Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R0061

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/61 tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-awtorizzazzjoni ta' 4-allil-2,6-dimetossifenol u tal-aċetat tal-ewġenil bħala addittivi tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali għajr il-ħut u t-tjur (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

C/2016/8231

ĠU L 13, 17.1.2017, pp. 181–185 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2017/61/oj

17.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 13/181


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/61

tal-14 ta' Diċembru 2016

dwar l-awtorizzazzjoni ta' 4-allil-2,6-dimetossifenol u tal-aċetat tal-ewġenil bħala addittivi tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali għajr il-ħut u t-tjur

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jistipula l-awtorizzazzjoni tal-addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti ta' din l-awtorizzazzjoni. L-Artikolu 10 ta' dak ir-Regolament jistipula l-valutazzjoni mill-ġdid ta' addittivi awtorizzati skont id-Direttiva tal-Kunsill 70/524/KEE (2).

(2)

4-allil-2,6-dimetossifenol u l-aċetat tal-ewġenil kienu ġew awtorizzati mingħajr limitu ta' żmien bħala addittivi tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali skont id-Direttiva 70/524/KEE. Dawk il-prodotti mbagħad iddaħħlu fir-Reġistru tal-addittivi tal-għalf bħala prodotti eżistenti, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003. 4-allil-2,6-dimetossifenol u l-aċetat tal-ewġenil għat-tjur u l-ħut mhux se jiġu awtorizzati mill-ġdid minħabba li ġew irtirati mill-applikant.

(3)

F'konformità mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, flimkien mal-Artikolu 7 tiegħu, ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-valutazzjoni mill-ġdid ta' 4-allil-2,6-dimetossifenol u tal-aċetat tal-ewġenil bħala addittivi tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali. L-applikant talab li dawk l-addittivi jiġu kklassifikati fil-kategorija “addittivi sensorjali”. Ma' din l-applikazzjoni ntbagħtu wkoll id-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(4)

Fl-opinjoni tagħha tal-15 ta' Novembru 2011 (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) ikkonkludiet li fil-kundizzjonijiet tal-użu fl-għalf li ġew proposti, 4-allil-2,6-dimetossifenol u l-aċetat tal-ewġenil ma jħallux effetti negattivi fuq is-saħħa tal-annimali u tal-bniedem jew fuq l-ambjent. L-Awtorità kkonkludiet ukoll li l-funzjoni ta' 4-allil-2,6-dimetossifenol u l-aċetat tal-ewġenil fl-għalf hija simili għal dik fl-ikel. L-Awtorità diġà kkonkludiet li għall-ikel, dawk is-sustanzi huma effikaċji, billi jżidu r-riħa u l-palat tal-ikel. Għalhekk, dik il-konklużjoni tista' tiġi estrapolata għall-għalf. L-Awtorità mhijiex f'pożizzjoni li tevalwa l-użu ta' 4-allil-2,6-dimetossifenol u tal-aċetat tal-ewġenil fl-ilma għax-xorb. Madankollu, dawk is-sustanzi jistgħu jintużaw f'għalf kompost li sussegwentement jiġi amministrat permezz tal-ilma.

(5)

Għandhom jiġu stipulati restrizzjonijiet u kundizzjonijiet sabiex ikun hemm kontroll aħjar. Peress li r-raġunijiet ta' sikurezza ma jitolbux l-iffissar ta' kontenut massimu u b'kont meħud tal-valutazzjoni mill-ġdid imwettqa mill-Awtorità, fuq it-tikketta tal-addittiv għandhom jiġu indikati l-kontenuti rakkomandati. Fejn tali kontenuti jinqabżu, fuq it-tikketta ta' taħlitiet lesti minn qabel, ta' għalf kompost u ta' materjali tal-għalf għandha tiġi indikata ċerta informazzjoni.

