Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0047

2009/47/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta' Diċembru 2008 li tistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali japplika għall-produzzjoni tal-elettriku fir-Repubblika Ċeka (notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 8569) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 19, 23.1.2009, p. 57–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/47(1)/oj

23.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 19/57


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta' Diċembru 2008

li tistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali japplika għall-produzzjoni tal-elettriku fir-Repubblika Ċeka

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 8569)

(It-test biċ-Ċek biss hu awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/47/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30(4) u (6) tagħha,

Wara li kkunsidrat it-talba mressqa mir-Repubblika Ċeka permezz tal-posta elettronika fit-3 ta’ Lulju 2008,

Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv għall-Kuntratti Pubbliċi,

Billi:

I.   IL-FATTI

(1)

Fit-3 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni rċeviet talba mir-Repubblika Ċeka skont l-Artikolu 30(4) tad-Direttiva 2004/17/KE, trażmessa lill-Kummissjoni permezz tal-posta elettronika. Il-Kummissjoni, permezz tal-posta elettronika tas-26 ta’ Settembru 2008, talbet għal informazzjoni addizzjonali, li l-awtoritajiet Ċeki ipprovdew permezz tal-posta elettronika fid-9 ta’ Ottubru 2008.

(2)

It-talba mressqa mir-Repubblika Ċeka tikkonċerna l-produzzjoni tal-elettriku.

(3)

It-talba hija akkumpanjata minn ittra minn awtorità nazzjonali indipendenti (Energetický regulační úřad, l-awtorità regolatorja tal-enerġija Ċeka), u minn ittra minn awtorità indipendenti oħra (Úřad pro ochranu hospodářské soutěže, l-Uffiċċju Ċek għall-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni). Iż-żewġ awtoritajiet janalizzaw il-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-suq relevanti, u jsibuh bla restrizzjonijiet, filwaqt li l-ebda waħda minnhom ma tistabilixxi li ntlaħqet il-kundizzjoni l-oħra dwar l-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni rigward il-produzzjoni tal-elettriku fir-Repubblika Ċeka.

II.   IL-QAFAS LEGALI

(4)

L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/17/KE jistipula li l-kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta’ waħda mill-attivitajiet li għalihom tapplika d-Direttiva ma għandhomx ikunu suġġetti għad-Direttiva jekk, fl-Istat Membru li fih titwettaq, l-attività hija esposta direttament għal kompetizzjoni fuq swieq li għalihom l-aċċess m’huwiex ristrett. L-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni għandha tiġi vvalutata fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi, waqt li jitqiesu l-karatterisitiċi speċifiċi tas-settur konċernat. L-aċċess jitqies li jkun mhux ristrett jekk l-Istat Membru jkun implimenta u applika l-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti li tiftaħ settur partikolari jew parti minnu. Din il-leġiżlazzjoni hija elenkata fl-Anness XI tad-Direttiva 2004/17/KE, li, fil-qasam tal-elettriku, tirreferi għad-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku (2). Id-Direttiva 96/92/KE ġiet sostitwita bid-Direttiva 2003/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2003 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku u li tirrevoka d-Direttiva 96/92/KE (3), li tirrikjedi livell saħansitra ogħla ta’ ftuħ tas-suq.

(5)

Ir-Repubblika Ċeka implimentat u applikat mhux biss id-Direttiva 96/92/KE, imma wkoll id-Direttiva 2003/54/KE, waqt li għażlet is-separazzjoni legali u organizzattiva għan-netwerks tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni għajr għall-iżgħar kumpaniji tad-distribuzzjoni li, waqt li jibqgħu jkunu suġġetti għas-separazzjoni fil-kontabbiltà, huma eżentati mir-rekwiżiti tas-separazzjoni legali u organizzattiva billi għandhom anqas minn 100 000 klijent jew iservu sistemi tal-elettriku b’konsum ta’ anqas minn 3 TWh fl-1996. Barra minn hekk, l-operatur tas-sistema tat-trażmissjoni, CEPS, kellu s-separazzjoni totali tal-proprjetà B’konsegwenza ta’ dan, u f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 30(3), l-aċċess għas-suq għandu jiġi kkunsidrat mhux ristrett.

