EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R0727

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 727/2007 tas- 26 ta’ Ġunju 2007 li jemenda l-Annessi I, III, VII u X tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 165, 27.6.2007, p. 8–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/727/oj

27.6.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 165/8


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 727/2007

tas-26 ta’ Ġunju 2007

li jemenda l-Annessi I, III, VII u X tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistipula regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċerti enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6a(2) u l-Artikolu 23 tiegħu.

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistipula regoli għall-monitoraġġ ta’ enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli fl-annimali bovini, ovini u kaprini u għall-miżuri ta’ eradikazzjoni li għandhom jitwettqu wara konferma ta’ enċefalopatija sponġiformi trasmissibbli (TSE) fl-annimali ovini u kaprini.

(2)

F’Ottubru ta’ l-2005 l-Awtorità Ewropea tas-Sikurezza ta’ l-Ikel (l-EFSA) adottat opinjoni dwar il-klassifikazzjoni ta’ każijiet atipiċi tat-TSE f’annimali żgħar li jixtarru. Fl-opinjoni tagħha l-EFSA tikkonkludi li definizzjoni operattiva ta’ scarpie atipika hija possibbli u tipprovdi l-elementi għall-klassifikazzjoni ta’ każijiet ta’ scarpie. L-EFSA tirrakkomanda wkoll li jintużaw programmi ta’ sorveljanza, inklużi testijiet u arranġamenti ta’ teħid ta’ kampjuni, sabiex jippermettu l-iżvelar tal-forom kollha tat-TSE f’annimali żgħar li jixtarru.

(3)

Għalhekk jidher xieraq, li jiġu introdotti definizzjonijiet għat-TSE għal annimali żgħar li jixtarru, fil-każ ta’ scarpie, il-każ klassiku ta’ scarpie u l-każ atipiku ta’ scarpie.

(4)

Meta annimal imbiċċer għall-konsum uman jinstab pożittiv għal test rapidu skond ir-regoli attwali, speċifikament l-Anness III għar-Regolament (KE) Nru 999/2001, mill-anqas il-karkassa li tippreċedi immedjatament il-karkassa li mmarkat pożittiv għat-test u ż-żewġ karkassi li jiġu wara l-karkassa li mmarkat pożittiv għat-test fl-istess linja ta’ tbiċċir iridu jinqerdu, flimkien mal-karkassa li mmarkat pożittiv għat-test.

(5)

Il-qerda totali, fl-istess linja ta’ tbiċċir, tat-tliet karkassi biswit dik li mmarkat pożittiv għat-test rapidu hija sproporzjonata fir-rigward tar-riskju. Dawn il-karkassi għandhom jinqerdu biss jekk ir-riżultat tat-test rapidu huwa kkonfermat pożittiv jew inkonklussiv wara eżaminazzjoni bil-metodi ta’ referenza.

(6)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 214/2005 (2) u (KE) Nru 1041/2006 (3) jipprevedi programmi miżjuda ta’ monitoraġġ fl-annimali kaprini u bovini, wara l-iżvelar ta’ l-enċefalopatija sponġiformi tal-bovini (BSE) fil-mogħoż fl-2005 u tliet każijiet mhux tas-soltu tat-TSE fin-ngħaġ fejn il-BSE ma setgħetx tiġi eskluża. Il-programmi ta’ monitoraġġ għandhom jiġu riveduti fid-dawl tar-riżultati ta’ sentejn ta’ ttestjar intensiv li ma wasslu għall-ebda żvelar ta’ kwalunkwe każ addizzjonali tal-BSE fl-annimali ovini u kaprini. Sabiex jiżguraw implimentazzjoni efiċċjenti tal-programmi r-rekwiżiti riveduti ta’ monitoraġġ għandhom japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2007.

(7)

Il-programmi ta’ monitoraġġ f’annimali ovini u kaprini għandhom jiġu vverifikati u riveduti fid-dawl ta’ data xjentifika ġdida.

(8)

Fid-dawl tar-riżultati tal-monitoraġġ miżjud fl-annimali ovini u kaprini, il-politika attwali ta’ qtil u ripopolazzjoni fil-merħliet affetwati mit-TSE tidher li hija sproporzjonata. Barra minn dan, bosta diffikultajiet, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ripopolazzjoni ta’ merħliet infettati, ixekklu l-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri wara s-sejba tat-TSE f’merħla.

(9)

Fit-8 ta’ Marzu 2007 l-EFSA adottat opinjoni dwar ċerti aspetti relatati mar-riskju tat-TSE fl-annimali ovini u kaprini. Fl-opinjoni tagħha, l-Awtorità tqis li mhemmx evdienza għal rabta epidemoloġika jew molekulari bejn l-iscarpie klassika u/jew atipika u t-TSE fl-umani u li l-aġent tal-BSE huwa l-uniku aġent tat-TSE identifikat bħala żunotiku. Barra minn hekk, l-Awtorità tqis li testijiet attwali diskriminatorji kif deskritti fil-leġiżlazzjoni tal-KE li għandhom jintużaw għad-diskriminazzjoni bejn l-iscarpie u l-BSE huma ta’ min jorbot fuqhom għad-differenzjar tal-BSE mill-iscarpie klassiku u atipiku.

(10)

Fatturi addizzjonali li jikkonfermaw il-ħtieġa ta’ rikonsiderazzjoni tal-miżuri tal-qerda tat-TSE f’annimali żgħar li jixtarru jinkludu n-nuqqas ta’ evidenza xjentifika li tindika li l-iscarpie hija trażmissibbli lill-umani, l-esklużjoni tal-BSE f’każijiet ta’ TSE f’annimali żgħar li jixtarru u s-sejba ta’ każijiet atipiċi tat-TSE b’firxa limitata ta’ infezzjoni fi ħdan merħla iżda li qed toħroġ fin-ngħaġ b’ġenotipi meqjusa li huma reżistenti għall-BSE u għall-iscarpie klassika.

(11)

L-istruttura tas-settur tan-ngħaġ u l-mogħoż hija notorjament differenti madwar il-Komunità, u għalhekk l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibilità li japplikaw politiki alternattivi, sakemm li huma stabbiliti regoli armonizzati.

(12)

Il-pjan ta’ rotta tal-Kummissjoni tat-TSE, adottat fil-15 ta’ Lulju 2005, jistabbilixxi bħala wieħed mill-għanijiet strateġiċi r-reviżjoni tal-miżuri tal-qerda għall-annimali żgħar li jixtarru filwaqt li jqis l-għodod dijanjostiċi disponibbli iżda jiżgura il-livell attwali ta’ ħarsien tal-konsumatur.