(6)

L-Awtorità kkonkludiet li 4-allil-2,6-dimetossifenol huwa irritanti għall-għajnejn u għall-ġilda u li l-aċetat tal-ewġenil huwa irritanti għall-ġilda biss. Konsegwentement, għandhom jittieħdu miżuri protettivi xierqa. L-Awtorità tqis li ma hemmx bżonn ta' rekwiżiti speċifiċi għall-monitoraġġ wara l-kummerċjalizzazzjoni. Hija vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu ta' analiżi tal-addittivi tal-għalf fl-għalf li ressaq il-Laboratorju ta' Referenza mwaqqaf bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(7)

Il-valutazzjoni ta' 4-allil-2,6-dimetossifenol u tal-aċetat tal-ewġenil turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif stipulati fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. Għaldaqstant, l-użu ta' dawk is-sustanzi għandu jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(8)

Minħabba li r-raġunijiet ta' sigurtà ma jeħtiġux l-applikazzjoni immedjata tal-modifiki fil-kundizzjonijiet ta' awtorizzazzjoni għal 4-allil-2,6-dimetossifenol u l-aċetat tal-ewġenil, jixraq li jingħata perjodu tranżitorju biex il-partijiet interessati jħejju lilhom infushom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda li jirriżultaw mill-awtorizzazzjoni.

(9)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni

Is-sustanzi speċifikati fl-Anness, li jiffurmaw parti mill-kategorija tal-addittivi “addittivi sensorjali” u mill-grupp funzjonali “komposti aromatizzanti”, huma awtorizzati bħala addittivi tal-għalf fin-nutrizzjoni tal-annimali, soġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Miżuri tranżizzjonali

1.   Is-sustanzi speċifikati fl-Anness u t-taħlitiet lesti minn qabel li jkun fihom dawk is-sustanzi, li huma prodotti u ttikkettati qabel is-6 ta' Awwissu 2017 f'konformità mar-regoli applikabbli qabel is-6 ta' Frar 2017 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw il-ħażniet eżistenti.

2.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom is-sustanzi speċifikati fl-Anness u li huma prodotti u ttikkettati qabel is-6 ta' Frar 2018 skont ir-regoli applikabbli qabel is-6 ta' Frar 2017 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti jekk dawn ikunu maħsubin għal annimali li jipproduċu l-ikel.

3.   L-għalf kompost u l-materjali tal-għalf li fihom is-sustanzi speċifikati fl-Anness u li huma prodotti u ttikkettati qabel is-6 ta' Frar 2019 skont ir-regoli applikabbli qabel is-6 ta' Frar 2017 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw l-istokkijiet eżistenti jekk dawn ikunu maħsubin għal annimali li ma jipproduċux l-ikel.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill Nru 70/524/KEE tat-23 ta' Novembru 1970 li tirrigwarda addittivi f'għalf għall-bhejjem (ĠU L 270, 14.12.1970, p. 1).

(3)   EFSA Journal 2011;9(12):2440.


ANNESS

Numru ta' identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħrajn

Tmiem il-perjodu ta' awtorizzazzjoni

mg ta' sustanza attiva/kg ta' għalf komplet b'kontenut ta' umdità ta' 12 %

(1)

(2)

(3)

(4)

(5)

(6)

(7)

(8)

(9)

Kategorija: Addittivi sensorjali. Grupp funzjonali: Komposti aromatizzanti

2b04051

4-Allil-2,6-dimetossifenol

Kompożizzjoni tal-addittiv

4-Allil-2,6-dimetossifenol

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

4-Allil-2,6-dimetossifenol

Prodott permezz ta' sinteżi kimika

Purità: min. ta' 98 %

Formula kimika: C11H14O3

Nru CAS 6627-88-9

FLAVIS Nru 04.051

Metodu ta' analiżi  (1)

Għall-identifikazzjoni ta' 4-allil-2,6-dimetossifenol fl-addittiv tal-għalf u f'taħlitiet lesti minn qabel ta' aromatizzanti tal-għalf:

Kromatografija b'fażi gassuża/spettrometrija ta' massa b'illokkjar tal-ħin ta' retenzjoni GC-MS-RTL.

L-ispeċijiet kollha tal-annimali għajr il-ħut u t-tjur)

1.

L-addittiv għandu jiġi inkorporat fl-għalf fil-forma ta' taħlita lesta minn qabel.

2.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet ta' ħażna u stabbiltà.

3.

Il-kontenut massimu rakkomandat tas-sustanza attiva għandu jkun: 5 mg/kg ta' għalf komplet b'kontenut ta' umditá ta' 12 %.

