EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02019R0945-20200809

Consolidated text: Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/945 tat-12 ta' Marzu 2019 dwar sistemi ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u dwar operaturi ta' sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord minn pajjiżi terzi

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/945/2020-08-09

Dan it-test ikkonsolidat jista’ ma jinkludix l-emendi li ġejjin:

Att li jemenda Tip ta’ emenda Is-subdiviżjoni kkonċernata Data tal-effett
32024R1108 Emendata minn artikolu 40 paragrafu 1 01/05/2025
32024R1108 Emendata minn artikolu 3 punt 38 01/05/2025
32024R1108 Emendata minn artikolu 40 paragrafu 2a 01/05/2025
32024R1108 Emendata minn artikolu 40 paragrafu 2 01/05/2025
32024R1108 Emendata minn anness parti 4 punt 13 01/05/2025
32024R1108 Emendata minn anness parti 2 punt 15 01/05/2025
32024R1108 Emendata minn artikolu 3 punt 39 01/05/2025
32024R1108 Emendata minn artikolu 3 punt 3 01/05/2025
32024R1108 Emendata minn anness parti 3 punt 17 01/05/2025
32024R1108 Emendata minn artikolu 40 paragrafu 1a 01/05/2025

02019R0945 — MT — 09.08.2020 — 001.004


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/945

tat-12 ta' Marzu 2019

dwar sistemi ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u dwar operaturi ta' sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord minn pajjiżi terzi

(ĠU L 152 11.6.2019, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1058 tas-27 ta’ April 2020

  L 232

1

20.7.2020

 M2

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/851 tat-22 ta’ Marzu 2022

  L 150

21

1.6.2022




▼B

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/945

tat-12 ta' Marzu 2019

dwar sistemi ta' inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u dwar operaturi ta' sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord minn pajjiżi terzi



KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet Ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

1.  
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti għad-disinn u għall-manifattura ta' sistemi tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAS) maħsuba biex jitħaddmu skont ir-regoli u l-kundizzjonijiet definiti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/947 u tal-aċċessorji supplimentari ta' identifikazzjoni mill-bogħod. Jiddefinixxi wkoll it-tip ta' UAS li d-disinn, il-produzzjoni u l-manutenzjoni tagħhom għandhom ikunu soġġetti għal ċertifikazzjoni.

►M1

 

Dan jistabbilixxi wkoll ir-regoli dwar it-tqegħid fis-suq tal-UAS u tas-settijiet tal-aċċessorji u tal-aċċessorji supplimentari għall-identifikazzjoni mill-bogħod, kif ukoll dwar il-moviment liberu tagħhom fl-Unjoni.

 ◄

3.  
Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll regoli għall-operaturi tal-UAS ta' pajjiżi terzi, meta dawn iwettqu operazzjoni tal-UAS skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/947 fl-ispazju tal-ajru uniku Ewropew.

Artikolu 2

Kamp ta' Applikazzjoni

▼M1

1.  

Il-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament japplika għall-prodotti li ġejjin:

(a) 

Il-UAS maħsuba biex jitħaddmu skont ir-regoli u l-kundizzjonijiet applikabbli għall-kategorija “miftuħa” tal-operazzjonijiet tal-UAS jew għad-dikjarazzjonijiet operazzjonali skont il-kategorija “speċifika” f’konformità mar-Regolament (UE) 2019/947, għajr il-UAS mibnija privatament, u li jkollhom fuqhom tikketta ta’ identifikazzjoni tal-klassi kif stabbilit fil-Partijiet 1 sa 5, 16 u 17 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament li tkun tindika għal liema klassi mis-seba’ klassijiet tal-UAS imsemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947 tappartjeni;

(b) 

is-settijiet tal-aċċessorji tal-klassi C5 kif stabbilit fil-Parti 16;

(c) 

l-aċċessorji supplimentari għall-identifikazzjoni mill-bogħod kif stabbilit fil-Parti 6 tal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2.  
Il-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament japplika għall-UAS imħaddma skont ir-regoli u l-kundizzjonijiet applikabbli għall-kategoriji “ċertifikata” u “speċifika” tal-operazzjonijiet tal-UAS f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947, għajr meta mħaddma b’dikjarazzjoni.

▼B

3.  
Il-Kapitolu IV ta' dan ir-Regolament japplika wkoll għal operaturi tal-UAS li għandhom is-sede prinċipali tagħhom, li huma stabbiliti, jew li jkollhom ir-residenza taħghom f'pajjiż terz, jekk l-UAS jitħaddmu fl-Unjoni.
4.  
Dan ir-Regolament ma japplikax għal UAS maħsuba biex jitħaddmu biss fuq ġewwa.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord” (“UA”) tfisser kwalunkwe inġenju tal-ajru li jitħaddem jew li huwa maħsub biex jitħaddem mingħajr bdot abbord;

(2) 

“tagħmir biex inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jiġi kkontrollat mill-bogħod” tfisser kwalunkwe strument, tagħmir, mekkaniżmu, apparat, suppliment, softwer jew aċċessorji li jkunu neċessarji għat-tħaddim sikur ta' UA għajr parti minnu u li ma jinġarrux abbord dak l-UA;

(3) 

“sistema tal-ajru mingħajr bdot abbord” (UAS) tfisser inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord u t-tagħmir biex dan jiġi kkontrollat mill-bogħod;

(4) 

