Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0809

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/809 tal-20 ta' Mejju 2016 dwar l-avviż mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq li jixtieq jieħu sehem f'ċerti atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u li mhumiex parti mill-acquis ta' Schengen

C/2016/3032

ĠU L 132, 21.5.2016, pp. 105–106 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/809/oj

21.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 132/105


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/809

tal-20 ta' Mejju 2016

dwar l-avviż mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq li jixtieq jieħu sehem f'ċerti atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u li mhumiex parti mill-acquis ta' Schengen

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li qieset il-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, u b'mod partikolari l-Artikolu 10(5) tiegħu, flimkien mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Artikolu 331(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 10(4) tal-Protokoll Nru 36 jippermetti lir-Renju Unit jinnotifika lill-Kunsill, mhux aktar tard minn sitt xhur qabel l-iskadenza tal-perjodu tranżitorju ta' ħames snin imsemmi fl-Artikolu 10(3) tal-Protokoll Nru 36, li ma jaċċettax, fir-rigward ta' atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali li kienu ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, is-setgħat tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja kif imsemmi fl-Artikolu 10(1) tal-Protokoll Nru 36.

(2)

B'ittra lill-President tal-Kunsill tal-24 ta' Lulju 2013, ir-Renju Unit uża din il-possibilità billi nnotifika li ma aċċettax is-setgħat tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja, bil-konsegwenza li l-atti rilevanti fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali waqqfu japplikaw għar-Renju Unit fl-1 ta' Diċembru 2014.

(3)

L-Artikolu 10(5) tal-Protokoll Nru 36 jippermetti lir-Renju Unit jinnotifika lill-Kunsill ix-xewqa tiegħu li jieħu sehem f'atti li ma baqgħux japplikaw għalih.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/858/UE (1) ikkonfermat il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f'għadd ta' atti.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/836/UE (2) kkonfermat li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI (3), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI (4) u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI (5) (iktar 'il quddiem id-“Deċiżjonijiet ta' Prüm”) ma baqgħetx tapplika għar-Renju Unit mill-1 ta' Diċembru 2014 u ma ppermettietx lir-Renju Unit milli jaċċessal-bażi tad-dejta tal-Eurodac għal finijiet ta' infurzar tal-liġi sakemm huwa jipparteċipa fid-Deċiżjonijiet ta' Prüm. Id-Deċiżjoni 2014/836/UE talbet ukoll lir-Renju Unit biex iwettaq każ sħiħ tal-operat u l-implimentazzjoni sabiex jivvaluta l-merti u l-benefiċċji prattiċi li jipparteċipa mill-ġdid fid-Deċiżjonijiet ta' Prüm. Ir-Renju Unit għamel il-każ tal-operat u l-implimentazzjoni u l-Parlament tiegħu vvota favur li jipparteċipa mill-ġdid fid-Deċiżjonijiet ta' Prüm.

(6)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/857/UE (6) ikkonfermat in-notifika tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq rigward l-intenzjoni ta' parteċipazzjoni f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li jinsabu f'atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali.

(7)

Permezz tal-ittra lill-President tal-Kunsill tat-22 ta' Jannar, 2016, ir-Renju Unit għamel użu ulterjuri mill-Artikolu 10(5) tal-Protokoll Nru 36 biex jinnotifika x-xewqa tiegħu li jipparteċipa fid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, id-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI u d-Deċiżjoni Qafas 2009/905/ĠAI.

(8)

Għal atti li mhumiex parti mill-acquis ta' Schengen, l-Artikolu 10(5) tal-Protokoll Nru 36 jirreferi għall-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja. L-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 21 jirreferi għall-proċedura stipulata fl-Artikolu 331(1) TFUE. Din l-aħħar dispożizzjoni tistipula biex il-Kummissjoni tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Istat Membru li jixtieq jieħu sehem u tinnota fejn xieraq li l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni ġew issodisfati.

(9)

Skont ir-raba' sentenza tal-Artikolu 10(5) tal-Protokoll Nru 36, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u r-Renju Unit ifittxu li jerġgħu jistabbilixxu l-akbar livell possibbli ta' parteċipazzjoni tar-Renju Unit fl-acquis tal-Unjoni fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr ma tintlaqat l-operabbiltà prattika tad-diversi partijiet tiegħu u filwaqt li tiġi rispettata l-koerenza tagħhom.

(10)

Il-kundizzjonijiet tar-raba' sentenza tal-Artikolu 10(5) tal-Protokoll Nru 36 huma ssodisfati għall-atti li r-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu biex jipparteċipa fihom.

(11)

Il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fl-atti elenkati fil-premessa 7 għandha għalhekk tkun ikkonfermata,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit f'dawn id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill huma kkonfermati:

 

id-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI,

 

id-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI,

 

id-Deċiżjoni Qafas 2009/905/ĠAI.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din tidħol fis-seħħ fil-21 ta' Mejju 2016.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Mejju 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/858/UE tal-1 ta' Diċembru 2014 dwar l-avviż mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq li jixtieq jieħu sehem f'ċerti atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona u li mhumiex parti mill-acquis ta' Schengen (ĠU L 345, 1.12.2014, p. 6)

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/836/UE tas-27 ta' Novembru 2014 li tiddetermina ċerti arraġamenti konsegwenzjali u tranżizzjoniali dwar il-waqfien tal-parteċipazzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq f'ċerti atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona (ĠU L 343, 28.11.2014, p. 11).

(3)  Id--Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).

(5)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/905/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 dwar l-Akkreditament tal-fornituri ta' servizzi forensiċi li jwettqu attivitajiet tal-laboratorji (ĠU L 322, 9.12.2009, p. 14).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/857/UE tal-1 ta' Diċembru 2014 ikkonfermat in-notifika tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq rigward l-intenzjoni ta' parteċipazzjoni f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li jinsabu f'atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u li temenda d-Deċiżjonijiet 2000/365/KE and 2004/926/KE (ĠU L 345, 1.12.2014, p. 1).


Top