Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R1243

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1243/2010 tal- 20 ta’ Diċembru 2010 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina prodotti minn Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd.

ĠU L 338, 22.12.2010, p. 22–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 27/04/2012

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2010/1243/oj

22.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/22


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 1243/2010

tal-20 ta’ Diċembru 2010

li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina prodotti minn Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd.

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea, ippreżentata wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A   PROĊEDURA

1.   Miżuri fis-seħħ

(1)

Wara investigazzjoni dwar l-anti-dumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ” jew “il-pajjiż ikkonċernat”) u l-Ukraina (“l-ewwel investigazzjoni”), ġew imposti miżuri anti-dumping bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007 tat-23 ta’ April 2007 (2). Dak ir-Regolament daħal fis-seħħ fis-27 ta’ April 2007.

(2)

Ta’ min ifakkar li r-rata tad-dazju anti-dumping definittiv fuq it-twavel għall-mogħdija prodotti mill-produttur esportatur Ċiniż Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd. (“Since Hardware”) kienet 0 % filwaqt li varjat bejn 18,1 % u 38,1 % għal produtturi esportaturi Ċiniżi oħra. Wara reviżjoni interim sussegwenti, dawn ir-rati tad-dazju ġew miżjuda sa 42,3 % b’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 270/2010 tad-29 ta’ Marzu 2010 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 452/2007 (3).

2.   Bidu tal-proċedura kurrenti

(3)

Fit-2 ta’ Ottubru 2009, il-Kummissjoni ħabbret, permezz ta’ notifika ta’ bidu ppubblikata f’Il-Ġurnali Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4) (“notifika tal-bidu”), il-bidu ta’ investigazzjoni dwar anti-dumping skont l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku li tikkonċerna l-importazzjonijiet fl-Unjoni tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw mill-RPĊ, limitata għal Since Hardware. Fin-notifika tal-bidu, il-Kummissjoni ħabbret ukoll il-bidu ta’ reviżjoni skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1515/2001 (“reviżjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1515/2001”) sabiex tippermetti kwalunkwe emenda neċessarja tar-Regolament (KE) Nru 452/2007 fid-dawl tal-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO intitolat “Messiku - Miżuri anti-dumping definittivi fuq il-Laħam taċ-Ċanga u r-Ross” (AB-2005-6) (5) (“ir-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO”).

(4)

L-investigazzjoni dwar l-anti-dumping bdiet wara lment ippreżentat fl-20 ta’ Awwissu 2009 minn tliet produtturi tal-Unjoni, Colombo New Scal S.p.A., Pirola S.p.A. u Vale Mill (Rochdale) Ltd. (“il-kwerelanti”), li jirrappreżentaw proporzjon kbir tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tat-twavel għall-mogħdija.

(5)

Ta’ min ifakkar li investigazzjoni ġdida dwar l-anti-dumping ibbażata fuq l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku kienet inbdiet kontra Since Hardware aktar milli reviżjoni interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, fid-dawl tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO. Dan ir-rapport jistipula fil-paragrafi 305 u 306 li produttur esportatur li ma jinstabx li qed jagħmel dumping f’investigazzjoni oriġinali għandu jiġi eskluż mill-ambitu tal-miżura definittiva imposta bħala riżultat tat-tali investigazzjoni u ma jistax ikun suġġett għal reviżjonijiet amministrattivi u ta’ ċirkustanzi mibdula.

(6)

Since Hardware stqarret li l-Kummissjoni ma setgħatx tibda investigazzjoni ġdida dwar l-anti-dumping abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku kontra kumpanija waħda għaliex din kienet tmur kontra l-prinċipju ġenerali mnaqqax fl-Artikolu VI ta’ GATT u l-Ftehim dwar Anti-Dumping tad-WTO (WTO ADA) kif ukoll li fir-Regolament bażiku li l-proċeduri tal-anti-dumping kienu mmirati kontra l-importazzjonijiet ta’ pajjiżi u mhux kumpaniji individwali. B’mod partikolari Since Hardware stqarret li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikoli 9(3) u 11(6) tar-Regolament bażiku meta bdiet investigazzjoni dwar anti-dumping abbażi tal-Artikolu 5 minflok tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Since Hardware argumentat ukoll li fl-assenza ta’ effett dirett tar-regoli tad-WTO fl-ordni legali tal-Unjoni, il-Kummissjoni ma setgħatx tiddeċiedi li tinjora d-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq tar-Regolament bażiku sabiex timplimenta awtomatikament deċiżjoni tad-WTO, mingħajr modifika minn qabel mill-Kunsill tar-Regolament bażiku.

(7)

F’dan ir-rigward, huwa rikonoxxut li l-proċeduri anti-dumping normalment jinbdew kontra importazzjonijiet minn pajjiż u mhux minn kumpaniji individwali. Madankollu, il-każ preżenti huwa eċċezzjoni għar-regola hawn fuq minħabba ċ-ċirkostanzi speċjali li ġejjin. Ir-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO jesponi fil-paragrafi 216 sa 218 li l-Artikolu 5.8 tad-WTO ADA jeħtieġ awtorità investigattiva sabiex ittemm l-investigazzjoni fir-rigward ta’ esportatur li nstab li ma għandux marġni ’l fuq minn de minimis f’investigazzjoni oriġinali u, fil-paragrafu 305, li l-esportatur konsegwentement għandu jiġi eskluż minn miżuri definittivi anti-dumping u li ma jistax ikun suġġett għal reviżjonijiet amministrattivi u ta’ ċirkostanzi mibdula. Huwa veru li n-nuqqas ta’ effett dirett tar-regoli tad-WTO jfisser li l-legalità tal-miżuri adottati mill-Istituzzjonijiet tal-Unjoni (l-“Istituzzjonijiet”) normalment ma jistgħux jiġu riveduti fid-dawl tal-ftehim tad-WTO. Madankollu, dan ma jfissirx, f’dan il-każ partikolari, li l-Istituzzjonijiet għandhom jinjoraw ir-regoli tad-WTO, u b’mod partikolari r-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO. Ir-Regolament (KE) Nru 1515/2001 ġie adottat speċifikament biex jippermetti lill-Istituzzjonijiet biex iġibu miżura meħuda taħt ir-Regolament bażiku konformi mad-deċiżjonijiet li hemm f’rapport adottat mill-Korp għar-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim kif imsemmi fil-premessa (4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1515/2001 mingħajr emenda minn qabel tar-Regolament bażiku. Ir-Regolament (KE) Nru 1515/2001 għalhekk, b’mod partikolari, jippermetti lill-Istituzzjonijiet biex jeskludu formalment esportaturi li jkunu nstabu, matul investigazzjoni oriġinali preċedenti, li mhumiex qed jagħmlu dumping, mill-ambitu tar-Regolament li ġie adottat fl-aħħar ta’ dik l-investigazzjoni. Sabiex jagħmlu dan, infetħet ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 452/2007 b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1515/2001.

(8)

Barra minn hekk, l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku ma teskludi l-ftuħ ta’ investigazzjoni ġdida dwar anti-dumping abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku kontra kumpanija. Barra minn hekk, il-leġislazzjoni tal-Unjoni għandha, safejn possibbli, tiġi interpretata b’mod li huwa konsistenti mal-liġi internazzjonali, b’mod partikolari fejn id-dispożizzjonijiet ikkonċernati huma maħsuba biex idaħħlu fis-seħħ ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni. Minħabba li d-WTO ADA min-naħa waħda jippermetti lill-membri tad-WTO jimponu dazji biex jikkontrobattu dumping li jagħmel dannu, iżda min-naħa l-oħra ġie interpretat mill-Korp tal-Appell fir-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO li ma jippermettix reviżjonijiet ta’ kumpaniji li ma jinstabux li qed jagħmlu dumping matul investigazzjoni oriġinali, ir-Regolament bażiku għandu għalhekk jiġi interpretat li jippermetti lill-Unjoni tiftaħ investigazzjoni taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku f’każ bħal dak preżenti.

(9)

Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1241/2010 tal-20 ta’ Diċembru 2010 (*), Since Hardware ġie eskluż mill-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 452/2007.

(10)

Għalhekk, minħabba ċ-ċirkostanzi speċjali tal-każ, il-bidu ta’ investigazzjoni dwar anti-dumping abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku kontra Since Hardware huwa skont il-liġi.

3.   Il-partijiet ikkonċernati

(11)

Il-Kummissjoni infurmat b’mod uffiċjali lil Since Hardware, l-importaturi u l-produtturi tal-Unjoni kkonċernati, ir-rappreżentanti tal-pajjiż ikkonċernat, u l-produtturi f’pajjiżi analogi potenzjali bil-bidu tal-proċedura. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità sabiex jagħtu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u biex jitolbu smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fl-Avviż tal-bidu.

(12)

Sabiex Since Hardware tkun tista’ tissottometti talba għal trattament tal-ekonomija tas-suq (“MET”) jew trattament individwali (“IT”), jekk mixtieq, il-Kummissjoni bagħtet formola ta’ talba lill-produttur esportatur. Il-Kummissjoni bagħtet ukoll kwestjonarju lil Since Hardware. Il-produttur esportatur issottometta talba kompluta ta’ MET/IT u wieġeb għall-kwestjonarju.

(13)

Minħabba n-numru għoli ta’ produtturi tal-Unjoni, kien previst it-teħid ta’ kampjuni fin-notifika tal-bidu għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni għad-danni, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku. Ħames produtturi tal-Unjoni resqu u pprovdew l-informazzjoni meħtieġa għat-teħid ta’ kampjuni fil-limiti taż-żmien stabbiliti fin-notifika tal-bidu.

(14)

Mill-ħames produtturi tal-Unjoni hawn fuq, it-tliet kwerelanti biss ifformaw parti mill-industrija tal-Unjoni fl-ewwel investigazzjoni. Minħabba l-ispeċifiċitajiet ta’ dan il-każ, kif imsemmi fil-premessi (57) sa (60), ġie deċiż li jintbagħtu kwestjonarji biss lil dawn it-tliet produtturi tal-Unjoni filwaqt li ż-żewġ produtturi l-oħra tal-Unjoni ġew mitluba jissottomettu kwalunkwe kummenti addizzjonali li jistgħu jassistu lill-Kummissjoni sabiex taċċerta jekk l-importazzjonijiet tal-prodotti manifatturati minn Since Hardware kkawżawx dannu lill-industrija tal-Unjoni. It-tliet produtturi kwerelanti tal-Unjoni kollha ssottomettew tweġibiet għall-kwestjonarji. Iż-żewġ produtti l-oħra tal-Unjoni ma ssottomettewx iżjed kummenti dwar il-proċedura.