“operatur ta' sistema tal-ajru mingħajr bdot abbord” (“operatur ta' UAS”) tfisser kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika li topera jew biħsiebha topera UAS waħda jew aktar;

(5) 

kategorija “miftuħa” tfisser kategorija ta' operazzjonijiet tal-UAS li hija ddefinita fl-Artikolu 4 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/947;

(6) 

kategorija “speċifika” tfisser kategorija ta' operazzjonijiet tal-UAS li hija ddefinita fl-Artikolu 5 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/947;

(7) 

kategorija “ċertifikata” tfisser kategorija ta' operazzjonijiet tal-UAS li hija ddefinita fl-Artikolu 6 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/947;

(8) 

“leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni” tfisser kwalunkwe leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tarmonizza l-kundizzjonijiet għat-tqegħid ta' prodotti fis-suq;

(9) 

“akkreditament” tfisser akkreditament kif definit fil-paragrafu 10 tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008;

(10) 

“valutazzjoni tal-konformità” tfisser il-proċess li juri jekk ir-rekwiżiti speċifikati relatati ma' prodott ġewx sodisfatti;

(11) 

“korp tal-valutazzjoni tal-konformità” tfisser korp li jwettaq attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità inklużi l-kalibrazzjoni, l-ittestjar, iċ-ċertifikazzjoni u l-ispezzjoni;

(12) 

“markatura CE” tfisser markatura li permezz tagħha l-manifattur jindika li l-prodott huwa konformi mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni li tipprovdi għat-twaħħil tagħha;

(13) 

“manifattur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li timmanifattura prodott, jew li għandha prodott iddisinjat jew immanifatturat u li tikkummerċjalizza dak il-prodott taħt isimhom jew it-trejdmark tagħhom;

(14) 

“rappreżentant awtorizzat” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fi ħdan l-Unjoni li rċeviet mandat bil-miktub minn manifattur sabiex taġixxi f'ismu fir-rigward ta' kompiti speċifikati;

(15) 

“importatur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tqiegħed prodott minn pajjiż terz fis-suq tal-Unjoni;

(16) 

“distributur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika fil-katina tal-provvista, barra l-manifattur jew l-importatur, li tqiegħed prodott fis-suq;

(17) 

“operaturi ekonomiċi” tfisser il-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat tal-manifattur, l-importatur u d-distributur tal-UAS;

(18) 

“tqegħid fis-suq” tfisser kwalunkwe provvista ta' prodott għad-distribuzzjoni, il-konsum jew l-użu fis-suq tal-Unjoni tul attività kummerċjali kemm jekk issir bi ħlas kif ukoll jekk tkun mingħajr ħlas;

(19) 

“introduzzjoni fis-suq” tfisser li prodott jitqiegħed għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni;

(20) 

“standard armonizzat” tfisser standard armonizzat kif definit fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(21) 

“speċifikazzjoni teknika” tfisser dokument li jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi li jridu jiġu sodisfatti minn prodott, proċess jew servizz;

(22) 

“UAS mibnija b'mod privat” tfisser UAS immuntata jew manifatturata għall-użu proprju minn min jibniha, eskluża UAS immuntata minn sett ta' partijiet imqiegħda fis-suq mill-manifattur bħala kitt waħda lesta għall-immuntar;

(23) 

“awtorità tas-sorveljanza tas-suq” tfisser awtorità ta' kull Stat Membru responsabbli għat-twettiq tas-sorveljanza tas-suq fit-territorju tiegħu;

(24) 

“teħid lura” tfisser kwalunkwe miżura maħsuba biex jittieħed lura prodott li jkun diġà sar disponibbli għall-utent aħħari;

(25) 

“irtirar” tfisser kull miżura maħsuba biex prodott fil-katina ta' provvista ma jitħalliex jitqiegħed fis-suq;

(26) 

“spazju tal-ajru uniku Ewropew” tfisser spazju tal-ajru fuq it-territorju li għalih japplikaw it-Trattati, kif ukoll kwalunkwe spazju tal-ajru ieħor fejn l-Istati Membri japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) f'konformità mal-paragrafu 3 tal-Artikolu 1 ta' dak ir-Regolament;

(27) 

“bdot mill-bogħod” tfisser persuna fiżika responsabbli għat-tmexxija sikura tat-titjira ta' UA bit-tħaddim tal-kontrolli tat-titjira tagħha, b'mod manwali jew, meta l-UA jtir b'mod awtomatiku, bis-sorveljanza tar-rotta tagħha u biż-żamma tal-possibbiltà ta' intervent u ta' tbiddil tar-rotta tagħha fi kwalunkwe waqt;

(28) 

“massa massima tat-tluq” (“MTOM”) tfisser l-ogħla massa ta' UA, inkluż it-tagħbija u l-fjuwil, kif definita mill-manifattur jew il-fabbrikant, li bih jista' jitħaddem l-UA;

(29) 

“tagħbija” tfisser kwalunkwe strument, mekkaniżmu, tagħmir, parti, apparat, suppliment, jew aċċessorju, inkluż tagħmir tal-komunikazzjoni, li huma installati fl-inġenju tal-ajru jew imqabbda miegħu, u li ma jintużawx jew li ma jkollhomx l-għan li jintużaw fit-tħaddim jew fil-kontroll ta' inġenju tal-ajru fit-titjira, u ma jkunux parti minn qafas tal-inġenju tal-ajru, minn magna jew minn skrun;

(30) 

