Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0345

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/345 tas-27 ta' Frar 2017 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

ĠU L 50, 28.2.2017, p. 59–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2017/345/oj

28.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 50/59


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2017/345

tas-27 ta' Frar 2017

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-27 ta' Mejju 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 (1) dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (ir-“RDPK”) li, fost l-oħrajn, implimentat ir-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“UNSCR”) 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013) u 2270(2016).

(2)

Fit-30 ta' Novembru 2016, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU adotta l-UNSCR 2321 (2016), fejn jesprimi t-tħassib l-aktar serju tiegħu dwar it-test nukleari mwettaq mir-RDPK fid-9 ta' Settembru 2016 bi ksur tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, filwaqt li jikkundanna ulterjorment l-attivitajiet nukleari u b'missili ballistiċi li għaddejjin tar-RDPK bi ksur serju tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jiddetermina li għadha teżisti theddida ċara għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali fir-reġjun u lil hinn minnu.

(3)

Fl-UNSCR 2321 (2016), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jesprimi t-tħassib tiegħu li l-bagalji personali u l-bagalji tal-istiva ta' individwi li jidħlu fi, jew li jitilqu minn, ir-RDPK jistgħu jintużaw għat-trasport ta' oġġetti li l-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment tagħhom huwa pprojbit taħt l-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016) jew 2321(2016), u jiċċara li tali bagalji jikkostitwixxu “merkanzija” għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-paragrafu 18 tal-UNSCR 2270 (2016), biex b'hekk jirreferi għall-obbligu ta' spezzjoni tal-merkanzija.

(4)

Fl-UNSCR 2321(2016), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jsejjaħ lill-Istati Membri biex inaqqsu n-numru ta' persunal f'missjonijiet diplomatiċi u postijiet konsulari fir-RDPK.

(5)

Fl-UNSCR 2321(2016), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jesprimi t-tħassib tiegħu li oġġetti pprojbiti jistgħu jiġu ttrasportati lejn, u minn, ir-RDPK bil-ferrovija u bit-triq u jemfażizza li l-obbligu fil-paragrafu 18 tal-UNSCR 2270 (2016) ta' spezzjoni ta' merkanzija li tinsab fi, jew tgħaddi minn, it-territorji tal-Istati Membri tinkludi merkanzija trasportata bil-ferrovija u bit-triq.

(6)

L-UNSCR 2321 (2016) tinnota li għall-fini tal-implimentazzjoni tagħha u tal-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016), it-terminu “tranżitu” jinkludi, iżda mhuwiex limitat għal, l-ivvjaġġar ta' individwi minn terminals ta' ajruport internazzjonali ta' xi Stat fi triqthom lejn destinazzjoni fi Stat ieħor, irrispettivament minn jekk tali individwi jkunux għaddew mid-dwana jew mill-kontroll tal-passaporti f'dak l-ajruport.

(7)

L-UNSCR 2321 (2016) tintroduċi aggregat massimu ta' faħam li jista' jiġi importat mir-RDPK, u tistabbilixxi mekkaniżmu għall-monitoraġġ u l-ivverifikar ta' dan. Bħala parti minn dan il-mekkaniżmu, l-Istati Membri li jimportaw il-faħam mir-RDPK huma msejħa biex perjodikament jirrieżaminaw is-sit web tan-NU biex jiġi żgurat li l-aggregat totali għall-importazzjonijiet tal-faħam ma jkunx intlaħaq.

(8)

L-UNSCR 2321 (2016) tfakkar li l-aġenti diplomatiċi tar-RDPK huma pprojbiti milli jipprattikaw kwalunkwe attività professjonali jew kummerċjali għal profitt personali fl-Istat riċeventi.

(9)

Fl-L-UNSCR 2321 (2016), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jesprimi t-tħassib tiegħu li ċittadini tar-RDPK qiegħdin jintbagħtu jaħdmu fi Stati oħrajn sabiex jaqilgħu flus kontanti li r-RDPK juża għall-programmi nukleari u ta' missili ballistiċi tiegħu, u jsejjaħ lill-Istati biex ikunu viġilanti għal din il-prattika.