(6)

L-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni għandha tiġi valutata fuq il-bażi ta’ indikaturi varji, li l-ebda wieħed minnhom ma hu deċiżiv per se. Fir-rigward tas-swieq ikkonċernati b’din id-deċiżjoni, is-sehem tas-suq tal-parteċipanti ewlenin f’suq partikolari jikkostitwixxi kriterju li għandu jittieħed in konsiderazzjoni. Kriterju ieħor huwa l-livell tal-konċentrazzjoni f’dawk is-swieq. Fid-dawl tal-karatteristiċi tas-swieq ikkonċernati, għandhom jiġu kkunsidrati kriterji ulterjuri bħalma huma t-tħaddim tal-mekkaniżmu ta’ bilanċ, il-kompetizzjoni fuq il-prezz u l-livell ta’ konsumaturi li jibdlu.

(7)

Din id-Deċiżjoni hija bla ħsara għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

III.   VALUTAZZJONI

(8)

It-talba mressqa mir-Repubblika Ċeka tikkonċerna l-produzzjoni tal-elettriku fir-Repubblika Ċeka.

(9)

It-talba Ċeka tikkunsidra li s-suq ġeoġrafiku relevanti ikun suq ikbar mit-territorju nazzjonali, jiġbor fih it-territorji tar-Repubblika Ċeka, il-Polonja, is-Slovakkja, l-Awstrija u l-Ġermanja. Intqal li raġuni ewlenija għal din id-definizzjoni ta’ suq hu s-sehem għoli tal-kapaċità tal-interkonettività (ma’ diversi Stati Membri) meta mqabbel mal-produzzjoni domestika u domanda. Skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Ċeki fir-risposta tagħhom tad-9 ta’ Ottubru 2008, fl-2007 kienu esportati 25.6 TWh u matul l-istess sena kienu importati 9.5 TWh. Ir-Repubblika Ċeka hija għalhekk esportatur nett tal-elettriku b’esportazzjoni netta li twassal għal 16.1 TWh, ekwivalenti għal kważi 20 % (4) tal-produzzjoni netta totali tal-elettriku (81.4 TWh). Argument ieħor imressaq rigward l-eżistenza ta’ suq ġeografiku iktar wiesa’ huwa l-iżvilupp lejn konverġenza tal-prezzijiet bejn is-suq nazzjonali fir-Repubblika Ċeka u dak fil-Ġermanja kif ukoll is-sehem dejjem jikber tal-PXE Prague energy Exchange.

(10)

Madanakollu, il-kapaċità ta’ interkonnessjoni relattivament għolja u l-prezz konverġenti m’humiex suffiċċjenti biex jitfassal suq relevanti. Ir-regoli tas-suq lokali u b’mod partikolari l-pożizzjoni indispensabbli u dominanti ta’ kwalunkwe parteċipant fis-suq (li fil-każ tar-Repubblika Ċeka hu l-operatur CEZ) jistgħu jwasslu biex jiddefinixxu suq idjaq. F’dan il-kuntest, għandu jiġi nnutat li skont ir-risposta tal-awtoritajiet Ċeki tad-9 ta’ Ottubru 2008, is-sehem qawwi tal-volum dejjem jikber tal-PXE, joħroġ minn tranżazzjonijiet li jinvolvu c-CEZ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni analizzat ukoll l-Inkjesta tas-Settur tal-Enerġija tagħha (5) fir-rigward ta’ defenizzjonijiet possibli tas-suq ġeografiku li jmorru lilhinn mill-għan nazzjonali, jekk ċerti pajjiżi fl-Ewropa Ċentrali jistgħux ikunu parti minn grupp possibbli ta’ pari ta’ swieq relevanti. Għall-par tal-pajjiżi Awstrija-Ġermanja, id-daqs tal-operatur ewlieni fl-Awstrija flimkien mal-konġestjoni interna tan-netwerk Awstrijaku waqqfu lill-Kummissjoni milli tikkonkludi li se jkun hemm suq relevanti ikbar minn dak nazzjonali. Bl-istess mod, fil-każ tar-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja, id-daqs rispettiv tal-operaturi dominanti u l-indispensabbiltà tagħhom biex jilħqu d-domanda jwasslu għall-konklużjoni li anke dawk iż-żewġ pari ta’ pajjiżi ma jagħmlux parti mill-istess suq ġeografiku relevanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni riċentament investigat is-swieq tal-produzzjoni tal-elettriku tal-Awstrija u tal-Polonja u sabet li huma nazzjonali fl-ambitu ġeografiku (6). Fl-aħħar nett, fid-deċiżjoni anti-trust reċenti tagħha C(2008) 7367 tas-26 ta' Novembru 2008 kontra E.ON dwar is-suq ta’ bejgħ bl-ingrossa Ġermaniż, il-Kummissjoni kkunsidrat lil dan tal-aħħar bħala suq b’ambitu nazzjonali, mingħajr mal-pajjiżi ġirien (kemm fil-Punent, kif ukoll fil-Lvant) ikunu parti minn suq ġeografiku usa’ (7).