(13)

Fit-13 ta’ Lulju 2006 l-EFSA adottat opinjoni dwar il-Programmi ta’ Tgħammir għar-reżistenza tat-TSE fin-ngħaġ. Fl-opinjoni tagħha l-EFSA tikkonkludi li l-programmi ta’ tgħammir iżidu s-saħħa tal-popolazzjonijiet tan-ngħaġ kontra t-TSEs magħrufa u għalhekk jikkontribwixxu kemm għas-saħħa mtejba ta’ l-annimali kif ukoll għall-ħarsien tal-konsumatur. L-EFSA għamlet rakkomandazzjonijiet dwar id-determinazzjoni tal-ġenotip tal-proteina prijonika.

(14)

L-Artikolu 6a tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jipprevedi li Stati Membri jistgħu jintroduċu programmi ta’ tgħammir għas-selezzjoni għar-reżistenza għat-TSEs fil-popolazzjonijiet tagħhom ta’ l-ovini. Jeħtieġ li jiġu introdotti rekwiżiti minimi armonizzati għal dawn il-programmi ta’ tgħammir.

(15)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(16)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/100/KE tat-13 ta’ Frar 2003 tistipula r-rekwiżiti minimi għat-twaqqif ta’ programmi tat-tgħammir għar-reżistenza għall-enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli fin-ngħaġ (4) hija skaduta minħabba li d-dispożizzjonijiet previsti fiha issa għandhom jinbidlu bid-dispożizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament. Fl-interessi ta’ ċertezza u ċertezza legali dik id-Deċiżjoni għandha tiġi revokata.

(17)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I, III, VII u X tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati skond l-Anness ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2003/100/KE hija revokata.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Il-Punt (2)(b)ta’ l-Anness għal dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2007.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 26 ta’ Ġunju 2007.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1923/2006 (ĠU L 404, 30.12.2006, p. 1).

(2)  ĠU L 37, 10.2.2005, p. 9.

(3)  ĠU L 187, 8.7.2006, p. 10.

(4)  ĠU L 41, 14.2.2003, p. 41.


ANNESS

L-Annessi I, III, VII u X tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma emendati kif ġejjin:

(1)

Fl-Anness I il-punt 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.

Għall-għan ta’ dan ir-Regolament, għandhom jgħoddu wkoll id-definizzjonijet li ġejjin:

(a)

‘każ indiġenu ta’ BSE’ ifisser kull każ ta’ l-enċifalopatija sponġiformi tal-bovini li ma ġiex dimostrat b’mod ċar li hu dovut għal infezzjoni qabel l-importazzjoni bħala annimal ħaj;

(b)

‘tessut adipoż diskret’ ifisser xaħam tal-ġisem intern u estern imneħħi waqt il-proċess ta’ tbiċċir u taqtigħ, b’mod partikolari xaħam frisk mill-qalb, borqom u kliewi ta’ annimali bovini, u xaħam mill-kmamar tat-taqtigħ;

(ċ)

‘koorti’ tfisser grupp ta’ annimali bovini li jinkludi kemm:

(i)

annimali mwielda fl-istess merħla bħal dawn l-annimali bovini affettwati, u fi żmien 12-il xahar qabel jew wara l-jum tat-twelid ta’ l-annimal bovin affettwat; kif ukoll

(ii)

annimali li fi kwalunkwe żmien matul l-ewwel sena ta’ ħajjithom trabbew flimkien ma’ l-annimali bovin affettwat matul l-ewwel sena ta’ ħajtu;

(d)

‘każ ta’ indiċi’ tfisser l-ewwel annimal f”azjenda, jew fi grupp definit epidemjoloġikamnet, li fih infezzjoni tat-TSE hija kkonfermata.

(e)

‘TSE f’Annimali li Jixtarru’ tfisser każ ta’ enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli żvelat f’annimal ovin jew kaprin wara test ta’ konferma għal proteina abnormali PrP.

(f)

‘każ ta’ scrapie’ tfisser każ ikkonfermat ta’ enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli f’annimal ovin jew kaprin fejn dijanjosi ta’ BSE ġie eskluż skond il-kriterji stipulati fil-manwal tekniku ta’ referenza tal-laboratorju tal-Komunità dwar il-karatterizzazzjoni tal-varjetà tat-TSE f’annimali żgħar li jixtarru (*).

(g)

‘każ ta’ scrapie klassiku’ tfisser każ ikkonfermat ta’ scrapie kklassifikat skond il-kriterji stipulati fil-manwal tekniku ta’ referenza tal-laboratorju tal-Komunità dwar il-karatterizzazzjoni tal-varjetà tat-TSE f’annimali żgħar li jixtarru.

(h)

‘każ ta’ scrapie atipika’ tfisser każ ikkonfermat ta’ scrapie li huwa distint minn Scrapie klassiku skond il-kriterji stipulati fil-manwal tekniku ta’ referenza tal-laboratorju tal-Komunità dwar il-karatterizzazzjoni tal-varjetà tat-TSE f’annimali żgħar li jixtarru.

(*)  http://www.defra.gov.uk/corporate/vla/science/science-tse-rl-confirm.htm”"

(2)

Fl-Anness III, il-Kapitolu A huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-parti I, il-punti 6.4 u 6.5 jinbidlu b’dan li ġej:

“6.4.

Il-partijiet kollha tal-ġisem ta’ annimali li nstab pożittiv jew inkonklussiv għat-test rapidu inkluża l-ġilda se jintremew skond l-Artikolu 4(2)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002, apparti mill-materjal li għandu jinżamm b’konnessjoni mar-reġistrazzjoni prevista fil-Kapitolu B(III).

6.5.

Meta annimal imbiċċer għall-konsum uman jinstab pożittiv jew inkonklussiv għal test rapidu, mill-anqas il-karkassa li kien hemm eżattament qablu u ż-żewġ karkassi li ġew immedjatament wara l-annimal li ttestja pożittiv jew inkonklussiv fl-istess linja ta’ tbiċċir għandhom jinqerdu skond il-punt 6.4. Permezz ta’ deroga, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeqirdu l-karakassi msemmija qabel biss jekk ir-riżultat tat-test rapidu huwa kkonfermat li huwa pożittiv jew inkonklussiv permezz ta’ eżaminazzjonijiet ta’ konferma msemmija fl-Anness X, il-Kapitolu C, il-punt 3.1(b).”

(b)

Il-Parti II hija mibdula b’dan li ġej:

“II.   MONITORAĠĠ FUQ ANNIMALI BOVINI U KAPRINI

1.   Ġenerali

Monitoraġġ fuq annimali ovini u kaprini għandu jitwettaq skond il-metodi tal-laboratorju mniżżlin fl-Anness X, il-Kapitolu C, il-punt 3.2(b).

