fl-Anness.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Iżvezja.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Iliana IVANOVA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)   ĠU L 206, 8.8.2009, p. 1 (kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1261/2013, ĠU L 326, 6.12.2013, p. 1).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 72/2015 tal-20 ta’ Marzu 2015 li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba’ libertajiet [2016/755] (ĠU L 129, 19.5.2016, p. 85).


    ANNESS

    ELEMENTI ESSENZJALI TAL-ISTATUTI TA’ INFRAFRONTIER ERIC

    1.   Il-forma ġuridika u l-isem

    (l-Artikolu 1 tal-Istatuti ta’ INFRAFRONTIER ERIC)

    Għandu jiġi stabbilit Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka. Dan il-Konsorzju għandu jkollu l-forma ġuridika ta’ Konsorzju għal Infrastruttura Ewropea ta’ Riċerka (ERIC) inkorporata skont id-dispożizzjoni tar-Regolament (KE) Nru 723/2009 kif emendat mir-Regolament (UE) Nru 1261/2013 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament ERIC”) u għandu jissemma’ “INFRAFRONTIER ERIC”.

    2.   Sede statutorja u post

    (l-Artikolu 2 tal-Istatuti tal-INFRAFRONTIER ERIC)

    Is-sede statutorja ta’ INFRONTIER ERIC għandha tkun fi Munich, il-Ġermanja; minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-Istat Membru Ospitanti”.

    3.   Kompiti u attivitajiet

    (l-Artikolu 3 tal-Istatuti tal-INFRAFRONTIER ERIC)

    (1)

    Il-kompitu prinċipali ta’ INFRAFRONTIER ERIC għandu jkun li jistabbilixxi u jopera infrastruttura ta’ riċerka distribwita, imsejħa “Infrastruttura ta’ Riċerka INFRAFRONTIER”, minn hawn ’il quddiem imsejħa “INFRAFRONTIER RI”. INFRAFRONTIER RI għandha tkun l-Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka għall-ġenerazzjoni, il-fenotipar, l-arkivjar u d-distribuzzjoni ta’ sistemi ta’ mudelli in vivo/in vitro u data relatata. INFRAFRONTIER ERIC għandu jikkoordina l-operat ta’ INFRAFRONTIER RI distribwita.

    (2)

    INFRAFRONTIER ERIC għandu jikkoordina l-aċċess għas-servizzi u r-riżorsi għar-riċerka tal-funzjoni tal-ġeni fis-saħħa u fil-mard, bl-użu ta’ sistemi ta’ mudelli in vivo/in vitro u data relatata. INFRAFRONTIER ERIC għandu jippromwovi r-riċerka, it-taħriġ u l-applikazzjoni fl-oqsma kollha tal-ġenerazzjoni, il-fenotipar, l-arkivjar u d-distribuzzjoni tal-mudelli tal-mard.

    (3)

    Għal dan il-għan, l-INFRAFRONTIER ERIC għandu:

    (a)

    Jikkoordina l-aċċess għar-riżorsi u s-servizzi pprovduti mill-Membri u mill-Osservaturi ta’ INFRAFRONTIER ERIC jew minn xi Nodi Nazzjonali li jkunu daħlu fi ftehim legalment vinkolanti ma’ INFRAFRONTIER ERIC biex jikkontribwixxu għar-riżorsi u s-servizzi ta’ INFRAFRONTIER RI;

    (b)

    Jistabbilixxi u juża proċeduri ta’ aċċess għar-riżorsi u s-servizzi ta’ INFRAFRONTIER RI li huma f’konformità mal-istandards Ewropej rispettivi;

    (c)

    Jistabbilixxi u jadotta standards ta’ kwalità u proċeduri operattivi standard għall-ġenerazzjoni, il-fenotipar, l-arkivjar, id-distribuzzjoni u l-ġestjoni tad-data tas-sistemi tal-mudelli in vivo/in vitro u tad-data relatata;

    (d)