“modalità ta' insegwiment” tfisser modalità tat-tħaddim ta' UAS li fiha l-UA kostantament isegwi l-bdot mill-bogħod fi ħdan raġġ predeterminat;

(31) 

“identifikazzjoni diretta mill-bogħod” tfisser sistema li tiżgura t-trażmissjoni lokali ta' informazzjoni dwar UA waqt l-operazzjoni, inkluż il-markaturi tal-UA, biex din l-informazzjoni tkun tista' tinkiseb mingħajr aċċess fiżiku għall-UA;

(32) 

“ġeokonsapevolezza” tfisser funzjoni li, abbażi tad-data pprovduta mill-Istati Membri, tindividwa ksur potenzjali tal-limitazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru u twissi lill-bdoti mill-bogħod biex ikunu jisgħu jieħdu azzjoni effettiva u immedjata biex jipprevjenu dak il-ksur;

(33) 

“livell ta' potenza akustika LWA” tfisser potenza akustika ponderata-A f'dB b'rabta ma' 1 pW kif definit fl-EN ISO 3744:2010;

(34) 

“livell ta' potenza akustika mkejjel” tfisser livell ta' potenza akustika kif determinat mill-kejl kif stipulat fil-Parti 13 tal-Anness; il-valuri mkejla jistgħu jkunu ddeterminati jew minn rappreżentanti ta' UA waħda għat-tip ta' tagħmir jew mill-medja ta' numru ta' UA;

(35) 

“livell ta' potenza akustika garantita” tfisser livell ta' ħoss ta' qawwa determinat skont il-bżonnijiet imniżżla fil-Parti 13 tal-Anness li tinkludi l-inċertezzi minħabba varjazzjoni ta' produzzjoni u proċeduri ta' kejl u fejn il-produttur, jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu mwaqqaf fil-Komunità, jikkonferma li skont l-istrumenti applikati u li jissemmew fid-dokumentazzjoni teknika dan ma jinqabiżx;

(36) 

“żamma fl-arja” tfisser li tibqa' fl-istess pożizzjoni ġeografika fl-ajru;

(37) 

“ġemgħat ta' persuni” tfisser laqgħat fejn il-persuni ma jkunux jistgħu jitilqu minħabba d-densità tan-nies preżenti;

▼M1

(38) 

“unità tal-kmand” (“CU”) tfisser it-tagħmir jew is-sistema ta’ tagħmir biex inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jiġi kkontrollat mill-bogħod kif definit fil-punt 32 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1139 li jappoġġa l-kontroll jew il-monitoraġġ tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord waqt kull fażi tat-titjira, għajr l-infrastrutturi kollha li jappoġġaw is-servizz ta’ kollegament C2 tal-kmand u l-kontroll;

(39) 

“servizz ta’ kollegament C2” tfisser servizz ta’ komunikazzjoni pprovdut minn parti terza, li jipprovdi kmand u kontroll bejn l-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord u l-unità tal-kmand (CU);

(40) 

“billejl” tfisser is-sigħat bejn tmiem l-għabex ċivili ta’ filgħaxija u l-bidu tas-sebħ ċivili ta’ filgħodu kif definit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 923/2012. ( 2 )

▼B



KAPITOLU II

▼M1

UAS maħsuba biex jitħaddmu fil-kategorija “miftuħa” jew fil-kategorija “speċifika” bid-dikjarazzjoni operazzjonali, settijiet tal-aċċessorji li jkollhom fuqhom tikketta ta’ identifikazzjoni tal-klassi u aċċessorji supplimentari għall-identifikazzjoni mill-bogħod

▼B



TAQSIMA 1

Rekwiżiti tal-prodott

Artikolu 4

Rekwiżiti

▼M1

1.  
Il-prodotti msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 2 għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Partijiet 1 sa 6, 16 u 17 tal-Anness.

▼B

2.  
UAS li mhumiex ġugarelli skont it-tifsira tad-Direttiva 2009/48/KE għandhom jikkonformaw biss mar-rekwiżiti rilevanti dwar is-saħħa u s-sikurezza stabbiliti fid-Direttiva 2006/42/KE fir-rigward ta' riskji għajr dawk marbuta mas-sikurezza tat-titjir tal-UA.
3.  
Kwalunkwe aġġornamenti tas-software tal-prodotti li diġà tqiegħdu fis-suq jista' jsir biss jekk tali aġġornamenti ma jaffetwawx il-konformità tal-prodott.

Artikolu 5

Tqegħid fis-suq u moviment liberu tal-prodotti

1.  
Il-prodotti għandhom jitqiegħdu fis-suq biss jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan il-Kapitolu u ma jipperikolawx is-saħħa jew is-sikurezza tal-persuni, tal-annimali jew tal-proprjetà.
2.  
L-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu, għall-aspetti koperti minn dan il-Kapitolu, it-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jikkonformaw ma' dan il-Kapitolu.

▼M1

3.  
Il-paragrafi 1 sa 4 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom japplikaw mis-16 ta’ Lulju 2021.

▼B



TAQSIMA 2

Obbligi tal-operaturi ekonomiċi

Artikolu 6

Obbligi tal-manifatturi

▼M1

1.  
Meta jqiegħdu l-prodott tagħhom fis-suq tal-Unjoni, il-manifatturi għandhom jiżguraw li dan ikun ġie ddisinjat u manifatturat f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Partijiet 1 sa 6, 16 u 17 tal-Anness.
2.  
Il-manifatturi għandhom ifasslu d-dokumentazzjoni teknika prevista fl-Artikolu 17 u jwettqu l-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità rilevanti msemmija fl-Artikolu 13, jew jesternalizzawha.

