Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R2125

    2125/2005/KE: Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2125/2005 tat- 22 ta’ Diċembru 2005 li tistabbilixxi l-miżuri tranżitorji li oriġinaw mill-adozzjoni ta' arranġamenti tal-kummerċ imtejba li jikkonċernaw l-esportazzjoni ta' ċerti prodotti agrikoli pproċessati għar-Rumanija

    ĠU L 340, 23.12.2005, p. 31–32 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 321M, 21.11.2006, p. 389–390 (MT)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 18/01/2011

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/2125/oj

    21.11.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    389


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 2125/2005

    tat-22 ta’ Diċembru 2005

    li tistabbilixxi l-miżuri tranżitorji li oriġinaw mill-adozzjoni ta' arranġamenti tal-kummerċ imtejba li jikkonċernaw l-esportazzjoni ta' ċerti prodotti agrikoli pproċessati għar-Rumanija

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3448/93 tas-6 ta' Diċembru 1993 li jistabbilixxi l-arranġamenti kummerċjali applikabbli għal ċerti oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar tal-prodotti agrikoli (1), b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Dan l-aħħar il-Komunità kkonkludiet ftehim ta’ kummerċ għall-prodotti agrikoli pproċessati mar-Rumanija bħala preparazzjoni għall–adeżjoni tagħha fil-Komunità Dan l-arranġament jipprovdi għall-konċessjonijiet li jinvolvu, min-naħa tal-Komunità, l-abolizzjoni ta’ rifużjonijiet ta’ l-esportazzjoni fuq ċerti prodotti agrikoli pproċessati.

    (2)

    Id-Deċiżjoni Nru 3/2005 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Rumanija li tikkonċerna t-titjib ta’ l-arranġamenti għall-kummerċ għall-prodotti agrikoli pproċessati kif ipprovdut fil-Protokoll 3 tal-Ftehim Ewropew (2) tipprovdi għall-abolizzjoni ta’ rifużjonijiet fuq prodotti agrikoli pproċessati li m’humiex elenkati f’Anness I tat-Trattat meta dawn huma esportati lejn ir-Rumanija, mill-1 ta’ Diċembru. 2005.

    (3)

    Bħala kumpens għall-abolizzjoni ta’ rifużjonijiet ta’ l-esportazzjoni kif stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 3/2005 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni KE-Rumanija, l-awtoritajiet Rumeni ħadu r-responsabbilità li jikkonċedu arranġamenti reċiproki preferenzjali ta’ importazzjoni ta’ prodotti impurtati fit-territorju tagħhom jekk il-prodotti kkonċernati jkunu akkumpanjati b’kopja tad-dikjarazzjoni ta’ l-esportazzjoni li jkun fiha annotament speċjali li jindika li m’humiex eliġibbli għall-ħlas ta’ rifużjoni ta’ l-esportazzjoni. Ir-rata totali tad-dazju tapplika fl-assenza ta’ dan it-tip ta’ dokument.

    (4)

    Bid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 3/2005 tal-Kunsill ta’ Assoċjazjoni KE-Rumanija, dawk il-prodotti li għalihom l-operaturi jkunu applikaw għaċ-certifikati tar-rifużjonijiet skond ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1043/2005 tat-30 ta' Ġunju 2005 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill 3448/93 dwar is-sistema ta’ għotja ta’ rifużjonijiet ta’ l-esportazzjoni fuq ċerti prodotti agrikoli esporatati fil-forma ta' prodotti mhux koperti mill-Anness I tat-Trattat, u l-kriterji biex jiġi ffissat l-ammont ta’ dawn ir-rifużjonijiet (3), mhux se jkunu eliġibbli iktar għar-rifużjoni meta jiġu esportati lejn ir-Rumanija.

    (5)

    It-tnaqqis ta' ċertifikati ta' rifużjoni u r-rilaxx pro rata tal-garanzija li tikkorrispondi magħhom għandhom ikunu permessi fejn l-operaturi jistgħu juru b’mod li jissodisfa lill-awtorità nazzjonali kompetenti li t-talba tagħhom għar-rifużjonijiet saret sad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 3/2005 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Rumanija. Meta jkunu qegħdin jiġu evalwati t-talbiet għal tnaqqis ta' l-ammont taċ-ċertifikati u r-rilaxx proporzjonali tal-garanzija rilevanti, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha, f’każijiet ta’ dubju, tagħti attenzjoni partikolarment għad-dokumenti li jirreferi għalihom l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4045/89 ta’ l-21 ta’ Diċembru 1989 dwar l-iskrutinju mill-Istati Membri ta’ transazzjonijiet li jiffurmaw parti mis-sistema ta’ finanzjament mis-sezzjoni ta’ Garanziji tal-Gwida Agrikola u tal-Fond ta’ Garanziji ta’ l-Unjoni Ewropea u li qed iħassar id-Direttiva numru 77/435/KEE (4) mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' dak ir-Regolament. Għal raġunijiet amministrattivi, ikun adegwat li jiġi pprovdut li t-talbiet għal tnaqqis ta' l-ammont taċ-ċertifikat tar-rifużjoni jridu jsiru f’perijodu qasir u li l-ammonti fuq liema t-tnaqqis ġie aċċettat għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni fil-ħin biex dawn jiġu inklużi fid-determinazzjoni ta' l-ammont fuq liema se jinħarġu ċertifikati tar-rifużjoni għall-użu mill-1 ta' Frar 2006 skond ir-Regolament (KE) Nru 1043/2005.

