Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0617

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/617 tat-12 ta’ April 2022 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi tal-merkurju fil-ħut u fil-melħ (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/2206

    ĠU L 115, 13.4.2022, p. 60–63 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R0915

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/617/oj

    13.4.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 115/60


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/617

    tat-12 ta’ April 2022

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi tal-merkurju fil-ħut u fil-melħ

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 (2) jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti, inkluż il-merkurju, fl-oġġetti tal-ikel.

    (2)

    Fit-22 ta’ Novembru 2012, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) adottat opinjoni dwar il-merkurju u l-metilmerkurju fl-ikel (3). F’dik l-opinjoni, l-Awtorità stabbiliet doża tollerabbli fil-ġimgħa ta’ 4 μg/kg ta’ piż tal-ġisem għall-merkurju inorganiku u 1,3 μg/kg ta’ piż tal-ġisem għall-metilmerkurju (espressi t-tnejn li huma bħala merkurju) u kkonkludiet li l-esponiment dijetetiku fil-95 perċentil huwa qrib tad-doża tollerabbli fil-ġimgħa jew jaqbiżha għall-gruppi ta’ età kollha. Il-persuni li jikkonsmaw ħafna ħut, li jistgħu jinkludu n-nisa tqal, jistgħu jaqbżu d-doża tollerabbli fil-ġimgħa sa madwar sitt darbiet. It-trabi fil-ġuf huma l-aktar grupp vulnerabbli. L-opinjoni kkonkludiet li l-esponiment għall-metilmerkurju ogħla mid-doża tollerabbli fil-ġimgħa huwa ta’ tħassib, iżda rrakkomandat li jiġu kkunsidrati l-benefiċċji tal-konsum tal-ħut jekk jitqiesu miżuri li jnaqqsu l-esponiment għall-metilmerkurju.

    (3)

    Fis-27 ta’ Ġunju 2014, l-Awtorità adottat opinjoni dwar il-benefiċċji għas-saħħa tal-konsum tal-frott tal-baħar fir-rigward tar-riskji tas-saħħa assoċjati mal-esponiment għall-metilmerkurju (4). F’dik l-opinjoni, l-Awtorità rieżaminat ir-rwol tal-frott tal-baħar fid-dieti Ewropej u evalwat il-benefiċċji tal-konsum tal-frott tal-baħar fir-rigward tal-eżiti tas-saħħa, inkluż l-effetti tal-konsum tal-frott tal-baħar waqt it-tqala fuq l-eżiti funzjonali tal-iżvilupp newroloġiku tat-tfal u l-effetti tal-konsum tal-frott tal-baħar fuq ir-riskju tal-mard kardjovaskulari fl-adulti. L-Awtorità kkonkludiet li l-konsum tal-frott tal-baħar ta’ madwar darba jew darbtejn fil-ġimgħa u sa tlieta jew erba’ darbiet fil-ġimgħa waqt it-tqala, ġie assoċjat ma’ eżiti funzjonali aħjar tal-iżvilupp newroloġiku fit-tfal meta mqabbel ma’ ebda konsum tal-frott tal-baħar. Dawn l-ammonti ġew assoċjati wkoll ma’ mortalità aktar baxxa bil-mard koronarju tal-qalb fl-adulti.

    (4)

    Fid-19 ta’ Diċembru 2014, l-Awtorità adottat dikjarazzjoni dwar il-benefiċċji tal-konsum tal-ħut/frott tal-baħar meta mqabbla mar-riskji tal-metilmerkurju fil-ħut/frott tal-baħar (5), fejn ikkonkludiet li biex jinkisbu l-benefiċċji tal-konsum tal-ħut assoċjati ma’ konsum minn darba sa erba’ darbiet fil-ġimgħa u biex ikun hemm protezzjoni kontra t-tossiċità tal-metilmerkurju għall-iżvilupp newroloġiku, jenħtieġ li jiġi limitat il-konsum tal-ispeċijiet tal-ħut/frott tal-baħar b’kontenut għoli ta’ merkurju.

    (5)

    Wara li tqies l-eżitu tal-opinjonijiet xjentifiċi u d-dikjarazzjoni tal-Awtorità, jenħtieġ li l-livelli massimi għall-merkurju jiġu rieżaminati biex jitnaqqas aktar l-esponiment dijetetiku għall-merkurju fl-ikel.

    (6)

    Peress li d-data riċenti dwar l-okkorrenza turi li hemm marġni biex jitnaqqsu l-livelli massimi għall-merkurju f’diversi speċijiet ta’ ħut, jenħtieġ li l-livelli massimi għal dawk l-ispeċijiet ta’ ħut jiġu modifikati skont dan.

    (7)

    Fid-dawl tat-tħassib relatat mas-saħħa, il-livell ta’ merkurju għall-klieb il-baħar u l-pixxispad jenħtieġ li jinżamm fil-livell attwali sakemm ikun hemm aktar ġbir ta’ data, valutazzjonijiet xjentifiċi u għarfien dwar l-effettività tal-pariri dwar il-konsum fit-tnaqqis tal-esponiment.

    (8)

    Il-Codex Alimentarius jistabbilixxi livell massimu ta’ 0,1 mg/kg għall-merkurju fil-melħ (6). Jixraq li l-istess livell massimu jiġi stabbilit fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

    (9)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jiġi emendat skont dan.