Meta l-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Partijiet 1 sa 6, 16 u 17 tal-Anness tintwera b’dik il-proċedura tal-valutazzjoni tal-konformità, il-manifatturi għandhom ifasslu dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE u jwaħħlu l-marka CE.

▼B

3.  
Il-manifatturi għandhom iżommu d-dokumentazzjoni teknika u d-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE għal 10 snin wara li l-prodott ikun tqiegħed fis-suq.
4.  
Il-manifatturi għandhom jiżguraw li jkollhom fis-seħħ proċeduri biex il-produzzjoni ta' serje tibqa' konformi ma' dan il-Kapitolu. Għandhom jitqiesu adegwatament dawk it-tibdiliet fid-disinn, fil-karatteristiċi jew fis-softwer, u t-tibdiliet fl-istandards armonizzati jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li b'referenza għalihom tiġi ddikjarata l-konformità ta' prodott.

Meta jitqies li jkun meħtieġ fir-rigward tar-riskji ppreżentati minn prodott, il-manifatturi għandhom, għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza tal-konsumaturi, jagħmlu testijiet fuq kampjuni ta' prodotti kummerċjalizzati, jinvestigaw, u jekk ikun meħtieġ, iżommu reġistru ta' lmenti, ta' prodotti mhux konformi u ta' sejħiet lura ta' prodotti, u għandhom iżommu lil distributuri informati dwar kwalunkwe monitoraġġ ta' dan it-tip.

▼M1

5.  
Il-manifatturi tal-UAS għandhom jiżguraw li l-UA ikollhom fuqhom it-tip skont id-Deċiżjoni 768/2008/KE kif ukoll numru tas-serje uniku li jippermetti l-identifikazzjoni tagħhom u, meta applikabbli, li jkun konformi mar-rekwiżiti definiti fil-Partijiet 2 sa 4, 16 u 17 korrispondenti tal-Anness. Il-manifatturi tas-settijiet tal-aċċessorji tal-klassi C5 għandhom jiżguraw li dawn is-settijiet ikollhom tip u numru tas-serje uniku li jippermetti l-identifikazzjoni tagħhom. Il-manifatturi tal-aċċessorji supplimentari għall-identifikazzjoni mill-bogħod għandhom jiżguraw li l-aċċessorji supplimentari għall-identifikazzjoni mill-bogħod ikollhom fuqhom tip u numru tas-serje uniku li jippermetti l-identifikazzjoni tagħhom u li jkun konformi mar-rekwiżiti definiti fil-Parti 6 tal-Anness. F’kull każ, il-manifatturi għandhom jiżguraw li jitwaħħal numru tas-serje uniku wkoll fuq id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE jew fuq id-dikjarazzjoni simplifikata tal-konformità tal-UE msemmija fl-Artikolu 14.

▼B

6.  
Il-manifatturi għandhom jindikaw, fuq il-prodott, isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata tagħhom, l-indirizz tas-sit web u l-indirizz postali fejn ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu jew f'dokument li jakkumpanjah. L-indirizz għandu jindika punt waħdieni fejn jista' jiġi kkuntattjat il-manifattur. Id-dettalji ta' kuntatt għandhom ikunu indikati b'lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti aħħarin u mill-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq.

▼M1

7.  
Il-manifatturi għandhom jiżguraw li mal-prodott jingħataw l-istruzzjonijiet tal-manifattur u l-avviż informattiv kif jeżiġu l-Partijiet 1 sa 6, 16 u 17 tal-Anness b’lingwaġġ li jista’ jinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti finali oħra, kif determinat mill-Istat Membru kkonċernat. Dawn l-istruzzjonijiet tal-manifattur u l-avviż informattiv, u kull tikkettar, għandhom ikunu ċari, jistgħu jinftiehmu u jistgħu jinqraw.

▼B

8.  
Il-manifatturi għandhom jiżguraw li kull prodott ikun akkumpanjat minn dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE jew b'dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE ssimplifikata. Meta tingħata dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE ssimplifikata, din għandu jkollha l-indirizz tal-Internet preċiż minn fejn ikun jista' jinkiseb it-test sħiħ tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE.
9.  
Il-manifatturi li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jemmnu li prodotti li jkunu introduċew fis-suq mhumiex konformi ma' dan il-Kapitolu għandhom minnufih jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex dak il-prodott isir konformi, jirtirawh jew jiġbruh lura, jekk dan ikun xieraq. Fejn il-prodott jippreżenta riskju, il-manifatturi għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza tal-Istati Membri fejn huma jkunu qiegħdu l-prodott fis-suq għal dan il-għan, billi jagħtu d-dettalji, b'mod partikolari, dwar in-nuqqas tal-konformità, dwar kull miżura korrettiva meħuda u dwar ir-riżultati ta' din.
10.  
Il-manifatturi għandhom, fuq talba motivata minn awtorità nazzjonali kompetenti, jipprovdulha l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha meħtieġa, fuq karta jew f'format elettroniku, biex juru l-konformità tal-prodott ma' dan il-Kapitolu b'lingwa li tkun tista' tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità. Huma għandhom jikkooperaw ma' dik l-awtorità, fuq talba tagħha, fir-rigward ta' kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mill-prodott li huma jkunu introduċew fis-suq.