(10)

Fl-UNSCR 2321 (2016), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jtenni t-tħassib tiegħu li ammonti kbar ta' flus jistgħu jintużaw għall-evażjoni tal-miżuri imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà, u jsejjaħ lill-Istati Membri biex ikunu konxji ta' dak ir-riskju.

(11)

L-UNSCR 2321 (2016) tesprimi l-impenn tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU favur soluzzjoni paċifika, diplomatika u politika għas-sitwazzjoni u tirriafferma l-appoġġ tiegħu għat-Taħditiet bejn Sitt Partijiet u ssejjaħ biex dawn jissoktaw.

(12)

L-UNSCR 2321 (2016) tafferma li l-azzjonijiet tar-RDPK għandhom jinżammu taħt rieżami kontinwu u li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU huwa lest li jsaħħaħ, jimmodifika, jissospendi jew ineħħi l-miżuri kif meħtieġ fid-dawl tal-konformità tar-RDPK, u li huwa ddeterminat li jieħu miżuri sinifikanti ulterjuri fil-każ ta' test jew varar nukleari ieħor mir-RDPK.

(13)

Tinħtieġ aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni.

(14)

L-Istati Membri għandhom jikkondividu informazzjoni rilevanti ma' Stati Membri oħrajn biex b'hekk jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva, madwar l-UE kollha, tad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni.

(15)

Għalhekk, id-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2016/849 hija emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 1(1), jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(h)

ċerti oġġetti, materjali, tagħmir, merkanzija u teknoloġija oħrajn elenkati skont il-paragrafu 4 tal-UNSCR 2321 (2016);

(i)

kwalunkwe oġġett ieħor elenkat fil-lista ta' użu doppju ta' armi konvenzjonali adottata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont il-paragrafu 7 tal-UNSCR 2321 (2016).”.

(2)

L-Artikolu 4(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   L-akkwist mir-RDPK minn ċittadini tal-Istati Membri jew bl-użu tal-bastimenti jew tal-inġenji tal-ajru li jtajru l-bandiera ta' Stati Membri, ta' deheb, minerali tat-titanju, minerali tal-vanadju, minerali terrestri skarsi, ram, nikil, fidda u żingu għandu jkun ipprojbit, irrispettivament minn jekk joriġinawx fit-territorju tar-RDPK jew le.”.

(3)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 6a

1.   L-akkwist ta' statwi mir-RDPK minn ċittadini tal-Istati Membri, jew bl-użu tal-bastimenti jew ta' inġenji tal-ajru li jtajru l-bandiera tal-Istati Membri, għandu jkun ipprojbit, irrispettivament minn jekk dawn joriġinawx fit-territorju tar-RDPK jew le.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ta l-approvazzjoni minn qabel każ b'każ.

3.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan l-Artikolu.”.

(4)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 6b

1.   Il-forniment, bejgħ jew trasferiment diretti jew indiretti lejn ir-RDPK minn ċittadini tal-Istati Membri, jew bl-użu tal-bastimenti jew tal-inġenji tal-ajru li jtajru l-bandiera ta' Stati Membri, ta' ħelikopters u bastimenti għandhom ikunu pprojbiti, irrispettivament minn jekk dawn joriġinawx fit-territorji tal-Istati Membri jew le.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ta l-approvazzjoni minn qabel każ b'każ.

3.   L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan l-Artikolu.”.

(5)

L-Artikolu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 7

1.   L-akkwist ta' faħam, ħadid, u minerali tal-ħadid mir-RDPK minn ċittadini tal-Istati Membri, jew bl-użu tal-bastimenti jew tal-inġenji tal-ajru li jtajru l-bandiera ta' Stati Membri, għandu jkun ipprojbit, irrispettivament minn jekk dawn joriġinawx fit-territorju tar-RDPK jew le. L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-oġġetti rilevanti li għandhom ikunu koperti minn dan il-paragrafu.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fir-rigward ta' faħam li, kif konfermat mill-Istat Membru akkwistant abbażi ta' informazzjoni kredibbli, ikun oriġina minn barra r-RDPK u li kien ġie trasportat mir-RDPK unikament biex jiġi esportat mill-port ta' Rajin (Rason), dment li l-Istat Membru jinnotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet minn qabel u li tali tranżazzjonijiet mhumiex relatati mal-ġenerazzjoni ta' introjtu għall-programmi nukleari jew ta' missili ballistiċi tar-RDPK jew għal attivitajiet oħra pprojbiti mill-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016) u 2321(2016) jew minn din id-Deċiżjoni.

