EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0973

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/973 tal-14 ta’ Marzu 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi kriterji dwar l-effiċjenza agronomika u s-sikurezza għall-użu ta’ prodotti sekondarji fi prodotti fertilizzanti tal-UE (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/1437

ĠU L 167, 24.6.2022, p. 29–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/973/oj

24.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 167/29


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/973

tal-14 ta’ Marzu 2022

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi kriterji dwar l-effiċjenza agronomika u s-sikurezza għall-użu ta’ prodotti sekondarji fi prodotti fertilizzanti tal-UE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1069/2009 u (KE) Nru 1107/2009 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2003/2003 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 42(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2019/1009 jistabbilixxi regoli dwar it-tpoġġija għad-dispożizzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE. Il-prodotti fertilizzanti tal-UE fihom materjali komponenti ta’ waħda jew aktar mill-kategoriji elenkati fl-Anness II ta’ dak ir-Regolament. F’konformità mal-kategorija tal-materjali komponenti (“CMC”) 11 ta’ dak l-Anness, il-prodotti fertilizzanti tal-UE jista’ jkun fihom prodotti sekondarji skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), b’xi eċċezzjonijiet, li jridu jiġu rreġistrati f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).

(2)

L-Artikolu 42(7) tar-Regolament (UE) 2019/1009 jirrikjedi li l-Kummissjoni tissupplimenta l-Parti II, CMC 11, il-punt 3, tal-Anness II, billi tistabbilixxi l-kriterji dwar l-effiċjenza agronomika u s-sikurezza għall-użu ta’ prodotti sekondarji fis-sena tad-Direttiva 2008/98/KE fi prodotti fertilizzanti tal-UE. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tat mandat liċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (“JRC”) tagħha biex jipprovdi pariri xjentifiċi (4).

(3)

Il-prodotti sekondarji skont it-tifsira tad-Direttiva 2008/98/KE jibnu kategorija eteroġenja ħafna ta’ sustanzi. Dawn is-sustanzi għandhom natura fiżika u kimika differenti, u jistgħu jinkisbu matul diversi proċessi ta’ produzzjoni. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-prodotti sekondarji huma maqsuma f’żewġ kategoriji, skont it-tip ta’ effiċjenza agronomika tagħhom. L-ewwel kategorija tikkonċerna l-prodotti sekondarji, li jipprovdu nutrijenti lill-pjanti jew lill-faqqiegħ jew li jtejbu l-effiċjenza nutrizzjonali tagħhom. It-tieni kategorija tikkonċerna prodotti sekondarji li jintużaw bħala addittivi tekniċi f’konċentrazzjonijiet iżgħar. Għalkemm mhumiex marbuta direttament man-nutrizzjoni jew mal-effiċjenza nutrizzjonali, dawn itejbu l-kwalità tal-prodott fertilizzanti jew is-sikurezza fl-immaniġġjar tiegħu.

(4)

Għall-ewwel kategorija, il-JRC identifika prodotti sekondarji li jirriżultaw minn varjetà ta’ proċessi ta’ produzzjoni, li fihom l-imluħa tal-ammonju, l-imluħa tas-sulfat, l-imluħa tal-fosfat, il-kubrit elementali, il-karbonat tal-kalċju u l-ossidu tal-kalċju. Sabiex jiġi żgurat li dawk il-prodotti sekondarji jkollhom valur agronomiku ċar u ma joħolqux effetti negattivi għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, jenħtieġ li jiġi stabbilit rekwiżit strett ta’ purità.

(5)

Għat-tieni kategorija, il-JRC ippropona li jippermetti l-użu ta’ prodotti sekondarji bħala addittivi tekniċi, bħal aġenti tat-twebbis, li jgħaqqdu jew tal-mili, jew aġenti kontra l-formazzjoni tat-trab biex itejbu l-protezzjoni tas-saħħa tal-utenti. Sabiex jiġi żgurat li l-użu ta’ tali prodotti sekondarji ma jipperikolax l-effiċjenza agronomika ġenerali tal-prodott fertilizzanti tal-UE u ma jkollu l-ebda effett negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent, jenħtieġ li tiġi stabbilita konċentrazzjoni massima fil-prodott fertilizzanti finali tal-UE.

