Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31998F0700

    Azzjoni konġunta tat-3 ta' Diċembru 1998 adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li tikkonċerna l-istabbiliment ta' Sistema Ewropea ta' Arkivjar ta' Immaġini (FADO)

    ĠU L 333, 9.12.1998, p. 4–7 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/joint_action/1998/700/oj

    31998F0700



    Official Journal L 333 , 09/12/1998 P. 0004 - 0007


    Azzjoni konġunta

    tat-3 ta' Diċembru 1998

    adottata mill-Kunsill fuq il-bażi ta' l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li tikkonċerna l-istabbiliment ta' Sistema Ewropea ta' Arkivjar ta' Immaġini (FADO)

    (98/700/JHA)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu K.3(2)(b) tiegħu,

    Billi l-Artikolu K.1(3) tat-Trattat jipprovdi li l-politika ta' immigrazzjoni u l-politika li tirrigwarda ċittadini ta' pajjiżi terzi huma kwistjonijiet ta' interess komuni;

    Billi l-ġlieda kontra d-dokumenti foloz hija żona koperta bil-politika ta' immigrazzjoni u l-koperazzjoni tal-pulizija; billi l-proliferazzjoni ta' dokumenti ġenwini u foloz tqanqal il-ħtieġa ta' aġġornar frekwenti; billi l-fatt li t-teknika wżata għall-produzzjoni ta' dokumenti ġenwini u l-falsifikazzjonijiet tagħhom kull ma jmur issir aktar sofistikata u tqajjem ukoll il-ħtieġa ta' mezz ta' kwalità għolja;

    Billi l-Bulletin Ewropew dwar il-Frodi u l-Ktejjeb dwar Dokumenti Ġenwini ma jilħqux għal kollox il-ħtiġiet ta' riproduzzjoni mgħaġġla u eżatta, li hija r-raġuni għaliex l-użu ta' sistema ta' arkivjar komputerizzat ta' immaġini, b'taħriġ adattat għall-impjegati konċernati, hija element prinċipali fl-istrateġija kollox ma' kollox maħsuba biex jintlaħqu l-ħtiġiet ta' l-Istati Membri;

    Billi diversi Stati Membri għandhom sistema ta' arkivjar komputerizzat ta' immaġini li huma fil-proċess li jibdew iħaddmu;

    Billi, sabiex jiġi assigurat livell għoli ta' kontroll mill-Istati Membri, jkun utli li tiġi ntrodotta sistema ta' arkivjar komputerizzat ta' immaġini li tipprovdi aċċess għal dawk li jivverifikaw id-dokumenti fl-Istati Membri;

    Billi, sabiex ikun assigurat li l-informazzjoni fis-sistema tkun kompatibbli u uniformi, huwa meħtieġ li jitħejjew proċeduri għal-preparazzjoni tal-kontribuzzjonijiet ta' l-Istati Membri għall-inklużżjoni fis-sistema u proċeduri għall-kontroll u l-ivverifikar ta' dawk il-kontribuzzjonijiet;

    Billi din l-Azzjoni Konġunta ma teffettwax il-kompetenza ta' l-Istati Membri li tirrelata mar-rikonoxximent ta' passaporti, dokumenti ta' l-ivvjaġġar, viżi, jew dokumenti oħra ta' l-identità,

    ADOTTA DIN L-AZZJONI KONĠUNTA:

    Artikolu 1

    1. Sistema Ewropea ta' arkivjar ta' immaġini hija b'dan stabbilita għall-fini ta' skambju, permezz ta' mezzi komputerizzati u fi żmien qasir ħafna, informazzjoni li l-Istati Membri jkollhom fil-pussess tagħhom dwar dokumenti ġenwini u folozli jkunu ġew rekordjati skond il-proċedura preskritta fl-Anness li jinsab ma' din l-Azzjoni Konġunta.

    2. Din is-sistema m'għandhiex tissostitwixxi jew telimina skambji ordinarji fuq il-karta sakemm l-Istati Membri kollha jkunu f'pożizzjoni li jużaw is-sistema komputerizzata.

    Artikolu 2

    Id-database tas-sistema għandu jkun fih, fost ħwejjeġ oħra, l-informazzjoni li ġejja:

    (a) immaġini ta' dokumenti foloz u iffalsifikati;

    (b) immaġini ta' dokumenti ġenwini;

    (ċ) informazzjoni sommarja dwar teknika ta' falsifikazzjoni;

    (d) informazzjoni sommarja dwar teknika ta' sigurtà.

    Artikolu 3

    L-istabbiliment tas-sistema Ewropea m'għandux iżomm lil kull Stat Membru milli jiżviluppa u juża s-sistema nazzjonali tiegħu stess li tikkorrispondi mal-ħtiġiet tas-servizzi nazzjonali tal-fruntiera u s-servizzi nterni responsabbli għall-verifikazzjoni tad-dokumenti.

    Artikolu 4

    Il-Kunsill għandu jadotta mingħajr dewmien l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jirrelataw mal-kompatibilità ma' sistemi eżistenti, fir-rigward tad-dħul ta' informazzjoni fis-sistema u l-proċeduri għall-kontroll u l-verifikar ta' dik l-informazzjoni.

    Artikolu 5

    Din l-Azzjoni Konġunta għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali u tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha.

    L-Artikolu 1 għandu japplika mhux aktar tard minn 12-il xahar wara li l-miżuri msemmija fl-Artikolu 4 jiġu adottati.

    Magħmula fi Brussel, fit-3 ta' Diċembru 1998.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    K. Schlögl

    --------------------------------------------------

    L-ANNESS

    SISTEMA EWROPEA TA' ARKIVJAR TA' IMMAĠINI

    Għandha tinħoloq sistema komputerizzata fi ħdan is-Segretarjat tal-Kunsill, li għandu jkun fiha dokumenti ġenwini, flimkien ma' dokumenti foloz u falsifikati.