2.   Monitoraġġ ta’ annimali ovini jew kaprini maqtula għall-konsum uman

(a)

L-Istati Membri li fihom il-popolazzjoni ta’ nagħaġ u ħrief tan-nagħaġ mogħtija lill-muntun taqbeż is-750 000 annimal għandhom jittestjaw skond ir-regoli ta’ teħid ta’ kampjuni stipulati fil-punt 4 kampjun annwali minimu ta’ 10 000 annimal ovin imbiċċra għall-konsum uman;

(b)

L-Istati Membri li fihom il-popolazzjoni ta’ mogħoż li diġà welldu gidi u mogħoż mgħammra taqbeż is-750 000 annimal għandhom jittestjaw skond ir-regoli ta’ teħid ta’ kampjuni stipulati fil-punt 4 kampjun annwali minimu ta’ 10 000 annimal kaprin imbiċċra għall-konsum uman;

(ċ)

Fejn Stat Membru jsibha diffiċli jiġbor numri biżżejjed ta’ annimali ovini jew kaprini maqtula f’saħħithom sabiex ikun jista’ jilħaq id-daqs minimu ta’ kampjun allokat stabbilit lilu fil-punti (a) u (b), jista’ jagħżel li jibdel il-massimu ta’ 50 % tad-daqs minimu tal-kampjun tiegħu billi jittestja bhejjem kaprini mejta ta’ età ‘l fuq minn 18-il xahar bi proporzjon ta’ wieħed għal kull wieħed, u flimkien mad-daqs minimu tal-kampjuni stipulat fil-punt 3. Aktar minn hekk Stat Membru jista’ jagħżel li jbiddel massimu ta’ 10 % tad-daqs tal-kampjun tiegħu billi jittestja l-annimali ovini u kaprini maqtula fil-qafas ta’ kampanja għall-qerda tal-marda ta’ età ogħla minn 18–il xahar fil-proporzjon ta’ wieħed għal kull wieħed.

3.   Monitoraġġ ta’ annimali ovini jew kaprini mhux imbiċċra għall-konsum uman

L-Istati Membri għandhom jittestjaw skond ir-regoli tat-teħid ta’ kampjuni stipulati fil-punt 4 u d-daqsijiet minimi ta’ kampjun indikati fit-Tabella A u t-Tabella B, annimali ovini u kaprini li mietu jew inqatlu iżda li ma:

nqatlux fil-qafas ta’ kampanja għall-qerda ta’ marda, jew

tbiċċrux għall-konsum uman.

Tabella A

Popolazzjoni fl-Istati Membri tan-nagħaġ u tal-ħrief mgħammra għall-muntun

Daqs minimu tal-kampjun ta’ annimali ovini mejta (1)

> 750 000

10 000

100 000 –750 000

1 500

40 000 –100 000

100 % up to 500

< 40 000

100 % up to 100


Tabella B

Popolazzjoni fl-Istat Membru ta’ mogħoż li diġà welldu gidi u mogħoż tgħammru

Daqs minimu tal-kampjun ta’ annimali kaprini mejta (2)

> 750 000

10 000

250 000 –750 000

1 500

40 000 –250 000

100 % up to 500

< 40 000

100 % up to 100

4.   Regoli tat-teħid ta’ kampjun għall-annimali msemmija fil-punti 2 u 3

L-annimali għandhom ikollhom età akbar minn 18-il xahar jew ikollhom aktar minn żewġ sinniet inċiżivi li nibtu mill-ħanek.

L-età ta’ l-annimal għandha tkun stmata abbażi tad-dentatura, is-sinjali ovvji ta’ maturità jew kull tagħrif ieħor affidabbli;

L-għażla tal-kampjun għandha titfassal bil-ħsieb li tiġi evitata s-sovrarappreżentazzjoni ta’ kwalunkwe grupp f’dak li għandu x’jaqsam ma’ oriġini, età, razza, tip ta’ produzzjoni jew kwalunkwe karatteristika oħra.

Il-kampjuni għandhom ikunu rappreżentattivi ta’ kull reġjun u staġun. Teħid multiplu ta’ kampjuni mill-istess merħla għandu jiġi evitat, fejn hu possibbli. L-Istati Membri għandhom jimmiraw il-programmi tagħhom ta’ monitoraġġ sabiex jiksbu, fejn huwa possibbli, li fi snin suċċessivi ta’ teħid ta’ kampjuni l-ażjendi kollha rreġistrati b’aktar minn 100 annimal u fejn qatt ma ġew żvelati każijiet tat-TSE jkunu soġġetti għat-testjar tat-TSE.

L-Istati Membri se jistabbilixxu sistema sabiex jikkontrollaw, fuq bażi mmirata jew ta’ tip ieħor, li l-annimali mhumiex qed jiġu ridirezzjonati mit-teħid tal-kampjuni.

Minkejja dan, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeskludu mit-teħid ta’ kampjuni żoni remoti b’densità baxxa ta’ l-annimali, fejn ma tkun organizzata l-ebda ġabra ta’ annimali mejta. Stati Membri li jagħmlu użu minn din id-deroga għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwarha, u għandhom jippreżentaw lista ta’ dawn iż-żoni remoti fejn tapplika d-deroga. Id-deroga ma għandhiex tkopri aktar minn 10 % tal-popolazzjoni ovina u kaprina fl-Istati Membri kkonċernati.

5.   Monitoraġġ f’merħliet infettati

Annimali li għandhom età akbar minn 18-il xahar jew li għandhom aktar minn żewġ sinniet inċiżivi permanenti li nibtu mill-ħanek, u li nqatlu għall-qerda skond l-Anness VII, il-punt 2.3(b)(i) jew (ii) jew il-punt 5(a), għandhom jiġu ttestjati abbażi ta’ l-għażla ta’ kampjun sempliċi li jingħażel bil-polza, skond id-daqs tal-kampjun indikat fit-tabella li ġejja.

Numru ta’ annimali li għandhom età akbar minn 18-il xahar jew li għandhom aktar minn żewġ sinniet inċiżivi permanenti li nibtu mill-ħanek, li nqatlu għall-qerda fil-merħla

Daqs minimu tal-kampjun

70 jew inqas

L-annimali kollha eliġibbli

80

68

90

73

100

78

120

86

140

92

160

97

180

101

200

105

250

112

300

117

350

121

400

124

450

127

500 jew aktar

150

6.   Monitoraġġ fuq annimali oħra

Flimkien mal-programmi ta’ monitoraġġ imfassla fil-punti 2, 3, u 4, l-Istati Membri jistgħu fuq bażi voluntarja jwettqu monitoraġġ f’annimali oħra, b’mod partikolari:

annimali użati għall-produzzjoni tal-ħalib,

annimali li joriġinaw minn pajjiżi dijanjostikati b’TSEs indiġeni,

annimali li kkonsmaw għalf potenzjalment ikkontaminat,

annimali mwielda jew imnissla minn nisa infettati bit-TSE.

