EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D2170

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2170 tal-15 ta' Novembru 2017 li tissoġġetta lill-N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-yl]furan-2-karbossammid (furanilfentanil) għal miżuri ta' kontroll

ĠU L 306, 22.11.2017, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/2170/oj

22.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 306/19


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2017/2170

tal-15 ta' Novembru 2017

li tissoġġetta lill-N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-yl]furan-2-karbossammid (furanilfentanil) għal miżuri ta' kontroll

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/387/ĠAI tal-10 ta' Mejju 2005 dwar l-iskambju ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskju u l-kontroll fuq sustanzi psikoattivi ġodda (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(3) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

Billi:

(1)

Tfassal rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskji dwar is-sustanza psikoattiva ġdida N-fenil-N-[(1-(2-feniletil)piperidin-4-yl)]furan-2-karbossammid (furanilfentanil) b'konformità mad-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI minn sessjoni speċjali tal-Kumitat Xjentifiku estiż taċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga, u sussegwentement intbagħat lill-Kummissjoni u lill-Kunsill fl-24 ta' Mejju 2017.

(2)

Il-furanilfentanil huwa oppjojde sintetiku u huwa strutturalment simili għall-fentanil, sustanza kkontrollata użata ħafna fil-mediċina bħala adittiv fl-anestesija ġenerali waqt il-kirurġija u għall-immaniġġjar tal-uġigħ. Il-furanilfentanil huwa wkoll strutturalment relatat mal-aċetilfentanil u mal-akrilojlfentanil, li t-tnejn li huma kienu s-suġġett ta' Rapport Konġunt tal-EMCDDA-Europol f'Diċembru 2015 u f'Novembru 2016.

(3)

Il-furanilfentanil ilu disponibbli fl-Unjoni mill-inqas minn Ġunju 2015 u nstab f'16-il Stat Membru. F'ħafna każijiet kien issekwestrat f'forma ta' trab, iżda wkoll f'forma likwida u bħala pilloli. Il-kwantitajiet misjubin huma relattivament żgħar. Madankollu, tali kwantitajiet jenħtieġ li jitqiesu fil-kuntest tal-qawwa tas-sustanza.

(4)

Ġew irrapportati 22 każ ta' mewt bil-furanilfentanil minn ħames Stati Membri. Rigward mill-inqas 10 minn dawk l-imwiet, il-furanilfentanil kien il-kawża tal-mewt jew x'aktarx li kkontribwixxa għall-mewt. Barra minn hekk, 11-il każ mhux fatali ta' intossikazzjoni akuta assoċjati mal-furanilfentanil kienu rrappurtati minn tliet Stati Membri.

(5)

Ma hemm ebda informazzjoni li tissuġġerixxi l-involviment tal-kriminalità organizzata fil-manifattura, id-distribuzzjoni (it-traffikar) u l-forniment tal-furanilfentanil fl-Unjoni. Id-data disponibbli tissuġġerixxi li l-furanilfentanil huwa prodott minn kumpanniji kimiċi bbażati fiċ-Ċina.

(6)

Il-furanilfentanil jinbiegħ fuq l-Internet f'ammonti żgħar u bl-ingrossa bħala “kimika għar-riċerka”, tipikament bħala trab u sprej tal-imnieħer lest biex jintuża. Informazzjoni minn sekwestri tissuġġerixxi li l-furanilfentanil jaf kien mibjugħ fuq is-suq illeċitu tal-opjojdi.

(7)

Il-furanilfentanil ma għandu l-ebda użu mediku għall-bniedem jew veterinarju rikonoxxut fl-Unjoni. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-furanilfentanil jista' jintuża għal xi skop ieħor minbarra bħala standard analitiku ta' referenza u fir-riċerka xjentifika.

(8)

Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tar-riskju juri li bosta mistoqsijiet relatati mal-furanilfentanil huma minħabba n-nuqqas ta' data dwar ir-riskji għas-saħħa individwali, ir-riskji għas-saħħa pubblika, u r-riskji soċjali, u jistgħu jitwieġbu permezz ta' iktar riċerka. Madankollu, l-evidenza u l-informazzjoni disponibbli dwar ir-riskji tas-saħħa u soċjali li toħloq din is-sustanza, anki minħabba s-similaritajiet mal-fentanil, jipprovdu bażi suffiċjenti biex il-furanilfentanil jiġi sottopost għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

(9)

Il-furanilfentanil mhuwiex elenkat għall-kontroll taħt il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1961 dwar id-Drogi Narkotiċi jew skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi. Is-sustanza bħalissa mhijiex qed tiġi vvalutata mis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti.

(10)

Minħabba li 10 Stati Membri jikkontrollaw il-furanilfentanil taħt leġislazzjoni nazzjonali għall-kontroll tad-drogi u tliet Stati Membri jikkontrollaw il-furanilfentanil taħt leġislazzjoni oħra, li din is-sustanza tkun sottoposta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha jista' jgħin biex jiġi evitat li jfeġġu ostakli fl-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja transkonfinali, u jgħin fil-protezzjoni tal-Unjoni mir-riskji li d-disponibbiltà u l-użu tagħha jistgħu joħolqu.

(11)

Id-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI tikkonferixxi setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kunsill bil-ħsieb li jkun hemm reazzjoni rapida u bbażata fuq kompetenza esperta fil-livell tal-Unjoni fil-każ li jfiġġu sustanzi psikoattivi ġodda individwati u rrappurtati mill-Istati Membri, billi tissottoponi dawk is-sustanzi għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha. Billi l-kondizzjonijiet u l-proċedura biex jiġi attivat l-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni ġew issodisfati, jenħtieġ li tiġi adottata deċiżjoni ta' implimentazzjoni sabiex l-furanilfentanil jitqiegħed taħt kontroll fl-Unjoni kollha.

(12)

Id-Danimarka hi marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

(13)

L-Irlanda hi marbuta bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI.

(14)

Ir-Renju Unit mhuwiex marbut bid-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u għalhekk mhux qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li timplimenta d-Deċiżjoni 2005/387/ĠAI u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sostanza psikoattiva ġdida N-fenil-N-[1-(2-feniletil)piperidin-4-yl]furan-2-karbossammid (furanilfentanil) għandha tkun soġġetta għal miżuri ta' kontroll fl-Unjoni kollha.

Artikolu 2

Sad-19 ta' Novembru 2018 l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, biex is-sustanza psikoattiva l-ġdida msemmija fl-Artikolu 1 tkun soġġetta għal miżuri ta' kontroll u pieni kriminali, kif previst fil-leġislazzjoni tagħhom, b'konformità mal-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1971 dwar is-Sustanzi Psikotropiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika b'konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Novembru 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

J. AAB


(1)  ĠU L 127, 20.5.2005, p. 32.

(2)  Opinjoni tal-24 ta' Ottubru 2017 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).


Top