EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0896

Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 896/2011/UE tad- 19 ta’ Diċembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2007/659/KE f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ applikazzjoni tagħha u l-kwota annwali li tista’ tibbenefika minn rata ta’ sisa mnaqqsa

ĠU L 345, 29.12.2011, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2013; Impliċitament imħassar minn 32014D0189

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/896/oj

29.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 345/18


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Nru 896/2011/UE

tad-19 ta’ Diċembru 2011

li temenda d-Deċiżjoni 2007/659/KE f’dak li jirrigwarda l-perijodu ta’ applikazzjoni tagħha u l-kwota annwali li tista’ tibbenefika minn rata ta’ sisa mnaqqsa

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 349 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trasmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxi f’konformità ma’ proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/659/KE tad-9 ta’ Ottubru 2007 li tawtorizza lil Franza tapplika rata mnaqqsa tas-sisa fuq ir-rum “tradizzjonali” prodott fid-Dipartimenti extra-Ewropej tagħha (2) tawtorizza lil Franza biex tapplika fuq ir-rum “tradizzjonali” prodott fid-dipartimenti extra-Ewropej tagħha u mibjugħ fuq it-territorju kontinentali ta’ Franza rata ta’ sisa mnaqqsa li tista’ tkun inqas mir-rata minima ta’ sisa fuq l-alkoħol prevista fid-Direttiva tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (3) 92/84/KEE iżda mhux iktar minn 50 % tar-rata ta’ sisa nazzjonali normali fuq l-alkoħol. Ir-rum “tradizzjonali” li għalih tapplika r-rata ta’ sisa mnaqqsa huwa definit fil-punt 1(f) tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż (4). It-tnaqqis tas-sisa huwa limitat għal kwota annwali ta’ 108 000 ettolitri ta’ alkoħol pur. Id-deroga tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2012.

(2)

Sabiex it-termini tad-Deċiżjoni 2007/659/KE jiġu adattati għall-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’konsapevolezza li r-rum “tradizzjonali” huwa prodott biss fi Gwadelup, il-Gujana Franċiża, Martinique u Réunion, għaldaqstant għandha ssir referenza esklussiva f’din id-Deċiżjoni emendatorja għal dawk l-erba’ reġjuni ultraperiferiċi.

(3)

Fid-29 ta’ Ġunju 2010, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu lill-Kummissjoni r-rapport previst fl-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 2007/659/KE. Dan ir-rapport fih żewġ talbiet. L-ewwel, l-awtoritajiet Franċiżi jitolbu li l-kwota annwali ta’ 108 000 ettolitri tiżdied għal 125 000 ettolitru ta’ alkoħol pur sabiex jiġu riflessi x-xejriet fis-suq tar-rum fl-Unjoni. It-tieni nett, huma jitolbu estensjoni ta’ sena, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2013, tal-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/659/KE sabiex isir konformi ma’ dak ta’ deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat rigward l-istess suġġett adottata mill-Kummissjoni fis-27 ta’ Ġunju 2007 (5) (minn hawn ’il quddiem: “id-deċiżjoni dwar Għajnuna mill-Istat”).

(4)

L-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi turi li l-kwantitajiet ta’ rum “tradizzjonali” li jibbenefikaw mir-rata ta’ sisa mnaqqsa u li tqiegħdu għad-dispożizzjoni fis-suq, inbidlu mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2007/659/KE ‘l hawn. Dawn żdiedu minn 96 100 ettolitru ta’ alkoħol pur fl-2007 għal 105 700 ettolitru fl-2010, jiġifieri żieda annwali ta’ 3,2 %. Sakemm din iż-żieda tkompli bl-istess rata, il-kwantitajiet ta’ rum “tradizzjonali” disponibbli fis-suq għandhom ikunu ta’ madwar 109 100 ettolitru ta’ alkoħol pur fl-2011, 112 600 ettolitru fl-2012 u 116 200 ettolitru fl-2013, li jmorru lil hinn mill-kwota ta’ 108 000 ettolitru prevista fid-Deċiżjoni 2007/659/KE.