    Jippromwovi u jikkoordina l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda għall-ġenerazzjoni, il-fenotipar, l-arkivjar, id-distribuzzjoni u l-ġestjoni tad-data ta’ sistemi tal-mudelli in vivo/in vitro u data relatata biex jittejjeb il-valur xjentifiku tar-riżorsi u s-servizzi ta’ INFRAFRONTIER RI;

    (e)

    Iservi bħala punt ta’ kuntatt għall-partijiet ikkonċernati nazzjonali u internazzjonali ta’ INFRAFRONTIER RI;

    (f)

    Jippromwovi u jippubblika r-riżorsi u s-servizzi ta’ INFRAFRONTIER RI u jiddiskuti l-aspetti regolatorji u ta’ politika tal-ġenerazzjoni, il-fenotipar, l-arkivjar, id-distribuzzjoni u l-ġestjoni tad-data tas-sistemi tal-mudelli in vivo/in vitro u tad-data relatata;

    (g)

    Jiġbor riżorsi minn sorsi nazzjonali u internazzjonali biex jiffaċilita l-attivitajiet ta’ INFRAFRONTIER RI;

    (h)

    Jikkonsulta u jagħti pariri lill-organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali li jaħdmu fil-qasam tal-ġenerazzjoni, il-fenotipar, l-arkivjar u d-distribuzzjoni tas-sistemi tal-mudelli in vivo/in vitro;

    (i)

    Jagħmel disponibbli liberament l-informazzjoni dwar l-attivitajiet ta’ INFRAFRONTIER ERIC u ta’ INFRAFRONTIER RI; u

    (j)

    Iwettaq kwalunkwe attività oħra meħtieġa biex jinkisbu l-kompiti ta’ INFRAFRONTIER ERIC.

    (4)

    INFRAFRONTIER ERIC għandu jsegwi l-kompitu prinċipali tiegħu esklussivament u direttament fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ u għandu jaġixxi b’mod altruistiku u prinċipalment fuq bażi mhux ekonomika. Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat, INFRAFRONTIER ERIC jista’ jwettaq attivitajiet ekonomiċi limitati, dment li dawn ikunu relatati mill-qrib mal-kompitu prinċipali tiegħu u ma jipperikolawx l-ilħuq tiegħu.

    4.   It-tul ta’ żmien u l-proċedura tal-istralċ

    (l-Artikolu 4 tal-Istatuti ta’ INFRAFRONTIER ERIC)

    (1)

    INFRAFRONTIER ERIC għandu jeżisti għal perjodu ta’ żmien indefinit.

    (2)

    L-istralċ ta’ INFRAFRONTIER ERIC għandu jiġi deċiż mill-Assemblea tal-Membri permezz ta’ votazzjoni b’unanimità. Jekk l-Assemblea tal-Membri tiddeċiedi li tiftaħ proċedimenti ta’ stralċ għall-INFRAFRONTIER ERIC, hija għandha, b’vot ta’ maġġoranza sempliċi, tiskatta l-proċedura għall-istralċ.

    (3)

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi nnotifikata mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien 10 (għaxart) ijiem kalendarji wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-istralċ ta’ INFRAFRONTIER ERIC.

    (4)

    Max-xoljiment ta’ INFRAFRONTIER ERIC, jew f’każ li l-finijiet privileġġati tat-taxxa deskritti f’dawn l-Istatuti ma jibqgħux japplikaw, l-assi ta’ INFRAFRONTIER ERIC li jaqbżu l-kontribuzzjonijiet fi flus u l-valur attwali tal-kontribuzzjonijiet in natura se jiġu ttrasferiti lil entità ġuridika pubblika oħra jew lil korporazzjoni oħra privileġġata tat-taxxa, jew lil entità ġuridika oħra li ssegwi objettivi simili għal dawk ta’ INFRAFRONTIER ERIC għall-promozzjoni tax-xjenza u tar-riċerka.