(6)

Barra minn hekk, il-JRC ivvaluta l-prodotti sekondarji l-aktar użati skont il-prattiki eżistenti. Dawk il-prodotti sekondarji ntgħażlu abbażi tal-potenzjal tas-suq tagħhom, id-data disponibbli, is-sitwazzjoni legali attwali tagħhom, l-istorja tal-użu tagħhom u l-valur agronomiku ċar tagħhom, kif ukoll abbażi tas-sempliċità tal-iżvilupp tal-kriterji tas-sikurezza minħabba r-restrizzjonijiet ta’ żmien fit-twettiq tal-valutazzjoni. Il-prodotti sekondarji identifikati kienu l-likur primarju mir-reazzjoni ta’ 5(β-metil-tijoetil)-idantojn mal-karbonat tal-potassju fil-proċess ta’ produzzjoni tal-metijonina, residwi mill-ipproċessar u l-purifikazzjoni ta’ minerali u minerali tal-metall, likwidu ta’ wara d-distillazzjoni mill-proċess Solvay, ġir tal-karbur mill-produzzjoni tal-aċetilen, gagazza ferruża, imluħa tal-metall mill-ipproċessar tal-konċentrati tal-minerali tal-metall u mit-trattament tas-superfiċje tal-metall, u aċidi umiċi u fulviċi mill-iskulurazzjoni tal-ilma tax-xorb. Dawn il-prodotti sekondarji speċifiċi jenħtieġ li jintużaw fi prodotti fertilizzanti tal-UE mingħajr ma jkollhom jikkonformaw ma’ livelli ta’ purità restrittivi għall-ewwel kategorija ta’ prodotti sekondarji jew mal-għan u konċentrazzjoni massima permessa għat-tieni kategorija ta’ prodotti sekondarji. Ir-raġuni hija li dawn il-prodotti sekondarji huma identifikati b’mod ċar, li ppermetta lill-JRC jivvaluta bir-reqqa l-valur agronomiku tagħhom u r-riskji speċifiċi kollha li jistgħu joħolqu.

(7)

Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti l-kriterji ta’ sikurezza supplimentari korrispondenti għall-użu ta’ prodotti sekondarji.

(8)

Uħud minn dawk il-prodotti sekondarji jenħtieġ li jikkonformaw mal-kriterji tas-sikurezza li jillimitaw il-kontenut ta’ kontaminanti u ta’ sustanzi oħra ta’ tħassib, applikati flimkien ma’ dawk stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009 għall-kategorija funzjonali tal-prodott korrispondenti, u mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(9)

Għandhom jiġu stabbiliti valuri ta’ limitu addizzjonali għall-kontaminanti tal-kromu, tat-tallju u tal-vanadju totali. Uħud mill-prodotti sekondarji jista’ jkun fihom kontaminanti bħal dawn minħabba l-partikolarità tal-proċess tal-produzzjoni tagħhom. Il-valuri limitu proposti għal dawk il-kontaminanti jenħtieġ li jiżguraw li l-użu ta’ prodotti fertilizzanti tal-UE li jkun fihom prodotti sekondarji b’tali kontaminanti ma jwassalx għall-akkumulazzjoni tagħhom fil-ħamrija. Il-valuri limitu għal dawn il-kontaminanti jenħtieġ li jiġu ddeterminati bħala konċentrazzjoni fil-prodott finali, simili għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2019/1009. Dan huwa ġġustifikat mill-fatt li l-kriterji ta’ sikurezza introdotti bi tweġiba għal kwalunkwe riskju partikolari identifikat jikkonċernaw, bħala regola, il-prodott finali u mhux materjal komponent. Dan għandu jiffaċilita l-valutazzjoni tal-konformità u s-sorveljanza tas-suq ta’ tali prodotti, peress li t-testijiet għandhom jitwettqu biss fuq il-prodott finali.