(15)

Il-Kummissjoni bagħtet ukoll kwestjonarji lill-produtturi kollha magħrufa fil-pajjiżi analogi potenzjali u lill-importaturi kollha kkonċernati u mhux relatati ma’ Since Hardware. Fir-rigward tal-importaturi mhux relatati fl-Unjoni, kien hemm inizjalment żewġ kumpaniji li kienu qed jikkooperaw fl-investigazzjoni. Madankollu, waħda minnhom ma kinitx f’pożizzjoni li tkompli tikkoopera. L-importatur l-ieħor kien tal-istess kumpanija bħal wieħed mill-produtturi mhux kwerelant tal-Unjoni. Dan issottometta tweġiba għall-kwestjonarji tal-importaturi. Barra minn hekk, assoċjazzjoni waħda tal-kummerċ ikkooperat ukoll fl-investigazzjoni u ssottomettiet il-kummenti tagħha.

(16)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja għall-valutazzjoni ta’ MET u għad-determinazzjoni tad-dumping, il-kontribuzzjoni għad-dannu u l-interessi tal-Unjoni. Żjara ta’ verifika twettqet fil-post ta’ Since Hardware f’Guangzhou fl-RPĊ u ta’ Vale Mill (Rochdale) Ltd. fir-Renju Unit.

(17)

Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati li minħabba l-isfond legali kumpless konness mal-investigazzjoni preżenti (ara l-premessa (3) et seq. hawn fuq), qieset iżjed xieraq li ma timponix miżuri provviżorji f’dan il-każ iżda li tkompli l-investigazzjoni. Ma tqajmet l-ebda oġġezzjoni minn kwalunkwe parti.

(18)

Il-partijiet interessati ġew infurmati dwar il-fatti essenzjali u l-konsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien maħsub li tiġi rakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazju anti-dumping definittiv u ngħataw opportunità jikkumentaw. Il-kummenti sottomessi mill-partijiet ġew kkunsidrati u, fejn xieraq, il-konklużjonijiet ġew modifikati kif meħtieġ.

4.   Il-perjodu ta’ investigazzjoni

(19)

L-investigazzjoni tad-dumping u tat-twaqqigħ tal-prezzijiet kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2008 sat-30 ta’ Ġunju 2009 (il-“perjodu ta’ investigazzjoni” jew “IP”). L-eżami tal-volumi tal-importazzjoni tal-prodotti ta’ Since Hardware rilevanti għall-valutazjoni tal-kontribuzzjoni għad-dannu dannu jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-aħħar tal-IP (il-“perjodu kkunsidrat”). Madankollu, minħabba l-ispeċifiċitajiet ta’ dan il-każ - jiġifieri li investigazzjoni oħra oriġinali dwar l-istess prodott u pajjiż terz saret ftit snin ilu biss, u minħabba li d-dazji li rriżultaw minn dik l-investigazzjoni għadhom fis-seħħ - f’dik l-analiżi tad-danni għandha ssir ukoll referenza għall-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ dik l-investigazzjoni iżjed bikrija (“IP tal-ewwel investigazzjoni”).

B.   IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1.   Il-prodott ikkonċernat

(20)

Il-prodott ikkonċernat hu t-twavel għall-mogħdija, irrispettivament jekk joqogħdux weqfin waħedhom jew le, bi jew mingħajr tixrib bl-istim u/jew wiċċ tat-tisħin u/jew wiċċ tal-infiħ, inklużi bords għall-kmiem, u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri s-saqajn, il-wiċċ u l-appoġġ tal-ħadida li joriġinaw mill-RPĊ u huma prodotti minn Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd. (“il-prodott ikkonċernat”), li fil-preżent jaqa’ taħt il-kodiċi NM 3924 90 00, ex 4421 90 98, ex 7323 93 90, ex 7323 99 91, ex 7323 99 99, ex 8516 79 70 u ex 8516 90 00.

(21)

L-investigazzjoni wriet li hemm tipi differenti ta’ twavel għall-mogħdija u l-partijiet essenzjali tagħhom jiddependu l-aktar fuq il-kostruzzjoni u d-daqs tagħhom, il-materjal tal-kostruzzjoni u l-aċċessorji tagħhom. Madankollu, it-tipi kollha differenti għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi bażiċi u użi.

(22)

'Il-produttur esportatur stqarr li l-partijiet essenzjali tat-twavel għall-mogħdija ma għandhomx ikunu koperti bl-investigazzjoni għaliex it-twavel għall-mogħdija u l-partijiet essenzjali tagħhom (jiġifieri s-saqajn, l-uċuħ u l-appoġġi għall-ħadida), ma jikkostitwixxux prodott wieħed u għalhekk ma jistgħux ikunu parti tal-istess prodott ikkonċernat f’investigazzjoni waħda. Dan l-argument ma ġiex ikkonfermat mill-investigazzjoni. Instab fl-investigazzjoni preżenti li l-partijiet essenzjali tal-ħdejjed għall-mogħdija għandhom ikunu koperti minħabba li s-saqajn, l-uċuħ u l-appoġġi għall-ħadida jiddeterminaw il-karatteristiċi tal-prodott lest u ma jistgħux ikollhom użu finali ieħor ħlief li jkunu inkorporati fil-prodott finali (jiġifieri fit-tavla għall-mogħdija) u, għalhekk, mhumiex prodott distint. Dan huwa konformi ma’ numru ta’ investigazzjonijiet oħra li fihom il-prodotti lesti u komponenti ewlenin kienu kkunsidrati bħala prodott wieħed. Bħala konsegwenza, is-similarità tal-ewwel investigazzjoni, it-tipi kollha eżistenti tat-twavel għall-mogħdija u l-partijiet essenzjali tagħhom huma kkunsidrati bħala prodott wieħed għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni.

2.   Prodott simili

(23)

Ma nstabu l-ebda differenzi bejn il-prodott ikkonċernat u t-twavel għall-mogħdija u l-partijiet essenzjali tagħhom prodotti mill-kwerelanti u produtturi oħra tal-Unjoni li kkooperaw u mibjugħin fis-suq tal-Unjoni li fl-aħħar serva wkoll bħala pajjiż analogu. It-tnejn għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u użi u huma interkambjabbli ma’ xulxin.

(24)

Bħala konsegwenza, it-twavel għall-mogħdija u l-partijiet essenzjali tagħhom prodotti u mibjugħin fl-Unjoni u l-prodott ikkonċernat huma kkunsidrati bħala prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

C.   DUMPING

1.   Trattament tal-Ekonomija tas-Suq (MET)

(25)

Skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, fl-investigazzjonijiet dwar l-anti-dumping li jikkonċernaw importazzjonijiet li joriġinaw fl-RPĊ, il-valur normali għandu jiġi determinat skont il-paragrafi 1 sa 6 tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku għal dawk il-produtturi li nstabu li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(7)(c) tiegħu, jiġifieri fejn jidher li l-kondizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq jipprevalu fir-rigward tal-manifattura u l-bejgħ tal-prodott simili. Fil-qosor, u għall-faċilitazzjoni tar-referenza biss, dawn il-kriterji huma stabbiliti f’forma mqassra hawn taħt:

id-deċiżjonijiet tan-negozju jsiru bħala reazzjoni għas-sinjali tas-suq, u mingħajr interferenza sinifikanti mill-Istat; l-ispejjeż tal-inputs ewlenin jirriflettu sostanzjalment il-valuri tas-suq;

l-impriżi għandhom sett wieħed ċar ta’ rekords tal-kontabilità bażiċi li huma verifikati indipendentement skont l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (“IAS”) u jiġu applikati għall-iskopijiet kollha;

ma hemm l-ebda tfixkil sinifikanti trasferit mis-sistema tal-ekonomija mhux tas-suq preċedenti;

il-liġijiet tal-falliment u tal-proprjetà jiggarantixxu stabbiltà u ċertezza legali;

il-kambji tal-muniti jitwettqu skont ir-rati tas-suq.

(26)

Since Hardware talbet MET skont l-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku u ntalbet timla formola ta’ talba ta’ MET.

(27)

L-investigazzjoni stabbilixxiet li Since Hardware ma kinitx tissodisfa l-kriterju ta’ MET imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(7)(c) (kriterju 1) tar-Regolament bażiku fir-rigward tal-ispejjeż tal-inputs maġġuri. Barra minn hekk, l-investigazzjoni stabbilixxiet li Since Hardware ma kinitx tissodisfa l-kriterju ta’ MET imsemmi fit-tieni inċiż tal-Artikolu 2(7)(c) (kriterju 2) tar-Regolament bażiku. Il-konklużjonijiet ewlenin ta’ MET huma stabbiliti hawn taħt.

(28)

Fir-rigward tal-kriterju 1, jiġifieri li d-deċiżjonijiet tan-negozju jittieħdu bħala reazzjoni għas-sinjali tas-suq, mingħajr interferenza sinifikanti tal-Istat, u li l-ispejjeż jirriflettu l-valuri tas-suq, huwa nnotat li Since Hardware stqarret li bdiet tixtri l-materji primi ewlenin tagħha (prodotti tal-azzar) mis-suq domestiku Ċiniż, b’differenza mill-perjodu ta’ investigazzjoni fl-ewwel investigazzjoni meta Since Hardware importat dawn il-materji primi. Għalhekk, ġie eżaminat jekk is-suq domestiku Ċiniż għall-materji primi ewlenin jistax jitqies li jirrifletti l-valuri tas-suq.

