EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0012

Direttiva 2008/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Marzu 2008 li temenda d-Direttiva 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi, fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni

ĠU L 76, 19.3.2008, p. 39–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/12/oj

19.3.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 76/39


DIRETTIVA 2008/12/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Marzu 2008

li temenda d-Direttiva 2006/66/KE dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta’ batteriji u ta’ akkumulaturi, fir-rigward tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2006/66/KE (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tipprovdi li ċerti miżuri għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (4),

(2)

Id-Deċiżjoni 1999/468/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE, li introduċiet il-proċedura regolatorja bi skrutinju għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u li huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ strument bażiku adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, inter alia, billi jiġu mħassra xi wħud minn dawn l-elementi jew billi jissuplimentaw l-istrument permezz ta’ elementi ġodda mhux essenzjali.

(3)

Skond id-dikjarazzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (5) dwar id-Deċiżjoni 2006/512/KE, sabiex il-proċedura regolatorja bi skrutinju tkun applikabbli għal strumenti adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 251 tat-Trattat, li huma diġa’ fis-seħħ, dawk l-istrumenti għandhom jiġu aġġustati skond il-proċeduri applikabbli.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadatta l-Anness III u tadotta u tirrevedi regoli dettaljati għall-esportazzjoni u għat-tikkettjar tal-batteriji u l-akkumulaturi. Peress li dawk il-miżuri huma ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali tad-Direttiva 2006/66/KE, inter alia, billi jissuplimentawha b’elementi ġodda mhux essenzjali, dawn għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(5)

Id-Direttiva 2006/66/KE għandha għalhekk tkun emendata skond dan.

(6)

Billi l-emendi magħmula lid-Direttiva 2006/66/KE permezz ta’ din id-Direttiva huma ta’ natura teknika u jikkonċernaw biss il-proċedura tal-kumitat, m’hemmx il-ħtieġa li dawn jiġu trasposti mill-Istati Membri. Għalhekk, mhux meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi

Id-Direttiva 2006/66/KE hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 10, il-paragrafu 4 għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Arranġamenti tranżitorji jistgħu jsiru skond il-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 24(2) biex jindirizzaw diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom Stat Membru biex jissodisfa r-rekwiżiti fil-paragrafu 2, minħabba ċirkostanzi nazzjonali speċifiċi.

Metodoloġija komuni għandha tiġi stabbilita għall-kalkolu tal-bejgħ annwali ta’ batteriji u akkumulaturi portabbli lill-konsumaturi finali sas-26 ta’ Settembru 2007. Dik il-miżura, imfassla sabiex temenda elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi tissupplimentaha, għandha tiġi adottata skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 24(3).”;

(2)

L-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 12(6), għandha tiġi ssostitwita b’dan li ġej:

“6.   L-Anness III jista’ jiġi adattat jew issupplimentat biex jitqies il-progress tekniku jew xjentifiku. Dawk il-miżuri, mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, inter alia billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 24(3).”;

(3)

Fl-Artikolu 15, il-paragrafu 3 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“3.   Għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikulari l-kriterji għall-evalwazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti msemmija fil-paragrafu 2. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 24(3).”;

(4)

L-Artikolu 17 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 17

Reġistrazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull produttur ikun irreġistrat. Ir-reġistrazzjoni għandha tkun soġġetta għall-istess rekwiżiti proċedurali f’kull Stat Membru. Tali rekwiżiti għar-reġistrazzjoni, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, billi jissuplimentawha, għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 24(3).”;

(5)

L-Artikolu 21 għandu jiġi emendat kif ġej:

(a)

Il-paragrafu 2 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kapaċità tal-batteriji u l-akkumulaturi portabbli u tal-vetturi tkun indikata fuqhom, b’mod li jidher, jinqara u ma jitħassarx, sas-26 ta’ Settembru 2009. Ir-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-rekwiżit, inklużi metodi armonizzati għad-determinazzjoni tal-kapaċità u l-użu xieraq, għandhom jiġu stipulati sa mhux aktar tard mis-26 ta’ Marzu 2009. Dawk il-miżuri, imfassla biex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissuplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 24(3).”;

(b)

Il-paragrafu 7 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“7.   Jistgħu jingħataw eżenzjonijiet mir-rekwiżiti tat-tikkettjar f’dan l-Artikolu. Dawk il-miżuri, imfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha, għandhom jiġu adottati skond il-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 24(3).”;

(6)

Fl-Artikolu 24, il-paragrafu 3 għandu jiġi ssostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4), u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 8 tagħha.”

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Strasburgu, 11 ta’ Marzu 2008.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

H.-G. PÖTTERING

Għall-Kunsill

Il-President

J. LENARČIČ


(1)  ĠU C 175, 27.7.2007, p. 57.

(2)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-24 ta’ Ottubru 2007 (għadha mhix pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Frar 2008.

(3)  ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1.

(4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23. Id-Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2006/512/KE (ĠU L 200, 22.7.2006, p. 11).

(5)  ĠU C 255, 21.10.2006, p. 1.


Top