(10)

Residwi mill-ipproċessar jew mill-purifikazzjoni tal-mineral tal-fosfat sedimentarju huma magħrufa li fihom radjonuklidi li jseħħu b’mod naturali. Sabiex jiġi żgurat l-użu sikur ta’ tali prodotti sekondarji fi prodotti fertilizzanti tal-UE, huwa xieraq li jiġu stabbiliti livelli massimi permessi ta’ valuri ta’ konċentrazzjoni ta’ attività ta’ radjonuklidi li jseħħu b’mod naturali, mis-serje tal-uranju u tat-torju fi prodotti fertilizzanti tal-UE li fihom tali materjali.

(11)

Barra minn hekk, jeħtieġ li jkunu stabbiliti kriterji ta’ sikurezza addizzjonali biex ikun limitat il-kontenut ta’ 16 idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAH16(6) u tal-poliklorodibenżo-p-diossini u tal-poliklorodibenżofurani (PCDD/PCDF) (7). Ir-Regolament (UE) 2019/1021 jistabbilixxi tnaqqis fir-rilaxx għal PAH16 u għal PCDD/PCDF bħala sustanzi prodotti b’mod mhux intenzjonat matul il-proċessi tal-manifattura, iżda ma jintroduċix valur limitu f’każijiet bħal dawn. Minħabba r-riskji għoljin iġġenerati mill-preżenza ta’ sustanzi niġġiesa bħal dawn fil-prodotti fertilizzanti, jitqies xieraq li jiġu introdotti rekwiżiti aktar stretti minn dawk stipulati f’dak ir-Regolament. Tali valuri ta’ limitu għandhom jiġu stabbiliti fil-livell tal-materjal komponent u mhux bħala konċentrazzjoni fil-prodott finali, biex tiġi żgurata l-koerenza mar-Regolament (UE) 2019/1021.

(12)

Il-valuri ta’ limitu għall-kontaminanti, għall-PAH16 u għall-PCDD/PCDF jistgħu ma jkunux rilevanti f’kull każ. Għalhekk, il-manifatturi jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jissoponu l-konformità tal-prodott fertilizzanti ma’ rekwiżit partikolari mingħajr verifika, bħat-testjar, kull meta l-konformità mar-rekwiżit imsemmi ssegwi b’mod ċert u inkontestabbli min-natura jew mill-proċess ta’ manifattura tal-prodotti sekondarji li jappartjenu għas-CMC 11 jew tal-prodott fertilizzanti tal-UE li jkun fih tali prodott sekondarju.

(13)

Uħud mill-prodotti sekondarji jista’ jkun fihom is-selenju, li jista’ jkun tossiku jekk ikun preżenti f’konċentrazzjoni għolja. Xi wħud jista’ jkun fihom ukoll il-klorur, li jista’ jqajjem tħassib dwar is-salinità fil-ħamrija. Kull meta dawk is-sustanzi jkunu preżenti f’konċentrazzjonijiet li jaqbżu ċertu limitu, il-kontenut tagħhom jenħtieġ li jiġi indikat fuq it-tikketta sabiex l-utenti tal-prodott fertilizzanti jkunu infurmati kif xieraq.

