EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32003L0122

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/122/EURATOM tat-22 ta' Diċembru 2003 dwar il-kontroll ta' sorsi radjoattivi siġillati ta'attività għolja

ĠU L 346, 31.12.2003, p. 57–64 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 05/02/2018; Imħassar b' 32013L0059

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/122/oj

32003L0122



Official Journal L 346 , 31/12/2003 P. 0057 - 0064


Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/122/EURATOM

tat-22 ta' Diċembru 2003

dwar il-kontroll ta' sorsi radjoattivi siġillati ta'attività għolja

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikoli 31(2) u 32 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, imfassla wara li nkisbet l-opinjoni ta' grupp ta' persuni maħtura mill-Kumitat Xjentifiku u Tekniku minn esperti fl-Istati Membri, skond l-Artikolu 31 tiegħu,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ewropew Ekonomiku u Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

(1) L-Artikolu 30 tat-Trattat jitlob li standards bażiċi għandhom jiġu preskritti fil-Komunità għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra perikli mir-radjazzjoni jonizzanti.

(2) Id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tat-13 ta' Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta' sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra perikli minn radjazzjoni jonizzanti [2], tkompli mal-linji ta' direttivi li jippreskrivu standards ta' sigurtà bażika sa mill-1959.

(3) L-Artikolu 4(1)(e) tad-Direttiva 96/29/Euratom jeħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel għal, fost prattiċi oħra, l-użu ta' sorsi radjoattivi għal radjografija industrijali jew proċessar ta' prodotti jew riċerka jew l-esponiment ta' persuni għal trattament mediku. Hu xieraq li din il-ħtieġa tinfirex għall-prattiċi kollha li jinvolvu sorsi radjoattivi ta' attività għolja biex tkompli tonqos il-probabbiltà ta' aċċidenti li jinvolvu lil dawn is-sorsi.

(4) Qabel l-awtorizzazzjoni, għandu jkun hemm arranġamenti adegwati u preparamenti għall-amministrazzjoni bla periklu tas-sorsi.

(5) L-Aġenzija Internazzjonali ta' l-Enerġija Atomika (AIEA) toħroġ regolamenti għat-trasport bla periklu ta' materjal radjoattiv li jinkludu limiti ta' attività għall-ħtiġijiet tar-regolamenti, li għandhom joħolqu bażi xierqa għad-definizzjoni ta' sorsi radjoattivi siġillati ta' attività għolja fl-ambitu ta' din id-Direttiva [3].

(6) Fid-Direttiva 96/29/Euratom valuri ta' eżenzjoni ġew stabbiliti għar-rappurtaġġ ta' prattika lill-awtoritajiet. Dawn il-valuri ġew imfissra f'dik id-Direttiva fuq il-bażi ta' livell ta' riskju negliġibbli. Billi l-ħtiġijiet ta' din id-Direttiva m'għandhomx ikunu ta' piż amministrattiv għas-sidien ta' sorsi żgħar li ma jkunx fi proporzjon mal-possibiltà ta' xi ħsara għas-saħħa, id-definizzjoni ta' sorsi radjoattivi ta' attività għolja m'għandhiex tiġi estiża għal-livelli ta' eżenzjoni tad-Direttiva 96/29/Euratom.

(7) Tagħbijiet bil-baħar ta' sorsi siġillati bejn Stati Membri huma suġġetti għall-proċedura stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1493/93 tat-8 ta' Ġunju 1993 dwar it-trasport ta' tagħbijiet bil-baħar ta' sustanzi radjoattivi bejn l-Istati Membri [4].

(8) Għalkemm il-ħtiġijiet legali li joħorġu mil-leġislazzjoni f'livell ta' Komunità u dak nazzjonali jiżguraw ħarsien bażiku, sorsi ta' attività għolja għadhom xorta jfissru possibbiltà konsiderevoli ta' riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent u għalhekk hemm bżonn li jkunu suġġetti għal kontroll strett minn meta jkunu manifatturati sa meta jitpoġġew f'xi stallazzjoni magħrufa għall-ħażna fit-tul jew għar-rimi tagħhom.

