EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0711

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/711 tat-30 ta’ Marzu 2023 li jaċċetta talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198

C/2023/1919

ĠU L 93, 31.3.2023, p. 84–87 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 04/05/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/711/oj

31.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 93/84


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/711

tat-30 ta’ Marzu 2023

li jaċċetta talba għal trattament ta’ produttur esportatur ġdid fir-rigward tal-miżuri anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1198 tat-12 ta’ Lulju 2019 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Billi,

A.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Fit-13 ta’ Mejju 2013, il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat” mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 (“ir-Regolament oriġinali”) (3).

(2)

Fit-12 ta’ Lulju 2019, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (“ir-Regolament bażiku”), il-Kummissjoni estendiet il-miżuri tar-Regolament oriġinali għal ħames snin oħra permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

(3)

Fit-28 ta’ Novembru 2019, wara investigazzjoni antiċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni emendat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2131 (4).

(4)

Fl-investigazzjoni oriġinali, ġie applikat kampjunar għall-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ir-RPĊ) f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2016/1036.

(5)

Il-Kummissjoni imponiet rati ta’ dazju anti-dumping individwali li jvarjaw minn 13,1 % sa 18,3 % fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina għall-produtturi esportaturi fil-kampjun mir-RPĊ. Għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux inklużi fil-kampjun ġiet imposta rata ta’ dazju ta’ 17,9 %. Il-produtturi esportaturi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun huma elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 kif emendat mir-Regolament (UE) 2019/2131. Barra minn hekk, ġiet imposta rata ta’ dazju għall-pajjiż kollu ta’ 36,1 % fuq oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina minn kumpaniji fir-RPĊ li jew ma ppreżentawx ruħhom jew inkella ma kkooperawx fl-investigazzjoni.

(6)

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, il-Kummissjoni tista’ temenda l-Anness I ta’ dak ir-Regolament, billi tagħti lil produttur esportatur ġdid ir-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun jew li ma ngħatawx trattament individwali, jiġifieri r-rata tad-dazju medja ponderata ta’ 17,9 %, meta dak il-produttur esportatur ġdid fir-RPĊ jipprovdi biżżejjed evidenza lill-Kummissjoni li:

(a)

ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li fuqu huma bbażati l-miżuri, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2011 (“il-perjodu oriġinali ta’ investigazzjoni”);

(b)

mhuwa relatat mal-ebda wieħed mill-esportaturi jew produtturi fir-RPĊ li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament oriġinali; kif ukoll

(c)

effettivament esporta lejn l-Unjoni l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu tal-investigazzjoni oriġinali jew li jkun daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni.

B.   TALBA GĦAL TRATTAMENT TA’ PRODUTTUR ESPORTATUR ĠDID

(7)

Fit-12 ta’ Awwissu 2020, Linyi Hongshun Porcelain Co., Ltd. (“Linyi Hongshun” jew “l-applikant”) issottometta talba lill-Kummissjoni biex jingħata trattament ta’ produttur esportatur ġdid (“NEPT”) u għalhekk ikun soġġett għar-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji li kkooperaw fir-RPĊ mhux inklużi fil-kampjun, jiġifieri 17,9 %, billi ddikjara li ssodisfa t-tliet kundizzjonijiet kollha stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198.

(8)

Biex jiġi ddeterminat jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet biex jingħata n-NEPT kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2019/1198 (“il-kriterji NEPT”), il-Kummissjoni l-ewwel bagħtet kwestjonarju lill-applikant fejn talbet għal evidenza li turi li hu kien qed jissodisfa l-kriterji NEPT.

(9)

Wara l-analiżi tat-tweġiba għall-kwestjonarju, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni u evidenza ta’ sostenn, li l-applikant ippreżenta.

(10)

Il-Kummissjoni fittxet li tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset meħtieġa biex tiddetermina jekk l-applikant kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-NEPT. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni analizzat l-evidenza ppreżentata mill-applikant fit-tweġiba tiegħu għall-kwestjonarju, ikkonsultat diversi siti web inkluż is-sit web tal-applikant u Qichacha (5) u kkontroverifikat l-informazzjoni tal-kumpanija mal-informazzjoni ppreżentata f’każijiet preċedenti. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni infurmat lill-industrija tal-Unjoni dwar it-talba tal-applikant u stednitu jipprovdi kwalunkwe kumment jekk ikun hemm bżonn. L-industrija tal-Unjoni pprovdiet kummenti dwar it-talba.

(11)

Fit-28 ta’ Settembru 2022, l-applikant ġie infurmat bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom il-Kummissjoni inizjalment ipproponiet li tiċħad it-talba tiegħu għal NEPT u l-applikant ingħata l-opportunità li jikkummenta dwar dan.

(12)

Fis-17 ta’ Ottubru 2022, l-applikant ipprovda aktar informazzjoni dwar il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(b). Dan wassal għal analiżi ulterjuri dwar jekk l-applikant issodisfax din il-kundizzjoni jew le, kif spjegat fil-premessi (14)-(17) hawn taħt.