3.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fir-rigward tal-esportazzjonijiet totali għall-Istati Membri kollha tan-NU ta' faħam li joriġina fir-RDPK li bħala aggregat ma jaqbżux 53 495 894 dollari Amerikani jew 1 000 866 tunnellata metrika, skont liema jkun l-inqas, bejn id-data tal-adozzjoni tal-UNSCR 2321(2016) u l-31 ta' Diċembru 2016, u fir-rigward tal-esportazzjonijiet totali għall-Istati Membri kollha tan-NU ta' faħam li joriġina fir-RDPK li bħala aggregat ma jaqbiżx 400 870 018 dollari Amerikani jew 7 500 000 tunnellata metrika fis-sena, skont liema jkun l-inqas, mill-1 ta' Jannar 2017, sakemm l-akkwisti:

(a)

ma jinvolvu ebda individwu jew entità li jkunu assoċjati mal-programmi nukleari jew ta' missili ballistiċi tar-RDPK jew attivitajiet oħra pprojbiti mill-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016) u 2321(2016), inklużi individwi jew entitajiet iddeżinjati, individwi jew entitajiet li jaġixxu f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom, entitajiet li jkunu proprjetà tagħhom jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minnhom jew individwi jew entitajiet li jassistu fl-evażjoni ta' sanzjonijiet; u

(b)

huma esklużivament għal finijiet ta' għajxien ta' ċittadini tar-RDPK u li ma jkunux relatati mal-ġenerazzjoni ta' introjtu għall-programmi nukleari jew ta' missili ballistiċi tar-RDPK jew għal attivitajiet oħra pprojbiti mill-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016) u 2321(2016).

4.   Stat Membru li jakkwista l-faħam direttament mir-RDPK għandu jinnotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet dwar l-ammont aggregat tal-volum ta' tali akkwist għal kull xahar sa mhux aktar tard minn 30 jum wara l-konklużjoni ta' dak ix-xahar bil-formola stabbilita fl-Anness V tal-UNSCR 2321(2016). L-Istat Membru għandu wkoll jikkomunika l-informazzjoni nnotifikata f'dan ir-rigward lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni.

5.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal tranżazzjonijiet f'ħadid u mineral tal-ħadid li huma determinati li jkunu esklużivament għall-finijiet ta' għajxien u mhumiex relatati mal-ġenerazzjoni ta' introjtu għall-programmi nukleari jew ta' missili ballistiċi tar-RDPK jew għal attivitajiet oħra pprojbiti mill-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016) jew 2321(2016).”.

(6)

L-Artikolu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 10

1.   L-għoti ta' appoġġ finanzjarju pubbliku jew privat għall-kummerċ mar-RDPK, inkluż l-għoti ta' krediti għall-esportazzjoni, garanziji jew assigurazzjoni, lil ċittadini jew entitajiet tar-RDPK involuti f'tali kummerċ għandu jkun ipprojbit.

2.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika jekk il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ta l-approvazzjoni minn qabel każ b'każ għall-għoti ta' appoġġ finanzjarju.”.

(7)

L-Artikolu 14 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 14

1.   Il-ftuħ ta' fergħat, sussidjarji jew uffiċċji ta' rappreżentanza ta' banek tar-RDPK, inkluż il-Bank Ċentrali tar-RDPK, il-fergħat u s-sussidjarji tiegħu, u ta' entitajiet finanzjarji oħrajn imsemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 13, fit-territorji tal-Istati Membri għandu jkun ipprojbit.