(14)

Minħabba li r-Regolament (UE) 2019/1009 se japplika bis-sħiħ mis-16 ta’ Lulju 2022, jeħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tiġi differita għall-istess data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Il-prodotti sekondarji li jappartjenu għall-Kategorija tal-Materjal Komponenti (CMC) 11 imsemmija fil-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009, li jipprovdu nutrijenti lill-pjanti jew lill-faqqiegħ jew itejbu l-effiċjenza nutrizzjonali tagħhom, għandhom jissodisfaw il-kriterji li ġejjin għall-effiċjenza u għas-sikurezza agronomika:

(a)

ikun fihom mill-inqas 95 % ta’ mluħa tal-ammonju, mluħa tas-sulfat, mluħa tal-fosfat, kubrit elementali, karbonat tal-kalċju jew ossidu tal-kalċju, jew taħlitiet tagħhom, bħala materja niexfa;

(b)

jiġu prodotti bħala parti integrali minn proċess ta’ produzzjoni li juża bħala materjali ta’ input sustanzi u taħlitiet, għajr prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

(c)

ikollhom kontenut ta’ karbonju organiku (Corg) ta’ mhux aktar minn 0,5 % ta’ materja niexfa tal-prodott sekondarju;

(d)

ikollhom kontenut ta’ materja niexfa ta’ idrokarbur aromatiku poliċikliku ta’ mhux aktar minn 6 mg/kg (PAH16(9);

(e)

ma jkunx fihom aktar minn 20 ng WHO ekwivalenti ta’ tossiċità (10)/kg ta’ materja niexfa tal-poliklorodibenżo-p-diossina u tal-poliklorodibenżofurani (PCDD/PCDF) (11).

Prodott fertilizzanti tal-UE li jkun fih jew li jikkonsisti minn prodotti sekondarji li jipprovdu nutrijenti lill-pjanti jew lill-faqqiegħ jew li jtejbu l-effiċjenza nutrizzjonali tagħhom ma għandux ikun fih aktar minn:

(a)

400 mg/kg materja niexfa tal-kromu totali (Cr);

(b)

2 mg/kg materja niexfa ta’ tallju (Tl).

2.   Il-prodotti sekondarji li jappartjenu għas-CMC 11 imsemmija fil-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009, li jintużaw bħala addittivi tekniċi, għandhom jissodisfaw il-kriterji li ġejjin għall-effiċjenza u għas-sikurezza agronomiċi:

(a)

ikollhom ir-rwol li jtejbu s-sikurezza jew l-effiċjenza agronomika tal-prodott fertilizzanti tal-UE;

(b)

ikunu preżenti fil-prodott fertilizzanti tal-UE f’konċentrazzjoni totali ta’ mhux aktar minn 5 % skont il-massa;

(c)

ikollhom kontenut ta’ materja niexfa ta’ idrokarbur aromatiku poliċikliku ta’ mhux aktar minn 6 mg/kg (PAH16);

(d)

ikollhom kontenut ta’ mhux aktar minn 20 ng WHO ekwivalenti ta’ tossiċità (12)/kg ta’ materja niexfa tal-poliklorodibenżo-p-diossina u tal-poliklorodibenżofurani (PCDD/PCDF).

Artikolu 2

1.   Il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1 ma japplikawx għall-prodotti sekondarji li jappartjenu għas-CMC 11 imsemmija fil-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (UE) 2019/1009, li huma waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

likur primarju mir-reazzjoni ta’ 5 (β-metil-tijoetil) -idantojn mal-karbonat tal-potassju fil-proċess ta’ produzzjoni tal-metijonina;

(b)

residwi mill-ipproċessar u mill-purifikazzjoni ta’ minerali u ta’ metall mhux maħdum, jekk ikun fihom karbonati tal-kalċju, karbonati tal-manjeżju, sulfati tal-kalċju, ossidu tal-manjeżju, imluħa tal-fosfat, u/jew imluħa tal-potassju, tal-manjeżju jew tas-sodju li jinħallu fl-ilma, f’kontenut totali ta’ aktar minn 60 % ta’ materja niexfa tar-residwi;

(c)

likwidu ta’ wara d-distillazzjoni mill-proċess Solvay;

(d)

ġir tal-karbur mill-produzzjoni tal-aċitilena;

(e)

gagazza tal-ħadid;

(f)

sustanzi derivati mill-ipproċessar tal-konċentrati tal-metall mhux maħdum u mit-trattament tas-superfiċje tal-metall li fihom mill-inqas 2 % skont il-massa ta’ katjoni tal-metall ta’ tranżizzjoni divalenti jew trivalenti (żingu (Zn), ram (Cu), ħadid (Fe), manganiż (Mn) jew kobalt (Co)) f’soluzzjoni;

(g)

aċidi umiċi u fulviċi minn skulurazzjoni fl-ilma tax-xorb.