7.   Miżuri li jsegwu ttestjar ta’ annimali ovini u kaprini

7.1.

Fejn annimal ovin jew kaprin tbiċċer għall-konsum uman ingħażel għall-ittestjar tat-TSE skond il-punt 2, il-karkassa tiegħu m’għandhiex tiġi mmarkata b’marka sanitarja prevista fit-Taqsima I, il-Kapitolu III ta’ l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 854/2004 sakemm jinkiseb riżultat negattiv għat-test rapidu.

7.2.

L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-punt 7.1. fejn hemm imwaqqfa sistema approvata mill-awtorità kompetenti fil-biċċerija li tiżgura li l-partijiet kollha ta’ annimal jistgħu jiġu ttraċċati u li l-ebda parti mill-annimal ittestjat li għandu marka sanitarja ma tista’ tħalli l-biċċerija sakemm jinkiseb riżultat negattiv għat-test rapidu.

7.3.

Il-partijiet kollha ta’ ġisem ta’ annimal ittestjat, inkluża l-ġilda, se jinżammu taħt kontroll uffiċjali sakemm jinkiseb riżultat negattiv għat-test rapidu skond l-Artikolu 4(2)(a), (b) jew (e) tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002.

7.4.

Minbarra l-materjal li għandu jinżamm b’konnessjoni mar-reġistrazzjoni prevista fil-Kapitolu B(III), il-Parti III ta’ dan l-Anness, il-partijiet kollha tal-ġisem ta’ annimali li nstab pożittiv jew inkonklussiv għat-test rapidu inkluża l-ġilda se jintremew direttament skond l-Artikolu 4(2)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 1774/2002.

8.   Ġenotipar

8.1.

Il-ġenotip tal-proteina prijonika għall-kodoni 136, 154 u 171 għandu jiġi ddeterminat għal kull każ pożittiv tat-TSE fin-nagħaġ. Il-każijiet kollha tat-TSE misjuba f’nagħaġ li jikkodifikaw l-alanina fiż-żewġ alleli tal-kodon 136, l-arġinina fiż-żewġ alleli tal-kodon 154 u l-arġinina fiż-żewġ alleli tal-kodon 171, għandhom jiġu rrappurtati minnufih lill-Kummissjoni. Fejn il-każ tat-TSE pożittiv huwa każ ta’ scarpie atipiku għandu jiġi determinat il-ġenotip tal-proteina prijonika għall-kodon 141.

8.2.

Minbarra l-annimali li sarilhom ġenotip skond il-punt 8.1., għandu jiġi determinat il-ġenotip tal-proteina prijonika għall-kodoni 136, 141, 154 u 171 ta’ kampjun minimu ta’ annimali ovini. Fil-każ ta’ Stati Membri b’popolazzjoni tan-nagħaġ adulti ta’ aktar minn 750 000 annimal, dan il-kampjun minimu għandu jikkonsisti mill-anqas minn 600 annimal. Fil-każ ta’ Stati Membri oħra l-kampjun minimu għandu jikkonsisti mill-anqas minn 100 annimal. Il-kampjuni jistgħu jingħażlu minn annimali mbiċċra għall-konsum uman, minn annimali mejta fl-azjenda jew minn annimali ħajjin. It-teħid ta’ kampjuni għandu jkun rappreżentattiv tal-popolazzjoni sħiħa ta’ l-ovini.”

(3)

L-Anness VII jinbidel b’dan li ġej:

“ANNESS VII

IL-QERDA TA’ L-ENĊIFALOPATIJA SPONĠIFORMI TRASMISSIBBLI

KAPITOLU A

Miżuri li jsegwu konferma tal-preżenza ta’ TSE

1.

L-ISTĦARRIĠ li għalih saret referenza fl-Artikolu 13(1)(b) għandu jidentifika:

(a)

fil-każ ta’ annimali bovini:

l-annimali l-oħra kollha li jixtarru fl-azjenda ta’ l-annimal li fih il-marda kienet ikkonfermata,

fejn il-marda tiġi kkonfermata f’annimal mara, il-wild li jitwieled sentejn qabel jew wara, il-bidu kliniku tal-marda,

l-annimali kollha tal-koorti ta’ l-annimal li fih ġiet ikkonfermata l-marda,

l-oriġini possibbli tal-marda,

annimali oħra ta’ l-ażjenda li fiha tkun ġiet ikkonfermata l-marda jew f’ażjendi oħra li setgħu ġew infettati mill-aġent tat-TSE jew kienu esposti għall-istess tip ta’ għalf jew sorsi ta’ kontaminazzjoni,

il-moviment ta’ għalf li huwa potenzjalment ikkontaminat, ta’ materjali oħra jew ta’ kwalunkwe mezz ieħor ta’ trasmissjoni, li setgħu ttrasmettu l-aġent tat-TSE mill-ażjenda jew għall-ażjenda konċernata;

(b)

fil-każ ta’ annimali ovini u kaprini:

l-annimali l-oħra kollha li jixtarru ħlief l-annimali ovini u kaprini fl-ażjenda ta’ l-annimal li fih kienet ikkonfermata l-marda,

sa fejn huma identifikabbli, il-ġenituri, u fil-każ tan-nisa, l-embrijuni kollha, l-ova u l-aħħar wild ta’ l-annimal mara li fuqha l-marda tkun ġiet ikkonfermata,

l-annimali ovini u kaprini l-oħrajn kollha fl-ażjenda ta’ l-annimal li fuqu l-marda kienet ġiet ikkonfermata b’żieda ma’ dawk imsemmija fit-tieni inċiż,

l-oriġini possibbli tal-marda u l-identifikazzjoni ta’ ażjendi oħra li fihom hemm annimali, embrijuni jew ova li setgħu ġew infettati mill-aġent ta’ TSE jew ġew esposti għall-istess għalf jew sorsi ta’ kontaminazzjoni,

iċ-ċaqliq ta’ għalf potenzjalment ikkontaminat, materjal ieħor, jew kull mezz ieħor ta’ trasmissjoni, li setgħu ttrasmettu l-aġent tat-TSE mill-ażjenda jew għall-ażjenda konċernata;

2.

Il-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 13(1)(c) għandhom jinkludu mill-inqas:

2.1.

F’każ ta’ konferma tal-BSE f’annimal bovin, il-qatla u l-qerda kompluta ta’ annimali bovini identifikati mill-istħarriġ imsemmi fit-tieni u t-tielet inċiż tal-punt 1(a); minkejja dan, Stat Membru jista’ jiddeċiedi:

li ma joqtolx u ma jeqridx annimali tal-koorti msemmija fit-tielet inċiż tal-punt 1(a) jekk ingħatat evidenza li annimali tali ma kellhomx aċċess għall-istess għalf bħall-annimal affettwat,

li jipposponu l-qatla u l-qerda ta’ annimali fil-koorti msemmija fit-tielet inċiż tal-punt 1(a) sa l-aħħar tal-ħajja produttiva tagħhom, sakemm huma barrin li konsistentement jinżammu f’ċentru tal-kollezzjoni tas-semen u jista’ jiġi żgurat li jinqerdu komplutament wara mewthom.

