EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0028

Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 18 ta' Jannar 2006 dwar estensjoni tal-perjodu massimu biex jitwaħħlu l-lametti tal-widnejn fuq ċerti annimali bovini (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 43) Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 19, 24.1.2006, p. 32–33 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 118M, 8.5.2007, p. 88–89 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Imħassar b' 32019R2035

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/28(1)/oj

8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

88


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-18 ta' Jannar 2006

dwar estensjoni tal-perjodu massimu biex jitwaħħlu l-lametti tal-widnejn fuq ċerti annimali bovini

(innotifikata taħt dokument numru C(2006) 43)

(Test b' rilevanza għaż-ŻEE)

(2006/28/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-talbiet magħmula mill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Ċerti Stati Membri talbu skond ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 li l-perjodu massimu stabbilit biex jitwaħħlu l-lametti tal-widnejn fuq l-annimali bovini jiġi estiż għal sitt xhur meta l-annimali jinżammu taħt kundizzjonijiet ta' tmexxija speċifika u meta n-nuqqasijiet naturali speċifiċi taż-żona u l-imġieba aggressiva ħafna ta' l-annimali jagħmlu diffiċli u anke perikoluż li jitwaħħlu l-lametti tal-widnejn fl-20 ġurnata wara t-twelid ta' l-annimali.

(2)

L-estensjoni tal-perjodu massimu biex jitwaħħlu l-lametti tal-widnejn għandu jiġi permess f'dawk iċ-ċirkustanzi u suġġett għal ċerti salvagwardji. B'mod partikolari jinħtieġ li jiġi żgurat li l-kwalità ta' l-informazzjoni pprovduta mid-dejtabejż għall-annimali bovini mhijiex affettwata ħażin u li l-ebda annimali bovini li ma twaħħlulhomx il-lametti tal-widnejn ma jiċċaqalqu.

(3)

Din l-estensjoni għandha tapplika biss għall dawk l-istabbilimenti agrikoli li ġew awtorizzati individwalment mill-Istati Membri kkonċernati skond il-kriterji ddefiniti b'mod ċar.

(4)

Minħabba li l-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw fl-Istati Membri kollha, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/589/KE tat-12 ta' Ottubru 1998 dwar estensjoni tal-perjodu massimu biex jitwaħħlu l-lametti tal-widnejn fuq ċerti annimali bovini lill-merħliet Spanjoli (2), li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi għas-Spanja għandha tiġi rrevokata.

(5)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni skond l-opinjoni tal-Kumitat għall-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni għall-estensjoni tal-perjodu għat-twaħħil tal-lametti tal-widnejn

L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-istabbilimenti agrikoli li jestendu għal sitt xhur il-perjodu massimu stabbilit fl-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 biex jitwaħħlu l-lametti tal-widnejn ma' l-għoġġiela tal-baqar li jreddgħu li ma jintużawx għall-produzzjoni tal-ħalib, provdut illi jintlaħħqu l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2 sa 5 għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-kundizzjonijiet biex tingħata l-awtorizzazzjoni

1.   L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-awtorizzazzjonijiet kif previst fl-Artikolu 1 sakemm huma sodisfatti li intlaħħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a)

l-istabbiliment agrikolu huwa farm fejn l-annimali jitħallew jimirħu fejn il-baqar tat-treddigħ jitrabbew taħt kundizzjonijiet estensivi;

b)

iż-żona fejn jinżammu l-annimali għandha nuqqasijiet naturali kbar li jwasslu għal inqas kuntatt fiżiku ma' l-umani;

ċ)

l-annimali mhumiex mdorrija b'kuntatt regolari ma' l-umani u juru mġieba agressiva ħafna;

d)

meta jitwaħħlu l-lametti tal-widnejn, kull għoġol żgħir jista' jiġi assenjat b'mod ċar lil ommu.

2.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-kriterji addizzjonali, b'mod partikolari biex jirrestrinġu l-awtorizzazzjonijiet kif previst fl-Artikolu 1 għal reġjunijiet ġeografiċi partikolari jew għal razez speċifiċi.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni jekk japplikaw din id-deċiżjoni u jinfurmawha b'xi kriterji addizzjonali li stipulaw skond il-paragrafu 2.

Artikolu 3

It-twaħħil tal-lametti tal-widnejn

Fuq stabbiliment l-awtorizzazzjonijiet mogħtija kif previst fl-Artikolu 1, il-lametti tal-widnejn se jitwaħħlu skond li jinżerta l-iktar tard, meta l-għoġol żgħir:

jilħaq l-età ta' sitt xhur;

jiġi separat minn ommu;

jitlaq l-istabbiliment agrikolu.

Artikolu 4

Id-dejtabejż kompjuterizzata

1.   L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra fid-dejtabejż kompjuterizzat għall-annimali bovini msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 l-awtorizzazzjonijiet kif previsti fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni fir-rigward l-istabbilimenti agrikoli fejn ingħataw.

2.   Dawk li jrabbu l-annimali għandhom, meta jirraportaw it-twelid ta' kull annimal skond l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, jinfurmaw l-awtorità kompetenti dwar xi annimal li skond din id-Deċiżjoni l-lametti ta' widnejn għadhom ma twaħħlulux.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tirreġistra l-annimali li ma twaħħlulhomx l-lametti tal-widnejn meta twieldu bħala annimali bla tikketta fid-dejtabejż kompjuterizzat għall-annimali bovini.

Artikolu 5

Kontrolli

L-awtorità kompetenti għandha ta' kull sena tagħmel għallinqas spezzjoni waħda f'kull stabbiliment agrikolu li ngħata awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 1. Għandha tneħħi l-awtorizzazzjoni jekk il-kundizzjonijiet msemmija fl-Artikolu 2 m'għadhomx qegħdin jintlaħħqu.

Artikolu 6

Revoka

Id-Deċiżjoni 98/589/KE hi rrevokata.

Artikolu 7

Destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Jannar 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1. Regolament kif emendat mill-Att ta' Adeżjoni ta' l-2003.

(2)  ĠU L 283, 21.10.1998, p. 19. Deċiżjoni kif emendata mid-Deċiżjoni 99/520/KE (ĠU L 199, 30.7.1999, p. 72).


Top