    (6)

    Il-miżuri pprovvduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni dwar kwistjonijiet orizzontali li jikkonċernaw il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli pproċessati mhux elenkati fl-Anness I tat-Trattat,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Prodotti li għalihom ir-rifużjonijiet ta’ l-esportazzjoni tneħħew bid-Deċiżjoni Nru 3/2005 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Rumanija se jkunu jistgħu jiġu impurtati ħielsa mid-dazji doganali, ħielsa mid-dazji doganali fi ħdan il-kwoti, jew b'rati ta' dazju doganali mnaqqsa ġor-Rumanija jekk il-prodotti kkonċernati jkunu akkumpanjati minn dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni kompluta kif suppost bl-annotament li ġej f’Kaxxa 44:

    “Rifużjoni ta’ l-Esportazzjoni: 0 EUR/Deċiżjoni Nru 3/2005 tal-Kunsill ta’ Assoċjazjoni KE-Rumanija”.

    Artikolu 2

    1.   Ċertifikati ta' rifużjoni maħruġa skond ir-Regolament (KE) Nru 1043/2005 fir-rigward ta' l-esportazzjonijiet tal-prodotti li għalihom tneħħew ir-rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni bid-Deċiżjoni Nru 3/2005 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Rumanija jistgħu, fuq talba tal-parti interessata, jitnaqqsu skond il-kondizzjonijiet ipprovduti fil-paragrafu 2.

    2.   Sabiex ikunu eliġibbli għat-tnaqqis ta' l-ammont taċ-ċertifikat tar-rifużjoni, iċ-ċertifikati msemmija fil-paragrafu 1 iridu jkunu saru applikazzjonijiet għalihom qabel id-data li fiha tidħol fis-seħħ id-Deċiżjoni Nru 3/2005 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Rumanija u l-perijodu ta' validità tagħhom għandu jiskadi wara t-30 ta’ Novembru 2005.

    3.   Iċ-ċertifikat se jitnaqqas bl-ammont li għalih il-parti interessata ma tistax titlob rifużjonijiet ta' l-esportazzjoni wara li tidħol fis-seħħ id-Deċiżjoni Nru 3/2005 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KE-Rumanija, kif muri għas-sodisfazzjon ta' l-awtorità nazzjonali kompetenti.

    Fil-valutazzjoni tagħhom l-awtoritajiet kompetenti għandhom, f'każijiet ta' dubju, jagħtu attenzjoni b'mod partikolari lid-dokumenti kummerċjali msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KEE) Nru 4045/89.

    4.   Il-garanzija rilevanti se tiġi meħlusa fi proporzjon mat-tnaqqis ikkonċernat.

    Artikolu 3

    1.   Sabiex ikunu eliġibbli għall-kunsiderazzjoni skond l-Artikolu 2, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tirċievi t-talbiet sa mhux aktar tard mis-7 ta’ Jannar 2006.

    2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni mhux iktar tard mill-14 ta’ Jannar 2006 dwar l-ammonti li għalihom it-tnaqqis ġie aċċettat skond l-Artikolu 2(3) ta' dan ir-Regolament. L-ammonti nnotifikati għandhom jiġu kkonsidrati għad-determinazzjoni ta' l-ammont li għalih iċ-ċertifikati ta' rifużjoni għall-użu mill-1 ta' Frar 2006 għandhom joħorġu skond il-punt (ċ) ta' l-Artikolu 33 tar-Regolament (KE) Nru 1043/2005.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata minn meta ssir il-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, nhar it-22 ta’ Diċembru 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Gunter VERHEUGEN

    Viċi-President


    (1)  ĠU L 318, ta’ l-20.12.1993, p. 18. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2580/2000 (ĠU L 298, tal-25.11.2000, p. 5).

    (2)  ĠU L 324, tal-10.12.2005, p. 26.

    (3)  ĠU L 172, tal-5.7.2005, p. 24.

    (4)  ĠU L 388, tat-30.12.1989, p. 18. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 2154/2002 (ĠU L 328, tal-5.12.2002, p. 4).


    Top