2.2.

Jekk hija suspettata t-TSE f’annimal ovin jew kaprin f’ażjenda fi Stat Membru, l-annimali l-oħra ovini u kaprini kollha minn dik l-azjenda għandhom jitqiegħdu taħt kull restrizzjoni uffiċjali ta’ ċaqliq sakemm ikunu disponibbli r-riżultati ta’ l-eżaminazzjoni. Jekk hemm evidenza li l-ażjenda fejn l-annimal affettwat kien preżenti meta ġiet konfermata t-TSE li x’aktarx m’hijiex l-ażjenda fejn l-annimal seta’ ġie espost għat-TSE, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li azjendi oħra jew l-azjenda biss fejn ġie espost titqiegħed taħt kontroll uffiċjali skond it-tagħrif epidemjoloġiku disponibbli.

2.3.

Fil-każ ta’ konferma tat-TSE f’annimal ovin jew kaprin:

(a)

jekk ma tistax tiġi eskluża l-BSE wara r-riżultati ta’ prova interlaboratorja mwettqa skond il-proċedura stipulata fl-Anness X, il-Kapitolu C, il-punt 3.2(c), il-qatla u l-qerda kompluta ta’ l-annimali, l-embrijuni u l-ova kollha identifikati permezz ta’ l-istħarriġ imsemmi fit-tieni sal-ħames inċiżi tal-punt 1(b).

(b)

Jekk il-BSE hija eskluża skond il-proċeduri stipulati fl-Anness X, il-Kapitolu C, il-punt 3.2(c), skond id-deċiżjoni ta’ l-awtorità kompetenti.

Jew

(i)

il-qtil u l-qerda kompluta ta’ l-annimali, l-embrijuni u l-ova kollha identifikati mill-istħarriġ imsemmi fit-tieni u t-tielet inċiżi ta’ punt 1(b); Il-kondizzjonijiet stipulati fil-punt 3 għandhom japplikaw għall-ażjenda,

inkella

(ii)

il-qtil u l-qerda kompluta ta’ l-annimali, l-embrijuni u l-ova kollha identifikati mill-istħarriġ imsemmi fit-tieni u t-tielet inċiżi tal-punt 1(b), bl-eċċezzjoni ta’:

imtaten għat-tgħammir tal-ġenotip ARR/ARR,

nagħaġ tat-tgħammir li għandhom mill-anqas allela waħda ARR u l-ebda allela VRQ u, fejn nagħaġ tali tat-tgħammir huma tqal fil-mument ta’ l-istħarriġ, il-ħrief li jitwieldu sussegwentament, jekk il-ġenotip tagħhom jilħaq ir-rekwiżiti ta’ dan is-subparagrafu,

nagħaġ li għandhom mill-anqas allela waħda ARR li huma maħsuba unikament għat-tbiċċir,

jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi hekk, nagħaġ u mogħoż li għandhom anqas minn tliet xhur li huma maħsuba unikament għat-tbiċċir;

Il-kondizzjonijiet stipulati fil-punt 3 għandhom japplikaw għall-ażjenda,

inkella

(iii)

Stat Membru jista’ jiddeċiedi li ma joqtolx u ma jeqridx l-annimali, identifikati mill-istħarriġ imsemmi fit-tieni u t-tielet inċiżi tal-punt 1(b) fejn huwa diffiċli li jinkisbu annimali ovini ta’ sostituzzjoni ta’ ġenotip magħruf jew fejn il-frekwenza ta’ l-allela ARR fi ħdan ir-razza jew l-ażjenda hija baxxa, jew fejn jitqies meħtieġ sabiex jiġi evitat tgħammir ta’ l-annimali bejn l-istess demm, jew abbażi ta’ konsiderazzjoni raġunata tal-fatturi epidemjoloġiċi kollha. Il-kondizzjonijiet stipulati fil-punt 4 għandhom japplikaw għall-ażjenda.

(ċ)

Permezz ta’ deroga mill-miżuri stipulati fil-punt (b), u biss fejn il-każ tat-TSE kkonfermat f’ażjenda huwa każ ta’ scrapie atipika, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li japplika l-miżuri stipulati fil-punt 5.

(d)

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu:

(i)

li jissostitwixxu l-qatla u l-qerda kompluta ta’ l-annimali kollha msemmija f’b(i) permezz tat-tbiċċir għall-konsum uman.

(ii)

li jissostitwixxu l-qatla u l-qerda kompluta ta’ l-annimali kollha msemmija f’b(ii) permezz tat-tbiċċir għall-konsum uman.

sakemm:

l-annimali jitbiċċru fi ħdan it-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat;

l-annimali kollha li għandhom aktar minn 18-il xahar jew li għandhom aktar minn żewġ sinniet inċiżivi permanenti li nibtu mill-ħanek u li jitbiċċru għall-konsum uman għandhom jiġu ttestjati għall-preżenza tat-TSE skond il-metodi tal-laboratorju stipulati fl-Anness X, il-Kapitolu C, il-punt 3.2. (b);

(e)

Il-ġenotip tal-proteina prijonika ta’ annimali ovini, sa massimu ta’ 50 maqtula u meqruda jew imbiċċra għall-konsum uman skond il-punti (b)(i) u (iii) għandu jiġi ddeterminat.

2.4.

Jekk l-annimal infettat kien introdott minn ażjenda oħra, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi, skond l-istorja tal-każ, li japplika miżuri ta’ eradizzjoni għall-ażjenda ta’ l-oriġini flimkien ma’ l-ażjenda li fiha tkun ikkonfermata l-marda, jew minflokha; fil-każ ta’ art użata għall-mergħa komuni b’aktar minn merħla waħda, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw l-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri għal merħla waħda, fuq il-bażi ta’ konsiderazzjoni rraġunata tal-fatturi epidemjoloġiċi kollha; fejn aktar minn merħla waħda tinżamm f’ażjenda waħda, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw l-applikazzjoni tal-miżuri għall-merħla li fiha ġiet ikkonfermata t-TSE, sakemm ġie vverifikat li l-merħliet inżammu iżolati minn xulxin u li l-firxa ta’ infezzjoni bejn il-merħliet permezz ta’ jew kuntatt dirett inkella indirett hija improbabbli;

3.

Wara l-applikazzjoni fuq ażjenda tal-miżuri msemmija fil-punt 2.3 (a) u (b)(i) u (ii):

3.1.