(29)

Ġie stabbilit li wara l-perjodu ta’ investigazzjoni fl-ewwel investigazzjoni, jiġifieri wara l-2005, ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet ġew imposti mill-Istat fuq diversi prodotti tal-azzar, inklużi l-materji primi ewlenin għall-produzzjoni tat-twavel għall-mogħdija, jiġifieri, pjanċi tal-azzar, pajpijiet tal-azzar u wajer tal-azzar. Ġie nnotat li l-ispejjeż ta’ dawn il-materji primi jirrappreżentaw parti sinifikanti tal-ispejjeż totali tal-materji primi tal-prodott ikkonċernat. L-impożizzjoni tat-taxxi tal-esportazzjoni naqset l-inċentiv għall-esportazzjoni u għalhekk żiedet il-volumi disponibbli lokalment, li wassal għal prezzijiet iżjed baxxi. Madankollu, f’Ġunju 2009 (fl-aħħar tal-IP), il-politika Ċiniża lejn is-settur tal-azzar tidher li nbidlet mill-ġdid: ġiet abolita t-taxxa tal-esportazzjoni u ġiet introdotta rifużjoni ġdida tal-VAT fuq il-prodotti tal-azzar li toħloq ambjent iżjed favorevoli għall-esportazzjonijiet. Il-politika l-ġdida li ma għadhiex tiskoraġġixxi l-esportazzjonijiet tikkoinċidi mat-twaqqigħ fil-prezzijiet tal-azzar fuq swieq oħra dinjin u mal-allinjament tal-prezzijiet domestiċi Ċiniżi mal-prezzijiet internazzjonali tal-azzar, jiġifieri sitwazzjoni ta’ ebda periklu ta’ żieda fil-prezzijiet fis-suq domestiku. Dawn il-bidliet ripetuti fit-taxxa tal-esportazzjoni/reġim tal-VAT tal-azzar maż-żmien jidhru li seħħu sabiex jirregolaw is-suq u l-prezzijiet tal-azzar domestiċi Ċiniżi. Għalhekk, l-Istat ikompli jeżerċita influwenza importanti fuq is-suq tal-azzar domestiku u, għalhekk, il-prezzijiet tal-azzar fl-RPĊ għal dawn il-materji primi partikolari ma jsegwux liberalment it-tendenzi tas-suq dinji.

(30)

Fil-fatt ħafna studji u rapporti kif ukoll kontijiet disponibbli pubblikament ta’ numru ta’ produtturi tal-azzar (6) jikkonfermaw li l-Istat Ċiniż jappoġġja attivament l-iżvilupp tas-settur tal-azzar fl-RPĊ.

(31)

Bħala konsegwenza, il-prezzijiet tal-azzar domestiċi fl-RPĊ kienu, matul l-ewwel nofs tal-perjodu ta’ investigazzjoni, ferm anqas mill-prezzijiet ta’ swieq dinjin imdaqqsin, notevolment il-prezzijiet tal-azzar fl-Amerika ta’ Fuq u fl-Ewropa tat-Tramuntana (7), u dawn id-differenzi fil-prezzijiet ma jistgħux jiġu spjegati minn kwalunkwe vantaġġ kompetittiv fil-produzzjoni tal-azzar. Fit-tieni nofs tal-IP, il-prezzijiet tal-azzar dinjin waqgħu b’mod sinifikanti fl-Ewropa u fl-Amerika ta’ Fuq filwaqt li l-prezzijiet domestiċi Ċiniżi waqgħu ferm anqas. Għalhekk id-differenza fil-prezz bejn il-prezzijiet tal-azzar Ċiniżi u dawk internazzjonali prattikament sparixxiet sal-aħħar tal-IP. Madankollu, il-miżuri meħuda mill-gvern Ċiniż biex jirregola s-suq tal-azzar Ċiniż wassal essenzjalment għal sitwazzjoni fejn il-prezzijiet tal-materja prima komplew ikunu r-riżultat ta’ intervent tal-Istat li għandu influwenza diretta fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpanija meta takkwista materji primi.

(32)

Peress li Since Hardware xtrat il-materji primi tagħha matul dan l-IP fis-suq domestiku Ċiniż, kienet qed tibbenefika minn dawk il-prezzijiet tal-azzar artifiċjalment baxxi u distorti matul l-IP.

(33)

Għalhekk ġie konkluż li l-inputs maġġuri ta’ Since Hardware ma jirriflettux b’mod sostanzjali l-valuri tas-suq. Bħala konsegwenza, ġie konkluż li Since Hardware ma wrietx li hija tissodisfa l-kriterju 1 stabbilit fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku u, għalhekk, ma jistax jingħata MET.

(34)

Barra minn hekk, il-kumpanija ma setgħetx turi li għandha sett wieħed ċar ta’ rekords tal-kontabilità bażiċi li huma verifikati indipendentement konformement mal-IAS u applikati għall-iskopijiet kollha, għaliex il-kontijiet, u b’mod partikolari r-rapport ta’ verifika tal-kapital, ma semmew l-ebda tranżazzjoni importanti li seħħet matul l-IP. Barra minn hekk, l-awdituri ma kkummentawx dwar din it-tranżazzjoni importanti. Ukoll, tniżżil ta’ ammont sinifikanti nstab li ma kienx jirrispetta l-prinċipju tar-rappreżentazzjoni ġusta tal-kontijiet taħt l-IAS. L-awditur lanqas ma kkummenta dwar dan. Għalhekk ġie konkluż li l-kumpanija naqset ukoll milli turi li tissodisfa l-kriterju 2 stabbilit fl-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

(35)

Since Hardware, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċenat u l-industrija tal-Unjoni ngħataw l-opportunità jikkumentaw dwar dawn il-konklużjonijiet. Ġew sottomessi kummenti minn Since Hardware u l-industrija tal-Unjoni.

(36)

Since Hardware ressqet tliet argumenti prinċipali dwar il-konklużjoni ta’ MET. L-ewwel nett, qalet li d-deċiżjoni ta’ MET saret wara li l-Kummissjoni talbet u kisbet il-bejgħ u l-ispejjeż domestiċi tal-kumpanija li kienu jiksru t-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. It-tieni nett, għalkemm Since Hardware ma taqbilx mal-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-azzar bħala tali, stqarret li l-prezzijiet tal-materja prima Ċiniżi xorta kienu konformi mal-prezzijiet f’pajjiżi oħra u li l-prezz imħallas minn Since Hardware fis-suq Ċiniż kien ogħla mill-prezzijiet ta’ ħafna swieq tal-azzar fil-pajjiżi tal-ekonomija tas-suq mad-dinja. F’dan il-kuntest, il-kumpanija kellha dubji wkoll dwar ir-rilevanza tal-prezzijiet tas-suq tal-Ewropa tat-Tramuntana u tal-Amerika ta’ Fuq li kien qed isir tqabbil magħhom. Since Hardware stqarret li l-prezzijiet ta’ swieq internazzjonali oħra bħall-prezzijiet tal-esportazzjoni Torok u Ukraini kienu disponibbli wkoll, u li dawn kienu iżjed baxxi mill-prezzijiet domestiċi fl-RPĊ. It-tielet nett, Since Hardware argumentat li MET ma setax jinċaħad lil kumpanija li kienet attiva f’industrija waħda (it-twavel għall-mogħdija) għal fatturi relatati esklussivament ma’ industrija oħra (tal-azzar) u li l-Kummissjoni ma setgħetx tpaċi s-sussidji fis-suq upstream permezz taċ-ċaħda tat-talba ta’ MET fis-suq downstream. Barra minn hekk, Since Hardware stqarret li kien piż tal-provi mhux raġonevoli li kumpanija żgħira tat-twavel għall-mogħdija tintalab tipprovdi evidenza li l-industrija tal-azzar Ċiniża mhijiex sussidjata.

(37)

Fir-rigward tal-ewwel argument ta’ Since Hardware, ġie nnutat li skont l-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku, id-determinazzjoni ta’ jekk Since Hardware tissodisfax il-ħames kriterji rilevanti għandha ssir u li din id-determinazzjoni tibqa’ fis-seħħ matul l-investigazzjoni. Peress li l-investigazzjoni preżenti hija limitata għal produttur esportatur wieħed, il-Kummissjoni vverifikat it-talba ta’ MET u t-tweġiba għall-kwestjonarju dwar l-anti-dumping fl-istess ħin, fil-qafas tal-istess investigazzjoni fuq il-post. It-talba ta’ MET ġiet investigata fuq il-merti tagħha u irrispettivament mill-effetti li jista’ jkollha fuq il-kalkolazzjoni tal-marġni tad-dumping. Fil-fatt, il-kalkulazzjonijiet dettaljati tad-dumping għal Since Hardware ma setgħux isiru qabel ma ssir id-determinazzjoni ta’ MET fl-assenza ta’ dejta minn pajjiż tal-ekonomija tas-suq xieraq. Għaldaqstant, ma kienx hemm ksur tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku.

(38)

Rigward it-tieni talba ta’ Since Hardware, l-investigazzjoni wriet li għalkemm id-differenza fil-prezzijiet naqset fit-tieni nofs tal-IP u ġiet prattikament eliminata fl-aħħar tal-IP, huwa sostnut li anki dan l-allinjament tal-prezzijiet Ċiniżi mal-prezzijiet tas-suq internazzjonali kien ir-riżultat tal-intervent tal-Istat. Fil-fatt, fl-2009, meta l-prezzijiet fis-swieq internazzjonali tal-azzar waqgħu minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika, l-Istat abolixxa t-taxxi tal-esportazzjoni imposti preċedentement, u b’hekk ippermetta allinjament tal-prezzijiet domestiċi mal-prezzijiet internazzjonali mingħajr periklu ta’ żieda sinifikanti fil-prezzijiet għal dawk il-materji primi importanti fis-suq domestiku. Dan juri li s-suq għall-materji primi neċessarju għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat kompla jkun is-suġġett tal-intervent tal-Istat anki fit-tieni nofs tal-IP.

(39)

Huwa nnutat li l-informazzjoni dwar il-prezzijiet addizzjonali sottomessa minn Since Hardware appoġġjat il-konklużjoni li l-materji primi ewlenin għall-produzzjoni tat-twavel għall-mogħdija fl-ewwel nofs tal-IP kienu fil-medja irħas b’mod sinifikanti fis-suq domestiku Ċiniż milli fi swieq dinjin oħra mdaqqsa. Sar tqabbil bejn il-prezzijiet tal-azzar domestiċi Ċiniżi u l-prezzijiet domestiċi fi swieq oħra li huma komparabbli mas-suq Ċiniż f’termini ta’ volum (UE, l-Istati Uniti u l-Kanada) għaliex għandhom konsum għoli ta’ azzar u hemm ħafna produtturi attivi. Swieq oħra ssuġġeriti minn Since Hardware bħat-Turkija u l-Ukraina (swieq domestiċi u tal-esportazzjoni) ma nstabux li huma rappreżentattivi f’termini ta’ daqs u/jew numru ta’ produtturi ta’ dawn il-materji primi partikolari u għalhekk mhumiex komparabbli mas-suq domestiku Ċiniż.