▼M1

11.  
Meta jqiegħdu fis-suq UAS tal-klassi C5 jew C6 jew aċċessorju supplimentari tal-klassi C5, il-manifatturi għandhom jinfurmaw lill-awtorità tas-sorveljanza tas-suq tal-Istat Membru fejn iwettqu l-attività kummerċjali ewlenija tagħhom.

▼B

Artikolu 7

Rappreżentanti awtorizzati

1.  
Manifattur jista', permezz ta' mandat bil-miktub, jaħtar rappreżentant awtorizzat.

L-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 6 u l-obbligu li titħejja d-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 6 ma għandhomx ikunu parti mill-mandat tar-rappreżentant awtorizzat.

2.  

Rappreżentant awtorizzat għandu jwettaq il-kompiti speċifikati fil-mandat li jkun irċieva mingħand il-manifattur. Il-mandat għandu jippermetti lir-rappreżentant awtorizzat għall-inqas li jagħmel dan li ġej:

(a) 

li jżomm id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE u d-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza tas-suq għal perjodu ta' 10 snin wara li l-prodott ikun tqiegħed fis-suq tal-Unjoni;

(b) 

wara talba motivata mingħand awtorità tas-sorveljanza tas-suq jew ta' kontroll fuq il-fruntiera, lil din l-awtorità jagħtiha kull informazzjoni u dokumentazzjoni meħtieġa biex tintwera l-konformità tal-prodott;

(c) 

jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza jew tal-kontroll fuq il-fruntiera, wara talba tagħhom, fir-rigward ta' kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati n-nuqqas ta' konformità tal-prodotti koperti mill-mandat tar-rappreżentant awtorizzat jew ir-riskji ta' sikurezza miġjuba minnhom.

Artikolu 8

Obbligi tal-importaturi

1.  
L-importaturi għandhom iqiegħdu fis-suq tal-Unjoni dawk il-prodotti biss li jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan il-Kapitolu.
2.  

Qabel ma jqiegħdu prodott fis-suq tal-Unjoni, l-importaturi għandhom jiżguraw li:

(a) 

il-manifattur wettaq il-proċedura xierqa ta' valutazzjoni tal-konformità msemmija fl-Artikolu 13;

(b) 

il-manifattur fassal id-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Artikolu 17;

(c) 

il-prodott fih il-markatura CE u, fejn ikun hemm bżonn, it-tikketta ta' identifikazzjoni tal-klassi tal-UA u l-indikazzjoni tal-livell ta' potenza akustika;

(d) 

il-prodott ikollu miegħu d-dokumenti msemmija fil-paragrafi 7 u 8 tal-Artikolu 6;

(e) 

il-manifattur ikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 5 u 6 tal-Artikolu 6.

▼M1

Meta importatur ikun jidhirlu jew ikollu raġunijiet biex jagħraf li prodott ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Partijiet 1 sa 6, 16 u 17 tal-Anness, dan ma għandux iqiegħed il-prodott fis-suq qabel ma dan isir konformi. Barra minn hekk, meta l-prodott ikun jippreżenta riskju għas-saħħa u għas-sikurezza tal-konsumaturi u ta’ partijiet terzi, l-importatur għandu jinforma lill-manifattur u lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar dan.

▼B

3.  
L-importaturi għandhom jindikaw fuq il-prodott, isimhom, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata tagħhom, is-sit web u l-indirizz postali fejn ikunu jistgħu jiġu kkuntattjati jew, jekk dan ma jkunx possibbli, fuq l-imballaġġ tiegħu jew f'dokument li jakkumpanja l-prodott. Id-dettalji ta' kuntatt għandhom ikunu b'lingwa li tinftiehem faċilment mill-utenti aħħarin u mill-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq.

▼M1

4.  
L-importaturi għandhom jiżguraw li mal-prodott jingħataw l-istruzzjonijiet tal-manifattur u l-avviż informattiv kif jeżiġu l-Partijiet 1 sa 6, 16 u 17 tal-Anness b’lingwaġġ li jista’ jinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti finali oħra, kif determinat mill-Istat Membru kkonċernat. Dawk l-istruzzjonijiet tal-manifattur u l-avviż informattiv, u kull tikkettar, għandhom ikunu ċari, jistgħu jinftiehmu u leġibbli.

▼B

5.  
L-importaturi għandhom jiżguraw li, filwaqt li l-prodott ikun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet ta' ħżin jew ta' trasport tiegħu ma jippreġudikawx il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4.
6.  
Meta jitqies li jkun xieraq fir-rigward tar-riskji preżentati minn prodott, l-importaturi għandhom, għall-finijiet tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza tal-utenti aħħarija u tal-partijiet terzi, jagħmlu testijiet fuq kampjuni ta' prodotti li jkunu tqiegħdu fis-suq, jinvestigaw, u, jekk ikun meħtieġ, iżommu reġistru ta' lmenti, ta' prodotti mhux konformi u sejħiet lura tal-prodotti mis-suq, u għandhom iżommu lid-distributuri informati dwar kwalunkwe monitoraġġ ta' dan it-tip.
7.  
Importaturi li jqisu jew li jkollhom raġuni biex jaħsbu li prodott li huma jkunu qiegħdu fis-suq ma jkunx konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, għandhom immedjatament jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex il-prodott isir konformi, biex jirtirawh mis-suq jew isejħulu lura, skont il-każ. Barra minn hekk, fejn il-prodott jippreżenta riskju, l-importaturi għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri fejn ikunu qiegħdu l-prodott fis-suq għal dan il-għan, billi jagħtu d-dettalji, b'mod partikolari, dwar in-nuqqas tal-konformità u dwar kull miżura korrettiva meħuda.
8.  
L-importaturi għandhom, għal 10 snin wara li l-prodott ikun tqiegħed fis-suq, iżommu kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u jiżguraw li d-dokumentazzjoni teknika tkun disponibbli għal dawk l-awtoritajiet, fuq talba.
9.  
L-importaturi għandhom, wara talba motivata mill-awtorità nazzjonali kompetenti, jipprovduha bl-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha neċessarja fuq karta jew f'forma elettronika biex juru l-konformità tal-prodott, b'lingwa li tkun tista' tinftiehem faċilment minn dik l-awtorità kompetenti nazzjonali. Huma għandhom jikkooperaw ma' dik l-awtorità, fuq talba tagħha, fir-rigward ta' kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mill-prodott li huma jkunu introduċew fis-suq.