Dawn l-annimali li ġejjin biss jistgħu jiġu introdotti għall-ażjenda/ażjendi:

(a)

muntun tal-ġenotip ARR/ARR;

(b)

nagħaġ nisa li jkollhom mill-anqas allela ARR waħda u l-ebda alleli VRQ;

(ċ)

annimali kaprini, sakemm:

(i)

l-ebda annimal ovin għat-tgħammir minbarra dawk tal-ġenotipi msemmija fil-punti (a) u (b) m’huwa preżenti fl-ażjenda,

(ii)

tindif u disinfettazzjoni eżawrjenti ta’ l-inħawi kollha ta’ fejn jinżammu l-annimali twettqu wara li tkun tneħħiet il-merħla.

3.2.

Il-prodotti ġerminali obini li ġejjin biss jistgħu jintużaw fl-ażjenda/ażjendi:

(a)

semen minn muntuni tal-ġenotip ARR/ARR;

(b)

embrijuni li jkollhom mill-anqas allela ARR waħda u l-ebda allela VRQ.

3.3.

Ċaqliq ta’ l-annimali mill-ażjenda għandu jkun soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ċaqliq tan-nagħaġ ARR/ARR mill-ażjenda ma għandu jkun soġġett għall-ebda restrizzjoni;

(b)

nagħaġ li għandhom allela waħda biss ARR jistgħu jintbagħtu mill-ażjenda biss għat-tbiċċir għall-komsum uman jew għar-raġunijiet tal-qerd; madankollu,

nagħaġ li għandhom allela ARR waħda u l-ebda allela VRQ jistgħu jintbagħtu f’ażjendi oħra li huma restritti wara l-applikazzjoni tal-miżuri skond il-punt 2.3 (b)(ii) jew 4,

jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi hekk, ħrief u gidjien jistgħu jintbagħtu għand ażjenda waħda oħra biss għall-għanijiet ta’ tismin qabel it-tbiċċir; l-ażjenda destinatarja ma għandu jkollha l-ebda annimal ovin jew kaprin minbarra dawk li qed jissemmnu qabel it-tbiċċir, u ma għandhiex tibgħat annimali ovini jew kaprini ħajjin lil ażjendi oħra, minbarra għal tbiċċir dirett;

(ċ)

annimali kaprini jistgħu jiċċaqalu sakemm l-ażjenda hija soġġetta għal monitoraġġ intensiv tat-TSE, inkluż l-ittestjar ta’ l-annimali kollha kaprini li għandhom aktar minn 18-il xahar u:

(i)

jitbiċċru għall-konsum uman fl-aħħar tal-ħajja produttiva tagħhom; jew

(ii)

mietu jew inqatlu fl-ażjenda, u jilħqu l-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness III, il-Kapitolu A, il-Parti II, il-punt 3.

(d)

jekk Stat Membru jiddeċiedi hekk, ħrief u gidjien li għandhom anqas minn tliet xhur jistgħu jiċċaqalqu minn ażjenda sabiex imorru direttament għat-tbiċċir għal konsum uman.

3.4.

Ir-restrizzjonijiet stipulati fil-punti 3.1, 3.2 u 3.3 għandhom ikomplu japplikaw għall-ażjenda għall-perjodu ta’ sentejn minn:

(a)

id-data tal-kisba ta’ l-istatus ARR/ARR mill-annimali ovini kollha fl-ażjenda jew

(b)

l-aħħar data meta annimal ovin jew kaprin inżamm fil-post jew

(ċ)

id-data meta l-monitoraġġ intensifikat tat-TSE stipulat fi 3.3 (c) inbeda; inkella

(d)

id-data meta l-imtaten kollha tat-tgħammir fl-ażjenda huma tal-ġenotip ARR/ARR u n-nagħaġ kollha tat-tgħammir għandhom mill-anqas allela waħda ARR u l-ebda allela VRQ, sakemm matul il-perjodu ta’ sentejn, jinkisbu riżultati negattivi mill-ittestjar tat-TSE ta’ l-annimali li ġejjin li għandhom aktar minn 18-il xahar:

kampjun annwali ta’ annimali ovini mbiċċra għall-konsum uman fl-aħħar tal-ħajja produttiva tagħhom skond id-daqs tal-kampjun imsemmi fit-Tabella fl-Anness III, il-Kapitolu A, il-Parti II, il-punt 5; kif ukoll

l-annimali kollha msemmija fl-Anness III, il-Kapitolu A, il-Parti II, il-punt 3 li mietu jew inqatlu fl-ażjenda.

4.

Wara l-applikazzjoni f’ażjenda tal-miżuri stipulati fil-punt 2.3 (b)(iii) u għall-perjodu ta’ sentejn ta’ tgħammir wara s-sejba ta’ l-aħħar każ tat-TSE:

(a)

l-annimali ovini u kaprini kollha fl-ażjenda għandhom ikunu identifikati;

(b)

l-annimali ovini u kaprini kollha fl-ażjenda, jistgħu jiċċaqalqu biss fi ħdan it-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat għat-tbiċċir għall-konsum uman jew għall-għanijiet tal-qerda; l-annimali kollha li għandhom aktar minn 18-il xahar imbiċċra għall-konsum uman għandhom jiġu ttestjati għall-preżenza tat-TSE skond il-metodi laboratorji stipulati fl-Anness X, il-Kapitolu C, il-punt 3.2(b);

(ċ)

l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-embrijuni u l-ova kollha ma jintbagħtux mill-ażjenda;

(d)

is-semen biss minn imtaten tal-ġenotip ARR/ARR u embrijuni li għandhom mill-anqas allela waħda ARR u l-ebda allela VRQ jista’ jintuża fl-ażjenda;

(e)

l-annimali kollha ovini u kaprini li għandhom aktar minn 18-il xahar li mietu jew inqatlu fl-ażjenda għandhom ikunu soġġetti għall-ittestjar tat-TSE;

(f)

nagħaġ irġiel tal-ġenotip ARR/ARR u annimali ovini nisa biss mill-ażjendi fejn ma nstab l-ebda każ tat-TSE jew minn merħliet li jilħqu l-kondizzjonijiet stipulati fil-punt 3.4 jistgħu jiġu introdotti fl-ażjenda;

(g)

annimali kaprini biss minn ażjendi fejn ma nstab l-ebda każ tat-TSE jew minn merħliet li jilħqu l-kondizzjonijiet tal-punt 3.4 biss jistgħu jiġu introdotti fl-ażjenda;

(h)

l-annimali kollha ovini u kaprini fl-ażjenda għandhom ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet komuni ta’ mergħa li għandhom jiġu determinati mill-awtorità kompetenti, abbażi ta’ konsiderazzjoni raġjunata tal-fatturi epidemjoloġiċi kollha;

(i)

permezz ta’ deroga tal-punt (b) jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi hekk, ħrief u gidjien jistgħu jintbagħtu għand ażjenda oħra fi ħdan l-istess Stat Membru għall-għanijiet ta’ tismin qabel it-tbiċċir; sakemm l-ażjenda destinatarja ma jkollha l-ebda annimal ovin jew kaprin minbarra dawk li qed jissemmnu qabel it-tbiċċir, u ma għandhiex tibgħat annimali ovini jew kaprini ħajjin lil ażjendi oħra, minbarra għal tbiċċir dirett.