(40)

Ta’ min ifakkar ukoll li r-Regolament bażiku jpoġġi l-piż tal-provi fuq il-kumpanija li tagħmel talba ta’ MET biex turi li tissodisfa l-kriterji rilevanti. Minħabba li l-Kummissjoni stabbiliet numru ta’ elementi li jippuntaw lejn l-ispejjeż tal-inputs maġġuri li ma jirriflettux il-valuri tas-suq, bħala konsegwenza l-kumpanija trid issib elementi li jiċħdu dan.

(41)

Barra minn hekk, ir-Regolament bażiku fl-Artikolu 2(7)(c) jipprovdi espliċitament għall-possibbiltà li jiġi eżaminat jekk id-deċiżjonijiet tal-impriżi dwar, inter alia, inputs isirux bħala reazzjoni għas-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda u mingħajr interferenza sinifikanti tal-Istat u jekk l-ispejjeż tal-inputs maġġuri jirriflettux b’mod sinifikanti l-valuri tas-suq. Bħala konsegwenza, jekk kumpanija ma tissodisfax dawn il-kondizzjonijiet, kif spjegat hawn fuq, MET jista’ jiġi rifjutat. Huwa nnotat ukoll li Since Hardware kienet timporta l-materji primi tagħha matul l-ewwel investigazzjoni iżda daret għal akkwisti Ċiniżi minħabba prezzijiet iżjed baxxi fis-suq Ċiniż.

(42)

Fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-kontabilità identifikati, Since Hardware stqarret li dawn mhumiex relatati mal-kontijiet ta’ Since Hardware u, f’kwalunkwe każ, ma kienx ifisser li l-kumpanija ma kkonformatx kompletament mal-istandards tal-kontabilità internazzjonali. Since Hardware stqarret ukoll li l-iżball tal-kontabilità identifikat kien immaterjali.

(43)

Il-fatt li l-kumpaniji Ċiniżi ma jistgħux ikunu suġġetti taħt il-liġi domestika tagħhom biex jikkonformaw ma’ ċerti standards tal-kontabilità ma għandux impatt fuq jekk il-kontijiet tagħhom jistgħux jiġu valutati fid-dawl ta’ dawk l-istandards għad-determinazzjoni ta’ MET. Il-preżentazzjoni ġusta tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji hija IAS bażiku u hija f’idejn il-kumpanija li turi li kwalunkwe ksur ta’ dawk l-istandards ma jikkostitwixxix ksur tat-tieni kriterju tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku. Dan ma sarx la għat-tranżazzjoni kkonċernata u lanqas għall-annotazzjoni żbaljata. Fi kwalunkwe każ, dan tal-aħħar ma jistax jitqies immaterjali għaliex jirrappreżenta perċentwal imdaqqas tal-esportazzjonijiet totali tal-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(44)

Bħala konklużjoni, l-ebda mill-argrumenti li qajmet Since Hardware ma kienu tali li jwasslu għal valutazzjoni differenti tal-konklużjonijiet. Abbażi ta’ dak imsemmi hawn fuq, il-konklużjonijiet kif ukoll il-konklużjoni li ma għandux jingħata MET lil Since Hardware ġew ikkonfermati. Għalhekk huwa konkluż b’mod definittiv li ma għandux jingħata MET lil Since Hardware.

2.   Trattament individwali (IT)

(45)

Skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, dazju nazzjonali, jekk hemm, huwa stabbilit għall-pajjiżi li jaqgħu taħt dak l-Artikolu, minbarra f’dawk il-każijiet fejn il-kumpaniji setgħu juru li jissodisfaw il-kriterji kollha għal trattament individwali stabbiliti fl-Artikolu 9(5) tar-Regolament bażiku. Fil-qosor, u għall-faċilitazzjoni ta’ referenza biss, dawn il-kriterji huma stabbiliti hawn taħt:

fil-każ ta’ impriżi jew impriżi konġunti kompletament jew parzjalment barranin, l-esportaturi huma ħielsa milli jirripatrijaw il-kapital u l-qligħ;

il-prezzijiet u l-kwantitajiet tal-esportazzjoni, u l-kondizzjonijiet u t-termini tal-bejgħ huma determinati liberalment;

il-maġġoranza tal-ishma huma ta’ persuni privati; l-uffiċjali tal-Istat li jidhru fil-bord tad-diretturi jew li għandhom pożizzjonijiet tal-maniġment prinċipali għandhom jew ikunu f’minoranza jew għandu jintwera li l-kumpanija xorta hija indipendenti b’mod suffiċjenti mill-interferenza tal-Istat;

il-konverżjonijiet tar-rati tal-kambju jsiru skont ir-rata tas-suq; u

l-interferenza tal-Istat mhijiex tali li tippermetti evażjoni tal-miżuri jekk l-esportaturi individwali ngħataw rati tad-dazju differenti.

(46)

Since Hardware, minbarra li talbet għal MET, talbet ukoll IT fil-każ li ma jingħatax MET.

(47)

L-investigazzjoni wriet li Since Hardware ssodisfatt il-kriterji kollha msemmija u ġie konkluż li jingħata IT lil Since Hardware.

3.   Valur normali

(48)

Skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi mhux tal-ekonomija tas-suq u safejn MET ma setax jingħata, għall-pajjiżi speċifikati fl-Artikolu 2(7)(b) tar-Regolament bażiku, il-valur normali jiġi stabbilit abbażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz tal-ekonomija tas-suq (pajjiż analogu).

(49)

Fin-Notifika tal-bidu, il-Kummissjoni indikat l-intenzjoni tagħha li tuża l-Istati Uniti tal-Amerika (“USA”) bħala pajjiż analogu xieraq għall-istabbiliment tal-valur normali għall-RPĊ, iżda l-ebda produttur mill-USA ma kkoopera fl-investigazzjoni. Sussegwentement, il-kumpaniji Torok u Ukraini ġew avviċinati wkoll iżda ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni mingħandhom lanqas.

(50)

Minħabba li l-ebda produttur ta’ pajiż terz ma kkoopera, il-produtturi tal-Unjoni ġew avviċinati abbażi tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku u wieħed minnhom ikkoopera.

(51)

L-ebda kummenti dwar l-użu tal-informazzjoni miksuba minn produttur tal-Unjoni għall-istabbiliment tal-valur normali ma ġew irċevuti minn Since Hardware. Għalhekk, il-valur normali ġie stabbilit skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku abbażi tal-informazzjoni verifikata rċevuta mill-produttur tal-Unjoni li kkoopera.

(52)

Il-bejgħ domestiku tal-produttur tal-Unjoni tal-prodott simili nstab li huwa rappreżentattiv f’termini ta’ volum meta mqabbel mal-prodott konċernat esportat lejn l-Unjoni minn Since Hardware.

(53)

Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għal Since Hardware ġie stabbilit abbażi tal-informazzjoni verifikata rċevuta mill-uniku produttur tal-Unjoni li qed jikkoopera, jiġifieri abbażi tal-prezzijiet imħallsa jew pagabbli fis-suq tal-Unjoni għal tipi ta’ prodotti komparabbli, fejn dawn instabu li kienu saru fil-kors ordinarju tal-kummerċ, jew fuq valuri maħduma, fejn l-ebda bejgħ domestiku fil-kors ordinajru tal-kummerċ għal tipi ta’ prodotti komparabbli ma nstab, jiġifieri abbażi tal-ispejjeż tal-manifattura tat-twavel għall-mogħdija manifatturati mill-produttur tal-Unjoni flimkien ma’ ammont raġonevoli għall-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (SG&A) u għall-qligħ. Il-marġni tal-qligħ użat huwa konformi ma’ dak użat fl-ewwel investigazzjoni.

4.   Prezz tal-esportazzjoni

(54)

Fil-każijiet kollha l-prodott ikkonċernat ġie mibjugħ direttament għall-esportazzjoni lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, u għalhekk, il-prezz tal-esportazzjoni ġie stabbilit skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku, jiġifieri abbażi tal-prezzijiet imħallsa attwalment jew pagabbli għall-prodott meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

5.   Tqabbil

(55)

Il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tqabblu fuq bażi ex-works. Sabiex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, ngħatat kunsiderazzjoni, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, tad-differenzi fil-fatturi li ntalbu u wrew li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet. Abbażi ta’ dan, saru provvedimenti għall-ispejjeż tat-trasport, l-assigurazzjoni, it-tariffi tal-immaniġġjar, l-ispejjeż tal-kreditu u t-taxxi indiretti fejn applikabbli u ġustifikati.

6.   Marġni ta’ dumping

(56)

Kif stipulat fl-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur normali tal-medja ddifferenzjata skont it-tip tqabbel mal-medja ddifferenzjata tal-prezz tal-esportazzjoni tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat. Dan it-tqabbil wera l-eżistenza ta’ dumping.

(57)

Il-marġni tad-dumping ta’ Since Hardware bħala perċentwal tal-prezz nett, ħieles fil-konfini tal-Unjoni nstab li huwa 51,7 %.

D.   DANNU

1.   Ġenerali

1.1.   Speċifiċitajiet ta’ din l-investigazzjoni

(58)

L-eżaminazzjoni tad-dannu materjali sofrut mill-industrija tal-Unjoni normalment tkun ibbażata fuq l-importazzjonijiet kollha oġġett ta’ dumping li joriġinaw f’pajjiż tal-esportazzjoni wieħed jew iżjed, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku.