(9) Il-prevenzjoni ta' aċċidenti u korrimenti radjoloġiċi teħtieġ li l-post ta' kull sors ta' attività għolja jkun magħruf, reġistrat u verifikat minn meta s-sors ikun manifatturat jew impurtat fil-Komunità sa meta jitqiegħed fi stallazzjoni magħrufa għall-ħażna fit-tul tiegħu jew għar-rimi jew sakemm ikun esportat mill- Komunità. Bidliet fis-sitwazzjoni ta' sors ta' attività għolja, e.g il-post fejn qiegħed jew l-użu, għandhom ukoll ikunu reġistrati u notifikati. Ostakli fiżiċi jew finanzjarji m'għandhomx ifixklu lil dawn is-sorsi milli jerġgħu jintużaw kif xieraq, jew riċiklati jew mormija meta ma baqgħux jintużaw taħt kull ċirkostanza li setgħet raġonevolment tkun prevista.

(10) Każi ta' esponiment bla ħsieb għandhom jiġu notifikati lill-awtoritajiet kompetenti.

(11) Iċ-ċaqliq fi ħdan il-Komunità ta' sorsi ta' attività għolja joħloq il-ħtieġa li jkun armonizzat il-kontroll ta', u l-informazzjoni fuq sorsi bħal dawn bl-applikazzjoni ta' kriterji minimi.

(12) L-esperjenza turi illi, minkejja l-eżistenza ta' qafas xieraq regolatorju, il-kontroll ta' sorsi ta' attività għolja xorta jista' jintilef. Barra hekk, l-eżistenza ta' sorsi orfni b'riżultat ta' attivitajiet ta' l-imgħoddi teħtieġ li jittieħdu inizjattivi speċifiċi.

(13) Għaldaqstant, hemm bżonn li wieħed jiddisponi għall-identifikazzjoni, markar u reġistrazzjoni ta' kull sors ta' attività għolja kif ukoll għal taħriġ speċifiku u tagħrif għal dawk kollha involuti f'attivitajiet relatati ma' l-użu ta' sorsi. Madankollu, il-markar ta' sorsi eżistenti ta' attività għolja permezz ta' inċiżjoni jew stampar minn persuni għajr il-manifattur jistgħu joħolqu problemi u għandhom ikunu evitati. Huwa wkoll rakkomandabbli li jkun provdut taħriġ u informazzjoni għal dawk li jistgħu aċċidentalment ikollhom jiffaċċaw xi sorsi orfni.

(14) Hu wkoll meħtieġ li jkunu provduti mezzi xierqa biex wieħed ikun jista' jittratta sorsi ta' attività għolja orfni għal raġunijiet ta' koperazzjoni internazzjonali u bdil ta' informazzjoni f'dan il-qasam, għal raġunijiet ta' spezzjoni u, fl-aħħarnett, biex jinħolqu provvedimenti finanzjarji għal każijiet meta s-sid oriġinali jew ma' jkunx jista' jiġi identifikat jew, anke jekk ikun identifikat, jinstab li jkun fallut.

(15) L-Istati Membri għandhom jippreskrivu regoli dwar penali applikabbli għal ksur tad-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva u jiżguraw li dawn jiġu implimentati; dawn il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Skop u Ambitu

1. L-iskop ta' din id-Direttiva hu l-prevenzjoni ta' esponiment tal-ħaddiema u l-pubbliku għal radjazzjoni jonizzanti kaġunata minn nuqqas ta' kontroll ta' sorsi radjoattivi ssiġillati ta' attività għolja u sorsi orfni u l-armonizzazzjoni ta' kontrolli fil-post fl-Istati Membri billi jiġu definiti ħtiġijiet speċifiċi li jiżguraw li kull sors jinżamm taħt kontroll.