5.

Wara l-applikazzjoni tad-deroga prevista fil-punt 2.3 (c) għandhom japplikaw il-miżuri li ġejjin:

(a)

Jew il-qtil u l-qerda kompluta ta’ l-annimali, l-embrijuni u l-ova kollha identifikati mill-istħarriġ imsemmi fit-tieni u t-tielet inċiżi ta’ punt 1(b). L-Istati membri jistgħu jiddeċiedu li jiddeterminaw il-ġenotip tal-proteina prijonija ta’ annimali ovini li nqatlu u nqerdu;

(b)

inkella, għal perjodu ta’ sentejn ta’ tgħammir wara s-sejba ta’ l-aħħar każ tat-TSE, mill-anqas il-miżuri li ġejjin:

(i)

l-annimali ovini u kaprini kollha fl-ażjenda għandhom ikunu identifikati;

(ii)

l-ażjenda għandha tkun soġġetta għall-monitoraġġ intensifikat tat-TSE għal perjodu ta’ sentejn, inkluż l-ittestjar ta’ l-annimali ovini u kaprini kollha li għandhom aktar minn 18-il xahar u li tbiċċru għall-konsum uman u l-annimali ovini u kaprini kollha li għandhom aktar minn 18-il xahar li mietu jew inqatlu fl-ażjenda;

(iii)

l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li annimali ovini u kaprini ħajjin, embrijuni u ova mill-ażjenda ma jintbagħtux lil Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi.

6.

L-Istati Membri li japplikaw il-miżuri stipulati fil-punt 2.3(b)(iii) jew id-derogi previsti fil-punti 2.3(c) u (d) għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni rendikont tal-kondizzjonijiet u l-kriterji użati li minħabba fihom ingħataw. Fejn jinstabu każijiet addizzjonali tat-TSE f’merħliet fejn ġew applikati derogi, il-kondizzjonijiet għall-għotja ta’ derogi tali għandhom jiġu verifikati mill-ġdid.

KAPITOLU B

Rekwiżiti minimi għall-programm ta’ tgħammir għar-reżistenza tat-tse fin-nagħaġ f’konformità ma’ l-artikolu 6 a

PARTI 1

Rekwiżiti ġenerali

1.

Il-programm ta’ tgħammir għandu jikkonċentra fuq merħliet ta’ valur ġenetiku għoli.

2.

Bażi tad-dejta li ta’ l-anqas ikun fiha t-tagħrif li ġej għandha tiġi stabbilita:

(a)

L-identità, it-tgħammir u l-għadd ta’ annimali fil-mħliet kollha li jipparteċipaw fil-programm ta’ tgħammir;

(b)

l-identifikazzjoni ta’ l-annimali individwali li ttieħdu bħala kampjun taħt il-programm ta’ tgħammir;

(ċ)

Ir-riżultati ta’ kull test ta’ ġenotipar.

3.

Sistema ta’ ċertifikazzjoni uniformi għandha tiġi stabbilita li fiha l-ġenotip ta’ kull annimal meħud bħala kampjun taħt il-programm ta’ tgħammir huwa ċċertifikat b’referenza għan-numru ta’ identifikazzjoni individwali tiegħu.

4.

Sistema għall-identifikazzjoni ta’ annimali u kampjuni, l-ipproċessar ta’ kampjuni u t-twassil tar-riżultati għandhom jiġu stabbiliti li permezz tagħhom titnaqqas il-possibilità ta’ żball mill-bniedem. L-effettività ta’ din is-sistema għandha tiġi soġġetta għal verifika regolari u għalgħarrieda.

5.

Il-ġenotipar tad-demm jew ta’ tessuti oħra miġbura għall-iskopijiet tal-programm ta’ tgħammir għandu jitwettaq fil-laboratorji li ġew approvati taħt dan il-programm.

6.

L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru tista’ tgħin soċjetajiet ta’ tgħammir, biex jistabbilixxu banek ġenetiċi li jikkonsistu f’semen, ova u/jew embrijuni rappreżentattivi tal-ġenotipi ta’ proteina prijonika li probabbli jaslu biex ikunu rari bħala riżultat tal-programm ta’ tgħammir.

7.

Il-programmi ta’ tgħammir se jitfassal għal kull razza, meta tqis:

(a)

il-frekwenzi ta’ alleli differenti fi ħdan ir-razza;

(b)

ir-rarità tar-razza;

(ċ)

l-evitar ta’ tgħammir bejn annimali ta’ l-istess demm jew ta’ spostament ġenetiku.

PARTI 2

Regoli speċifiċi għall-parteċipazzjoni tal-merħliet

1.

Il-programm ta’ tgħammir għandu jkun immirat biex iżid il-frekwenza ta’ l-alleli ARR fi ħdan il-merħliet tan-nagħaġ, filwaqt li jnaqqas il-prevalenza ta’ dawk l-alleli li ġew murija li jikkontribwixxu għas-suxxettibilità tat-TSE.

2.

Ir-rekwiżiti minimi għall-parteċipazzjoni tal-merħliet għandhom ikunu kif ġej:

(a)

l-annimali kollha fil-merħla li għandhom jiġu ġenotipati għandhom jiġu identifikati individwalment permezz ta’ mezzi siguri;

(b)

l-imtaten kollha għat-tgħammir fi ħdan il-merħla għandhom jiġu ġenotipati qabel jintużaw għat-tgħammir;

(ċ)

kull annimal raġel li jġorr l-alleli VRQ għandu jinqatel jew jiġi kastrat, fi żmien sitt xhur wara li jiġi ddeterminat il-ġenotip tiegħu; kull annimal ta’ dan it-tip ma għandux jitlaq mill-azjenda jekk mhux għall-biċċerija;

(d)

annimali nisa li huwa magħruf li jġorru l-alleli VRQ ma għandhomx jitilqu mill-azjenda jekk mhux għall-biċċerija;

(e)

annimali irġiel, li jinkludu d-donaturi ta’ semen użat għall-inseminazzjoni artifiċjali, apparti dawk iċċertifikati taħt il-programm ta’ tgħammir, ma għandhomx jintużaw għat-tgħammir fi ħdan il-merħla.

3.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħtu derogi mir-rekwiżiti stipulati fil-punt 2(c) u (d) għall-iskopijiet ta’ ħarsien tar-razez jew tal-karetteristiċi tal-produzzjoni.