(59)

Madankollu, f’dan il-każ, analiżi sħiħa tad-dannu fir-rigward tal-importazzjonijiet kollha tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw, inter alia, mill-RPĊ saret diġà fil-qafas tal-ewwel investigazzjoni. Fil-fatt, f’dik l-investigazzjoni l-Kummissjoni stabbilixxiet li importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tat-twavel għall-mogħdija li joriġinaw, inter alia, mill-RPĊ ikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Dawn il-konklużjonijiet, li saru skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, kienu bbażati fuq valutazzjoni tal-effetti tal-importazzjonijiet kollha li joriġinaw mill-RPĊ u fl-Ukraina, bl-esklużjoni unika tal-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija prodotti minn Since Hardware li nstabu li qed jinbiegħu għal prezzijiet li mhumiex l-oġġett ta’ dumping.

(60)

Bħala riżultat, matul l-IP, id-dazji anti-dumping kienu applikabbli għall-importazzjonijiet kollha minn dawk il-pajjiżi (Since Hardware biss kienet suġġetta għal dazju żero). Minħabba li l-industrija tal-Unjoni kienet diġà protetta kontra l-effetti li jagħmlu ħsara ta’ dawn l-importazzjonijiet matul l-IP, kien possibbli li titwettaq analiżi sħiħa normali tad-danni. Għalhekk, approċċ speċifiku ġie żviluppat, adattat għall-ispeċifiċitajiet ta’ din l-investigazzjoni, li fiha l-istituzzjonijiet iffukaw fuq indikaturi partikolari tad-danni. L-informazzjoni mitluba mill-industrija tal-Unjoni ffukat fuq jekk Since Hardware kenitx qed twaqqa’ l-prezzijiet tagħha u fuq x’kienet il-profitabilità ta’ dawk il-prezzijiet. Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni ntalbet tipprovdi kwalunkwe informazzjoni oħra li, fil-fehma tagħha, indikat li l-esportazzjonijiet ta’ Since Hardware lejn l-Unjoni kienu kkawżaw dannu.

(61)

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni eżaminat: i) l-iżvilupp tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tat-twavel għall-mogħdija prodotti minn Since Hardware; ii) jekk dawk l-importazzjonijiet kinux saru għal prezzijiet li jwaqqgħu l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u x’kienet il-profitabilità tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni; u iii) kwalunkwe informazzjoni provduta mill-industrija tal-Unjoni li tindika li l-esportazzjonijiet ta’ Since Hardware lejn l-Unjoni kienu kkawżawlha dannu, pereżempju fir-rigward tat-telf tal-klijenti u ordnijiet tal-industrija tal-Unjoni li rebħithom Since Hardware u l-profitabilità tal-bejgħ tagħhom fl-Unjoni matul l-IP.

1.2.   Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(62)

L-ilment ġie sottomess minn tliet produtturi tal-Unjoni li jirrappreżentaw proporzjon kbir tal-produzzjoni totali magħrufa tal-Unjoni tat-twavel għall-mogħdija, jiġifieri f’dan il-każ madwar 40 % tal-produzzjoni stmata tal-Unjoni. L-ebda mill-produtturi l-oħra tal-Unjoni ma opponew il-bidu tal-proċedura preżenti.

(63)

Kif imsemmi fil-premessa (14), mill-ħames produtturi li wieġbu għall-mistoqsijiet ta’ teħid ta’ kampjuni, tliet kwerelanti biss iffurmaw parti mill-industrija tal-Unjoni fl-ewwel investigazzjoni. Kif imsemmi hawn fuq, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet ta’ dan il-każ, il-kwestjonarji ntbagħtu biss lit-tliet produtturi tal-Unjoni magħżula li ffurmaw parti wkoll mill-industrija tal-Unjoni fl-ewwel investigazzjoni.

1.3.   Konsum tal-Unjoni

(64)

Abbażi tal-informazzjoni provduta mill-industrija tal-Unjoni, jidher li l-konsum tat-twavel għall-mogħdija fl-Unjoni baqa’ sostanzjalment stabbli minn meta ġie ppubblikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007, u żdied biss ftit b’mod proporzjonali maż-żieda fil-popolazzjoni tal-Unjoni minħabba l-aħħar tkabbir tal-Unjoni fl-2007. Il-konsum stmat tal-Unjoni għalhekk jammonta għal madwar 8,5 għal 9 miljun unità matul il-perjodu meqjus.

1.4.   Produzzjoni tal-Unjoni

(65)

Il-produtturi tat-twavel għall-mogħdija jistgħu jinstabu f’ħafna Stati Membri inklużi l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja u r-Renju Unit. Il-volum totali tal-produzzjoni annwali tal-Unjoni tat-twavel għall-mogħdija jista’ jiġi stmat għal iżjed minn 5 miljun unità.

2.   Importazzjonijiet minn Since Hardware

2.1.   Status tal-importazzjonijiet

(66)

Kif deskritt fil-premessi (25) sa (57), din l-investigazzjoni wriet li l-importazzjonijiet minn Since Hardware huma l-oġġett ta’ dumping fuq is-suq tal-Unjoni.

2.2.   Volum ta’ importazzjonijiet huma l-oġġett ta’ dumping

(67)

Matul il-perjodu meqjus, l-esportazzjonijiet ta’ Since Hardware lejn l-Unjoni żdiedu sew, b’64 % (8). Min-naħa l-oħra, l-importazzjonijiet ta’ produtturi oħra Ċiniżi u Ukraini naqsu b’mod kostanti wara l-impożizzjoni tad-dazji proviżorji fl-2006 (dejta kunfidenzjali bbażata fuq rapporti tal-Istati Membri skont l-Artikolu 14(6) tar-Regolament bażiku):

Volum tal-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija prodotti minn Since Hardware

Indiċi għal raġunijiet kunfidenzjali

2006

2007

2008

IP

Since Hardware

100

119

176

164

RPĊ (minbarra Since Hardware) u l-Ukraina

100

94

87

83

2.3.   Sehem tas-suq tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

(68)

Minħabba li l-konsum tal-Unjoni baqa’ sostanzjalment stabbli matul il-perjodu meqjus minbarra għal żidiet żgħar bejn l-2006 u l-2007 kif imsemmija fil-premessa (63) hawn fuq, is-sehem tas-suq ta’ Since Hardware ġie żviluppat f’konformità mal-volumi tal-importazzjoni murija hawn fuq. Għandu jkun innotat li fl-2006, is-sehem tas-suq tal-Unjoni ta’ Since Hardware kien jirrappreżenta madwar kwint tas-sehem totali tas-suq tal-produtturi l-oħra Ċiniżi u Ukraini, filwaqt li sal-IP, is-sehem tas-suq ta’ Since Hardware ammonta għal kważi nofs is-sehem totali tas-suq tal-produtturi l-oħra Ċiniżi u Ukraini. Kemm iż-żieda sostanzjali tal-volum tal-importazzjoni ta’ Since Hardware kif ukoll is-sehem tas-suq tagħha jistgħu jiġu spjegati bil-fatt li dan kien l-uniku produttur Ċiniż li għandu dazju anti-dumping żero u għalhekk l-opportunitajiet tas-suq tagħha fil-fatt tjiebu minn meta ġew imposti d-dazji proviżorji fl-2006. Dan jista’ jiġi kkonfermat ukoll mill-iżvilupp pożittiv oppost, pronunzjat tal-volumi tal-importazzjoni tagħha mqabbel mat-tendenza tat-tnaqqis fil-volumi tal-importazzjoni tal-produtturi l-oħra Ċiniżi u Ukraini. Fil-fatt, meta wieħed iħares lejn il-perjodu meqjus, instabet l-evoluzzjoni maqluba li ġejja tal-ishma tas-suq:

Sehem tas-suq tal-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija prodotti minn Since Hardware

Indiċijiet għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità

2006

2007

2008

IP

Since Hardware

100

113

166

155

RPĊ (minbarra Since Hardware) u Ukraina

100

89

82

79

(69)

Jidher ċar mit-tabelli hawn fuq li Since Hardware rnexxielha żżid b’mod sinifikanti l-volumi tal-importazzjonijiet u s-sehem tas-suq tagħha (9).

(70)

Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni stqarret li tilfet ħafna ordnijiet ta’ klijenti minħabba Since Hardware f’dawn l-aħħar snin. Fil-fatt hemm indikazzjonijiet ċari li ċerti klijenti importanti tal-industrija tal-Unjoni bidlu l-fornituri tagħhom, u akkwistaw iżjed prodotti minn Since Hardware u anqas mill-industrija tal-Unjoni minn qabel.

(71)

Pereżempju, id-dejta miġbura mill-Kummissjoni fl-ewwel investigazzjoni turi li produttur tal-Unjoni biegħ numru sinifikanti ta’ biċċiet lil klijent tal-Unjoni fl-IP tal-ewwel investigazzjoni (2005), filwaqt li fl-investigazzjoni kurrenti qal li biegħ ħafna anqas (bejn 10 % u 30 % ta’ dik il-kwantità) lill-istess klijenti fl-IP kurrenti. B’kuntrast, Since Hardware biegħet numru iżgħar ta’ biċċiet lil dan il-klijent tal-Unjoni fl-IP tal-ewwel investigazzjoni, iżda biegħet ħafna iżjed (bejn 300 % u 500 % ta’ dik il-kwantità) lil dak il-klijent matul l-IP tal-investigazzjoni kurrenti.

(72)

Barra minn hekk, id-dejta miġbura mill-Kummissjoni fl-ewwel investigazzjoni turi li l-bejgħ ta’ produttur tal-Unjoni lil klijent ieħor tal-Unjoni fl-IP tal-ewwel investigazzjoni waqa’ konsiderevolment (bejn 30 % u 50 %) fl-IP kurrenti. B’kuntrast għal darb’oħra, filwaqt li Since Hardware ma biegħet xejn lil dan il-klijenti fl-IP tal-ewwel investigazzjoni, biegħet kwantità sostanzjali fl-IP kurrenti. Dik il-kwantità hija bejn 60 % u 80 % tal-kwantità li biha l-bejgħ tal-prodottur tal-Unjoni lil dak il-klijent naqas bejn l-IP tal-ewwel investigazzjoni u l-IP kurrenti.