2. Din id-Direttiva tapplika għal sorsi ta' attività għolja kif imfisser fl-Artikolu 2. Stati Membri jistgħu jeskludu sorsi mill-ambitu ta' din id-Direttiva la darba l-attività tagħhom tkun niżlet għal inqas mill-livelli ta' eżenzjoni speċifikati fid-Direttiva 96/29/Euratom.

3. L-obbligi minimi li joħorġu minn din id-Direttiva jissupplimentaw lil dawk preskritti fid-Direttiva 96/29/Euratom.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) "sors orfni" tfisser sors issiġillat, li l-livell ta' attività tiegħu, fil-ħin li jkun skopert, ikun ogħla mil-livell ta' eżenzjoni msemmi fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 96/29/Euratom, u li ma jkunx taħt kontroll regolatorju, jew għaliex qatt ma kien taħt kontroll regolatorju jew għaliex kien abbandunat, mitluf, mhux f'postu, misruq jew trasferit, bla notifika kif suppost lill-awtorità kompetenti, lil xi sid ġdid jew bla ma ġie infurmat ir-riċevitur;

(b) "sors ta' attività għolja", hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ "sors", ifisser sors issiġillat li jkun fih radjonuklidu li l-attività tagħha waqt il-manifattura jew, jekk din ma tkunx magħrufa, meta titqiegħed l-ewwel darba fis-suq tkun ugwali għal- jew ogħla mil-livell ta' attività rilevanti speċifikata fl-Anness I;:

(ċ) "prattika" għandha t-tifsira mogħtija lilha bid-Direttiva 96/29/Euratom;

(d) "awtorizzazzjoni" tfisser permess mogħti f'dokument mill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba, biex titwettaq prattika li tinvolvi sors;

(e) "awtorità kompetenti" tfisser kull awtorità indikata mill-Istat Membru biex twettaq xogħlijiet skond din id-Direttiva;

(f) "sorsi mhux użati" tfisser sorsi li m'għadhomx jintużaw jew li m'għadx hemm il-ħsieb li jintużaw għall-prattika li għaliha ngħatat l-awtorizzazzjoni;

(g) "sid" tfisser kull persuna naturali jew ġuridika responsabbli skond il-liġi nazzjonali għal xi sors, inklużi fabbrikanti, fornituri u utenti ta' sorsi bla ma huma inklużi "stallazzjonijiet magħrufa";

(h) "fabbrikant" tfisser kull persuna naturali jew ġuridika li timmanifattura xi sors;

(i) "stallazzjoni magħrufa" tfisser faċilità li tkun qiegħda fit-territorju ta' Stat Membru awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat skond il-liġi nazzjonali dwar il-ħażna fit-tul jew rimi ta' sorsi jew stallazzjoni debitament awtorizzata skond il-liġi nazzjonali biex taħżen sorsi temporanjament;

(j) "ħaddiem espost" għandha t-tifsira mogħtija lilha bid-Direttiva 96/29/Euratom;

(k) "sors issiġillat" għandha t-tifsira mogħtija lilha bid-Direttiva 96/29/Euratom u tinkludi l-kapsola, meta jkun il-każ, li jkollha ġo fiha materjal radjoattiv bħala parti integrali mis-sors;

(l) "fornitur" tfisser kull persuna naturali jew ġuridika li tforni xi sors jew tagħmlu disponibbli

(m) "trasferiment" ta' sors tfisser trasferiment ta' sors min sid għal ieħor;

(n) "kontenitur ta' sors" tfisser il-konteniment ta' sors issiġillat li ma jkunx parti integrali mis-sors, iżda li jkun maħsub għat-trasport, maniġġjar, eċċ.