(5)

Il-Premessa (9) tad-Deċiżjoni 2007/659/KE tissottolinja li minħabba li l-kompetittività tar-rum “tradizzjonali” mid-Dipartimenti extra-Ewropej teħtieġ tiġi appoġġata fis-suq kontinentali ta’ Franza bil-għan li tiġi mħarsal-attività tas-settur tal-zokkor-kannamieli-rum, għandha ssir reviżjoni tal-kwantitajiet ta’ rum tradizzjonali li joriġinaw fid-Dipartimenti extra-Ewropej eliġibbli għal rata mnaqqsa tas-sisa meta jitqiegħdu f’dak is-suq għall-konsum. Għalhekk, il-kwota annwali ta’ 108 000 ettolitru prevista fid-Deċiżjoni 2007/659/KE għandha tiżdied għal 120 000 ettolitru, li tinkludi l-kwota għall-2011 sabiex tkun żgurata l-kontinwità, b’kont meħud taż-zieda prevista għal dik is-sena. Din iż-żieda għandha tippermetti li tiġi koperta żieda annwali ta’ 4.3 %, jiġifieri żieda ta’ ftit iktar mit-3.2 % iddikjarati fl-2007-10.

(6)

Huwa neċessarju wkoll li l-perijodu ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/659/KE jiġi estiż b’sena, sabiex tiskadi fl-istess żmien bħal dak tad-deċiżjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

(7)

Id-Deċiżjoni 2007/659/KE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2007/659/KE hija emendata kif ġej:

(1)

It-titolu qed jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Deċiżjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2007 li tawtorizza lil Franza tapplika rata ta’ sisa mnaqqsa fuq ir-rum “tradizzjonali” prodott fil-Gwadelup, fil-Gujana, fil-Martinique u fir-Réunion”.

(2)

L-Artikolu 1 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

“B’deroga mill-Artikolu 110 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Franza hija awtorizzata li fit-territorju kontinentali tagħha, testendi l-applikazzjoni fuq ir-rum “tradizzjonali” prodott fil-Gwadelup, fil-Gujana, fil-Martinique u fir-Réunion, ta’ rata tas-sisa anqas mir-rata sħiħa fuq l-alkoħol stabbilita mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 92/84/KEE.”.

(3)

L-Artikolu 2 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Id-deroga msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun limitata għar-rum, skont kif definit fil-punt 1(f) tal-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ xorb spirituż (*) u li jiġi prodott fil-Gwadelup, fil-Gujana, fil-Martinique u fir-Réunion miz-zokkor tal-kannamieli miġbur fil-post tal-produzzjoni, li jkollu kontenut ta’ sustanzi volatili minbarra l-etanol u l-metanol li jkun ugwali għal 225 gramma għal kull ettolitru ta’ alkoħol pur, jew ogħla minn hekk, u li jkun kiseb tismija alkometrika ta’ 40 % volum jew aktar.

(*)  ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.”."

(4)

L-Artikolu 3(1) jinbidel b'dan li ġej:

“1.   Ir-rata tas-sisa mnaqqsa applikabbli għall-prodott imsemmi fl-Artikolu 2 hija limitata għal kwota annwali ta’ 108 000 ettolitri ta’ alkoħol pur għall-perijodu li jagħlaq fil-31 ta’ Diċembru 2010. Għall-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2011 u l-31 ta’ Diċembru 2013, għandha tkun ristretta għal kwota annwali ta’ 120 000 ettolitri.”.

(5)

Fl-Artikolu 5, id-data “31 ta’ Diċembru 2012” hija sostitwita b’dik tal-“31 ta’ Diċembru 2013”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. KOROLEC


(1)  L-Opinjoni tal-1 ta’ Diċembru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU L 270, 13.10.2007, p. 12.

(3)  ĠU L 316, 31.10.1992, p. 29.

(4)  ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16.

(5)  ĠU C 15, 22.1.2008, p. 1.


Top