2.4.   Twaqqigħ tal-prezzijiet

(73)

Għall-finijiet tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-prezzijiet tal-importazzjoni ta’ Since Hardware tqabblu mal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, abbażi tal-medji peżati għat-tipi ta’ prodotti komparabbli matul l-IP. Il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni ġew aġġustati għal livell ex-works, u mqabbla mal-prezzijiet tal-importazzjoni tal-konfini tal-Unjoni CIF, flimkien mad-dazji tad-dwana fejn applikabbli. Dan it-tqabbil tal-prezzijiet sar għat-tranżazzjonijiet fl-istess livell ta’ kummerċ, aġġustati kif dovut fejn neċessarju, u wara tnaqqis tar-rifużjonijiet u l-iskontijiet.

(74)

Il-marġni medju tat-twaqqigħ tal-prezzijiet li nstab għal Since Hardware, espress bħala perċentwal tal-prezz tal-industrija tal-Unjoni, huwa 16,1 %.

(75)

Huwa nnutat li l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni nstabu li bħala total kienu qed jagħmlu telf fl-IP.

3.   Konklużjoni dwar id-dannu

(76)

Il-fatti msemmija hawn fuq juru li l-industrija tal-Unjoni qed issofri dannu minħabba l-kwantitajiet oġġett ta’ dumping mibjugħin minn Since Hardware fis-suq tal-Unjoni li kieku kienu jiġu forniti mill-industrija tal-Unjoni.

E.   KAWŻALITÀ

(77)

Kif muri hawn fuq, Since Hardware offriet il-prodotti tagħha, matul l-IP, għal prezzijiet oġġett ta’ dumping ħafna li naqqsu sew il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Bħala riżultat, irnexxiela tbiegħ kwantitajiet matul l-IP li kienu ferm ogħla minn dawk, pereżempju, tal-2005 jew 2006. Għaldaqstant Since Hardware kkawżat id-dannu li nstab hawn fuq.

(78)

Importatur wieħed qal li r-rata tal-kambju tal-EUR/USD kienet il-kawża tal-preżenza b’saħħitha tat-twavel għall-mogħdija ta’ Since Hardware fis-suq tal-Unjoni aktar milli l-prattiki ta’ dumping. Madankollu, jekk dan huwa veru, l-importazzjonijiet kollha fatturati f’USD kien ikollhom vantaġġ fil-kompetizzjoni tagħhom mal-oġġetti fatturati fl-euro. Minflok, kif stabbilit fil-premessi (67) u (68), l-importazzjonijiet minn produtturi oħra Ċiniżi u Ukraini, li kienu wkoll qed ibigħu f’USD, naqsu b’mod kostanti bejn l-2006 u l-IP, jiġifieri fil-perjodu li matulu r-rati tal-kambju tal-EUR/USD inbidlu kultant, b’kuntrast maż-żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet minn Since Hardware matul l-istess perjodu. Għalhekk, din l-allegazzjoni ġiet miċħuda.

(79)

Ma ġew irċevuti l-ebda kummenti oħra. Għalhekk ġie konkluż li l-ebda fattur ma jidher li jeżisti li jista’ jikser il-konnessjoni kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping minn Since Hardware u l-kontribuzzjoni tagħhom għad-dannu li nstab hawn fuq.

F.   L-INTERESS TAL-UNJONI

(80)

Kif imsemmi fil-premessa (15), assoċjazzjoni tal-kummerċ waħda kkooperat fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-produtturi u l-importaturi tal-Unjoni li qed jikkooperaw intalbu wkoll jikkumentaw dwar jekk fil-fehma tagħhom l-impożizzjoni ta’ dazju anti-dumping possibbli fuq Since Hardware tbiddilx il-konklużjoni dwar l-interessi tal-Unjoni li ntlaħqet fil-premessi (51) sa (62) tar-Regolament (KE) Nru 452/2007.

(81)

Skont il-produtturi tal-Unjoni, l-impożizzjoni ta’ dazju anti-dumping fuq Since Hardware ma tbiddilx il-konklużjonijiet dwar l-interess tal-Unjoni kif stabbiliti mir-Regolament (KE) Nru 452/2007.

(82)

L-assoċjazzjoni tal-kummerċ li qed tikkoopera qalet li l-impożizzjoni ta’ dazju anti-dumping fuq Since Hardware normalment għandu jkollu impatt negattiv fuq il-profitabilità tal-importaturi u l-bejjiegħa bl-imnut jew id-distributuri kkonċernati. Madankollu, skont l-assoċjazzjoni tal-kummerċ, il-membri tagħha - inklużi l-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut kbar - ukoll ikkonfermaw li l-prodott li qed jiġi investigat huwa wieħed fejn iż-żidiet fil-prezzijiet bħal dawk li jirriżultaw mill-miżuri ta’ anti-dumping jistgħu jitgħaddew mingħajr ma jkollhom impatt sostanzjali fuq il-perċezzjoni tal-konsumaturi. Għalhekk, ma ġie sottomess ebda element li għandu jbiddel il-konklużjonijiet dwar l-interess tal-Unjoni stabbiliti miż-żewġ Regolamenti msemmija.

(83)

Minħabba dak imsemmi ġie konkluż li l-impożizzjoni ta’ dazju anti-dumping fuq Since Hardware ma għandux jaffettwa b’mod sostanzjali l-konklużjonijiet dwar l-interess tal-Unjoni li ntlaħqu fil-premessi (51) sa (62) tar-Regolament (KE) Nru 452/2007. L-ebda raġunijiet ma ngħataw dwar għaliex l-analiżi ma għandhiex tapplika, mutatis mutandis, għall-impożizzjoni ta’ dazju anti-dumping fuq Since Hardware.

G.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI WARA L-IŻVELAR

(84)

Saru rappreżentazzjonijiet bil-miktub u bil-fomm wara l-iżvelar finali tal-konklużjonijiet mill-industrija tal-Unjoni u minn Since Hardware. L-industrija tal-Unjoni taqbel mal-konklużjonijiet żvelati. Il-kummenti ta’ Since Hardware ġew eżaminati, iżda, ebda wieħed minnhom ma kien tali li jista’ jibdel il-konklużjonijiet ta’ hawn fuq. L-argumenti ewlenin imqajma minn Since Hardware kienu kif ġej.

(85)

Since Hardware tenniet it-talbiet tagħha ta’ qabel dwar l-illegalità allegata ta’ bidu ta’ investigazzjoni oriġinali kontra kumpanija waħda u dwar il-konklużjonijiet MET allegatament mhux korretti. Dawn it-talbiet ġew deskritti u ribattuti fil-premessi (6) sa (10) u (36) sa (44). Dwar xi punti fid-dettall magħmula minn Since Hardware fuq l-ewwel punt (li sar għadd minnhom matul seduta minnhom) jista’ jingħad dan l-ġej:

(86)

i)

Since Hardware argumentat li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament bażiku mhiex dispożizzjoni li timplimenta xi dispożizzjoni tal-Ftehim AD tad-WTO, u bħala tali ma tistax tkun affettwata minn xi konklużjonijiet magħmula minn Panel tad-WTO. Iżda, L-Artikolu 9(3) ma jobbligax lill-Istituzzjonijiet jużaw reviżjoni biex tinvestiga talbiet ta’ dumping kontra kumpaniji li dwarhom, matul investigazzjoni oriġinali, ma nstab ebda dumping jew instab dumping de minimis. Huwa jipprevedi sempliċement li dawn “jistgħu” jiġu investigati fi kwalunkwe reviżjoni ta’ wara mwettqa skont l-Artikolu 11 tar-Regolament bażiku. Huwa ċar, iżda, li wara l-adozzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, ir-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO stabbilixxa li, li jsir hekk ikun vjolazzjoni tad-WTO ADA. Għalhekk huwa possibbli għall-Istituzzjonijiet u huwa inkombenti fuqhom (10) li jużaw il-flessibbiltà li tipprovdi l-kelma “jistgħu”, u li ma jużawx reviżjoni biex jinvestigaw talbiet bħal dawn. Diġà kien hemm l-istess konklużjoni f’tal-inqas investigazzjoni oħra preċedenti (11).

(87)

ii)

Since Hardware tenniet li fil-fehma tagħha investigazzjoni oriġinali kontra kumpanija waħda ma tkunx possibbli skont ir-Regolament bażiku. Barra minn dak li ntqal dwar dan fil-premessi (7) u (8) hawn fuq, wieħed jista’ jinnota dan li ġej. Huwa veru li ħafna mid-dispożizzjonijiet li tikkwota Since Hardware huma miktuba b’mod li jirrifletti sitwazzjoni normali, jiġifieri investigazzjoni oriġinali kontra pajjiż kollu kemm hu. Iżda, Since Hardware ma kinitx kapaċi tindika xi dispożizzjoni li tipprojbixxi investigazzjoni oriġinali kontra kumpanija waħda biss fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ dan il-każ.

(88)

iii)

Since Hardware argumentat li r-Regolament (KE) Nru 1515/2001 jippermetti li l-miżuri attwali ta’ anti-dumping jinġiebu f’konformità mad-deċiżjonijiet ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim tad-WTO, iżda xejn iktar. Dan, l-ewwel net, ifisser, li Since Hardware ma għandhiex objezzjoni kontra l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1515/2001, li formalment jeskludi lil Since Hardware mill-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 452/2007 b’mod tali li jagħmilha ċara li abbażi ta’ dak ir-Regolament mhux se japplika ebda dazju fuq l-importazzjonijiet tagħha. Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ Since Hardware li r-Regolament (KE) Nru 1515/2001 ma jippermetti xejn aktar, ta’ min jenfasizza iżda li dan ir-Regolament huwa wkoll ibbażat fuq ir-Regolament bażiku. B’mod partikolari, huwa bbażat fuq il-fatt, kif ġie spjegat hawn fuq, li xejn f’dak ir-Regolament ma jipprojbixxi li ssir investigazzjoni oriġinali kontra kumpanija waħda biss fiċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dan il-każ. Kif ġie ssuġerit minn Since Hardware, ċertu diskors fl-iżvelar, li seta’ jinftiehem ħażin fuq dan il-punt, tneħħa.

(89)

iv)

Since Hardware stqarriet li kienet vittma ta’ diskriminazzjoni, billi fil-fehma tagħha l-konklużjonijiet fir-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO huma applikabbli bl-istess mod għal kumpaniji li rċevew dazju żero f’investigazzjoni ta’ reviżjoni. L-iktar argument importanti li jista’ jsir hawn huwa li r-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO sempliċement ma jikkonċernax dik is-sitwazzjoni. Dawk il-kumpaniji għalhekk jinsabu f’qagħda differenti.