Artikolu 3

Awtorizzazzjoni

1. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu lis-sid li jikseb awtorizzazzjoni minn qabel għal kull prattika li tinvolvi xi sors, inkluż il-pussess ta' sors.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, qabel joħorġu awtorizzazzjoni:

(a) arranġamenti adegwati, inklużi dawk li joħorġu minn din id-Direttiva, ikunu saru għall-amministrazzjoni bla periklu ta' sorsi, inkluż meta s-sorsi ma jibqgħux fl-użu. Dawn l-arranġamenti ta' l-aħħar jistgħu jiddisponu għat-trasferiment ta' dawn is-sorsi lill-fornitur jew biex jitqiegħdu fi stallazzjoni magħrufa jew għal obbligu tal-fabbrikant jew il-fornitur li jirċievi dawn is-sorsi;

(b) provvediment adegwat, fis-sens ta' garanzija finanzjarja jew xi mezz ieħor ekwivalenti li jkun xieraq għas-sors in kwistjoni, ikun sar għall-maniġġjar ta' sorsi bla periklu meta jkunu saru sorsi li ma jintużawx aktar, inkluż il-każ meta sid jispiċċa fallut jew jispiċċalu n-negozju.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjoni tkopri:

(a) responsabbiltajiet;

(b) kompetenzi minimi ta' persunal, inklużi informazzjoni u taħriġ;

(ċ) kriterji minimi ta' prestazzjoni ta' sorsi, kontenituri ta' sorsi u tagħmir addizzjonali;

(d) ħtiġijiet ta' proċeduri ta' emerġenza u ħoloq ta' komunikazzjoni;

(e) proċeduri dwar xogħlijiet li għandhom jiġu segwiti;

(f) manutenzjoni ta' tagħmir, sorsi u kontenituri;

(g) maniġġjar adegwat ta' sorsi li ma baqgħux jintużaw, inklużi ftehimiet dwar it-trasferiment, jekk ikun il-każ, ta' sorsi li ma baqgħux jintużaw lil xi fornitur, sid awtorizzat ieħor jew xi stallazzjoni magħrufa,.

Artikolu 4

Trasferimenti

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema li biha jkunu nfurmati adegwatament bi trasferimenti ta' sorsi individwali.

Artikolu 5

Reġistri

1. Is-sid għandu jżomm reġistri tas-sorsi kollha taħt ir-responsabbiltà tiegħu, fejn qegħdin u t-trasferiment tagħhom. Ir-reġistri għandhom jinkludu l-informazzjoni preskritta fl-Anness II. Din l-informazzjoni tista' tiġi reġistrata fuq folja standard ta' reġistrazzjoni skond il-paragrafu 5.

2. Is-sid għandu jgħaddi lill-awtorità kompetenti kopja elettronika jew bil-miktub tar-reġistri imsemmija fil-paragrafu 1, kif meħtieġ mill-Istat Membru konċernat

- bla telf ta' żmien, waqt l-istabbiliment ta' dawn ir-reġistri, li għandu jkun kemm jista' jkun possibbli wara li s-sors ikun inkiseb

- f'intervalli, li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri/awtoritajiet kompetenti, ta' mhux aktar minn 12-il xahar wara,

- jekk is-sitwazzjoni indikata fil-folja ta' informazzjoni tkun inbidlet,

- bla telf ta' żmien malli jingħalqu r-reġistri ta' xi sors speċifiku meta s-sid ma baqax aktar iżomm dan is-sors,

- bla telf ta' żmien malli jingħalqu dawn ir-reġistri meta s-sid ma baqax aktar iżomm xi sorsi, u

- kull meta jintalbu dan mill-awtoritajiet kompetenti.

Ir-Reġistri tas-sid għandhom ikunu disponibbli għal spezzjoni mill-awtoritajiet kompetenti.

3. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu reġistri ta' sidien awtorizzati u tas-sorsi li jkollhom. Dawn ir -Reġistri għandhom jinkludu r-radjonuklidu involut, l-attività fil-ħin tal-manifattura, jew jekk din l-attività ma tkunx magħrufa, l-attività meta tpoġġiet l-ewwel darba fis-suq jew meta s-sid kiseb is-sors, u t-tip ta' sors.