▼M1

10.  
Meta jqiegħdu fis-suq UAS tal-klassi C5 jew C6 jew aċċessorju supplimentari tal-klassi C5, l-importaturi għandhom jinfurmaw lill-awtorità tas-sorveljanza tas-suq tal-Istat Membru fejn iwettqu l-attività kummerċjali ewlenija tagħhom.

▼B

Artikolu 9

Obbligi tad-distributuri

1.  
Meta jqiegħdu prodott fis-suq tal-Unjoni, id-distributuri għandhom jaġixxu bl-attenzjoni dovuta b'rabta mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan il-Kapitolu.

▼M1

2.  
Qabel ma jqiegħdu prodott fis-suq, id-distributuri għandhom jivverifikaw li l-prodott ikollu fuqu l-marka CE u, meta applikabbli, it-tikketta tal-identifikazzjoni tal-klassi tal-UA u l-indikazzjoni tal-livell tal-potenza akustika, li qed jingħata bid-dokumenti msemmija fil-paragrafi 7 u 8 tal-Artikolu 6, u li l-manifattur u l-importatur ikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 5 u 6 tal-Artikolu 6 u fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 8.

Id-distributuri għandhom jiżguraw li mal-prodott jingħataw l-istruzzjonijiet tal-manifattur u l-avviż informattiv kif jeżiġu l-Partijiet 1 sa 6, 16 u 17 tal-Anness b’lingwaġġ li jista’ jinftiehem faċilment mill-konsumaturi u minn utenti finali oħra, kif determinat mill-Istat Membru kkonċernat. Dawk l-istruzzjonijiet tal-manifattur u l-avviż informattiv, u kull tikkettar, għandhom ikunu ċari, jistgħu jinftiehmu u leġibbli.

▼B

Meta distributur iqis jew ikollu raġuni biex jemmen li prodott ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4, dan ma għandux iqiegħed il-prodott fis-suq sakemm dan ikun sar konformi. Barra minn hekk, fejn il-prodott jippreżenta riskju, id-distributur għandu jinforma lill-manifattur jew lill-importatur kif ukoll lill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq kompetenti dwar dan.

3.  
Id-distributuri għandhom jiżguraw li, filwaqt li prodott ikun taħt ir-responsabbiltà tagħhom, il-kundizzjonijiet ta' ħżin jew trasport tiegħu ma jippreġudikawx il-konformità tiegħu mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4.
4.  
Distributuri li jqisu jew li jkollhom raġunijiet biex jaħsbu li prodott li huma jkunu qiegħdu fis-suq ma jkunx konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni, għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa biex il-prodott isir konformi, biex jirtirawh mis-suq jew isejħulu lura, skont il-każ. Barra minn hekk, fejn il-prodott jippreżenta riskju, id-distributuri għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri fejn ikunu qiegħdu l-prodott fis-suq għal dan il-għan, billi jagħtu d-dettalji, b'mod partikolari, dwar in-nuqqas tal-konformità u dwar kull miżura korrettiva meħuda.
5.  
Id-distributuri għandhom, fuq talba motivata mill-awtorità nazzjonali kompetenti, jipprovdulha l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni kollha, fuq karta jew f'forma elettronika, biex juru l-konformità tal-prodott. Huma għandhom jikkooperaw ma' dik l-awtorità, fuq talba tagħha, fir-rigward ta' kull azzjoni meħuda biex jiġu eliminati r-riskji ppreżentati mill-prodott li jkunu qiegħdu fis-suq.

Artikolu 10

Każijiet fejn l-obbligi tal-manifatturi japplikaw għall-importaturi u d-distributuri

Importatur jew distributur għandu jitqies bħala manifattur għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu u għandu jkun soġġett għall-obbligi tal-manifatturi skont l-Artikolu 6, meta dawn ikunu qiegħdu prodott fis-suq taħt isimhom jew bit-trademark tagħhom jew jimmodifikaw il-prodott li jkun diġà tqiegħed fis-suq b'tali mod li tista' tintlaqat il-konformità ma' dan il-Kapitolu.

Artikolu 11

Identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi

1.  

L-operaturi ekonomiċi għandhom, fuq talba, jidentifikaw dan li ġej lill-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq:

(a) 

kull operatur ekonomiku li jkun ipprovdihom bi prodott;

(b) 

kull operatur ekonomiku li huma jkunu pprovdew bi prodott.

2.  