    (5)

    Fil-każ ta’ stralċ, l-INFRAFRONTIER ERIC għandu jiżgura kemm jista’ jkun li d-data li hija proprjetà ta’ INFRAFRONTIER ERIC tiġi ddepożitata b’mod sikur sabiex tali data tibqa’ aċċessibbli u tkun tista’ tintuża f’konformità mal-Artikolu 6 ta’ dawn l-Istatuti kif ukoll f’konformità mal-Politika tad-Data u/jew mal-Politika ta’ Aċċess, kif applikabbli.

    (6)

    Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi nnotifikata fi żmien 10 (għaxart) ijiem kalendarji mill-għeluq tal-proċedura tal-istralċ. INFRAFRONTIER ERIC ma għandux jibqa’ jeżisti mill-jum li fih il-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-avviż xieraq f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    5.   Reġim ta’ responsabbiltà u assigurazzjoni

    (l-Artikolu 5 tal-Istatuti ta’ INFRAFRONTIER ERIC)

    (1)

    INFRAFRONTIER ERIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu.

    (2)

    Il-Membri ma humiex responsabbli in solidum għad-djun ta’ INFRAFRONTIER ERIC.

    (3)

    L-obbligazzjoni finanzjarja tal-Membri lejn id-djun ta’ INFRAFRONTIER ERIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjoni annwali rispettiva tagħhom kif ikkalkolata skont il-prinċipji finanzjarji definiti fl-Artikolu 25(2) tal-Istatuti u għall-metodu ta’ kalkolu definit fl-Anness 2 ta’ dawn l-Istatuti.

    (4)

    INFRAFRONTIER ERIC għandu jkollu assigurazzjoni xierqa li tkopri r-riskji speċifiċi għall-istabbiliment u għall-operat ta’ INFRAFRONTIER ERIC.

    6.   Politika ta’ Aċċess għall-utenti

    (l-Artikolu 6 tal-Istatuti ta’ INFRAFRONTIER ERIC)

    (1)

    Il-prinċipju ta’ gwida għall-forniment ta’ riżorsi u servizzi huwa aċċess miftuħ.

    (2)

    L-aċċess jingħata skont il-Politika ta’ Aċċess ta’ INFRAFRONTIER ERIC. Il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-fornituri tal-kampjuni u tad-data lill-INFRAFRONTIER ERIC u l-prinċipji Ewropej rikonoxxuti għall-aċċess għall-infrastrutturi tar-riċerka għandhom jiġu rispettati. L-ebda dispożizzjoni f’dawn l-Istatuti ma għandha tiftiehem li qiegħda tfittex li tirrestrinġi d-dritt tas-sħab ta’ INFRAFRONTIER ERIC li jiddeċiedu dwar l-għoti ta’ aċċess għal kwalunkwe kampjun jew data.

    (3)

    INFRAFRONTIER ERIC għandu jfittex li jiżgura li s-sors tal-kampjuni u tad-data jkun rikonoxxut kif xieraq u għandu jitlob li attribuzzjoni bħal din tinżamm fl-użu sussegwenti tal-kampjuni u tad-data.

    7.   Politika dwar l-Evalwazzjoni Xjentifika

    (l-Artikolu 7 tal-Istatuti ta’ INFRAFRONTIER ERIC)

    (1)

    L-evalwazzjoni strateġika regolari ta’ INFRAFRONTIER ERIC, inklużi l-aspetti xjentifiċi u etiċi, għandha tkun il-kompitu ta’ kumitat estern indipendenti ad hoc.

    (2)

    L-Assemblea tal-Membri għandha tibda tali evalwazzjonijiet mill-inqas darba kull 5 snin. L-Assemblea tal-Membri għandha tinnomina l-membri ta’ tali kumitat estern indipendenti u, jekk ikun xieraq, tagħti direzzjonijiet speċifiċi. Id-dettalji dwar in-nomina u l-operazzjoni se jiġu speċifikati fir-Regoli ta’ Proċedura.

    (3)

    Il-membri tal-kumitat estern indipendenti qed jaġixxu taħt titolu personali.