2.   Il-fergħat, sussidjarji u uffiċċji rappreżentattivi eżistenti tal-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 fit-territorji tal-Istati Membri għandhom jingħalqu fi żmien 90 jum mill-adozzjoni tal-UNSCR 2270 (2016).

3.   Sakemm ma jkunux ġew approvati minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, għandu jkun ipprojbit għall-banek tar-RDPK, inkluż il-Bank Ċentrali tar-RDPK, il-fergħat u s-sussidjarji tiegħu, u għal entitajiet finanzjarji oħrajn imsemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 13, li:

(a)

jistabbilixxu intrapriżi konġunti ġodda ma' banek taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri;

(b)

jieħdu interess titolari f'banek taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri; jew

(c)

jistabbilixxu jew iżommu relazzjonijiet bankarji korrispondenti ma' banek taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istati Membri.

4.   Impriżi konġunti, interessi titolari u relazzjonijiet bankarji korrispondenti eżistenti ma' banek tar-RDPK għandhom jintemmu fi żmien 90 jum mill-adozzjoni tal-UNSCR 2270 (2016).

5.   L-istituzzjonijiet finanzjarji fit-territorji tal-Istati Membri jew taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom għandhom jiġu pprojbiti milli jiftħu uffiċċji ta' rappreżentanza, sussidjarji, fergħat jew kontijiet bankarji fir-RDPK.

6.   L-uffiċċji rappreżentattivi, sussidjarji jew kontijiet bankarji eżistenti fir-RDPK għandhom jingħalqu fi żmien 90 jum mill-adozzjoni tal-UNSCR 2321 (2016).

7.   Il-paragrafu 6 ma għandux japplika jekk il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddetermina każ b'każ li tali uffiċċji, sussidjarji jew kontijiet huma meħtieġa biex tingħata assistenza umanitarja, għall-attivitajiet ta' missjonijiet diplomatiċi fir-RDPK skont il-Konvenzjonijiet ta' Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi u Konsulari, għall-attivitajiet tan-NU jew l-aġenziji speċjalizzati tagħha jew organizzazzjonijiet relatati, jew għal kwalunkwe fini ieħor f'konformità mal-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016) jew 2321(2016).”.

(8)

L-Artikolu 16(6) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(6)   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonfiskaw u jiddisponu minn, bħal bil-qerda, jew billi jagħmluhom inoperabbli jew li ma jistgħux jintużaw, jaħżnuhom, jew jittrasferuhom lejn Stat ieħor għajr l-Istati ta' oriġini jew ta' destinazzjoni għar-rimi, oġġetti li l-forniment, il-bejgħ, it-trasferiment jew l-esportazzjoni tagħhom huma pprojbiti mill-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016) jew 2321(2016), li jiġu identifikati fi spezzjonijiet, f'konformità mal-obbligi tagħhom taħt riżoluzzjonijiet applikabbli tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluża l-UNSCR 1540 (2004).”.

(9)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 18a

1.   Stat Membru li jkun Stat tal-bandiera ta' bastiment iddeżinjat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet għandu, jekk hekk ikun speċifikat mill-Kumitat, ineħħi l-bandiera tiegħu mill-bastiment.

2.   Stat Membru li jkun l-Istat tal-bandiera ta' bastiment iddeżinjat mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet għandu, jekk hekk ikun speċifikat mill-Kumitat, jidderieġi l-bastiment lejn port identifikat mill-Kumitat, f'koordinazzjoni mal-Istat tal-port.

3.   L-Istati Membri għandhom, jekk id-deżinjazzjoni mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tkun hekk speċifikat, jipprojbixxu milli jidħol fil-portijiet tagħhom bastiment, ħlief f'każ ta' emerġenza jew jekk il-bastiment ikun qed jirritorna lejn il-port ta' oriġini.

4.   L-Istati Membri għandhom, jekk id-deżinjazzjoni mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tkun hekk speċifikat, jagħmlu bastiment soġġett għal iffriżar ta' assi.

