EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0732

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/732 tas-26 ta’ Jannar 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 667/2014 fir-rigward tal-kontenut tal-fajl li għandu jiġi ppreżentat mill-uffiċjal tal-investigazzjoni lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, id-dritt ta’ smigħ fir-rigward ta’ deċiżjonijiet interim u d-depożiti ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/339

ĠU L 158, 6.5.2021, p. 8–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/732/oj

6.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 158/8


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/732

tas-26 ta’ Jannar 2021

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 667/2014 fir-rigward tal-kontenut tal-fajl li għandu jiġi ppreżentat mill-uffiċjal tal-investigazzjoni lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, id-dritt ta’ smigħ fir-rigward ta’ deċiżjonijiet interim u d-depożiti ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 64(7) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2019/834 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). Dawn l-emendi kienu jikkonċernaw, fost l-oħrajn, id-definizzjoni ta’ kontropartijiet finanzjarji, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ta’ investigazzjoni minn persuni soġġetti għal investigazzjoni, il-multi li għandhom jitħallsu minn repożitorju tat-tranżazzjonijiet li, intenzjonalment jew b’negliġenza, wettaq wieħed mit-tipi ta’ ksur elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, u d-dritt ta’ smigħ tal-persuni li jistgħu jkunu soġġetti għal pagament perjodiku ta’ penali.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 667/2014 (3) ġie adottat abbażi tal-Artikolu 64(7) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u jittratta r-regoli ta’ proċedura għall-penali imposti fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (European Securities and Markets Authority, “ESMA”), inklużi r-regoli dwar id-dritt tad-difiża. Peress li l-emendi introdotti mir-Regolament (UE) 2019/834 fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 jikkonċernaw dawk ir-regoli ta’ proċedura, hemm bżonn li jiġi ggarantit li dawk l-emendi jkunu riflessi wkoll fir-Regolament Delegat (UE) Nru 667/2014.

(3)

Huwa importanti li tiġi ggarantita t-trasparenza bejn l-uffiċjal tal-investigazzjoni maħtur mill-ESMA skont l-Artikolu 64 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u l-ESMA nnifisha. Tali trasparenza teżiġi li l-fajl tal-uffiċjal tal-investigazzjoni jkun fih il-preżentazzjonijiet li jagħmlu persuni soġġetti għall-investigazzjoni u d-dikjarazzjoni tal-konstatazzjonijiet li abbażi tagħha dawk il-persuni pprovdew il-preżentazzjonijiet tagħhom.

(4)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-ESMA għandha l-possibbiltà li tadotta, fejn tkun meħtieġa azzjoni urġenti, deċiżjonijiet interim mingħajr ma l-ewwel tisma’ lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni jew proċedimenti. Biex tiġi żgurata l-effettività tas-setgħa tal-ESMA li tadotta deċiżjonijiet interim, jenħtieġ li persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni ma jkollhomx id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jew li jinstemgħu qabel ma l-uffiċjal tal-investigazzjoni jkun ippreżenta l-fajl bil-konstatazzjonijiet tiegħu lill-ESMA jew qabel ma l-ESMA tkun adottat id-deċiżjoni interim tagħha. Madankollu, biex jiġu rispettati d-drittijiet tad-difiża, persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni jenħtieġ li jkollhom id-dritt ta’ aċċess għall-fajl hekk kif l-uffiċjal tal-investigazzjoni jkun ippreżenta l-fajl bid-dikjarazzjoni tal-konstatazzjoni tiegħu jew tagħha lill-ESMA, u d-dritt ta’ smigħ kemm jista’ jkun malajr wara li l-ESMA tkun adottat id-deċiżjoni interim tagħha.

(5)

Skont l-Artikolu 68(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-ammonti li jikkorrispondu għall-multi u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali miġbura mill-ESMA għandhom jiġu allokati lill-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-multi u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali miġbura mill-ESMA jenħtieġ li jiġu ddepożitati f’kontijiet bl-imgħax sakemm isiru finali. Għal kull deċiżjoni li timponi multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali, l-ammonti miġbura mill-ESMA jenħtieġ li jiġu ddepożitati f’kont separat jew subkont biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà sakemm dik id-deċiżjoni ssir finali.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 667/2014 jiġi emendat.

(7)

Fl-interess tal-eżerċizzju immedjat mill-ESMA ta’ setgħat superviżorji u ta’ infurzar effettivi, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 667/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3, il-paragrafu 1 huwa sostitwit bis-segwenti:

“1.   Il-fajl komplet li jrid jiġi ppreżentat mill-uffiċjal tal-investigazzjoni lill-ESMA għandu jinkludi d-dokumenti li ġejjin:

(a)

id-dikjarazzjoni tal-konstatazzjonijiet u kopja tad-dikjarazzjoni tal-konstatazzjonijiet indirizzata lill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni;

(b)

kopja tal-preżentazzjonijiet bil-miktub mill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni;

(c)

il-minuti ta’ kull seduta orali.”;

(2)

jiddaħħal l-Artikolu 3a segwenti:

“Artikolu 3a

Id-dritt ta’ smigħ mill-ESMA fir-rigward ta’ deċiżjonijiet interim dwar miżuri superviżorji

