Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2052

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2052 tas-16 ta' Novembru 2015 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo

ĠU L 300, 17.11.2015, p. 22–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 29/02/2020: This act has been changed. Current consolidated version: 04/08/2016

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/2052/oj

17.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 300/22


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/2052

tas-16 ta' Novembru 2015

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo (*)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-25 ta' Jannar 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/39/PESK (1) li taħtar lis-Sur Samuel ŽBOGAR bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Kosovo. Il-mandat tar-RSUE kien l-aħħar emendat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/400/PESK (2). Il-mandat tar-RSUE jiskadi fil-31 ta' Ottubru 2015.

(2)

Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż għal perijodu ulterjuri ta' sittax-il xahar.

(3)

Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat tiegħu fil-kuntest ta' sitwazzjoni li tista' tiddeterjora u li tista' xxekkel il-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(4)

Kwalnkwe modifika possibbli għall-kompiti u l-objettivi tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX KOSOVO) li jkollha impatt fuq il-kompiti u l-objettivi tar-RSUE trid titqies, f'relazzjoni mal-mandat tar-RSUE, fi żmien debitament xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

Il-mandat tas-Sur Samuel ŽBOGAR bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) fil-Kosovo huwa b'dan estiż sat-28 ta' Frar 2017. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel, abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).

Artikolu 2

Għanijiet tal-politika

Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta' politika tal-Unjoni fil-Kosovo. Dawn jinkludu rwol ta' tmexxija fil-promozzjoni ta' Kosovo stabbli, vijabbli, paċifiku, demokratiku u multietniku; it-tisħiħ tal-istabbiltà fir-reġjun u l-kontribut għal kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien fil-Balkani tal-Punent; il-promozzjoni ta' Kosovo impenjat favur l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tal-minoritajiet u tal-wirt kulturali u reliġjuż; l-appoġġ għall-perspettiva Ewropea u t-tqarrib mal-Unjoni f'konformità mal-perspettiva tar-reġjun u skont il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tiegħu, u f'konformità mal-Konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill.

Artikolu 3

Mandat

Sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a)

joffri l-konsulenza u l-appoġġ tal-Unjoni fil-proċess politiku;

(b)

jippromovi koordinazzjoni politika ġenerali tal-Unjoni fil-Kosovo;

(c)

isaħħaħ il-preżenza tal-Unjoni fil-Kosovo u jiżgura l-koerenza u l-effettività tagħha;

(d)

jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-Missjoni EULEX KOSOVO, inkluż dwar l-aspetti politiċi ta' kwistjonijiet relatati ma' responsabbiltajiet eżekuttivi;

(e)

jiżgura l-konsistenza u l-koerenza tal-azzjoni tal-Unjoni fil-Kosovo, inkluż sabiex tiġi ggwidata lokalment it-transizzjoni tal-EULEX;

(f)

jappoġġa l-perspettiva Ewropea u t-tqarrib mal-Unjoni f'konformità mal-perspettiva tar-reġjun u skont il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tiegħu, u f'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill relevanti, permezz ta' komunikazzjoni pubblika mmirata u attivitajiet ta' komunikazzjoni tal-Unjoni mfassla biex ikunu żgurati l-fehim u l-appoġġ usa' mill-pubbliku tal-Kosovo dwar kwistjonijiet relatati mal-Unjoni, inkluża l-ħidma tal-EULEX;

(g)

jimmonitorja, jassisti u jiffaċilita l-progress fil-prijoritajiet politiċi, ekonomiċi u Ewropej, f'konformità mal-kompetenzi u r-responsabbiltajiet istituzzjonali rispettivi;

(h)

jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Kosovo, inkluż fir-rigward tan-nisa u t-tfal u l-protezzjoni tal-minoranzi, f'konformità mal-politika dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-Unjoni u l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

(i)

jassisti fl-implimentazzjoni tad-djalogu bejn Belgrad u Pristina ffaċilitat mill-Unjoni.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.   Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.

2.   Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta' kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.

3.   Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE matul il-perijodu mill-1 ta' Novembru 2015 sat-28 ta' Frar 2017 għandu jkun ta' EUR 3 135 000.

2.   In-nefqa għandha tiġi amministrata f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku mir-RSUE għandha tkun miftuħa mingħajr limiti. Barra minn hekk, l-ebda regola ta' orġini għall-oġġetti mixtrija mir-RSUE ma għandha tapplika.

3.   L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont lill-Kummissjoni għal kull nefqa.

Artikolu 6

Formazzjoni u kompożizzjoni ta' tim

1.   Għandu jiġi assenjat persunal iddedikat lir-RSUE biex jimplimenta l-mandat tiegħu u biex jikkontribwixxi għall-koerenza, il-viżibbiltà u l-effettività tal-azzjoni globali tal-Unjoni fil-Kosovo. Fil-limiti tal-mandat tiegħu u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni tat-tim tiegħu. It-tim għandu jinkludi l-konsulenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif jirrikjedi l-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u lill-Kummissjoni infurmati fil-pront dwar il-kompożizzjoni tat-tim tiegħu.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta' tali persunal sekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, mill-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea konċernata jew mill-SEAE, rispettivament. L-esperti sekondati mill-Istati Membri għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew is-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati sabiex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.

