EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R1621

Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/1621 tal-20 ta’ Settembru 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

ST/12081/2022/INIT

ĠU L 244, 21.9.2022, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/1621/oj

21.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 244/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2022/1621

tal-20 ta’ Settembru 2022

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 224/2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat-23 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fl-10 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 224/2014 (2) sabiex ċerti miżuri previsti fid-Deċiżjoni 2013/798/PESK isiru effettivi.

(2)

Fid-29 ta’ Lulju 2022, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU) adotta r-Riżoluzzjoni 2648 (2022). Dik ir-Riżoluzzjoni testendi l-miżuri u temenda l-eċċezzjonijiet għall-embargo fuq l-armi.

(3)

Fl-20 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/1626 (3), li temenda d-Deċiżjoni 2013/798/PESK f’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-KSNU Nru 2648 (2022).

(4)

Xi wħud minn dawk l-emendi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni biex dawn jiġu implimentati flimkien mal-aġġustamenti tekniċi fid-dawl tar-Riżoluzzjonijiet preċedenti tal-KSNU, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(5)

Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 224/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fir-Regolament (UE) Nru 224/2014, l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

““Artikolu 3

“B’ deroga mill-Artikolu 2, il-projbizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta’ assistenza teknika, finanzjament jew għajnuna finanzjarja jew servizzi ta’ senserija:

(a)

maħsuba esklussivament għall-appoġġ ta’ jew l-użu mill-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (MINUSCA), il-missjonijiet tal-Unjoni u l-forzi Franċiżi skjerati fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, kif ukoll forzi ta’ Stati Membri oħra tan-Nazzjonijiet Uniti li jipprovdu taħriġ u assistenza kif notifikati f’konformità mal-punt (b);

(b)

relatati mal-provvista ta’ tagħmir mhux letali u l-għoti ta’ assistenza, inkluż taħriġ operattiv u mhux operattiv lill-forzi tas-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, inkluż istituzzjonijiet statali tal-infurzar tal-liġi ċivili, maħsuba biss bħala sostenn jew għall-użu fil-proċess ta’ Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (RSS) tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, f’koordinazzjoni mal-MINUSCA, sakemm il-provvediment ta’ assistenza u servizzi jkun ġie nnotifikat bil-quddiem lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

(c)

relatati mal-provvista ta’ tagħmir militari mhux letali maħsub biss għal użu umanitarju jew ta’ protezzjoni, dment li l-għoti ta’ tali assistenza jew servizzi jkun ġie nnotifikat minn qabel lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;

(d)

relatati mal-ilbies protettiv, inkluż ġkieket rinfurzati u elmi militari, esportati temporanjament lejn ir-Repubblika Ċentru-Afrikana minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, persunal tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-midja u ħaddiema umanitarji u fil-qasam tal-iżvilupp u persunal assoċjat, għall-użu personali tagħhom biss;

(e)

relatati mal-provvista ta’ armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari lill-forzi tas-sigurtà tar-RĊA, inkluż istituzzjonijiet statali tal-infurzar tal-liġi ċivili, meta tali armi, munizzjon, vetturi jew tagħmir ikunu maħsuba biss għall-appoġġ tal-proċess tar-RĊA tar-RSS jew għal użu fih, dment li l-provvediment ta’ tali assistenza jew servizzi jkun ġie nnotifikat minn qabel lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Settembru 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

M. BEK


(1)  ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 224/2014 tal-10 ta’ Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (ĠU L 70, 11.3.2014, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/1626 tal-20 ta’ Settembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (ĠU L 244, 21.9.2022, p. 17).


Top