Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1988

Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1007/ĠAI tal- 21 ta’ Diċembru 2006 li temenda d-Deċiżjoni Nru 2001/886/ĠAI dwar l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II)

ĠU L 411, 30.12.2006, p. 1–5 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 200M, 1.8.2007, p. 702–703 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2008: This act has been changed. Current consolidated version: 30/12/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1988/oj

1.8.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

702


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 1007/2006

tal-21 ta’ Diċembru 2006

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2424/2001 dwar l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 66 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/886/ĠAI tas-6 ta’ Di ċembru 2001 dwar l-iżvilupp tat-tieni ġenerazzjoni tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS II) (1) u r-Regolament (KE) Nru 2424/2001 (2) jikkostitwixxu l-bażi leġislattiva meħtieġa li tippermetti l-inklużjoni fil-baġit ta' l-Unjoni Ewropea l-approprjazzjonijiet finanzjarji meħtieġa għall-iżvilupp tas-SIS II u għall-eżekuzzjoni ta' dik il-parti tal-baġit. Kemm ir-Regolament (KE) Nru 2424/2001 kif ukoll id-Deċiżjoni 2001/886/ĠAI jiskadu fil-31 ta' Diċembru 2006.

(2)

L-iżvilupp tas-SIS II ser jieħu aktar fit-tul milli maħsub inizjalment u dan jeħtieġ id-disponibbiltà ta' approprjazzjonijiet finanzjarji wara l-31 ta' Diċembru 2006.

(3)

Għaldaqstant huwa meħtieġ li jiġi estiż il-perjodu ta' validità tar-Regolament (KE) Nru 2424/2001 sabiex il-Kummissjoni tkun tista' timplimenta dak il-baġit wara l-2006 sabiex tlesti l-proġett ta' żvilupp tas-SIS II inkluż l-istabbiliment ta' l-istruttura tal-komunikazzjoni.

(4)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 jiddikjaraw li għall-fażi ta' żvilupp tas-SIS II l-unità ċentrali tas-SIS II għandha tkun Franza u l-unità ċentrali ta' riserva għandha tkun fl-Awstrija suġġett għal ċerti arranġamenti li jkunu meħtieġa qabel ma s-sit isir operattiv. Il-ġestjoni operattiva u r-responsabbiltà għall-koperazzjoni mal-Kummissjoni għal dan is-sit għandhom ikunu r-responsabbiltà ta' Franza u ta' l-Awstrija rispettivament.

(5)

Huwa meħtieġ li jiġi mogħti lill-Kummissjoni l-kompitu tal-preparazzjoni ta' l-integrazzjoni teknika fis-SIS II, b'mod partikolari ta' l-Istati Membri li ngħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea fl-2004.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 2424/2001 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(7)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-adozzjoni fil-futur ta' l-istrumenti leġislattivi għall-istabbiliment, il-funzjonament u l-użu tas-SIS II.

(8)

Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka ma tipparteċipax fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u għalhekk mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta' Schengen taħt id-dispożizzjonijiet tat-Titolu IV tat-Tielet Parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, skond l-Artikolu 5 ta' l-imsemmi Protokoll, tiddeċiedi, f'perjodu ta' sitt xhur wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, jekk hijiex sejra timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha. Dan ir-Regolament u l-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fl-adozzjoni u l-applikazzjoni tiegħu huma mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti għall-parteċipazzjoni parzjali tar-Renju Unit fl-acquis ta' Schengen definiti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq sabiex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (3).

(9)

L-Irlanda qiegħda tipparteċipa fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament skond l-Artikolu 5 tal-Protokoll li jintegra l-acquis ta' Schengen fil-qafas ta' l-Unjoni Ewropea anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u l-Artikoli 5(1) u 6(2) tad-Deċizjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tad-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba ta' l-Irlanda sabiex tiehu sehem f'xi dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen (4).

(10)

Fir-rigward ta' l-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea mar-Repubblika ta' l-Iżlanda u mar-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen, li jaqgħu taħt il-qasam li għalih hemm referenza fl-Artikolu 1, il-punt G tad-Deċiżjoni 1999/437/KE (5) dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim.

(11)

Fir-rigward ta' l-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet ta' l-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis ta' Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt G tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien ma' l-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2004/860/KE (6), dwar l-iffirmar, f'isem il-Komunità Ewropea, u dwar l-applikazzjoni proviżorja ta' ċertu dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2424/2001 huwa b'dan emendat kif ġej:

1)

Għandha tiżdied is-sentenza li ġejja ma' l-Artikolu 2:

“L-iżvilupp jinkludi l-preparazzjoni ta' l-integrazzjoni teknika fis-SIS II, b'mod partikolari ta' l-Istati Membri li ngħaqdu ma' l-Unjoni Ewropea fl-2004.”;

2)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 4A

1.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabblità tal-Kummissjoni għall-iżvilupp tas-SIS II, l-unità ċentrali tas-SIS II għandha tkun fi Strasbourg (Franza) u l-unità ċentrali ta' riserva f'Sankt Johann im Pongau (l-Awstrija) matul l-iżilupp tas-sistema.

2.   Franza u l-Awstrija għandhom jipprovdu l-infrastruttura u l-mezzi xierqa sabiex jospitaw l-unità ċentrali u l-unità ċentrali ta' riserva tas-SIS II rispettivament matul l-iżvilupp tas-sistema.

3.   L-awtorità nazzjonali li tkun responsabbli mill-infrastruttura u l-mezzi msemmija fil-paragrafu 2 tista' tirċievi għotja mill-Komunità għat-tħejjija u l-manutenzjoni tas-sit jew għall-fornitura ta' servizzi oħra meħtieġa sabiex tkun ospitata s-SIS II matul l-iżvilupp tagħha.”

3)

Fl-Artikolu 7, it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:

“Għandu jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2008.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 21 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)  ĠU L 328, 13.12.2001, p. 1.

(2)  ĠU L 328, 13.12.2001, p. 4.

(3)  ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

(4)  ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

(5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

(6)  ĠU L 370, 17.12.2004, p. 78.


Top