(90)

v)

Since Hardware argumentat li l-Kummissjoni kienet qed tagħmel reviżjoni de facto tad-dazju żero tagħha. Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. L-ewwel nett, kuntrarjament għal dak li qed tallega Since Hardware, l-analiżi tad-dannu mwettqa hawn fuq mhiex limitata biss biex tikkonferma li nstab id-dannu matul l-ewwel investigazzjoni. Anzi, hija tikkonċentra fuq l-effetti ta’ dannu attwali tal-aġir ta’ Since Hardware wara dik l-investigazzjoni fuq l-industrija tal-Unjoni, filwaqt li tqis li analiżi normali tad-dannu mhiex possibbli f’dan il-każ. It-tieni, il-fatt li d-dazju se jiskadi iktar kmieni mill-ħames snin normali ma jfissirx li l-investigazzjoni hija reviżjoni de facto. F’għadd konsiderevoli ta’ investigazzjonijiet, għal bosta raġunijiet, ġew adottati perjodi ta’ inqas minn ħames snin. F’dan il-każ, l-Istituzzjonijiet iqisu li, filwaqt li, minn naħa waħda, Since Hardware ma għandhiex tikseb xi benefiċċji mill-fatt li bdiet twettaq dumping wara l-ewwel investigazzjoni, hija ma għandhiex, min-naħa l-oħra, issofri xi effetti negattivi mhux iġġustifikati. Pereżempju, kieku, ma tintalabx reviżjoni ta’ skadenza għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 452/2007, ikun jidher diskriminatorju li jibqa’ applikat id-dazju fuq Since Hardware wara l-iskadenza ta’ dak ir-Regolament.

(91)

vi)

Since Hardware argumentat li d-drittijiet tagħha huma mittiefsa mill-għażla ta’ investigazzjoni oriġinali, billi kieku ġiet investigata permezz ta’ reviżjoni, kien japplika l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku (jeżisti obbligu, f’reviżjoni, li tintuża l-istess metodoloġija bħal dik użata fl-investigazzjoni oriġinali). Iżda, Since Hardware ma qajmet ebda kwistjoni li tindika li f’din l-investigazzjoni l-Istituzzjonijiet kienu jużaw metodoloġija diversa minn dik użata fl-ewwel investigazzjoni. It-tieni, anke kieku Since Hardware setgħet tindika xi użu ta’ metodoloġija differenti, dan kien ikun l-effett tal-fatt li r-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO iwassal għall-konklużjoni li kien inkombenti fuq l-Istituzzjonijiet li ma jinvestigawx it-talbiet kontra Since Hardware permezz ta’ reviżjoni.

(92)

vii)

Fl-aħħar nett, Since Hardware ssuġeriet li l-Istituzzjonijiet imisshom investigaw it-talbiet kontra tagħha permezz ta’ reviżjoni, u wara dan, f’każ li jiġi impost dazju fuqha u l-RPĊ tkun rebbieħa fid-deċiżjoni tar-riżoluzzjoni ta’ tilwima taħt il-proċedura tad-WTO, jitneħħa dak id-dazju iżda prospettivament biss. Iżda, ikun mhux xieraq b’mod ċar li tikser xjentement ir-regoli tad-WTO, filwaqt li, bħal f’dan il-każ, jista’ jinstab metodu ta’ investigazzjoni tal-każ li huwa konformi mar-Regolament bażiku, interpretat skont ir-regoli tad-WTO. Barra minn hekk, mingħajr ħsara għall-validità ta’ talbiet bħal dawn, huwa ċar li deċiżjoni ta’ azzjoni bħal din tista’ twassal għal talbiet ta’ danni mill-kumpaniji kkonċernati kontra l-istituzzjonijiet.

(93)

Fir-rigward tal-konklużjonijiet tal-MET, Since Hardware argumentat ukoll li kellha piż eċċessiv biex tipprova li kienet konformi mal-kriterji għall-MET, b’mod partikolari għal dak li huwa ndħil tal-Istat fil-prezzijiet tal-materja prima ewlenija tagħha. Iżda, l-MET hija eċċezzjoni għar-regola ġenerali u kull deroga mir-regola ġenerali jew eċċezzjoni trid tiġi interpretata b’mod strett. L-MET tista’ tingħata biss jekk jintwera li jeżistu kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq għall-produttur esportatur inkwistjoni. Kif diġa ssemma fil-premessa (40), ir-responsabbiltà tal-prova hija tal-produttur esportatur li jkun jixtieq igawdi l-istatus ta’ ekonomija tas-suq. It-talba jrid ikun fiha biżżejjed evidenza. Ma hemm l-ebda obbligu li l-Kummissjoni tipprova li l-produttur esportatur ma jissodisfax il-kriterji tal-MET. Il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk l-evidenza pprovduta mill-produttur esportatur hijiex biżżejjed biex turi li l-kriterji huma sodisfatti. Billi l-Kummissjoni stabbilixxiet għadd ta’ elementi li jindikaw indħil sinifikanti mill-Istat fir-rigward tal-kosti ta’ inputs ewlenin, huwa għaldaqstant dmir tal-kumpanija li turi li dan l-indħil mill-Istat ma jeżistix u/jew ma affettwax id-deċiżjonijiet tal-kumpanija (il-kriterju 1 tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku). F’kull każ, kif stabbilit fil-premessi (34) u (43) hawn fuq, Since Hardware naqset milli turi li tissodisfa l-kriterju 2 tal-Artikolu 2(7)(c) tar-Regolament bażiku dwar il-kontabilità li dwarha stqarriet li kellha piż eċċessiv x’tipprova.

(94)

Barra minn dan ta’ hawn fuq, Since Hardware għamlet żewġ talbiet ġodda fil-kummenti tagħha dwar id-dokument ta’ żvelar finali. L-ewwel nett, Since Hardware stqarret li l-valur normali kellu jiġi aġġustat skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku minħabba li l-materja prima (prodotti tal-azzar) fl-RPĊ għandhom prezz iktar baxx milli fis-suq tal-pajjiż analogu. Din it-talba ma tistax tintlaqa’. Tabilħaqq, ta’ min ifakkar li Since Hardware ġiet imċaħħda mill-MET. Għaldaqstant, il-valur normali huwa stabbilit skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku abbażi tal-prezz jew il-valur kostruwit f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq. Dan bilfors jimplika li l-prezzijiet u l-kosti fl-RPĊ jitqiesu bħala mhux affidabbli għad-determinazzjoni tal-valur normali u ma jistgħux jintużaw fid-determinazzjoni jew l-aġġustament mod ieħor ta’ dan tal-aħħar. Ta’ min jinnota wkoll li aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku kif stqarret Since Hardware ma jistax isir jekk ma jiġix ippruvat li l-konsumaturi konsistentement iħallsu prezzijiet differenti għall-istess prodott fis-suq domestiku, f’dan il-każ fis-suq tal-pajjiż analogu, minħabba differenzi fil-prezzijiet tal-materja prima. Since Hardware ma ppruvatx differenzi fil-prezz bħal dawn.

(95)

It-tieni, Since Hardware stqarret li l-Kummissjoni ma wettqitx analiżi biżżejjed fid-dettall tad-danni fl-investigazzjoni attwali. Hija qalet ukoll li b’konformità mal-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni kellha tinvestiga l-indikaturi kollha ta’ dannu. Ta’ min jinnota madankollu, li l-Kummissjoni sabet (ara b’mod partikolari l-parti D) li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping minn Since Hardware żdiedu sostanzjalment matul il-perjodu meqjus filwaqt li l-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom instabu li kienu qed jimminaw dawk tal-industrija tal-Unjoni. Din il-konklużjoni hija msejsa fuq eżami oġġettiv ta’ evidenza pożitiva. Għalhekk hija konformi mal-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

(96)

Huwa veru li mhux il-fatturi kollha stabbiliti fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku ġew eżaminati. Iżda, ta’ min ifakkar li f’sitwazzjoni fejn Since Hardware kienet għadha ma nstabitx li qed twettaq dumping, jiġifieri matul l-ewwel investigazzjoni, diġà kien instab, mill-eżami ta’ dawk il-fatturi, li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-RPĊ ikkawżaw dannu. Li jerġgħu jiġu eżaminati dawk il-fatturi kien ikun għal xejn, peress li anki jekk wieħed jassumi li dawk il-fatturi issa kollha saru pożittivi, dan kien ikun (almenu parzjalment) minħabba l-fatt li l-industrija tal-Unjoni issa hija protetta kontra kull (12) esportazzjoni oġġett ta’ dumping mill-RPĊ u l-Ukraina (għajr għal dawk minn Since Hardware). Barra minn hekk, ebda fattur ma ġie identifikat li jikser ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping minn Since Hardware u l-effetti negattivi tagħhom fuq l-industrija tal-Unjoni. Fl-aħħar nett, li wieħed ma jimponix miżuri kontra Since Hardware ikun diskriminatorju fil-konfront tal-produtturi esportaturi suġġetti għall-miżura imposta wara l-ewwel investigazzjoni oriġinali.

H.   MIŻURI DEFINITTIVI ANTI-DUMPING

(97)

Minħabba l-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq li ntlaħqu fir-rigward tad-dumping, il-kontribuzzjoni għad-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, il-miżuri definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-RPĊ, prodott minn Since Hardware, għandhom jiġu imposti.

1.   Livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu

(98)

Il-livell tal-miżuri definittivi anti-dumping għandu jkun biżżejjed biex jelimina d-dannu lill-industrija tal-Unjoni kkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping, mingħajr ma jaqbeż il-marġni ta’ dumping li nstab. Kif imsemmi fil-premessa (75), il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni nstabu li kellhom telf totali matul l-IP. Għalhekk, ma jkunx xieraq li d-dazju jiġi bbażat biss fuq il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet.

