Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1914

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1914 tat-18 ta' Settembru 2015 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (CETS Nru 196)

ĠU L 280, 24.10.2015, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1914/oj

24.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 280/24


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/1914

tat-18 ta' Settembru 2015

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (CETS Nru 196)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 83(1), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-1 ta' April 2015, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati għall-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (CETS Nru 196), minn hawn 'il quddiem “il-Protokoll Addizzjonali”.

(2)

Fid-19 ta' Mejju 2015, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa adotta l-Protokoll Addizzjonali. Il-Protokoll Addizzjonali għandu l-għan li jiffaċilita l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 2178(2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġellieda Terroristi Barranin u, b'mod partikolari, li jistabbilixxi reati kriminali għal ċerti atti identifikati fil-paragrafu operattiv 6 ta' dik ir-Riżoluzzjoni.

(3)

Fehma komuni tar-reati relatati mal-ġellieda terroristi barranin u tar-reati kriminali ta' natura preparatorja bil-potenzjal li jwasslu għat-twettiq ta' atti terroristiċi tikkontribwixxi biex tissaħħaħ aktar l-effikaċja tal-istrumenti tal-ġustizzja kriminali u tal-kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni u fil-livell internazzjonali.

(4)

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI (1) stabbilixxiet regoli komuni tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Il-Protokoll Addizzjonali jista' jaffettwa dawk ir-regoli komuni jew ibiddel il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom.

(5)

Il-Protokoll Addizzjonali għandu għaldaqstant jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni sa fejn il-Protokoll Addizzjonali jista' jaffettwa dawk ir-regoli komuni jew ibiddel il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom. L-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sa fejn il-Protokoll ma jaffettwax ir-regoli komuni jew ma jbiddilx il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom.

(6)

L-Irlanda hija marbuta bid-Deċiżjoni Qafas 2002/475/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(7)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta' dak il-Protokoll, ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(8)

F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni tat-Terroriżmu (CETS Nru 196), fir-rigward ta' materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni, huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu (2).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jaħtar lill-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa li jiffirmaw il-Protokoll Addizzjonali f'isem l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mal-adozzjoni tagħha. Hija għandha tapplika skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Settembru 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

C. DIESCHBOURG


(1)  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI tat-13 ta' Ġunju 2002 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 164, 22.6.2002, p. 3).

(2)  It-test tal-Protokoll ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


Top