1.   B’deroga mill-Artikoli 2 u 3, il-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu għandha tapplika meta l-ESMA tadotta deċiżjonijiet interim skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 67 l(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

2.   L-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jippreżenta l-fajl bil-konstatazzjonijiet tiegħu jew tagħha lill-ESMA u jinforma immedjatament lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni dwar il-konstatazzjonijiet tiegħu jew tagħha iżda ma għandux jagħti lil dik il-persuna bl-opportunità li tagħmel preżentazzjonijiet Id-dikjarazzjoni tal-konstatazzjonijiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni għandha tistabbilixxi l-fatti li jistgħu jikkostitwixxu ksur wieħed jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, inkluż kull fattur aggravanti jew mitiganti ta’ dak il-ksur.

Meta jintalab, l-uffiċjal tal-investigazzjoni għandu jagħti aċċess għall-fajl lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni.

3.   Meta l-ESMA tqis li l-fatti deskritti fid-dikjarazzjoni tal-konstatazzjonijiet tal-uffiċjal tal-investigazzjoni jidhru li ma jikkostitwixxux ksur elenkat fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, hija għandha tiddeċiedi li tagħlaq l-investigazzjoni u tinnotifika dik id-deċiżjoni lill-persuna soġġetta għall-investigazzjoni.

4.   Meta l-ESMA tiddeċiedi li ksur wieħed jew aktar elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ikunu twettqu minn persuna soġġetta għal investigazzjoni u tadotta deċiżjoni interim li timponi multi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 73(1), il-punti (a), (c) u (d), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-ESMA għandha tinnotifika minnufih dik id-deċiżjoni interim lil dik il-persuna.

L-ESMA għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien raġonevoli li fih persuni soġġetti għal investigazzjoni jistgħu jagħmlu preżentazzjonijiet bil-miktub dwar id-deċiżjoni interim. L-ESMA ma għandhiex tkun obbligata tqis preżentazzjonijiet bil-miktub li jaslu wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.

Meta tintalab tagħmel dan, l-ESMA għandha tagħti aċċess għall-fajl lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni.

L-ESMA tista’ tistieden lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni biex jattendu seduta orali. Il-persuni soġġetti għal investigazzjoni jistgħu jkunu assistiti mill-avukati tagħhom, jew minn persuni kkwalifikati oħra ammessi mill-ESMA. Is-seduti orali ma għandhomx ikunu pubbliċi.

5.   L-ESMA għandha tisma’ lill-persuna soġġetta għal investigazzjoni u tieħu deċiżjoni finali malajr kemm jista’ jkun wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni interim.

Meta l-ESMA tqis, abbażi tal-fajl komplet u wara li tkun semgħet lill-persuni soġġetti għal investigazzjoni, li ksur jew aktar elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ikunu twettqu mill-persuna soġġetta għal investigazzjoni, hija għandha tadotta deċiżjoni ta’ konferma li timponi waħda mill-miżuri superviżorji jew aktar stabbiliti fl-Artikolu 73(1), il-punti (a), (c) u (d), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. L-ESMA għandha tinnotifika minnufih lill-persuna kkonċernata b’din id-deċiżjoni.

Meta l-ESMA tadotta deċiżjoni finali li ma tikkonfermax id-deċiżjoni interim, għandu jitqies li d-deċiżjoni interim ġiet imħassra.”;

(3)

L-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit bis-segwenti:

“L-ammonti ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali miġbura mill-ESMA għandhom jiġu ddepożitati f’kont bl-imgħax miftuħ mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-ESMA sakemm isiru finali. F’każ li jinġabru multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali multipli mill-ESMA b’mod parallel, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-ESMA għandu jiżgura li jiġu ddepożitati f’kontijiet jew subkontijiet differenti. L-ammonti mħallsa ma għandhomx jiddaħħlu fil-baġit tal-ESMA jew jiġu rreġistrati bħala ammonti baġitarji.”;

(b)

it-tielet subparagrafu huwa sostitwit bis-segwenti:

“L-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-ESMA għandu jirrapporta fuq bażi regolari lill-Uffiċjal Awtorizzanti tad-Direttorat Ġenerali għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-ammonti tal-multi u tal-pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti u l-istatus tagħhom”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Jannar 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2019/834 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 fir-rigward tal-obbligu tal-ikklerjar, is-sospensjoni tal-obbligu tal-ikklerjar, ir-rekwiżiti tar-rapportar, it-tekniki tal-mitigazzjoni tar-riskju għal kuntratti tad-derivattivi OTC mhux ikklerjati minn kontroparti ċentrali, ir-reġistrazzjoni u s-superviżjoni ta’ repożitorji tat-tranżazzjonijiet u r-rekwiżiti għar-repożitorji tat-tranżazzjonijiet (ĠU L 141, 28.5.2019, p. 42).

(3)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 667/2014 tat-13 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura dwar penali imposti fuq ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq inklużi regoli dwar id-dritt tad-difiża u dispożizzjonijiet temporali (ĠU L 179, 19.6.2014, p. 31).


Top