(11)

B’konsegwenza ta’ dan, l-eżistenza ta’ suq reġjonali għandha titwarrab. Dan huwa wkoll konsistenti mal-istqarrija tal-Uffiċċju Ċek tal-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni li “waqt li kien qiegħed jeżamina l-applikazzjoni skont l-Artikolu 30, l-Uffiċċju, b’konsiderazzjoni għall-investigazzjoni eżistenti tiegħu, beda mill-preżunzjoni li s-suq relevanti tal-produzzjoni tal-elettriku għandu jkun, mill-punt ġeografiku, definit mit-territorju tar-Repubblika Ċeka. Fid-dawl ta’ dawn il-fatti ppreżentati fil-Premessi 9 u 10 ta’ hawn fuq, it-territorju tar-Repubblika Ċeka għandu għalhekk jiġi kkunsidrat li jikkostitwixxi s-suq rilevanti għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE.

(12)

Kif jirriżulta minn prassi kostanti (8) fir-rigward tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 30, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fir-rigward tal-produzzjoni tal-elettriku, “indikatur wieħed għall-grad ta’ kompetizzjoni fis-swieq nazzjonali huwa s-sehem totali mis-suq tal-ikbar tliet produtturi”. Skont it-“Tabella 6 Pożizzjoni tas-Suq bl-Ingrossa”, p. 12 et seq tad-“Dokument ta’ Ħidma għall-Istaff tal-Kummissjoni: Dokument mehmuż mar-Rapport dwar il-Progress fil-Ħolqien tas-Suq Intern tal-Gass u l-Elettriku” (9), l-ishma tat-tliet ġeneraturi l-kbar kienu jlaħħqu għad-69,4 % tal-produzzjoni tal-elettriku fl-2006 u telgħu għal 73,9 % fl-2007. Skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Ċeki fir-risposta tagħhom tad-9 ta’ Ottubru 2008, il-kumpanija dominanti kellha f’idejha kważi 70 % tal-kapaċità totali installata u t-tieni u t-tielet l-iktar kbar kellhom f’idejhom 3,5 % u 3 % rispettivament. Dawn il-livelli ta’ konċentrazzjoni, li jinkludu s-sehem mis-suq totali tal-ikbar tliet produtturi huma ogħla mill-perċentwal korrispondenti, 39, li għaliha jirreferu d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2006/211/KE (10) u 2007/141/KE (11) għar-Renju Unit. Huma wkoll ogħla b’mod sinifikanti mil-livell (52,2 %) imsemmmi fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/585/KE (12) fir-rigward tal-Awstrija, kif ukoll huma ogħla mil-livell (58 % tal-produzzjoni gross) imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/741/KE (13) fil-każ tal-Polonja.