4.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’derogi mogħtija taħt punt 3 u bil-kriterji użati.

PARTI 3

Il-qafas għar-rikonoxximent ta’ l-istatus ta’ reżistenti għat-TSE fil-merħliet tan-nagħaġ

1.

Il-qafas għandu jirrikonoxxi l-istatus ta’ reżistenti għat-TSE fil-merħliet tan-nagħaġ li bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-programm ta’ tgħammir kif previst fl-Artikolu 6a, jissodisfa l-kriterji meħtieġa mill-programm.

Dan ir-rikonoxximent għandu jingħata mill-anqas fuq iż-żewġ livelli li ġejjin:

(a)

il-merħliet ta’ livell 1 għandhom ikunu merħliet li huma komposti interament min-nagħaġ tal-ġenotip ARR/ARR;

(b)

il-merħliet tal-livell II għandhom ikunu merħliet li ż-żgħar tagħhom ikunu esklussivament ta’ dixxendenza mill-imtaten tal-ġenotip ARR/ARR.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jagħtu rikonoxximent fuq livelli ulterjuri biex jissodisfaw ir-rekwiżiti nazzjonali.

2.

It-teħid regolari u għalgħarrieda ta’ kampjuni ta’ nagħaġ minn merħliet reżistenti għat-TSE għandu jitwettaq:

(a)

fir-razzett jew fil-biċċerija biex jivverifikaw il-ġenotip tagħhom;

(b)

fil-każ tal-merħliet ta’ livell I, f’annimali ta’ aktar minn 18-il xahar meta jaslu l-biċċerija, għall-ittestjar tat-TSE skond l-Anness III.

PARTI 4

Rapporti li għandhom jitressqu quddiem il-Kummissjoni mill-Istati Membri

L-Istati Membri li jintroduċu l-programmi nazzjonali ta’ tgħammir biex jagħżlu għar-reżistenza tat-TSE fil-popolazzjoni ta’ ovini tagħhom għandhom jinnofikaw lill-Kummissjoni r-rekwiżiti għal dawn il-programmi u għandhom jipprovdu rapport annwali fuq il-progress tagħhom. Ir-rapport annwali għandu jitressaq sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara.”

(4)

Fl-Anness X, Kapitolu C huwa emendat kif ġej:

(a)

Punt 1 jinbidel bit-test li ġej:

“1.   It-teħid tal-kampjuni

Kull kampjun meħud biex jiġi eżaminat għall-preżenza tat-TSE għandu jittieħed permezz tal-metodi u l-protokolli stipulati fl-aħħar edizzjoni tal-Manwal għat-testijiet djanjostiċi u t-tilqim għall-Annimali Terrestri ta’ l-Uffiċċju Internazzjonali għall-Epiżuti (IOE/OIE) (‘il-Manwal’). Apparti dan, jew fin-nuqqas, ta’ metodi OIE u protokolli, u biex jiġi żgurat li biżżejjed materjal ikun disponibbli, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura l-użu ta’ metodi u protokolli għat-teħid ta’ kampjuni li huma konformi mal-linji ta’ gwida maħruġa mil-Laboratorju ta’ Referenza tal-Komunità. B’mod partikolari l-awtorità kompetenti għandha tiġbor it-tessuti adattati, skond il-parir xjentifiku disponibbli u l-linji ta’ gwida tal-Laboratorju ta’ Referenza tal-Komunità, sabiex tiżgura s-sejba ta’ varjetajiet magħrufa ta’ TSE f’ruminanti żgħar u għandha żżomm mill-anqas nofs it-tessuti miġbura friski iżda mhux iffriżati sakemm ir-riżultat tat-test rapidu joħroġ negattiv. Meta r-riżultat ikun pożittiv jew ma jwassalx għal konklużjoni, it-tessuti li jifdal għandhom jiġi pproċessati skond il-linji ta’ gwida tal-Laboratorju ta’ Referenza tal-Komunità.

Il-kampjuni għandhom jiġu mmarkati korrettament fir-rigward ta’ l-identità ta’ l-annimal meħud bħala kampjun.”

(b)

Punt 3.2 (b) għandu jinbidel bit-test li ġej:

“(b)   Monitoraġġ tat-TSE

Kampjuni minn ovini u kaprini mibgħuta għall-ittestjar fil-laboratorju skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness III, Kapitolu A, Parti II (Monitoraġġ ta’ l-ovini u l-kaprini) għandhom jiġu eżaminati minn test rapidu bl-użu ta’ metodi u protokolli adattati, skond il-parir xjentifiku disponibbli u l-linji ta’ gwida tal-Laboratorju ta’ Referenza tal-Komunità, sabiex tiġi żgurata s-sejba tal-varjetajiet kollha magħrufa tat-TSE.

Meta r-riżultat tat-test rapidu ikun pożittiv jew ma jwassalx għal konklużjoni, it-tessuti meħuda bħala kampjun għandhom jintbagħtu immedjatament lil-laboratorju uffiċjali għall-eżamijiet ta’ konferma permezz ta’ immunoċitokimika, immunokolorazzjoni jew l-iżvelar tal-karatteristiċi permezz ta’ mikroskopija elettronika, kif imsemmi f’(a). Jekk ir-riżultat ta’ l-eżami ta’ konferma ikun negattiv jew ma jwassalx għal konklużjoni, ittestjar ta’ konferma addizzjonali għandu jitwettaq skond il-linji ta’ gwida tal-Laboratorju ta’ Referenza tal-Komunità.

Jekk ir-riżultat ta’ wieħed mill-eżamijiet ta’ konferma ikun pożittiv, l-annimal għandu jiġi meqjus bħala każ pożittiv ta’ TSE.”

(ċ)

F’punt 3.2 (c) (ii), it-tielet paragrafu għandu jinbidel b’li ġej:

“Testijiet ulterjuri għal kampjuni pożittivi ta’ TSE li nstabu f’merħliet infettati fl-istess azjenda għandhom jitwettqu mill-anqas fuq l-ewwel żewġ każijiet pożittivi ta’ TSE li jinstabu kull sena wara l-każ ta’ l-indiċi.”


(1)  Daqsijiet minimi tal-kampjun huma stipulati sabiex jieħdu f’konsiderazzjoni d-daqs tal-popolazzjoni ta’ l-ovini fl-Istati Membri individwali u għandhom l-għan li jipprovdu miri li jistgħu jintlaħqu

(2)  Daqsijiet minimi tal-kampjun huma stipulati sabiex jieħdu f’konsiderazzjoni d-daqs tal-popolazzjoni tal-kaprini fl-Istati Membri individwali u għandhom l-għan li jipprovdu miri li jistgħu jintlaħqu


Top