4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu r -Reġistri aġġornati, waqt li jqisu trasferimenti, fost fatturi oħra.

5. Il-Kummissjoni tagħmel disponibbli f'għamla elettronika il-folja standard tar-record għar-Reġistri preskritti fl-Anness II.

6. Il-Kummissjoni tista', skond il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 17, taġġorna l-informazzjoni meħtieġa preskritta fl-Anness II u l-folja standard tar-record għar-Reġistri preskritti fl-Anness II.

Artikolu 6

Ħtiġijiet għas-sidien

Kull sid ta' xi sors għandu:

(a) jiżgura li testijiet kif imiss, bħal testijiet għal xi tnixxija bażati fuq standards internazzjonali, jitwettqu regolarment bħala ċċekkjar u manutenzjoni ta' l-integrità ta' kull sors;

(b) jivverifika regolarment, f'intervalli speċifiċi li jistgħu ikunu stabbiliti mill-Istati Membri, li kull sors u, meta rilevanti, it-tagħmir li jkun fih is-sors, għadu hemm u minn dak li jidher f'kondizzjoni tajba fil-post fejn jintuża jew fejn jinħażen;

(ċ) jiżgura li kull sors fiss jew mobbli jkun suġġett għal miżuri dokumentati adegwati, bħal protokolli u proċeduri bil-miktub, bl-għan li ma jitħalliex aċċess mhux awtorizzat jew telf jew serq tas-sors jew li jsirlu xi ħsara bin-nar;

(d) javża minnufih lill-awtorità kompetenti b'xi telf, serq jew xi użu mhux awtorizzat ta' xi sors, jirranġa biex ikun iċċekkjat kull sors wara dak li jkun ġara, inkluż qbid, illi seta' għamel xi ħsara lis-sors u, jekk ikun il-każ, jinforma b'dan lill-awtorità kompetenti u x'passi ttieħdu;

(e) jieħu lura kull sors li m'għadux jintuża lill-fornitur jew iqiegħdu fi stallazzjoni magħrufa jew jittrasferih lil xi sid awtorizzat ieħor sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor ma' l-awtorità kompetenti, bla telf żejjed ta' żmien wara li jitwaqqaf l-użu;

(f) jiżgura illi, qabel ma' jsir xi trasferiment, ir-riċevitur ikollu l-awtorizzazzjoni meħtieġa

(g) javża minnufih lill-awtorità kompetenti b'xi inċident jew aċċident li jkun irriżulta minn esponiment bla ħsieb ta' xi ħaddiem jew membru tal-pubbliku.

Artikolu 7

Identifikazzjoni u markar

1. Il-fabbrikant irid jidentifika jew, fil-każ ta' sorsi importati minn barra l-Komunità, il-fornitur irid jiżgura li kull sors ikun identifikat b'numru għalih. Dan in-numru irid ikun inċiż jew stampat fuq is-sors, meta dan hu prattikabbli.

Dan in-numru jrid ukoll jiġi inċiż jew stampat fuq il-kontenitur tas-sors. Jekk dan ma jkunx possibbli jew fil-każ ta' kontenituri għat-trasport li jistgħu jerġgħu jintużaw, il-kontenitur tas-sors għandu mill-inqas ikollu informazzjoni dwar in-natura tas-sors.

Il-fabbrikant jew il-fornitur għandu jiżgura li l-kontenitur tas-sors u, meta prattikabbli, is-sors ikun immarkat u tikkettjat b'sinjal xieraq li jwissi n-nies bil-periklu tar-radjazzjoni.

Il-fabbrikant irid jipprovdi ritratt tat-tip ta' disinn manifatturat ta' kull sors u tal-kontenitur ta' sors tipiku.