4.

Fuq it-tikketta tal-addittiv għandu jiġi indikat dan li ġej:

“Kontenut massimu rakkomandat tas-sustanza attiva ta' għalf komplet b'kontenut ta' umdità ta' 12 %: 5 mg/kg”.

5.

Il-grupp funzjonali, in-numru ta' identifikazzjoni, l-isem u l-ammont miżjud tas-sustanza attiva għandhom jiġu identifikati fuq it-tikkettar tat-taħlitiet lesti minn qabel, tal-materjali tal-għalf u għalf kompost, jekk jinqabeż il-kontenut li ġej tas-sustanza attiva f'għalf komplet b'kontenut ta' umdità ta' 12 %: 5 mg/kg.

6.

Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel, l-operaturi ta' negozju tal-għalf għandhom jistabbilixxu l-proċeduri operazzjonali u l-miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw riskji li jistgħu jirriżultaw mill-kuntatt mal-ġilda jew mill-kuntatt mal-għajnejn. Meta dawk ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati jew imnaqqsa kemm jista' jkun bi proċeduri u miżuri bħal dawn, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw flimkien ma' tagħmir ta' protezzjoni personali, inklużi nuċċalijiet u ingwanti tas-sikurezza.

is-6 ta' Frar 2027

2b09020

Aċetat tal-ewġenil

Kompożizzjoni tal-addittiv

Aċetat tal-ewġenil

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva

Aċetat tal-ewġenil

Prodott permezz ta' sinteżi kimika

Purità: min. ta' 98 %

Formula kimika: C12H14O3

Nru CAS 93-28-7

FLAVIS Nru 09.020

Metodu ta' analiżi  (1)

Għall-identifikazzjoni tal-aċetat tal-ewġenil fl-addittiv tal-għalf u f'taħlitiet lesti minn qabel ta' aromatizzanti tal-għalf:

Kromatografija b'fażi gassuża/spettrometrija ta' massa b'illokkjar tal-ħin ta' retenzjoni GC-MS-RTL.

L-ispeċijiet kollha tal-annimali għajr il-ħut u t-tjur.

1.

L-addittiv għandu jiġi inkorporat fl-għalf fil-forma ta' taħlita lesta minn qabel.

2.

Fl-istruzzjonijiet għall-użu tal-addittiv u tat-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jiġu indikati l-kundizzjonijiet ta' ħażna u stabbiltà.

3.

Il-kontenut massimu rakkomandat tas-sustanza attiva għandu jkun: 5 mg/kg ta' għalf komplet b'kontenut ta' umditá ta' 12 %.

4.

Fuq it-tikketta tal-addittiv għandu jiġi indikat dan li ġej:

“Kontenut massimu rakkomandat tas-sustanza attiva ta' għalf komplet b'kontenut ta' umdità ta' 12 %: 5 mg/kg”.

5.

Il-grupp funzjonali, in-numru ta' identifikazzjoni, l-isem u l-ammont miżjud tas-sustanza attiva għandhom jiġu identifikati fuq it-tikkettar tat-taħlitiet lesti minn qabel, tal-materjali tal-għalf u għalf kompost, jekk jinqabeż il-kontenut li ġej tas-sustanza attiva f'għalf komplet b'kontenut ta' umdità ta' 12 %: 5 mg/kg.

6.

Għall-utenti tal-addittiv u tat-taħlitiet imħejjija minn qabel, l-operaturi ta' negozju tal-għalf għandhom jistabbilixxu l-proċeduri operattivi u l-miżuri organizzattivi sabiex jindirizzaw ir-riskji li jistgħu jirriżultaw mill-kuntatt mal-ġilda. Meta dawn ir-riskji ma jkunux jistgħu jiġu eliminati jew imnaqqsa għal-livell minimu bi proċeduri u miżuri ta' dan it-tip, l-addittiv u t-taħlitiet lesti minn qabel għandhom jintużaw flimkien ma' tagħmir ta' protezzjoni personali, inklużi ingwanti tas-sikurezza.

is-6 ta' Frar 2027


(1)  Id-dettalji dwar il-metodi analitiċi jinsabu fl-indirizz li ġej tal-Laboratorju ta' Referenza: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports


Top