(13)

Il-livelli ta’ konċentrazzjoni Ċeki tal-ikbar tliet operaturi huma fl-aħħar nett simili għal jew inqas mil-livelli korrispondenti msemmija fid-Deċiżjonijiet 2006/422/KE (14) u 2007/706/KE (15) li jikkonċernaw il-Finlandja (73,6 %) u l-Iżvezja (86,7 %) rispettivament. Madankollu, hemm differenza importanti bejn il-każ Ċek fuq naħa u dak Svediż u Finlandiż fuq in-naħa l-oħra. B’mod partikolari, fir-Repubblika Ċeka hemm operatur wieħed dominanti biż-żewġ produtturi l-oħra l-iktar kbar li għandhom ishma fis-suq li huma iżgħar b’fattur ta’ għoxrin (3 % huwa l-inqas sehem u bejn wieħed u ieħor 70 % l-ogħla). Fil-Finlandja ċ-ċifri korrispondenti juru li l-operatur b’sehem mis-suq ta’ 18,3 % kien l-inqas fost it-tlieta ewlenin u dak b’sehem mis-suq ta’ 33,7 % kien l-ogħla. Bl-istess mod, għall-Iżvezja teżisti firxa ta’ bejn 17,4 % bħala l-inqas u 47.1 % bħala l-ogħla.

(14)

F’dan il-kuntest għandha titfakkar ukoll ġurisprudenza kostanti (16), li skont hi “ishma fis-suq għoljin ħafna huma fihom infushom, minbarra f’ċirkustanzi eċċezzjonali, xhieda tal-eżistenza ta’ pożizzjoni dominanti. Dik hi s-sitwazzjoni meta jkun hemm sehem mis-suq ta’ 50 %”.

(15)

Il-livell tal-importazzjoni tal-elettriku fir-Repubblika Ċeka ilaħħaq għal ftit iktar minn 11 % tad-domanda totali tagħha (17) li, filwaqt li hu ogħla mis-sehem tal-importazzjoni tal-elettriku fil-Polonja, jilħaq inqas min-nofs tas-sehem fil-każ tal-Awstrija (18)  (19). Anke fil-każijiet tal-Iżvezja u tal-Finlandja, il-livelli għoljin ta’ konċentrazzjoni tal-ikbar tliet produtturi huma “ikkumpensati” bil-“pressjoni kompettitiva fuq... is-suq imnissla mill-potenzjal tal-importazzjoni tal-elettriku minn barra…” (20). Huwa għalhekk diffiċli biex jinstab li jkun hemm pressjoni kompetittiva sostanzjali mill-elettriku importat mir-Repubblika Ċeka u l-fatt li jkun hemm kapaċità tat-trasport biex jogħla l-livell tal-importazzjoni sostanzjalment huwa biss teoriku, ladarba ir-Repubblika Ċeka kienet esportatur nett ta’ kull sena sa mill-inqas l-2003 u ser tkompli tkun hekk fuq firxa medja ta’ żmien. Dan il-livell ta’ konċentrazzjoni għalhekk ma jistax jittieħed bħala indikatur tal-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni tas-suq tal-produzzjoni.

(16)

It-tweġiba tal-awtoritajiet Ċeki tad-9 ta’ Ottubru 2008 tindika wkoll lejn is-CEZ li qed tippjana l-biċċa l-kbira tal-proġetti futuri ta’ produzzjoni fuq skala kbira fuq il-livell tan-netwerk tat-trażmissjoni, b’mod partikolari permezz tal-bini nukleari l-ġdid, l-estensjoni għat-tul tal-ħajja tal-impjant nukleari eżistenti Dukovany kif ukoll proġetti ta’ impjanti tal-enerġija mħaddma bil-faħam u bil-gass. Barra mill-pjanijiet tas-CEZ, hemm ukoll proġetti, b’mod partikolari fil-qasam tas-sorsi ta’ enerġija li jistgħu jiġġeddu, li huma mfassla minn oħrajn sa ċertu punt fuq livell ta’ trażmissjoni u b’mod partikolari fuq livell ta’ distribuzzjoni.