    8.   Politika dwar it-Tixrid

    (l-Artikolu 8 tal-Istatuti ta’ INFRAFRONTIER ERIC)

    (1)

    INFRAFRONTIER ERIC għandu jippromwovi l-użu ta’ INFRAFRONTIER RI fir-riċerka u l-edukazzjoni.

    (2)

    INFRAFRONTIER ERIC għandu jippromwovi r-riċerka ta’ kwalità għolja u jappoġġa kultura tal-“aħjar prattika” permezz ta’ attivitajiet ta’ tixrid.

    (3)

    INFRAFRONTIER ERIC għandu ġeneralment jinkoraġġixxi lir-riċerkaturi biex jagħmlu r-riżultati tar-riċerka tagħhom disponibbli għall-pubbliku u għandu jitlob lill-utenti tar-riżorsi u tas-servizzi ta’ INFRAFRONTIER RI biex jagħmlu r-riżultati disponibbli permezz ta’ INFRAFRONTIER ERIC.

    (4)

    INFRAFRONTIER ERIC għandu jidentifika d-diversi gruppi fil-mira, u għandu juża diversi mezzi biex jilħaq l-udjenzi fil-mira, bħal pereżempju portali tal-Internet, fuljetti, workshops, preżenza fil-konferenzi, artikli f’ġurnali u gazzetti ta’ kuljum.

    9.   Politika dwar id-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali

    (l-Artikolu 9 tal-Istatuti ta’ INFRAFRONTIER ERIC)

    (1)

    F’konformità mal-objettivi tal-Istatuti preżenti, it-terminu “Proprjetà Intellettwali” għandu jinftiehem skont l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali ffirmata fl-14 ta’ Lulju 1967.

    (2)

    Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ta’ riżultati maħluqa mill-impjegati ta’ INFRAFRONTIER ERIC għandhom ikunu ta’ INFRAFRONTIER ERIC u għandhom jiġu ġestiti mid-Diretturi Maniġerjali.

    (3)

    L-użu u l-ġbir tad-data ta’ INFRAFRONTIER ERIC għandhom ikunu soġġetti għal-liġijiet Ewropej u nazzjonali tal-privatezza tad-data.

    (4)

    Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ġġenerati mill-utenti bħala riżultat tal-aċċess għar-riżorsi ta’ INFRAFRONTIER ERIC għandhom jiġu nnegozjati, bl-għan li jsir użu ġust mill-utent kif ukoll mill-INFRAFRONTIER ERIC u/jew in-Nodu Nazzjonali kkonċernat, filwaqt li jitqies l-input rispettiv tagħhom.

    (5)

    Għandha tiġi adottata Politika dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali f’konformità mal-Artikolu 20(11)(i) ta’ dawn l-Istatuti u din għandu jkun fiha aktar regolamenti dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

    10.   Politika tal-Impjiegi

    (l-Artikolu 10 tal-Istatuti ta’ INFRAFRONTIER ERIC)

    (1)

    INFRAFRONTIER ERIC huwa impenjat favur it-trasparenza u l-ugwaljanza tal-opportunitajiet u ma għandux jiddiskrimina kontra xi persuna fuq il-bażi tar-razza, l-oriġini etnika, is-sess, it-twemmin, id-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali jew kwalunkwe raġuni oħra li hi meqjusa bħala diskriminazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea.

    (2)

    Ir-reklutaġġ tal-persunal huwa kompletament miftuħ u internazzjonali.

    11.   Politika tal-Akkwist

    (l-Artikolu 11 tal-Istatuti ta’ INFRAFRONTIER ERIC)

    (1)

    INFRAFRONTIER ERIC għandu jittratta lill-kandidati u lill-offerenti għall-akkwist b’mod ugwali u mhux diskriminatorju, indipendentement minn jekk humiex ibbażati fl-Unjoni jew le.

    (2)

    Il-politika tal-akkwist ta’ INFRAFRONTIER ERIC għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, tan-nondiskriminazzjoni u tal-kompetizzjoni.

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2865/oj

    ISSN 1977-074X (electronic edition)


    Top