EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0978

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas- 16 ta’ Diċembru 2009 li temenda d-Deċiżjoni 2002/622/KE li tistabbilixxi Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 336, 18.12.2009, p. 50–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/07/2019; Impliċitament imħassar minn 32019D0612(01)

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/978/oj

18.12.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 336/50


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta’ Diċembru 2009

li temenda d-Deċiżjoni 2002/622/KE li tistabbilixxi Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/978/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-radju) (1) stabbiliet il-qafas regolatorju fl-Unjoni Ewropea għall-politika dwar l-ispettru tar-radju biex tiżgura l-koordinament tal-approċċi politiki u, fejn xieraq, kundizzjonijiet armonizzati fir-rigward tad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju meħtieġa għall-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern fiż-żoni tal-politika tal-Unjoni Ewropea bħall-komunikazzjonijiet elettroniċi, it-trasport u r-Riċerka u l-Iżvilupp. Din id-Deċiżjoni tfakkar li l-Kummissjoni tista’ torganizza konsultazzjonijiet sabiex tikkunsidra l-opinjonijiet tal-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, l-industrija u tal-utenti kollha tal-ispettru tar-radju involuti, kemm dawk kummerċjali u mhux kummerċjali, kif ukoll ta’ partijiet interessati oħra dwar l-iżviluppi teknoloġiċi, tas-suq u dawk regolatorji li jistgħu jirrelataw mal-użu tal-ispettru tar-radju. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni adottat, fis-26 ta’ Lulju 2002, id-Deċiżjoni 2002/622/KE li tistabbilixxi Grupp għal Politika dwar l-Ispettru tar-Radju (2) (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ “il-Grupp”).

(2)

Fl-okkażjoni tar-reviżjoni tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (3), deher meħtieġ li d-Deċiżjoni 2002/622/KE tiġi emendata sabiex il-kompiti tal-Grupp jiġu adattati għal dan il-qafas regolatorju ġdid.

(3)

Id-Deċiżjoni 2002/622/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif xieraq,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2002/622/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Artikolu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Kompiti

Il-Grupp għandu jassisti u jagħti parir lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet tal-politika dwar l-ispettru tar-radju, dwar koordinazzjoni tal-approċċi tal-politika, dwar il-preparazzjoni ta’ programmi multiannwali dwar politika tal-ispettru tar-radju u, fejn xieraq, dwar kundizzjonijiet armonizzati fir-rigward tad-disponibbiltà u l-użu effiċjenti tal-ispettru tar-radju meħtieġa għall-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern.

Barra minn hekk, il-Grupp għandu jassisti lill-Kummissjoni fil-proposta ta’ għanijiet ta’ politika komuni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fejn meħtieġ biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni effettiva tal-interess tal-Unjoni Ewropea f’organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fi kwistjonijiet tal-ispettru tar-radju”.

(2)

Fl-Artikolu 4, jiżdied it-tieni subparagrafu:

“Wara talba tal-Parlament Ewropew u/jew tal-Kunsill lill-Kummissjoni Ewropea għal opinjoni jew rapport tal-Grupp dwar kwistjonijiet tal-politika dwar l-ispettru tar-radju li jikkonċernaw il-komunikazzjonijiet elettroniċi, il-Grupp għandu jadotta tali opinjoni jew rapport, skont l-istess regoli bħal dawk fis-subparagrafu preċedenti. Dawk l-opinjonijiet u r-rapporti għandhom jiġu trażmessi mill-Kummissjoni lill-istituzzjoni li tagħmel it-talba. Fejn xieraq, huma jistgħu jkunu fl-għamla ta’ preżentazzjoni orali lill-Parlament Ewropew u/jew lill-Kunsill mill-president tal-grupp jew membru nnominat mill-Grupp”.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin (20) jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussel, is-16 ta’ Diċembru 2009.

Għall-Kummissjoni

José Manuel BARROSO

Il-President


(1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 198, 27.7.2002, p. 49.

(3)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.


Top