    L-isem tas-sistema Ewropea huwa FADO (False and Authentic Documents/Dokumenti Foloz u Awtentiċi).

    1. Deskrizzjoni tas-sistema

    - is-sistema għandha taqra minn servizz ċentrali wieħed lokat f'kull Stat Membru,

    - is-sistema għandha tkun ibbażata fuq it-teknoloġija ta' l-Internet. Is-sistema għandha tassigura li l-informazzjoni tkun tista' tiġi trasmessa malajr lis-servizzi nazzjonali ċentrali. Malli l-informazzjoni tkun ingħatat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, għandha tiddaħħal kemm jista' jkun malajr fis-sistema FADO. Kull Stat Membru għandu jkun responabbli għaż-żieda ta' din id-data mas-sistema nazzjonali tiegħu stess jew kopja tas-sistema FADO,

    - is-sistema għandha tkun multilinwali,

    - is-sistema għandha tkun faċli biex tintuża mill-utent,

    - is-sistema għandha tkun ibbażata fuq kodifikazzjoni stretta ħafna. Is-sigurtà ta' l-informazzjoni kontenuta fis-sistema komputerizzata għandha tkun garantita. Is-sistema għandha tużu linji speċjali ta' data bejn is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u s-servizzi ċentrali lokati fl-Istati Membri,

    - ġewwa kull Stat Membru, is-sistema għandha tinqara permezz ta' internet fiż-żgur minn servizz ċentrali. L-Istat Membru jista' juża l-istess sistema internament fuq it-territorju tiegħu stess (li tfisser li jqabbad stazzjonijiet differenti mal-postijiet varji tiegħu ta' kontroll mal-fruntiera jew awtoritajiet oħra kompetenti). M'għandu jkun hemm ebda konnessjoni diretta bejn stazzjon tax-xogħol, minbarra servizz nazzjonali ċentrali, u punt ċentrali fis-Sdegretarjat Ġenerali. Għandu jinħoloq mekkaniżmu biex jidduplika u jaġġorna s-sistema lokata fl-Istati Membri mis-sistema FADO (tejp, diski li jistgħu jitneħħew, CD-ROM eċċ.).

    - kull Stat Membru għandu jkun liberu li jiżviluppa is-sistema fiż-żgur nazzjonali tiegħu stess għat-trasmissjoni tad-data interna,

    - is-sistema FADO għandha taħdem permezz ta' network bejn il-punt ċentrali ġewwa s-Segretarjat Ġenerali u s-servizzi ċentrali lokati f'kull Stat Membru, li għandhom jippermettu għall-iskambju rapidu ta' informazzjoni,

    - peress li d-dokumenti jintbagħtu elettronikament biex ikunu jistgħu jiddaħħlu fis-sistemi eżistenti nazzjonali, il-format użat għall-immaġini għandu jkun wieħed standard (JPEG, TIFF, BMP, eċċ.). Il-kwalità ta' l-imaġini għandha tkun l-aħjar waħda possibbli, iżda għandu jkun hem bilanċ xieraq bejn il-kwalità ta' l-immaġini, id-daqs u l-kompressjoni.

    - immaġini żżomjati għandhom, fejn meħtieġ, jkunu disponibbli għall-partijiet importanti ta' l-immaġini,

    - is-sistema għandha tippermetti għal paragun fuq l-iskrijn ben id-dokument oriġinali u dokument falz jew iffalsifikat,

    - is-sistema għandha tipprovdi spjegazzjonijiet dwar it-teknika differenti ta' falsifikazzjoni u t-teknika ta' sigurtà,

    - referenzi għal kliem ieħor band'oħra għandhom ikunu meħtiġa sabiex l-utenti jkunu jistgħu jsibu l-informazzjoni kollha dwar dokument malajr kemm jista' jkun,

    - l-ewwel prijorità għandha tingħata lid-dokumenti ta' l-Istati Membri, kif ukoll lid-dokumenti ta' pajjiżi terzi li minnhom hemm kurrenti regolari ta' immigrazzjoni lejn l-Istati Membri. L-informazzjoni fis-sistema għandha tiġi estiża u aġġornata biex tinkludi d-dokumenti l-oħra kollha, li jagħmluha kompleta kemm jista' jkun,

    - is-sistema għandha tintroduċi flash li jinvolvi li jintbagħat messaġġ ta' twissija lill-Istati Membri kollha dwar dokument falz partikolari permezz ta' posta elettronika,

    - is-sistema għandu jkollha aktar minn livell wieħed. Il-possibbilt_ li jiġi żviluppar livell addizzjonali ta' mistoqsija, sabiex tinkludi informazzjoni aktar dettaljata għall-esperti, għandha tingħata konsiderazzjoni tagħha mill-bidu,

    - is-sistema għandu jkun fiha żona speċjali għall-inklużjoni ta' dokumenti li m'humiex rikonoxxuti minn Stat Membru wieħed jew aktar.

    2. Spejjeż tas-sistema

    L-ispejjeż li jirrelataw ma' l-istabbiliment u t-tħaddim tas-sistema FADO għandhom jikkonsistu fl-akkwist ta' tagħmir tekniku u l-ispejjeż tal-ħaddiema. Minħabba li s-sistema FADO hija ddisinjata purament għall-arkivjar u t-trasmissjoni elettroniċi ta' dokumenti, li fil-present qiegħed isir fil-forma ta' dokumenti fuq il-karta, dawk l-ispejjeż għandhom jikkostitwixxu nefqiet amministrattivi għall-Kunsill, skond it-tifsira ta' l-Artikolu K.8(2), l-ewwel sentenza tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

    --------------------------------------------------

    Top