L-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu kapaċi jippreżentaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1:

(a) 

għal 10 snin wara li jkunu ġew ipprovduti bil-prodott;

(b) 

għal 10 snin wara li jkunu pprovdew il-prodott.



TAQSIMA 3

Konformità tal-prodott

Artikolu 12

Preżunzjoni ta' konformità

▼M1

Prodott li jkun konformi ma’ standards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi għalihom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandu jkun preżunt konformi mar-rekwiżiti koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom, stabbiliti fil-Partijiet 1 sa 6, 16 u 17 tal-Anness.

▼B

Artikolu 13

Proċeduri għall-valutazzjoni tal-konformità

▼M1

1.  
Il-manifattur għandu jwettaq valutazzjoni tal-konformità tal-prodott b’xi waħda mill-proċeduri li ġejjin ħalli jistabbilixxi l-konformità ta’ dan mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Partijiet 1 sa 6, 16 u 17 tal-Anness. Il-valutazzjoni tal-konformità għandha tqis il-kundizzjonijiet operazzjonali maħsuba u prevedibbli kollha.

▼B

2.  

Il-proċeduri disponibbli għat-twettiq tal-valutazzjoni tal-konformità għandhom ikunu dawn li ġejjin:

▼M1

(a) 

il-kontroll intern tal-produzzjoni stabbilit fil-Parti 7 tal-Anness, meta tiġi vvalutata l-konformità ta’ prodott mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti 1, 5, 6, 16 jew 17 tal-Anness, diment li l-manifattur ikun applika standards armonizzati, li r-referenzi għalihom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għar-rekwiżiti kollha li għalihom jeżistu standards bħal dawn;

▼B

(b) 

eżami tat-tip tal-UE segwit minn konformità mat-tip, ibbażat fuq il-kontroll intern tal-produzzjoni kif stabbilit fil-Parti 8 tal-Anness;

(c) 

konformità bbażata fuq garanzija sħiħa tal-kwalità stabbilita fil-Parti 9 tal-Anness, ħlief meta tiġi vvalutata l-konformità ta' prodott li jkun ġugarell skont it-tifsira tad-Direttiva 2009/48/KE.

Artikolu 14

Dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE

▼M1

1.  
Id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE msemmija fil-paragrafu 8 tal-Artikolu 6 għandha tiddikjara li intweriet il-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Partijiet 1 sa 6, 16 u 17 tal-Anness u, għall-UAS, tidentifika l-klassi tagħha.

▼B

2.  
Id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE għandu jkollha l-istruttura stabbilita fil-Parti 11 tal-Anness, għandha tinkludi l-elementi speċifikati f'dik il-Parti u għandha tiġi aġġornata kontinwament. Għandha wkoll tiġi tradotta fil-lingwa jew lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn jiġi introdott jew fejn jitqiegħed fis-suq il-prodott.
3.  
Id-dikjarazzjoni ta' konformità ssimplifikata tal-UE msemmija fil-paragrafu 8 tal-Artikolu 6 għandu jkun fiha l-elementi stipulati fil-Parti 12 tal-Anness u għandha tiġi aġġornata kontinwament. Għandha wkoll tiġi tradotta fil-lingwa jew il-lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn il-prodott jiġi introdott fis-suq jew jitqiegħed fis-suq. It-test sħiħ tad-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE għandu jkun disponibbli fuq l-indirizz tal-Internet imsemmi fid-dikjarazzjoni ta' konformità ssimplifikata tal-UE f'lingwa jew fil-lingwi meħtieġa mill-Istat Membru fejn il-prodott jiġi introdott jew jitqiegħed fis-suq.
4.  
Meta prodott ikun soġġett għal aktar minn att wieħed tal-Unjoni li jeżiġi dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE, għandha titfassal dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE waħda fir-rigward ta' dawn l-atti kollha tal-Unjoni. Dik id-dikjarazzjoni għandu jkollha l-identifikazzjoni tal-atti tal-Unjoni kkonċernati, inklużi r-referenzi tal-pubblikazzjoni tagħhom.
5.  
Meta jfassal id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE, il-manifattur għandu jassumi responsabbiltà għall-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan il-Kapitolu.

Artikolu 15

Prinċipji ġenerali tal-markatura CE

Il-markatura CE għandha tkun soġġetta għall-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artiklu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

Artikolu 16

Ir-regoli u l-kundizzjonijiet għat-twaħħil tal-markatura CE, tan-numru ta' identifikazzjoni tal-korp innotifikat, tat-tikketta għall-identifikazzjoni tal-klassi tal-UAS u tal-indikazzjoni tal-livell ta' potenza akustika

1.  
Il-markatura CE għandha titwaħħal b'mod viżibbli, leġibbli u li ma jitħassarx mal-prodott jew mal-pjanċa tad-data mwaħħla miegħu. Fejn dan ma jkunx possibbli jew ma jkunx ġustifikat minħabba d-daqs tal-prodott, din għandha titwaħħal fuq l-imballaġġ.

▼M1

2.  
It-tikketta għall-identifikazzjoni tal-klassi tal-UA għandha titwaħħal b’mod viżibbli, leġibbli u li ma jitħassarx fuq il-UA jew, meta rilevanti, fuq kull aċċessorju tas-sett tal-aċċessorji tal-klassi C5, u fuq l-imballaġġ tiegħu, u tal-anqas għandha tkun għolja 5 mm. Għandu jkun ipprojbit kull twaħħil ta’ markaturi, sinjali jew skrizzjonijiet fuq il-prodott, li aktarx ifixklu lill-partijiet terzi fir-rigward tat-tifsira jew il-forma tat-tikketta għall-identifikazzjoni tal-klassi.