C.   ANALIŻI TAT-TALBA

(13)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (UE) 2019/1198 li l-applikant ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu oriġinali tal-investigazzjoni, matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant issodisfa din il-kundizzjoni. L-applikant ġie stabbilit fl-2004. Matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, l-applikant kien qed jipproduċi l-prodott ikkonċernat u kien qed ibigħ lis-suq domestiku u lill-pajjiżi mhux tal-UE. L-applikant ipprovda reġistru tal-bejgħ għall-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, li jindika li kien hemm biss bejgħ lis-suq domestiku u lil pajjiżi mhux tal-UE matul dan il-perjodu.

(14)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, li l-applikant mhuwiex relatat ma’ xi esportaturi jew produtturi li huma soġġetti għall-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament oriġinali, matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant kien relatat ma’ esportatur Ċiniż, Linyi Goldfuture. Ġie stabbilit ukoll li Linyi Goldfuture esportat lejn l-UE l-prodott ikkonċernat wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali.

(15)

Madankollu, wara l-kummenti li waslu wara d-divulgazzjoni, l-investigazzjoni stabbiliet ukoll li l-kumpanija Linyi Goldfuture kienet negozjant u ma kienet relatata mal-ebda produttur jew produttur esportatur għajr l-applikant. Il-prodott ikkonċernat esportat lejn l-UE minn Linyi Goldfuture kien prodott minn produttur Ċiniż mhux relatat. Barra minn hekk, Linyi Goldfuture ġiet stabbilita f’Awwissu 2012, jiġifieri wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni stabbiliet li l-Applikant mhuwiex relatat ma’ esportatur jew produttur, li huwa soġġett għad-dazju u li seta’ kkoopera fl-investigazzjoni oriġinali. Għalhekk, l-applikant jissodisfa din il-kundizzjoni.

(16)

Fir-rigward tal-kundizzjoni stipulata fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198, li l-applikant effettivament esporta l-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli biex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni, matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni stabbiliet li l-applikant kien esporta lejn l-Unjoni wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali. L-applikant issottometta skambji ta’ posta elettronika ma’ klijent tal-UE, fatturi proforma u kummerċjali, listi ta’ imballaġġ, poloz ta’ kargu, formola ta’ dikjarazzjoni doganali u rċevuti ta’ ħlas għal ordnijiet differenti magħmula bejn l-2017 u l-2020 minn kumpaniji li jinsabu fl-UE. Għalhekk, l-applikant jissodisfa din il-kundizzjoni.

(17)

Għaldaqstant, l-applikant issodisfa t-tliet kundizzjonijiet biex jingħata l-NEPT, kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 u jenħtieġ għalhekk li t-talba tiġi milqugħa. Konsegwentement, l-applikant jenħtieġ li jkun soġġett għal dazju anti-dumping ta’ 17,9 % għall-kumpaniji li jikkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali.

D.   DIVULGAZZJONI

(18)

L-applikant u l-industrija tal-Unjoni kienu infurmati bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet skont liema tqies xieraq li tingħata r-rata tad-dazju anti-dumping applikabbli lill-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali lill-applikant.

(19)

Il-partijiet ingħataw il-possibbiltà li jippreżentaw kummenti fit-28 ta’ Settembru 2022. L-applikant issottometta kummenti kif indikat fil-premessa (12), bl-argument li, fid-dawl tal-fatt li Linyi Goldfuture hija esportatur u mhux produttur, li ġiet stabbilita wara l-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, ir-relazzjoni Linyi Goldfuture mal-Applikant ma kellhiex effett fuq is-sejbiet taħt it-tieni kundizzjoni NEPT. Fid-dawl tal-bidla fis-sejbiet, il-Kummissjoni tat il-possibbiltà lill-Partijiet li jissottomettu kummenti dwar dokument ta’ divulgazzjoni ġenerali rivedut. Ma wasal l-ebda kumment.

(20)

Ir-Regolament huwa f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness 1 tar-Regolament (UE) 2019/2131, il-kumpanija li ġejja tiżdied mal-lista ta’ kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun:

“Kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

Linyi Hongshun Porcelain Co., Ltd.

899C”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  ĠU L 189, 15.7.2019, p. 8.

(3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 412/2013 tat- 13 ta’ Mejju 2013 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b'mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta' oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 131, 15.5.2013, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2131 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1198 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ oġġetti taċ-ċeramika li jintużaw fuq il-mejda u fil-kċina li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 139).

(5)  Qichacha hija bażi ta’ data privata, bi skop ta’ qligħ, li tipprovdi data kummerċjali, informazzjoni ta’ kreditu, u analitika ta’ kumpaniji privati u pubbliċi bbażati fiċ-Ċina, għall-konsumaturi/professjonisti.


Top