2. Is-sid għandu jiżgura li kull sors ikollu miegħu informazzjoni bil-miktub li tindika li s-sors hu identifikat u mmarkat b'konformità mal-paragrafu 1 u li l-markar u t-tikkettjar imsemmija fil-paragrafu 1 jibqgħu jinqraw. L-informazzjoni trid tinkludi ritratti tas-sors, tal-kontenitur tas-sors, ta' l-imballaġġ għat-trasport, tad-disinn u t-tagħmir kif approprjat.

Artikolu 8

Taħriġ u informazzjoni

1. Fil-preparament għal informazzjoni u taħriġ fil-qasam tal-ħarsien mir-radjazzjoni f'konformità ma' l-Artikolu 22 tad-Direttiva 96/29/Euratom, is-sid għandu jiżgura li taħriġ bħal dan ikun jinkludi ħtiġijiet speċifiċi dwar il-maniġġjar ta' sorsi bla periklu.

L-informazzjoni u t-taħriġ għandhom jagħmlu enfasi partikolari fuq il-ħtiġijiet ta' sigurtà li hemm bżonn u għandu jkun fihom informazzjoni speċifika dwar il-konsegwenzi possibbli jekk jintilef il-kontroll adegwat ta' xi sorsi.

L-informazzjoni u t-taħriġ jiġu ripetuti f'intervalli regolari u dokumentati, bl-għan li l-ħaddiema rilevanti jkunu preparati sew għal avvenimenti bħal dawn.

L-informazzjoni u t-taħriġ jiġu ndirizzati lil ħaddiema li jkunu ġew esposti.

2. L-Istati Membri għandhom joħolqu inkoraġġiment biex jiżguraw li l-amministrazzjoni u l-ħaddiema fi stallazzjonijiet fejn sorsi orfni aktarx ikunu jinstabu l-iżjed jew ikunu qed jiġu proċessati (e.g. spazji kbar fejn jinżammu bċejjeċ mormija tal-metall u impjanti kbar għar-riċiklaġġ tal-metall), u l-amministrazzjoni u l-ħaddiema f'punti sinifikanti nevralġiċi ta' transitu (e.g. postijiet doganali), ikunu

(a) informati bil-possibbiltà li jistgħu jsibu ruħhom konfrontati ma' xi sors;

(b) avżati u mħarrġa fl-iskoperta viżwali ta' sorsi u tal-kontenituri tagħhom;

(ċ) informati bil-fatti bażiċi dwar ir-radjazzjoni jonizzanti u l-effetti tagħha;

(d) informati bi, u mħarrġa fl-azzjoni li trid tittieħed fil-każ ta' l-iskoperta jew l-iskoperta suspettata ta' xi sors.

Artikolu 9

Sorsi orfni

1. L-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu lesti, jew ikunu ħasbu, anke għat-tqassim ta' responsabbiltajiet, biex jirkupraw sorsi orfni u biex jittrattaw emerġenzi radjoloġiċi minħabba xi sorsi orfni u jkunu ħejjew pjanijiet xierqa u miżuri ta' reazzjoni.

2. L-Istati Membri jiżguraw li pariri tekniċi u għajnuna speċjalizzata jkunu mill-ewwel disponibbli għal persuni, mhux normalment involuti f'operazzjonijiet suġġetti għal ħtiġijiet ta' protezzjoni kontra r-radjazzjoni, li jissuspettaw il-preżenza ta' xi sors orfni. Il-mira ewlenija ta' pariri u għajnuna tkun il-ħarsien ta' ħaddiema u membri tal-pubbliku minn radjazzjoni u s-sigurtà tas-sors.

3. L-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu l-istabbiliment ta' sistemi mmirati biex jiskopru sorsi orfni f'postijiet bħal spazji kbar fejn jinżammu bċejjeċ mormija tal-metall u impjanti kbar għar-riċiklaġġ tal-metall skartat, u l-amministrazzjoni u postijiet sinifikanti nevralġiċi ta' transitu, kull fejn approprjat bħal postijiet doganali.