3.   Il-persunal kollu sekondat għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru emittenti, l-istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u l-persunal tar-RSUE

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għall-ikkompletar u l-funzjonament bla tfixkil tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tiegħu għandhom jiġu miftehmin mal-partijiet ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għat-tali għan.

Artikolu 8

Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE

1.   Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta' sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (3).

2.   Ir-RGħ għandu l-awtorità sabiex jirrilaxxa lin-NATO/KFOR informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL” iġġenerati għall-finijiet tal-azzjoni, f'konformità mar-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE.

3.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lin-Nazzjonijiet Uniti (NU) u lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), f'konformità mal-ħtiġijiet operattivi tar-RSUE, informazzjoni u dokumenti klassifikati tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” li jiġu ġġenerati għall-finijiet tal-azzjoni, f'konformità mar-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE. Għandhom jitfasslu arranġamenti lokali għal dan il-għan.

4.   Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lil partijiet terzi assoċjati ma' din id-Deċiżjoni, dokumenti mhux klassifikati tal-UE li jkunu relatati mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill rigward l-azzjoni koperta mill-obbligu tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (4).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.   L-Istati Membri, il-Kummissjoni u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kull informazzjoni rilevanti.

2.   Id-delegazzjoni tal-Unjoni u/jew l-Istati Membri, kif adatt, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal stazzjonat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat tar-RSUE u s-sitwazzjoni fiż-żona ta' sigurtà taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:

(a)

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi, li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona ta' responsabbiltà, kif ukoll il-ġestjoni ta' inċidenti ta' sigurtà u pjan ta' kontinġenza u evakwazzjoni tal-uffiċċju;

(b)

jiżgura li l-persunal kollu stazzjonat barra mill-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona ta' sigurtà;

(c)

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li jkunu ser jiġu stazzjonati barra l-Unjoni, inkluż persunal li jkunu ngħataw kuntratt lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona ta' responsabbiltà jew kif jaslu fiha, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati lil dik iż-żona mis-SEAE;

(d)

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha maqbula, magħmula wara valutazzjonijiet regolari tas-sigurtà, u jipprovdi lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni b'rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapporti dwar il-progress u l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rapporti

Ir-RSUE għandu jipprovdi rapporti regolari lir-RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill, kif meħtieġ. Għandhom jiġu ċirkolati rapporti regolari permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista' jipprovdi wkoll rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. F'konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jkun involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 12

Koordinazzjoni

1.   Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jkunu ta' impenn b'mod konsistenti, biex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tal-Kummissjoni, kif ukoll ma' dawk ta' RSUE oħrajn li jkunu attivi fir-reġjun, kif adatt. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.

2.   Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tal-Missjoni tal-Istati Membri u l-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun. Huma għandhom jagħmlu kull sforz biex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kap tal-EULEX KOSOVO, inkluż dwar l-aspetti politiċi ta' kwistjonijiet relatati ma' responsabbiltajiet eżekuttivi. Ir-RSUE u l-Kmandat tal-Operazzjonijiet Ċivili għandhom jikkonsultaw lil xulxin, kif meħtieġ.

3.   Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament ma' aġenziji lokali rilevanti u ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħra fuq il-post.

4.   Ir-RSUE, flimkien ma' atturi oħra tal-Unjoni preżenti fuq il-post, għandu jiżgura t-tixrid u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni bejn l-atturi tal-Unjoni fuq il-post bil-ħsieb li jinkiseb livell għoli ta' għarfien komuni dwar is-sitwazzjoni u ta' valutazzjoni komuni.

Artikolu 13

Assistenza relattivament għal pretensjonijiet

Ir-RSUE u l-persunal tar-RSUE għandhom jassistu billi jipprovdu elementi b'reazzjoni għal kwalunkwe talba u obbligu li joħroġ mill-mandati tar-RSUE preċedenti fil-Kosovo, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal tali għanijiet.

Artikolu 14

Rieżami

L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħra mill-Unjoni għar-reġjun għandhom jiġu analizzati regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapport tal-progress sal-aħħar ta' Ġunju 2016 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sal-aħħar ta' Novembru 2016.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Novembru 2015.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Novembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(*)  Dan l-isem huwa bla ħsara għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/39/PESK tal-25 ta' Jannar 2012 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo (ĠU L 23, 26.1.2012, p. 5).

(2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/400/PESK tas-26 ta' Ġunju 2014 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo (ĠU L 188, 27.6.2014, p. 68).

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/KE tal-1 ta' Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).


Top