5.   L-Anness IV għandu jinkludi l-bastimenti msemmija fil-paragrafi 1 sa 4 ta' dan l-Artikolu ddeżinjati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet f'konformità mal-paragrafu 12 tal-UNSCR 2321 (2016).”.

(10)

L-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ta l-approvazzjoni minn qabel każ b'każ.”;

(b)

il-paragrafu 3 jitħassar.

(11)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 20a

L-akkwist ta' servizzi relattivi għall-bastimenti jew l-inġenji tal-ajru mir-RDPK għandu jkun ipprojbit.”.

(12)

L-Artikolu 21 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 21

L-Istati Membri għandhom ineħħu mir-reġistru kwalunkwe bastiment li jkun proprjetà ta', ikkontrollat jew operat minn, ir-RDPK, u ma għandhom jirreġistraw ebda tali bastiment li jkun tneħħa mir-reġistru minn Stat ieħor f'konformità mal-paragrafu 24 tal-UNSCR 2321 (2016).”.

(13)

L-Artikolu 22 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 22

1.   Għandu jkun ipprojbit li jiġu rreġistrati bastimenti fir-RDPK, li tinkiseb awtorizzazzjoni għal bastiment biex juża l-bandiera tar-RDPK, jew li wieħed ikollu, jagħti b'lease, jopera, jew jipprovdi kwalunkwe klassifikazzjoni, ċertifikazzjoni jew servizz assoċjat lil bastiment, jew li jiġi assigurat kwalunkwe bastiment li jtajjar il-bandiera tar-RDPK.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ta l-approvazzjoni minn qabel każ b'każ.

3.   L-għoti minn ċittadini ta' Stati Membri jew mit-territorji ta' Stati Membri ta' servizzi ta' assigurazzjoni jew riassigurazzjoni lil bastimenti li huma proprjetà tar-RDPK, ikkontrollati, jew operati minnha, inkluż permezz ta' mezzi illeċiti, għandu jkun ipprojbit.

4.   Il-paragrafu 3 m'għandux japplika fejn il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jiddetermina każ b'każ jekk il-bastiment ikunx involut f'attivitajiet esklużivament għal finijiet ta' għajxien li mhux ser jintuża minn individwi jew entitajiet tar-RDPK biex jiġġeneraw introjtu jew esklużivament għal finijiet umanitarji.”.

(14)

Fl-Artikolu 23, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“12.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirrestrinġu d-dħul jew it-transitu fit-territorji tagħhom ta' membri tal-Gvern tar-RDPK, l-uffiċjali ta' dak il-Gvern, u l-membri tal-forzi armati tad-RDPK, jekk tali membri jew uffiċjali jkunu assoċjati mal-programmi nukleari jew ta' missili ballistiċi tar-RDPK jew attivitajiet oħrajn ipprojbiti mill-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016) u 2321(2016).”.

(15)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 24a

1.   Fejn Stat Membru jiddetermina li individwu jkun qiegħed jaħdem f'isem jew taħt id-direzzjoni ta' bank jew istituzzjoni finanzjarja tar-RDPK, l-Istat Membru għandu jkeċċi lill-individwu mit-territorju tiegħu għall-fini ta' ripatrijazzjoni lejn l-Istat tan-nazzjonalità tal-individwu, b'mod konsistenti mad-dritt applikabbli.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fejn il-preżenza tal-individwu hija meħtieġa għat-twettiq ta' proċess ġudizzjarju jew esklużivament għal finijiet mediċi, ta' sikurezza jew finijiet umanitarji oħra, jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun iddetermina każ b'każ li t-tkeċċija tal-individwu tmur kontra l-objettivi tal-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016) u 2321(2016).”.