4. L-Istati Membri jiżguraw li jiġu organizzati kampanji, kif approprjat, biex jiġu rkuprati sorsi orfni li jkun fadal minn attivitajiet li jkunu għaddew.

Il-kampanji jistgħu jinkludu s-sehem finanzjarju ta' Stati Membri fl-ispejjeż għall-irkuprar, l-amministrazzjoni u r-rimi ta' sorsi u jistgħu wkoll jinkludu stħarriġ ta' Reġistri storiċi ta' awtoritajiet, bħad-dwana, u ta' sidien, bħal istituti ta' riċerka, istituti għat-testjar ta' materjal u sptarijiet.

Artikolu 10

Sigurtà finanzjarja għas-sorsi orfni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi, fuq il-bażi ta' arranġamenti li jiddeċiedu fuqhom l-Istati Membri, tkun stabbilita sistema ta' sigurtà finanzjarja jew xi mezz ieħor ekwivalenti biex ikunu koperti spejjeż ta' intervent fir-rigward ta' l-irkuprar ta' sorsi orfni u li jistgħu jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-ħtiġijiet preskritti fl-Artikolu 9.

Artikolu 11

Koperazzjoni internazzjonali u bdil ta' informazzjoni

Kull Stat Membru għandu mill-ewwel jibdel informazzjoni u jikkopera ma' Stati Membri jew pajjiżi terzi oħra rilevanti u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti dwar telf, tneħħija, serq jew skoperta ta' sorsi u dwar l-insegwiment jew investigazzjonijiet relatati, bla ħsara għall-ħtiġijiet ta' konfidenzjalità rilevanti u regolamenti nazzjonali rilevanti.

Artikolu 12

Spezzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew iżommu sistema ta' spezzjonijiet biex jiġu nfurzati d-disposizzjonijiet imdaħħla b'konformità ma' din id-Direttiva.

Artikolu 13

L-awtorità kompetenti

1. L-Istati Membri jinnominaw l-awtorità kompetenti li għandha twettaq xogħlijiet skond din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri jibgħatu lill-Kummissjoni l-isem u l-indirizz ta' l-awtorità kompetenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jikkomunikaw malajr ma' dawn l-awtoritajiet.

3. Meta Stati Membri jkollhom iżjed minn awtorità kompetenti waħda, għandhom jinnominaw punt ta' kuntatt wieħed biex jaġixxi bħala l-mezz komuni ma' korrispondenti fi Stati Membri oħra.

4. L-Istati Membri jibgħatu lill-Kummissjoni kull bdil tad-data msemmija fil-paragrafi 2 u 3.

5. Il-Kummissjoni tikkomunika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 2, 3 u 4 lill-awtoritajiet kompetenti kollha fil-Komunità u tippubblikaha perjodikament fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, f'intervalli ta' mhux aktar minn sentejn.

Artikolu 14

Rapport dwar esperjenza

Sal-31 ta' Diċembru 2010, l-Istati Membri għandhom jibgħatu rapport lill-Kummissjoni dwar l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, inkluża l-konsiderazzjoni ta' kull effett li l-Artikolu 1(2) seta' kellu.

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Artikolu 15

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-penali li japplikaw għall-ksur tad-disposizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva. Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u disswassivi.

Artikolu 16

Trasposizzjoni

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità mad-Direttiva qabel il-31 ta' Diċembru 2005.