2.   Il-valuri tal-konċentrazzjoni tal-attività ta’ radjonuklidi li jseħħu b’mod naturali mis-serje U-238 u Th-232 fi prodott fertilizzanti tal-UE li fih jew li jikkonsisti minn residwi mill-ipproċessar jew mill-purifikazzjoni tal-mineral tal-fosfat sedimentarju f’konformità mal-paragrafu 1(b) ma għandhomx jaqbżu l-1 kBq/kg tal-prodott.

3.   Prodott fertilizzanti tal-UE li jkun fih jew li jikkonsisti minn prodotti sekondarji msemmija fil-punti (e) u (f) tal-ewwel paragrafu ma għandux ikun fih aktar minn:

(a)

400 mg/kg materja niexfa tal-kromu totali (Cr);

(b)

2 mg/kg materja niexfa ta’ tallju (Tl);

(c)

600 mg/kg ta’ materja niexfa tal-vanadju (V).

Artikolu 3

Fejn il-konformità ma’ rekwiżit partikolari stipulat fl-Artikolu 1(1), l-ewwel subparagrafu, il-punti (d) u (e), l-Artikolu 1(1), it-tieni subparagrafu, l-Artikolu 1(2), il-punti (c) u (d), u l-Artikolu 2(2) u (3), issegwi b’mod ċert u inkontestabbli min-natura jew mill-proċess ta’ manifattura tal-prodott sekondarju jew tal-prodott fertilizzanti tal-UE li jkun fih tali prodott sekondarju, kif applikabbli, dik il-konformità tista’ tiġi preżunta fil-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità mingħajr verifika (bħat-testjar), taħt ir-responsabbiltà tal-manifattur.

Artikolu 4

1.   Meta prodott fertilizzanti tal-UE jkun fih prodotti sekondarji msemmija fl-Artikolu 1(1), l-ewwel subparagrafu u fl-Artikolu 2, l-ewwel paragrafu, il-punti (b) sa (f) jew jikkonsisti minnhom, u jkollu kontenut ta’ selenju (Se) li jaqbeż il-10 mg/kg ta’ materja niexfa, il-kontenut ta’ selenju għandu jiġi indikat.

2.   Meta prodott fertilizzanti tal-UE jkun fih prodotti sekondarji msemmija fl-Artikolu 1(1), l-ewwel subparagrafu u fl-Artikolu 2, l-ewwel paragrafu, il-punti (b), (c) u (g) jew jikkonsisti minnhom, u jkollu kontenut ta’ klorur (Cl-) li jaqbeż il-30 g/kg ta’ materja niexfa, il-kontenut tal-klorur għandu jiġi indikat, sakemm il-prodott fertilizzanti tal-UE ma jiġix prodott permezz ta’ proċess ta’ manifattura fejn ikun intuża klorur li jkun fih sustanzi jew taħlitiet bl-intenzjoni li jipproduċi jew jinkludi mluħa tal-metalli alkalini jew imluħa tal-metalli tal-materjali tal-art alkalini, u l-informazzjoni dwar dawn l-imluħa tiġi pprovduta f’konformità mal-Anness III.

3.   Meta l-kontenut tas-selenju jew tal-klorur ikun indikat f’konformità mal-paragrafi 1 u 2, dan għandu jkun separat b’mod ċar mid-dikjarazzjoni tan-nutrijenti u jista’ jiġi espress bħala firxa ta’ valuri.