    (10)

    Filwaqt li jitqies li ċerti oġġetti tal-ikel koperti b’dan ir-Regolament għandhom ħajja twila fuq l-ixkaffa, jixraq li jingħata perjodu tranżitorju li matulu t-tali oġġetti tal-ikel li ma jikkonformawx mal-livelli massimi l-ġodda u li jkunu tqiegħdu fis-suq legalment qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jistgħu jibqgħu fis-suq.

    (11)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    L-oġġetti tal-ikel elenkati fl-Anness, li jkunu tqiegħdu fis-suq legalment qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jistgħu jibqgħu fis-suq sad-data ta’ durabbiltà minima jew sad-data tal-iskadenza.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ April 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).

    (3)  EFSA Panel on Contaminants in the Food Chain (CONTAM); Scientific Opinion on the risk for public health related to the presence of mercury and methylmercury in food. The EFSA Journal 2012;10(12):2985.

    (4)  EFSA NDA Panel (EFSA Panel on Dietetic Products, Nutrition and Allergies), 2014. Scientific Opinion on health benefits of seafood (fish and shellfish) consumption in relation to health risks associated with exposure to methylmercury. The EFSA Journal 2014;12(7):3761.

    (5)  EFSA Scientific Committee, 2015. Statement on the benefits of fish/seafood consumption compared to the risks of methylmercury in fish/seafood. EFSA Journal 2015;13(1):3982.

    (6)  Codex General Standard for Contaminants and Toxin in Foods and Feeds — GSCTFF (CODEX STAN 193-1995).


    ANNESS

    L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat kif ġej:

    Fit-Taqsima 3: Metalli, is-subtaqsima 3.3 (Merkurju) hija sostitwita b’dan li ġej:

    “3.3

    Merkurju

     

    3.3.1

    Prodotti tas-sajd(26) u laħam tal-muskoli tal-ħut(24)(25), barra l-ispeċijiet elenkati fi 3.3.2 u 3.3.3. Il-livell massimu għall-krustaċji japplika għal-laħam tal-muskoli mill-appendiċi u l-addome(44). Fil-każ tal-granċijiet u krustaċji simili għall-granċijiet (Brachyura u Anomura), dan japplika għal-laħam tal-muskoli mill-appendiċi.

    0,50

    3.3.2

    Laħam tal-muskoli tal-ħut li ġej(24)(25):

    Bażuga (Pagellus acarne)

    Ċinturin iswed (Aphanopus carbo)

    Paġella ħamra (Pagellus bogaraveo)

    Plamtu (Sarda sarda)

    Paġella (Pagellus erythrinus)

    Tirsite iswed (Lepidocybium flavobrunneum)

    Ħalibutt (tal-ispeċi Hippoglossus)

    Abadeku tal-Afrika t’Isfel (Genypterus capensis)

    Marlin (tal-ispeċi Makaira)

    Megrim (tal-ispeċi Lepidorhombus)

    Ruvett (Ruvettus pretiosus)

    Mera tal-Atlantiku (Hoplostethus atlanticus)

    Abadeku roża (Genypterus blacodes)

    Lizz (tal-ispeċi Esox)

    Plamtu bla rigi (Orcynopsis unicolor)

    Mankana (tal-ispeċi Tricopterus)

    Trilja tal-ħama (Mullus barbatus barbatus)

    Grenadier imnieħru tond (Coryphaenoides rupestris)

    Pixxivela (tal-ispeċi Istiophorus)

    Xabla (Lepidopus caudatus)

    Tirsite serp (Gempylus serpens)

    Sturjun (tal-ispeċi Acipenser)

    Trilja tal-qawwi (Mullus surmuletus)

    Tonn (tal-ispeċi Thunnus, tal-ispeċi Euthynnus, Katsuwonus pelamis)

    Kelb il-baħar (l-ispeċijiet kollha)

    Pixxispad (Xiphias gladius)

    1,0

    3.3.3

    Ċefalopodi

    Gasteropodi tal-baħar

    Laħam tal-muskoli tal-ħut li ġej(24)(25):

    Inċova (tal-ispeċi Engraulis)

    Merluzz tal-Alaska (Theragra chalcogrammus)

    Bakkaljaw (Gadus morhua)

    Aringa (Clupea harengus)

    Basa (Pangasius bocourti)

    Karpjun komuni (speċi li tappartjeni għall-familja Cyprinidae)

    Limanda (Limanda limanda)

    Kavall (tal-speċi Scomber)

    Barbun (Platichthys flesus)

    Barbun tat-tbajja’ (Pleuronectes platessa)

    Laċċa kaħla (Sprattus sprattus)

    Pixxigatt ġgant tal-Mekong (Pangasianodon gigas)

    Pollakkju (Pollachius pollachius)

    Pollakkju iswed (Pollachius virens)

    Salamun u Trota (tal-ispeċi Salmo u tal-ispeċi Oncorhynchus, għajr Salmo trutta)

    Sardina jew Sardina kaħla (tal-ispeċi Dussumieria, tal-ispeċi Sardina, tal-ispeċi Sardinella u tal-ispeċi Sardinops)

    Lingwata komuni (Solea Solea)

    Pixxigatt irrigat (Pangasianodon hypothalamus)

    Merlangu (Merlangius merlangus)

    0,30

    3.3.4

    Supplimenti tal-ikel(39)

    0,10

    3.3.5

    Melħ

    0,10”


    Top