Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0219

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 219/2014 tas- 7 ta’ Marzu 2014 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi għall-ispezzjoni post-mortem ta’ majjali domestiċi Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 69, 8.3.2014, p. 99–100 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/12/2019; Impliċitament imħassar minn 32017R0625

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/219/oj

    8.3.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 69/99


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 219/2014

    tas-7 ta’ Marzu 2014

    li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti speċifiċi għall-ispezzjoni post-mortem ta’ majjali domestiċi

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(1) u l-punt 7 tal-Artikolu 18 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta’ kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali. Jistipula, inter alia, li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kontrolli uffiċjali fir-rigward ta’ laħam frisk jitwettqu f’konformità mal-Anness I tiegħu. Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jistipula wkoll li l-veterinarju uffiċjali għandu jwettaq eżerċizzji ta’ spezzjoni f’biċċeriji, stabbilimenti li jittrattaw l-annimali tal-kaċċa u impjanti tat-tqattigħ li jqiegħdu laħam frisk fis-suq skont, inter alia, ir-rekwiżiti speċifiċi tat-Taqsima IV tal-Anness I tiegħu.

    (2)

    Il-Parti B tal-Kapitolu IV tat-Taqsima IV tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tistabbilixxi r-rekwiżiti speċifiċi għall-ispezzjoni post-mortem ta’ majjali domestiċi.

    (3)

    L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fit-3 ta’ Ottubru 2011 adottat Opinjoni Xjentifika dwar il-perikli tas-saħħa pubblika li għandhom ikunu koperti minn spezzjoni ta’ laħam (majjal) (2), li kkonkludiet li l-palpazzjonijiet u l-inċiżjonijiet attwalment meħtieġa fl-ispezzjoni post-mortem, jinvolvu riskju ta’ kontaminazzjoni kroċjata ma’ perikli tal-batterji.

    (4)

    L-EFSA kkonkludiet ukoll li l-palpazzjoni jew l-inċiżjonijiet użati fl-ispezzjoni post-mortem attwali għandhom jitħallew barra fil-ħnieżer soġġetti għal qtil ta’ rutina, minħabba li r-riskju ta’ kontaminazzjoni mikrobjali kroċjata huwa ogħla mir-riskju assoċjat ma’ osservazzjonijiet potenzjalment imnaqqsa tal-kundizzjonijiet fil-mira ta’ dawk it-tekniki. L-użu ta’ dawk it-tekniki manwali waqt l-ispezzjoni post-mortem għandu jkun limitat għal ħnieżer issuspettati identifikati, inter alia, permezz ta’ osservazzjoni viżwali ta’ anormalitajiet rilevanti.

    (5)

    Fid-dawl tal-opinjoni tal-EFSA, huwa xieraq li jiġu emendati r-rekwiżiti speċifiċi tal-ispezzjoni post-mortem ta’ majjali domestiċi stabbiliti fil-parti B tal-Kapitolu IV tat-Taqsima IV tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004.

    (6)

    Meta d-dejta epidemjoloġika jew dejta oħra mill-azjenda tal-oriġini tal-annimali, it-tagħrif dwar il-katina alimentari jew is-sejbiet tal-ispezzjoni ante-mortem jew l-osservazzjoni viżwali post-mortem ta’ anormalitajiet rilevanti jindikaw riskji possibbli għas-saħħa pubblika, għas-saħħa tal-annimali jew għall-benessri tal-annimali, il-veterinarju uffiċjali għandu jkollu l-possibbiltà li jiddeċiedi li palpazzjonijiet u l-inċiżjonijiet jitwettqu matul spezzjoni post mortem sabiex jiġi deċiż jekk il-laħam huwiex tajjeb għall-konsum uman.

    (7)

    Ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament jemendaw ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 li jinvolvi adattament ta’ prattiki kurrenti kemm għall-operaturi tan-negozji tal-ikel kif ukoll għall-awtoritajiet kompetenti. Għaldaqstant huwa xieraq li jkun permess dewmien fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

    (8)

    Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (9)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponiehom,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fil-Kapitolu IV tat-Taqsima IV tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 854/2004, il-parti B tinbidel b’dan li ġej:

    “B.   SPEZZJONI POST-MORTEM

    1.

