EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009R0913

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 913/2009 tal- 24 ta’ Settembru 2009 li jtemm ir-reviżjoni ta’ esportatur ġdid għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerti pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jimponi mill-ġdid id-dazju fir-rigward ta’ dawn l-importazzjonijiet minn esportatur partikolari f’dan il-pajjiż u li jtemm ir-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet

ĠU L 258, 1.10.2009, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2009/913/oj

1.10.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 258/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 913/2009

tal-24 ta’ Settembru 2009

li jtemm ir-reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerti pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jimponi mill-ġdid id-dazju fir-rigward ta’ dawn l-importazzjonijiet minn esportatur partikolari f’dan il-pajjiż u li jtemm ir-reġistrazzjoni ta’ dawn l-importazzjonijiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1174/2005 (2) li jimponi dazju definittiv anti-dumping u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ċerti pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Għall-erba’ kumpaniji b’dazji individwali, id-dazji fis-seħħ ivarjaw minn 7,6 % sa 39,9 %. Id-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” huwa ta’ 46,7 %. Ir-Regolament (KE) Nru 684/2008 (3) li jiċċara l-ambitu tal-miżuri kontra d-dumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 1174/2005.

2.   L-INVESTIGAZZJONI PREŻENTI

2.1.   It-talba għal reviżjoni

(2)

Il-Kummissjoni rċeviet talba għal reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” għar-Regolament (KE) Nru 1174/2005, skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku, minn produttur esportatur partikolari ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

(3)

It-talba ġiet irreġistrata minn Crown Equipment (Suzhou) Company Limited (“Crown Suzhou” jew “l-applikant”)

(4)

L-applikant allega li huwa jopera f’kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq u li l-prodott ikkonċernat ma ġiex esportat lejn il-Komunità Ewropea matul il-perjodu tal-investigazzjoni li fuqu kienu bbażati l-miżuri kontra d-dumping jiġifieri mill-1 ta’ April 2003 sal-31 ta’ Marzu 2004 (il-“perjodu tal-investigazzjoni oriġinali”) u li ma huwa relatat mal-ebda esportatur produttur tal-prodott ikkonċernat li huwa suġġett għall-miżuri fis-seħħ. Barra minn hekk, huwa allega li kien beda jesporta pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom lejn il-Komunità wara t-tmiem tal-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali.

2.2.   It-tnedija ta’ reviżjoni ta’ “esportatur ġdid”

(5)

Wara li kien iddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li teżisti biżżejjed evidenza biex tiġġustifika t-tnedija ta’ reviżjoni ta’ esportatur ġdid skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku u wara li l-industrija Komunitarja kkonċernata ngħatat l-opportunità li tikkummenta, il-Kummissjoni nediet reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1174/2005 fir-rigward tal-applikant (ir-“reviżjoni”), permezz tar-Regolament (KE) Nru 52/2009 (4).

(6)

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 52/2009, id-dazju kontra d-dumping ta’ 46,7 % impost mir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom prodotti mill-applikant ġie revokat. Fl-istess waqt, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-awtoritajiet doganali ġew mitluba li jieħdu l-passi neċessarji biex jirreġistraw dawn l-importazzjonijiet.

2.3.   Il-prodott ikkonċernat

(7)

Il-“prodott ikkonċernat” huwa l-istess kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 684/2008, li huwa pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom, jiġifieri xażis u komponenti idrawliċi li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, bħalissa klassifikati bil-kodiċijiet NM ex 8427 90 00 u ex 8431 20 00. Il-pallet trucks tal-idejn huma ddefiniti bħala trakkijiet bir-roti b’dirgħajn forma ta’ furketta għat-tqandil tal-pallets, iddisinjati biex jiġu mbuttati, miġbuda u mmexxija bl-idejn, fuq wiċċ lixx, invell u iebes, minn operatur pedonali bl-użu ta’ laċċ artikulat. Il-pallet trucks tal-idejn huma ddisinjati biss biex jgħollu tagħbija, billi wieħed jippompja l-laċċ, sa għoli biżżejjed għall-ġarr u ma għandhom l-ebda funzjoni jew użu addizzjonali ieħor bħal, pereżempju, (i) biex iġorru u jerfgħu t-tagħbija biex ipoġġuha aktar fl-għoli jew biex jgħinu fil-ħżin tat-tagħbija (highlifters); (ii) biex jistivaw pallet wieħed fuq l-ieħor (stackers); (iii) biex jerfgħu t-tagħbija għal-livell fejn isir ix-xogħol (scissorlifts); jew (iv) biex jerfgħu u jiżnu t-tagħbijiet (weighing trucks).