(17)

Barra minn hekk, anke jekk jirrapreżentaw parti żgħira mill-ammont totali tal-elettriku prodott u/jew ikkunsmat fi Stat Membru, it-tħaddim tal-mekkaniżmi tal-bilanċ għandhom ikunu kkunsidrati wkoll bħala indikatur addizzjonali. Skont l-informazzjoni disponibbli, ix-xogħlijiet tal-mekkaniżmu tal-bilanċ – b’mod partikolari l-prezzijiet ibbażati fuq is-swieq u s-suq tal-istess jum (intra-day) zviluppat tajjeb b’dewmien fl-għeluq ta’ siegħa u nofs, jiġifieri l-possibiltà għal dawk li jużaw in-netwerk biex jirranġaw il-pożizzjoni tagħhom kull siegħa u nofs – jkunu b’tali mod li ma jikkostitwixxux ostaklu għall-produzzjoni tal-elettriku ladarba hi suġġetta għall-espożizzjoni għall-kompetizzjoni.

(18)

Minħabba l-karatteristiċi tal-prodott ikkonċernat (l-elettriku) u l-iskarsezza jew l-indisponibilità ta’ prodotti jew servizzi sostitwibbli adegwati, il-kompetizzjoni fil-prezzijiet u l-formazzjoni tal-prezzijiet jassumu importanza akbar fil-valutazzjoni tal-grad ta’ kompetizzjoni tas-swieq tal-elettriku. Fir-rigward tal-utenti industrijali kbar (finali), in-numru ta’ klijenti li jibdlu l-fornitur jista’ jservi ta’ indikatur ta’ kompetizzjoni fil-prezz u, b’hekk, indirettament, “indikatur naturali” tal-effettività tal-kompetizzjoni. Jekk huma ftit il-klijenti li jibdlu, x’aktarx li hemm problema bit-tħadddim tas-suq, anki jekk m’għandhomx jiġu injorati l-vantaġġi implikati mill-possibilità ta’ negozjar mill-ġdid mal-fornitur storiku” (21). Barra minn hekk, “l-eżistenza ta’ prezzijiet regolati għall-utenti finali hija bla dubju fattur determinanti tal-imġiba tal-klijenti[…]. Minkejja li ż-żamma tal-kontrolli tista’ tiġi ġġustifikata f’perjodu ta’ tranżizzjoni, dawn ikomplu jikkawżaw aktar distorsjonijiet hekk kif joqrob il-bżonn ta’ investimenti” (22).

(19)

Skont l-aħħar informazzjoni disponibbli, ir-rata ta’ dawk li jibdlu fir-Repubblika Ċeka ġiet ikkwalifikata li qiegħda fl-“ogħla livell” (23) u, skont l-aħħar informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Ċeki fir-risposta tagħhom tad-9 ta’ Ottubru, “kemm ilu miftuħ is-suq tal-elettriku kważi kull konsumatur sekondarju fis-segment kbir tal-konsumatur biddel il-fornitur tal-elettriku tiegħu”. Dan għandu jitqies fuq l-isfond tas-sitwazzjoni kif deskritta fid-Deċiżjonijiet preċedenti rigward is-settur tal-elettriku, li fihom ir-rati ta’ bdil għal utenti industrijali kbar u kbar ħafna jvarjaw bejn aktar minn 75 % (id-Deċiżjoni 2006/422/KE dwar il-Finlandja) u 41,5 % (id-Deċiżjoni 2008/585/KE dwar l-Awstrija). Barra minn hekk, is-swieq tal-provvista (għad-djar, il-konsumaturi industrijali, eċċ) ġew definiti mill-Kummissjoni fid-decizjoni preċedenti ta’ prassi bħala swieq ta’ prodotti separati, u jistgħu, minħabba l-influwenza ta’ kumpaniji ta’ fornituri b’saħħithom u stabbiliti sewwa, ikollhom xenarju kompetittiv differenti l-bejgħ bl-ingrossa jew is-suq tal-produzzjoni. Il-livell għoli ta’ dawk li jibdlu jista’ għalhekk ma jiġix ikkunsidrat bħala indikatur mhux ekwivoku tal-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni.