    Il-karkassi u l-interjuri tal-ħnieżer għandhom jgħaddu mill-proċeduri tal-ispezzjoni post-mortem li ġejjin:

    (a)

    spezzjoni viżwali tar-ras u l-gerżuma; spezzjoni viżwali tal-ħalq, il-fawċi u l-ilsien;

    (b)

    spezzjoni viżwali tal-pulmuni, it-trakea u l-esofagu;

    (c)

    spezzjoni viżwali tal-perikardju u tal-qalb;

    (d)

    spezzjoni viżwali tal-dijaframma;

    (e)

    spezzjoni viżwali tal-fwied u tal-glandoli żgħar limfatiċi epatiċi u pankreatiċi (Lnn portales);

    (f)

    spezzjoni viżwali tal-passaġġ gastro intestinali, il-mindil, il-glandoli żgħar limfatiċi gastriċi u tal-mindil (Lnn. gastrici, mesenterici, craniales u caudales);

    (g)

    spezzjoni viżwali tal-milsa;

    (h)

    spezzjoni viżwali tal-kliewi;

    (i)

    spezzjoni viżwali tal-plewra u tal-peritonew;

    (j)

    spezzjoni viżwali tal-organi ġenitali (ħlief għall-pene, jekk ikun diġà intrema);

    (k)

    spezzjoni viżwali tal-beżżula u tal-glandoli żgħar limfatiċi tagħha (Lnn. supramammarii);

    (l)

    spezzjoni viżwali tar-reġjun umbilikali u tal-ġogi ta’ annimali żgħar.

    2.

    Il-veterinarju uffiċjali għandu jipproċedi b’iktar proċeduri tal-ispezzjoni post-mortem bl-użu ta’ inċiżjoni u palpazzjoni tal-karkassi u l-ġewwieni, fejn, fl-opinjoni tiegħu/tagħha, waħda minn dawn li ġejjin tkun tindika riskju possibbli għas-saħħa pubblika, għas-saħħa tal-annimali jew għall-benessri tal-annimali:

    (a)

    il-verifiki u l-analiżi tat-tagħrif dwar il-katina alimentari mwettqa skont il-Parti A tal-Kapitolu II tat-Taqsima I;

    (b)

    is-sejbiet tal-ispezzjoni ante-mortem imwettqa skont il-parti B tal-Kapitolu II tat-Taqsima I u l-parti A ta’ dan il-Kapitolu;

    (c)

    ir-riżultati tal-verifiki dwar il-konformità mar-regoli tal-benessri tal-annimali mwettqa skont il-parti C tal-Kapitolu II tat-Taqsima I;

    (d)

    is-sejbiet tal-ispezzjoni post-mortem imwettqa skont il-parti D tal-Kapitolu II tat-Taqsima I u l-punt 1 ta’ din il-parti;

    (e)

    dejta epidemjoloġika addizzjonali jew dejta oħra mill-azjenda tal-oriġini tal-annimali.

    3.

    Skont ir-riskji identifikati, il-proċeduri post-mortem addizzjonali msemmija fil-punt 2 jistgħu jinkludu:

    (a)

    inċiżjoni u eżami tal-glandoli żgħar limfatiċi submassillari (Lnn mandibulares);

    (b)

    palpazzjoni tal-pulmuni u tal-glandoli żgħar limfatiċi tal-bronki u medjastinali (Lnn. bifurcationes, eparteriales u mediastinales). It-trakea u l-fergħat ewlenin tal-bronki għandhom jinfetħu mit-tul u l-pulmuni għandhom jiġu inċiżi fit-tielet posterjuri, perpendikolari mal-assi prinċipali tagħhom; dawk l-inċiżjonijiet mhumiex neċessarjament meħtieġa meta l-pulmuni ma jkunux għall-konsum uman;

    (c)

    inċiżjoni tal-qalb mit-tul sabiex jinfetħu l-ventrikoli u qatgħa mis-septum interventrikulari;

    (d)

    palpazzjoni tal-fwied u tal-glandoli żgħar limfatiċi;

    (e)

    palpazzjoni u, jekk meħtieġ, inċiżjoni tal-glandoli żgħar limfatiċi gastriċi u tal-mindil;

    (f)

    palpazzjoni tal-milsa;

    (g)

    inċiżjoni tal-kliewi u tal-glandoli żgħar limfatiċi renali (Lnn. renales);

    (h)

    inċiżjoni tal-glandoli żgħar limfatiċi supramammari;

    (i)

    palpazzjoni tar-reġjun umbelikali u tal-ġoġi ta’ annimali żgħar u, jekk meħtieġ inċiżjoni tar-reġjun umbelikali u ftuħ tal-ġogi.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Ġunju 2014.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Marzu 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

    (2)  Il-Bordijiet tal-EFSA dwar il-Perikli Bijoloġiċi (BIOHAZ), dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari (CONTAM), u dwar is-Saħħa u l-Benessri tal-Annimali (AHAW), Scientific Opinion on the public health hazards to be covered by inspection of meat (swine), EFSA Journal 2011; 9(10):2351.


    Top