L-Istati Membri jistgħu jiddisponu, dwar sorsi mqiegħda fis-suq qabel id-data msemmija fl-ewwel subparagrafu, illi:

(a) l-Artikoli 3 sa 6 m'għandhomx japplikaw qabel il-31 ta' Diċembru 2007;

(b) l-Artikolu 7 m'għandux japplika, bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet li ġejjin li għandhom japplikaw sal-31 ta' Diċembru l-aktar tard:

- is-sid irid jiżgura illi, jekk prattikabbli, kull sors u kontenitur tas-sors ikollhom magħhom informazzjoni bil-miktub biex ikun identifikat is-sors u n-natura tiegħu,

- is-sid irid jiżgura illi, jekk prattikabbli, kull sors bħal dan, jekk prattikabbli, u l-kontenitur tas-sors ikunu ttikkettjati b'sinjal approprjat li jwissi lin-nies bil-periklu tar-radjazzjoni.

Meta dawn il-miżuri jkunu adottati mill-Istati Membri, għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni it-test tad-disposizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, flimkien ma' skeda li turi kif id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva jikkorrispondu għad-disposizzjonijiet nazzjonali adottati.

Artikolu 17

Kumitat

Il-Kummissjoni tiġi assistita fit-twettiq tax-xogħlijiet tagħha preskritti fl-Artikolu 5(6) minn Kumitat Konsultattiv magħmul mir-rappreżentanti ta' l-Istati Membri u presedut mir-rappreżentant tal-Kummissjoni.

Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz, f'limitu ta' żmien li l-President jista' jiddeċiedi skond l-urġenza tal-każ, jekk meħtieġ billi tittieħed votazzjoni.

L-opinjoni tal-Kumitat tiġi rekordjata fil-minuti; barra hekk, kull Stat Membru jkollu d-dritt jitlob li l-posizzjoni tiegħu tiġi rekordjata.

Il-Kummissjoni għandha tagħti l-akbar konsiderazzjoni lill-opinjoni mogħtija mill-Kumitat. Għandha tinforma lill-Kumitat bil-mod kif l-opinjoni tiegħu ġiet meqjusa.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19

Din id-Direttiva hi ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta' Diċembru 2003.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Matteoli

[1] Opinjoni tat-18 ta' Novembru 2003 (għad mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU L 159, tad-29.06.1996, p. 1.

[3] Serje ta' l-AIEA dwar Standards ta' Sigurtà Nru TS-R-1 (ST, Rivedut), Vjenna, 2000.

[4] ĠU L 148, tad-19.06.1993, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

Livelli ta' attività

Dwar radjonuklidi mhux elenkati fl-iskeda t'hawn taħt, iżda msemmijin fl-Anness I, Skeda A, tad-Direttiva 96/29/Euratom, il-livell ta' attività rilevanti hu ta' wieħed minn kull mija tal-valur AI korrispondenti mogħti fir-Regolamenti ta' l-AIEA dwar sigurtà fit-trasport ta' materjal radjoattiv [1].

Element (Numru atomiku) | Radjonuklidu | Livell ta' attività (Bq) |

Ħadid (26) | Fe-55 | 4 × 1011 |

Kobalt (27) | Co-60 | 4 × 109 |

Selenju (34) | Se-75 | 3 × 1010 |

Kripton (36) | Kr-85 | 1 × 1011 |

Stronzju (38) | Sr-90 | 3 × 109 |

Palladjum (46) | Pd-103 | 4 × 1011 |

Jodju (53) | I-125 | 2 × 1011 |

Ċesjum (55) | Cs-137 | 2 × 1010 |

Prometjum (61) | Pm-147 | 4 × 1011 |

Gadolinjum (64) | Gd-153 | 1 × 1011 |

Tuljum (69) | Tm-170 | 3 × 1010 |

Iridjum (77) | Ir-192 | 1 × 1010 |

Talljum (81) | Tl-204 | 1 × 1011 |

Radjum (88) | Ra-226 | 2 × 109 |

Plutonju (94) | Pu-238 | 1 × 1011 |

Americium (95) | Am-241 | 1 × 1011 |

Californium (98) | Cf-252 | 5 × 108 |

[1] Nru TS-R-1 (ST-1, rivedut) – Aġenzija Internazzjonali ta' l-Enerġija Atomika, Vjenna 2000.

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

Top