(20)

Fir-rigward tal-produzzjoni tal-elettriku fir-Repubblika Ċeka, is-sitwazzjoni għaldaqstant tista’ tingħata fil-qosor kif ġej: l-ishma aggregati mis-suq tal-akbar tliet produtturi huma għolja, imma l-iktar importanti, l-ikbar produttur waħdu jirrappreżenta sehem mis-suq ta’ kważi 70 %, mingħajr ma kien kontrobilanċjat mill-elettriku importat, billi għall-kuntrarju r-Repubblika Ċeka ilha esportatur nett kostanti ta’ kwantitajiet sostanzjali tal-elettriku għall-inqas għal dawn il-ħames snin li għaddew. Kif deskritt fil-Premessa 17, it-tħaddim tal-mekkaniżmu tal-bilanċ ma jikkostitwixxix ostaklu għall-espożizzjoni diretta għall-kompetizzjoni tas-suq tal-produzzjoni tal-elettriku u hemm grad għoli ta’ dawk li jibdlu. Il-mekkaniżmu tal-bilanċ li jaħdem tajjeb u l-livell għoli ta’ dawk li jibdlu ma jistax, iżda, jegħleb il-grad pjuttost għoli ta’ konċentrazzjoni, u b’mod partikolari is-sehem għoli tal-produttur il-kbir, meta tiġi kkunsidrata wkoll il-ġurisprudenza msemmija taħt il-Premessa 14.

IV.   KONKLUŻJONIJIET

(21)

Fid-dawl tal-fatturi investigati fil-premessi 9 sa 20, għandu jiġi konkluż li l-produzzjoni tal-elettriku attwalment mhix esposta direttament għall-kompetizzjoni fir-Repubblika Ċeka. Għalhekk, l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE mhux applikabbli għal kuntratti maħsuba biex jippermettu t-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet fir-Repubblika Ċeka. B’konsegwenza ta’ dan, id-Direttiva 2004/17/KE tissokta tapplika meta entitajiet kontraenti jagħtu kuntratti bil-għan li jippermettu li titwettaq il-produzzjoni tal-elettriku fir-Repubblika Ċeka, jew meta jorganizzaw kompetizzjonijiet ta’ tfassil għat-twettiq ta’ dawk l-attivitajiet fir-Repubblika Ċeka.

(22)

Din id-Deċiżjoni hi bbażata fuq is-sitwazzjoni tad-dritt u tal-fatt minn Lulju sa Ottubru 2008 kif tidher mill-informazzjoni mressqa mir-Repubblika Ċeka, mill-Komunikazzjoni tal-2007 u mid-Dokument tal-Istaff tal-2007, mir-Rapport Finali kif ukoll mir-Rapport tal-Progress 2007 u l-anness tiegħu. Tista’ tiġi riveduta, jekk xi tibdiliet sinifikanti fis-sitwazzjoni legali jew fattwali jfissru li jintlaħqu l-kundizzjonijiet għall-applikabbiltà tal-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE mhux applikabbli għall-produzzjoni tal-elettriku fir-Repubblika Ċeka. B’konsegwenza ta’ dan, id-Direttiva 2004/17/KE għandha tissokta tapplika għal kuntratti mogħtija minn entitajiet kontraenti u maħsuba biex jippermettulhom iwettqu dawk l-attivitajiet fir-Repubblika Ċeka.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ċeka.

Magħmula fi Brussell, 22 ta’ Diċembru 2008.

Għall-Kummissjoni

Charlie McCREEVY

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 27, 30.1.1997, p. 20.

(3)  ĠU L 176, 15.7.2003, p. 37.

(4)  19,78 %. L-esportazzjoni totali kienet ta’ 31,45 % tal-produzzjoni netta totali, waqt li l-importazzjoni totali kienet ta’ 11,67 % tal-produzzjoni netta totali. Jekk ikkunsidrata f’relazzjoni mal-konsum nett domestiku tal-elettriku għall-2007 (bejn wieħed u ieħor 59,7 TWh skont l-awtoritajiet Ċeki), l-esportazzjoni totali kienet ta’ 42,88 % u l-esportazzjoni netta ta’ 26,97 %, waqt li l-importazzjoni totali kienet ta’ 15,91 % tal-konsum nett domestiku tal-elettriku.