4.   Meta l-fatt li tali prodott fertilizzanti tal-UE jkun fih selenju jew klorur taħt il-valuri limitu fil-paragrafi 1 u 2 isegwi b’mod ċert u inkontestabbli min-natura jew mill-proċess ta’ manifattura tal-prodott sekondarju jew tal-prodott fertilizzanti tal-UE li jkun fih tali prodott sekondarju, kif applikabbli, it-tikketta ma jista’ jkun fiha l-ebda informazzjoni dwar dawn il-parametri, mingħajr verifika (bħat-testjar), bir-responsabbiltà tal-manifattur.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu japplika mis-16 ta’ Lulju 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1.

(2)  Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(4)  Huygens D, Saveyn HGM, Technical proposals for by-products and high purity materials as component materials for EU Fertilising Products, JRC128459, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2022.

(5)  Ir-Regolament (UE) 2019/1021 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-pollutanti organiċi persistenti (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 45).

(6)  Is-somma ta’ naftalen, aċenaftilen, aċenaften, fluworen, fenantren, antraċen, fluworanten, piren, benżo[a]antraċen, krisen, benżo[b]fluworanten, benżo[k]fluworanten, benżo[a]piren, indeno[1,2,3-cd]piren, dibenżo[a,h]antraċen u benżo[ghi]perilen.

(7)  Is-somma ta’ 2,3,7,8-TCDD, 1,2,3,7,8-PeCDD; 1,2,3,4,7,8-HxCDD; 1,2,3,6,7,8-HxCDD; 1,2,3,7,8,9-HxCDD; 1,2,3,4,6,7,8-HpCDD; OCDD; 2,3,7,8-TCDF; 1,2,3,7,8-PeCDF; 2,3,4,7,8-PeCDF; 1,2,3,4,7,8-HxCDF; 1,2,3,6,7,8-HxCDF; 1,2,3,7,8,9-HxCDF; 2,3,4,6,7,8-HxCDF; 1,2,3,4,6,7,8-HpCDF; 1,2,3,4,7,8,9-HpCDF; u OCDF.

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).

(9)  Is-somma ta’ naftalen, aċenaftilen, aċenaften, fluworen, fenantren, antraċen, fluworanten, piren, benżo[a]antraċen, krisen, benżo[b]fluworanten, benżo[k]fluworanten, benżo[a]piren, indeno[1,2,3-cd]piren, dibenżo[a,h]antraċen u benżo[ghi]perilen.

(10)  van den Berg M., L.S. Birnbaum, M. Denison, M. De Vito, W. Farland, et al. (2006) The 2005 World Health Organization Re-evaluation of Human and Mammalian Toxic Equivalency Factors for Dioxins and Dioxin-like Compounds. Toxicological sciences: an official journal of the Society of Toxicology 93:223-241. doi:10.1093/toxsci/kfl055.

(11)  Is-somma ta’ 2,3,7,8-TCDD, 1,2,3,7,8-PeCDD; 1,2,3,4,7,8-HxCDD; 1,2,3,6,7,8-HxCDD; 1,2,3,7,8,9-HxCDD; 1,2,3,4,6,7,8-HpCDD; OCDD; 2,3,7,8-TCDF; 1,2,3,7,8-PeCDF; 2,3,4,7,8-PeCDF; 1,2,3,4,7,8-HxCDF; 1,2,3,6,7,8-HxCDF; 1,2,3,7,8,9-HxCDF; 2,3,4,6,7,8-HxCDF; 1,2,3,4,6,7,8-HpCDF; 1,2,3,4,7,8,9-HpCDF; u OCDF.

(12)  van den Berg M., L.S. Birnbaum, M. Denison, M. De Vito, W. Farland, et al. (2006) The 2005 World Health Organization Re-evaluation of Human and Mammalian Toxic Equivalency Factors for Dioxins and Dioxin-like Compounds. Toxicological sciences: an official journal of the Society of Toxicology 93:223-241. doi:10.1093/toxsci/kfl055.


Top