2.4.   Il-partijiet ikkonċernati

(8)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-applikant, lir-rappreżentanti tal-industrija Komunitarja u lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur li kienet tnediet din ir-reviżjoni. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fir-Regolament (KE) Nru 52/2009.

(9)

Is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu wkoll formola ta’ talba għal trattament ta’ ekonomija tas-suq (“MET” - market economy treatment) flimkien ma’ kwestjonarju lill-applikant, u rċevew ir-risposti qabel l-iskadenzi stabbiliti għal dak il-għan.

2.5.   Il-perjodu tal-investigazzjoni għal reviżjoni

(10)

Il-perjodu tal-investigazzjoni għad-dumping kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008.

3.   L-IRTIRAR TAT-TALBA GĦAL REVIŻJONI TA’ ESPORTATUR ĠDID

(11)

Permezz tal-ittra lill-Kummissjoni tat-22 ta’ Mejju 2009, Crown Suzhou irtiraw formalment it-talba għal reviżjoni ta’ “esportatur ġdid” skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku.

(12)

Ġie meqjus jekk ikunx ta’ min l-investigazzjoni titkompla ex officio. Il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tmiem tal-investigazzjoni ma jaffettwax il-miżuri kontra d-dumping fis-seħħ, li r-rata ta’ dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” għandha tiġi imposta retroattivament għal Crown Suzhou u li t-tmiem tal-investigazzjoni mhuwiex kontra l-interess Komunitarju Abbażi ta’ dan, l-investigazzjoni għandha tintemm.

(13)

Il-partijiet interessati kienu infurmati bl-intenzjoni li l-investigazzjoni tintemm u li d-dazju definittiv kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat prodott u mibjugħ għall-esportazzjoni lejn il-Komunità minn Crown Suzhou jerġa’ jkun impost u ngħataw l-opportunità li jikkummentaw. Madankollu, ma waslu lura l-ebda kummenti li setgħu biddlu din id-deċiżjoni.

(14)

Kien għalhekk konkluż li l-importazzjonijiet fil-Komunità ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom jiġifieri xażis u komponenti idrawliċi, li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, bħalissa klassifikati skont il-kodiċijiet NM ex 8427 90 00 u ex 8431 20 00 u li huma prodotti u mibjugħa għall-esportazzjoni minn Crown Suzhou għandhom ikunu suġġetti għad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” fil-pajjiż kollu (46,7 %) impost mir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 u li dik ir-rata ta’ dazju għandha tkun imposta mill-ġdid.

4.   L-IMPOŻIZZJONI RETROATTIVA TAD-DAZJU KONTRA D-DUMPING

(15)

Fid-dawl tas-sejbiet ta’ hawn fuq, id-dazju kontra d-dumping applikabbli għal Crown Suzhou għandu jiġi impost retroattivament, mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 52/2009, fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li kienu saru suġġetti għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament.

5.   IT-TUL TA’ ŻMIEN TAL-MIŻURI

(16)

Ir-reviżjoni ma taffettwax id-data li fiha l-miżuri imposti mir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 jiskadu skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Ir-reviżjoni ta’ esportatur ġdid li tnediet bir-Regolament (KE) 52/2009 tiġi b’dan fit-tmiem u d-dazju kontra d-dumping applikabbli skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1174/2005 għall-“kumpaniji l-oħrajn kollha” (kodiċi addizjonali TARIC A999) fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina hu b’dan impost fuq l-importazzjonijiet identifikati fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 52/2009.

2.   Id-dazju kontra d-dumping applikabbli skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 1174/2005, għall-“kumpaniji l-oħra kollha” fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina b’dan huwa impost b’effett mit-23 ta’ Jannar 2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li ġew irreġistrati skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 52/2009.

3.   L-awtoritajiet tad-dwana permezz ta’ dan huma mitluba jwaqqfu r-reġistrazzjoni ta’ importazzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 52/2009.

4.   Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali għandhom japplikaw.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2009.

Għall-Kunsill

Il-President

C. BILDT


(1)  ĠU L 56, 6.3.1996, p. 1.

(2)  ĠU L 334M, 12.12.2008, p. 164.

(3)  ĠU L 192, 19.7.2008, p. 1.

(4)  ĠU L 17, 22.1.2009, p. 19.


Top