(5)  Ara COM(2006) 851 finali tal-10.1.2007: Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Inkjesta skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fis-setturi Ewropej tal-gass u tal-elettriku, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “Rapport Finali”, Anness B, punt A.2.7, 339.

(6)  Ara Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/585/KE tas-7 ta’ Lulju 2008 li teżenta l-produzzjoni tal-elettriku fl-Awstrija mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri tal-akkwisti tal-entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u tal-posta, ĠU L 188 tas-16.7.2008, p. 28 u Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Settembru 2008 li tistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali japplika għall-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Polonja, ĠU L 251 tad-19.9.2008, p. 35.

(7)  Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali. Ara stqarrija għall-istampa IP/08/1774 tas-26.11.2008.

(8)  L-aktar riċenti fid-Deċiżjonijiet imsemmija fuq 2008/585/KE u 2008/741/KE.

(9)  COM(2008)192 finali tal-15.4.2008, f’dan li ġej imsejjaħ bħala “Anness għar-Rapport ta’ Progress tal-2007”. Ir-Rapport inniffsu, SEC(2008)460, sejjer jissejjaħ “Rapport ta’ Progress 2007”.

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2006 li tistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ xiri ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali japplika għall-produzzjoni tal-elettriku fl-Ingilterra, l-Iskozja u Wales, ĠU L 76, 15.3.2006, p. 6.

(11)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Frar 2007 li tistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ xiri ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u s-servizzi postali japplika għall-produzzjoni tal-elettriku fl-Ingilterra, l-Iskozja u Wales, ĠU L 62, 1.3.2007, p. 23.

(12)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 2008 li teżenta l-produzzjoni tal-elettriku fl-Awstrija mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tikkoordina l-proċeduri tal-akkwisti tal-entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u tal-posta, ĠU L 188, 16.7.2008, p. 28.

(13)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/741/KE tal-11 ta’ Settembru 2008 li tistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali japplika għall-produzzjoni u l-bejgħ bl-ingrossa tal-elettriku fil-Polonja, ĠU L 251, 19.9.2008, p. 35.

(14)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ġunju 2006 li tistabbilixxi li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Ġunju 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali japplika għall-produzzjoni u l-bejgħ tal-elettriku fil-Finlandja, ħlief għall-Gżejjer Åland, ĠU L 168, 21.6.2006, p. 33.

(15)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Ottubru 2007 li teżenta l-produzzjoni u l-bejgħ tal-elettriku fl-Iżvezja mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, t-trasport u dak postali, ĠU L 287, 1.11.2007, p. 18.

(16)  Ara l-punt 328 tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (it-Tielet Awla) tat-28 ta’ Frar 2002. Atlantic Container Line AB u Oħrajn vs il-Kummisjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Kawża T-395/94. Rapporti tal-Qorti Ewropea 2002 Paġna II-00875.

(17)  iġifieri l-kwantità tal-elettriku meħtieġa għall-konsum intern u l-esportazzjoni.

(18)  23,5 % skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Awstrijaċi.

(19)  Ara Premessa 10 tad-Deċiżjoni 2008/585/KE. “[…] l-elettriku importat jgħodd bejn wieħed u ieħor għal kwart tal-bżonnijiet kollha tagħha, b’mod partikulari għall-enerġija ta’ tagħbija bażi.”

(20)  Ara, per eżempju l-Premessa 12 tad-Deċiżjoni 2007/706/KE. Tabilħaqq, fil-każijiet tal-Finlandja u l-Iżvezja, tħalliet miftuħa l-eżistenza ta’ suq reġjonali, li, jekk jittieħed bħala referenza, l-livelli ta’ konċentrazzjoni jġibhom għal 40 %.

(21)  Ir-Rapport tal-2005, p. 9.

(22)  L-Anness Tekniku, p. 17.

(23)  Ara ir-Rapport fuq il-Progress 2007, p. 8, punt 7.


Top