(99)

Meta kien qed jiġi kkalkulat l-ammont ta’ dazju neċessarju għat-tneħħija tal-effetti tad-dumping dannuż, ġie kkunsidrat li kwalunkwe miżura għandha tħalli lill-industrija tal-Unjoni tkopri l-ispejjeż tagħha u tagħmel qligħ qabel it-taxxa li jista’ jinkiseb raġonevolment taħt kondizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni, jiġifieri fl-assenza ta’ importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Il-marġni tal-qligħ ta’ qabel it-taxxa użat għal din il-kalkulazzjoni kien 7 % tad-dħul. Kif imsemmi fil-premessa (63) tar-Regolament (KE) Nru 452/2007, intwera matul l-ewwel investigazzjoni li dan kien il-livell tal-qligħ li jista’ jkun mistenni raġonevolment fl-assenza ta’ dumping dannuż. Abbażi ta’ dan, prezz mhux dannuż ġie kkalkulat għall-industrija tal-Unjoni ta’ prodott bħal dan. Għal dan l-iskop, inġabret informazzjoni mill-industrija tal-Unjoni sabiex tiġi kkalkulata l-medja differenzjata tal-marġni attwali ta’ qligħ/telf tagħhom matul l-IP kurrenti. Il-prezz mhux dannuż inkiseb bit-tnaqqis tal-marġni attwali ta’ qligħ/telf ikkalkulat tal-industrija tal-Unjoni mill-prezzijiet tal-bejgħ tagħhom u biż-żieda tal-marġni ta’ qligħ li jrid jinkiseb imsemmi ta’ 7 %.

(100)

Iż-żieda fil-prezz neċessarja ġiet determinata abbażi ta’ tqabbil tal-medja differenzjata tal-prezz ta’ importazzjoni, kif stabbilit għall-kalkulazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, mal-prezz medju mhux dannuż tal-prodotti mibjugħin mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni. Kwalunkwe differenza li rriżultat minn dan it-tqabbil imbagħad ġiet espressa bħala perċentwal tal-valur medju CIF tal-importazzjoni. Livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ 35,8 % b’hekk ġie stabbilit, li kien taħt il-marġni ta’ dumping misjub għal Since Hardware.

2.   Esklużjoni ta’ Since Harware mill-miżura definittiva anti-dumping imposta mir-Regolament (KE) Nru 452/2007

(101)

Fil-kuntest tar-reviżjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 1515/2001 u fid-dawl tar-rapport tal-Korp tal-Appell tad-WTO kif adottat mill-Korp għar-Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tad-WTO, u b’mod partikolari l-paragrafi 305 u 306 tiegħu, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1241/2010 eskluda lil Since Hardware mill-miżura definittiva anti-dumping imposta mir-Regolament (KE) Nru 452/2007.

(102)

Għalhekk issa tista’ imposta miżura ġdida fuq Since Hardware.

3.   Forma u livell tal-miżura

(103)

Fid-dawl ta’ dak imsemmi, u skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, huwa meqjus li dazju anti-dumping definittiv għandu jiġi impost fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw mill-RPĊ u prodotti minn Since Hardware fil-livell li jelimina d-dannu.

(104)

Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-rata tad-dazju definittiv għal dawn l-importazzjonijiet hija ta’ 35,8 %.

(105)

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-miżuri anti-dumping normalment japplikaw għal ħames snin, sakemm ma hemmx raġunijiet jew ċirkostanzi speċifiċi li jeħtieġu perjodu iqsar. Fil-każ kurrenti, jitqies xieraq li jiġi limitat id-dewmien tal-miżura sabiex iddum sal-iskadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw, inter alia, mill-RPĊ imposti bir-Regolament (KE) Nru 452/2007. Dan għandu jagħti l-opportunità li fl-istess ħin titqies kwalunkwe talba għal reviżjoni tal-iskadenza tal-miżuri fis-seħħ għall-importazzjonijiet kollha li joriġinaw, inter alia, mill-RPĊ. Ovvjament, l-operaturi kkonċernati, u b’mod partikolari Since Hardware u/jew l-industrija tal-Unjoni, jistgħu, qabel is-27 ta’ April 2012, jitolbu reviżjonijiet oħra, b’mod partikolari reviżjoni interim, ta’ dan ir-Regolament, sakemm ikun hemm konformità mar-rekwiżiti kollha għal dan.

(106)

Kwalunkwe allegazzjoni li titlob l-applikazzjoni ta’ din ir-rata tad-dazju anti-dumping għal kumpaniji individwali (pereżempju wara bidla fl-isem ta’ entità jew wara l-istabbiliment ta’ entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew tal-bejgħ) għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni (13) minnufih bl-informazzjoni kollha rilevanti, b’mod partikolari kwalunkwe modifika fl-attivitajiet tal-kumpanija konnessi mal-produzzjoni, il-bejgħ domestiku u tal-esportazzjoni assoċjati ma’, pereżempju, dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ. Jekk xieraq, dan ir-Regolament għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Huwa b’dan impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tat-twavel għall-mogħdija, irrispettivament joqogħdux weqfin waħedhom jew le, bi jew mingħajr tixrib bl-istim u/jew wiċċ tat-tisħin u/jew wiċċ tal-infiħ, inklużi bords għall-kmiem, u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri s-saqajn, il-wiċċ u l-appoġġ għall-ħadida li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u prodotti minn Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd., li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 3924 90 00, ex 4421 90 98, ex 7323 93 90, ex 7323 99 91, ex 7323 99 99, ex 8516 79 70 u ex 8516 90 00 (kodiċi TARIC3924900010, 4421909810, 7323939010, 7323999110, 7323999910, 8516797010 u 8516900051).

Artikolu 2

1.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, liberu fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, għall-prodotti mmanifatturati mill-kumpanija speċifikata hawn taħt għandha tkun li ġejja:

Manifattur

Rata tad-dazju

Kodiċi Taric addizzjonali

Since Hardware (Guangzhou) Co., Ltd., Guangzhou

35,8  %

A784

2.   Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji tad-dwana.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Sakemm ma jiġix rivedut taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, għandu jibqa’ fis-seħħ sas-27 ta’ April 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SCHAUVLIEGE


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 109, 26.4.2007, p. 12.

(3)  ĠU L 84, 31.3.2010, p. 13.

(4)  ĠU C 237, 2.10.2009, p. 5.

(5)  WT/DS295/AB/R, 29 ta’ Novembru 2005.

(*)  Ara paġna 8 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(6)  Pereżempju “L-Għaqda tal-Istat-Negozju fl-Industrija tal-Azzar taċ-Ċina – Distorsjonijiet tas-Suq Ċiniż fil-Perspettiva Domestika u Internazzjonali” (“The State-Business Nexus in China’s Steel Industry — Chinese Market Distortions in Domestic and International Perspective”) mill-Prof. Dr. Markus Taube & Dr. Christian Schmidkonz ta’ THINK!DESK China Research & Consulting datat 25 ta’ Frar 2009; l-istudju ppreparat mill-Kamra tal-Kummerċ tal-UE fiċ-Ċina ma’ Roland Berger li jiffoka fuq il-kapaċitajiet żejda li huma r-riżultat inter alia tal-intervent tal-istat datat Novembru 2009 (http://www.euccc.com.cn/view/static/?sid=6388); “Flus għall-Metall: Eżaminazzjoni dettaljata tas-Sussidji tal-Gvern Ċiniż lill-Industrija tal-Azzar tiegħu” (“Money for Metal: A detailed Examination of Chinese Government Subsidies to its Steel Industry”) ta’ Wiley Rein LLP, Lulju 2007, “Stħarriġ dwar is-Sussidji tal-Gvern taċ-Ċina” (“China Government Subsidies Survey”) ta’ Anne Stevenson-Yang, Frar 2007, “Ħarsa lejn is-Sussidji tal-Enerġija fiċ-Ċina: Analiżi tal-Industrija tal-Azzar taċ-Ċina mill-2000-2007” (“Shedding Light on Energy Subsidies in China: An Analysis of China’s Steel Industry from 2000-2007”) ta’ Usha C.V. Haley, “Sussidji għall-Azzar Speċjalizzat taċ-Ċina: Massivi, Pervażivi u Illegali” (“China’s Specialty Steel Subsidies: Massive, Pervasive and Illegal”) minn Speciality Steel Industry of North America, “Is-Sindromu taċ-Ċina: Kif is-Sussidji u l-Intervent tal-Gvern Ħolqu l-Akbar Industrija tal-Azzar Dinjija” (“The China Syndrome: How Subsidies and Government Intervention Created the World’s Largest Steel Industry”) ta’ Wiley Rein & Fielding LLP, Lulju 2006.

(7)  Sors: Tagħrif dwar in-Negozju tal-Azzar.

(8)  Għalkemm din il-konklużjoni hija diġà biżżejjed – flimkien mal-konklużjonijiet l-oħra relatati mal-perjodu kkunsidrat – biex jinstab dannu, huwa nnutat li hija konfermata mill-fatt li meta paragunata mal-PI tal-ewwel investigazzjoni, il-volum tal-importazzjonijiet tat-twavel tal-mogħdija prodotti minn Since Hardware – li kien diġà sinikanti matul il-PE msemmi – kwazi rdoppja sal-PI kurrenti.

(9)  Għalkemm anki din il-konklużjoni hija biżżejjed – flimkien mal-konklużjonijiet l-oħra kollha relatati mal-perjodu kkunsidrat – għall-konklużjoni ta’ eżistenza ta’ dannu, huwa nnutat li hija kkonfermata bil-fatt li meta titqabbel mal-IP tal-ewwel investigazzjoni, is-sehem tas-suq ta’ Since Hardware kiber b’89% sal-IP kurrenti.

(10)  Fid-dawl tal-obbligu li l-liġi tal-Unjoni tkun interpretata kemm jista’ jkun f’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-UE.

(11)  Tubi tal-azzar wweldjati minn inter alia t-Turkija, li jirrigwardaw il-kumpanija Noksel, ĠU L 343, 19.12.2008, premessa (143).

(12)  Huwa veru, matul ċertu perjodu, minħabba l-annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja tar-Regolament (KE) Nru 452/2007 fir-rigward ta’ Foshan Shunde, de facto dazju ta’ żero applikat ukoll lil dik il-kumpanija, iżda dan ma jagħmel ebda differenza materjali, b’mod partikolari, minħabba li dan tqajjem biss xi snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament.

(13)  European Commission, Directorate General for Trade, Directorate H, Office N-105 4/92, 1049 Brussels, BELGIUM.


Top