(16)

L-Artikolu 30 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 30

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jeżerċitaw viġilanza u jipprevjenu tagħlim jew taħriġ speċjalizzat ta' ċittadini tar-RDPK, fit-territorji tagħhom jew minn ċittadini tagħhom, f'dixxiplini li jikkontribwixxu għall-attivitajiet nukleari sensittivi ta' proliferazzjoni tar-RDPK u għall-iżvilupp ta' sistemi ta' twassil ta' armi nukleari, inkluż tagħlim jew taħriġ fil-fiżika avvanzata, simulazzjoni avvanzata bil-kompjuter u xjenzi tal-kompjuter relatati, in-navigazzjoni ġeospazjali, l-inġinerija nukleari, l-inġinerija ajruspazjali, l-inġinerija ajrunawtika u dixxiplini relatati, ix-xjenza tal-materjali avvanzati, l-inġinerija tal-kimika avvanzata, l-inġinerija mekkanika avvanzata, l-inġinerija elettrika avvanzata u l-inġinerija industrijali avvanzata.

2.   L-Istati Membri għandhom jissospendu l-kooperazzjoni xjentifika u teknika li tinvolvi persuni jew gruppi li huma uffiċjalment sponsorjati minn, jew jirrappreżentaw lil, ir-RDPK ħlief għal skambji mediċi sakemm:

(a)

fil-każ ta' kooperazzjoni xjentifika jew teknika fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija nukleari, l-inġinerija u t-teknoloġija ajruspazjali u ajrunawtika, jew tekniki u metodi avvanzati tal-produzzjoni tal-manifattura, il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkunx iddetermina każ b'każ li attività partikolari ma tikkontribwixxix għal attivitajiet nukleari sensittivi ta' proliferazzjoni jew programmi relatati mal-missili ballistiċi tar-RDPK; jew

(b)

fil-każ ta' kull kooperazzjoni xjentifika jew teknika oħra, l-Istat Membru involut fil-kooperazzjoni xjentifika jew teknika ma jiddeterminax li l-attività partikolari ma tikkontribwixxix għal attivitajiet nukleari sensittivi ta' proliferazzjoni jew programmi relatati mal-missili ballistiċi tar-RDPK u ma jinnotifikax lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet minn qabel dwar tali determinazzjoni.”.

(17)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 31a

Għandu jkun ipprojbit li missjoni diplomatika jew post konsulari tar-RDPK, u l-membri tar-RDPK tagħhom, ikollhom jew jikkontrollaw kontijiet bankarji fl-Unjoni, ħlief għal kont wieħed fl-Istat Membru jew l-Istati Membri li fihom il-missjoni jew il-post ikunu ospitati jew li lilhom il-membri tagħhom ikunu akkreditati.”.

(18)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 31b

1.   Għandu jkun ipprojbit li proprjetà immobbli tingħata b'kera lir-RDPK jew b'xi mod ieħor titqiegħed għad-dispożizzjoni tar-RDPK, jew li din tintuża mir-RDPK jew għall-benefiċċju tagħha, għal kwalunkwe skop għajr attivitajiet diplomatiċi jew konsulari.

2.   Għandu jkun ipprojbit ukoll li tinkera proprjetà immobbli mir-RDPK li tkun tinsab barra mit-territorju tar-RDPK.”.

(19)

L-Artikolu 33(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-Kunsill għandu jimplimenta modifiki għall-Annessi I u IV abbażi tad-determinazzjonijiet li jsiru mill-Kunsill tas-Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.”.

(20)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 36a

B'deroga mill-miżuri imposti mill-UNSCR 1718 (2006), 1874 (2009), 2087 (2013), 2094 (2013), 2270 (2016) jew 2321 (2016), dment li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun iddetermina li tenħtieġ eżenzjoni biex tiġi ffaċilitata l-ħidma ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet mhux governattivi li jwettqu attivitajiet ta' assistenza u sokkors fir-RDPK għall-benefiċċju tal-popolazzjoni ċivili tar-RDPK, l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru għandha tagħti l-awtorizzazzjoni meħtieġa.”.

(21)

Jiżdied l-Anness IV kif jinsab fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data wara dik tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Frar 2017.

Għall-Kunsill

Il-President

K. MIZZI


(1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta' Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u li tħassar id- Deċiżjoni 2013/183/PESK (ĠU L 141, 28.5.2016, p. 79).


ANNESS

“ANNESS IV

Lista ta' bastimenti msemmija fl-Artikolu 18a”


Top