▼B

3.  
L-indikazzjoni tal-livell ta' potenza akustika skont il-Parti 14 ta' dan l-Anness għandha tkun imwaħħla, meta applikabbli, b'mod viżibbli, leġibbli u li ma jitħassarx fuq il-UA, sakemm dan ma jkunx possibbli jew mhux ġustifikat minħabba d-daqs tal-prodott, u fuq l-imballaġġ.
4.  
Il-markatura CE u, fejn applikabbli, l-indikazzjoni tal-livell ta' potenza akustika u t-tikketta għall-identifikazzjoni tal-klassi tal-UA għandhom jitwaħħlu qabel ma l-prodott jitqiegħed fis-suq.
5.  
Il-markatura CE għandu jkollu warajh in-numru tal-identifikazzjoni tal-korp innotifikat meta tiġi applikata l-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità stipulata fil-Parti 9 tal-Anness.

In-numru ta' identifikazzjoni tal-korp innotifikat għandu jitwaħħal mill-korp innotifikat innifsu jew fuq istruzzjonijiet tiegħu, mill-manifattur jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.

6.  
L-Istati Membri għandhom jibnu fuq il-mekkaniżmi eżistenti biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta tar-reġim li jirregola l-markatura CE u għandhom jieħdu l-azzjoni xierqa fil-każ ta' użu mhux korrett ta' dik il-markatura.

Artikolu 17

Id-dokumentazzjoni teknika

▼M1

1.  
Id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi d-data u d-dettalji rilevanti kollha tal-mezzi li juża l-manifattur biex jiżgura li l-prodott jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Partijiet 1 sa 6, 16 u 17 tal-Anness. Tal-anqas għandu jkun fiha l-elementi stabbiliti fil-Parti 10 tal-Anness.

▼B

2.  
Id-dokumentazzjoni teknika għandha titfassal qabel ma l-prodott jitqiegħed fis-suq u għandha tiġi aġġornata kontinwament.
3.  
Id-dokumentazzjoni teknika u l-korrispondenza marbuta mal-proċedura tal-eżami tat-tip tal-UE jew mal-valutazzjoni tas-sistema tal-kwalità tal-manifattur għandhom jitfasslu f'lingwa uffiċjali tal-Istat Membru fejn il-korp innotifikat ikun stabbilit jew f'lingwa aċċettabbli għall-korp.

▼M1

4.  
Meta d-dokumentazzjoni teknika ma tikkonformax mal-paragrafi 1, 2 jew 3 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità tas-sorveljanza tas-suq tista’ titlob lill-manifattur jew lill-importatur biex jaraw li jsir test minn korp meqjus aċċettabbli mill-awtorità tas-sorveljanza tas-suq bl-ispejjeż imġarrba mill-manifattur jew mill-importatur fi żmien speċifikat biex tiġi verifikata l-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Partijiet 1 sa 6, 16 u 17 tal-Anness li japplikaw għalih.

▼B



TAQSIMA 4

Notifika ta' korpi ta' valutazzjoni ta' konformità

Artikolu 18

Notifika

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn dwar il-korpi awtorizzati biex iwettqu kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità minn partijiet terzi skont dan il-Kapitolu.

Artikolu 19

Awtoritajiet ta' notifika

1.  
Stati Membri għandhom jinnominaw awtorità ta' notifika li tkun responsabbli biex tistabbilixxi u tesegwixxi l-proċeduri meħtieġa għall-valutazzjoni u n-notifika ta' korpi tal-valutazzjoni tal-konformità u għall-monitoraġġ ta' korpi nnotifikati, inklużi l-konformità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24.
2.  
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-valutazzjoni u l-monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom isiru minn korp nazzjonali ta' akkreditament skont it-tifsira tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.
3.  
Fejn l-awtorità ta' notifika tiddelega jew inkella tafda l-valutazzjoni, in-notifika jew il-monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 lil korp li ma jkunx entità governattiva, dak il-korp għandu jkun entità legali u għandu jikkonforma mutatis mutandis mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 20. Barra minn hekk, għandu jkollu arranġamenti biex ikopri obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-attivitajiet tiegħu.
4.  
L-awtorità ta' notifika għandha tieħu responsabbiltà sħiħa għall-kompiti mwettqa mill-korp imsemmi fil-paragrafu 3.

Artikolu 20

Rekwiżiti marbuta mal-awtoritajiet ta' notifika

1.  

Awtorità ta' notifika:

(a) 

għandha tiġi stabbilita b'tali mod li ma toħloqx kunflitti ta' interess ma' korpi ta' valutazzjoni tal-konformità;

(b) 

għandha tkun organizzata u operata b'mod li jissalvagwarda l-oġġettività u l-imparzjalità tal-attivitajiet tagħha;

(c) 

għandha tkun organizzata b'tali mod li kull deċiżjoni li tirrigwarda n-notifika ta' korp ta' valutazzjoni tal-konformità tittieħed minn persuni kompetenti differenti minn dawk li jkunu għamlu l-valutazzjoni;

(d) 

ma għandhiex toffri jew tipprovdi kwalunkwe attività li ssir minn korpi tal-valutazzjoni tal-konformità, jew servizzi ta' konsulenza fuq bażi kummerċjali jew kompetittiva;

(e) 

għandha tissalvagwardja l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miksuba;

(f) 

għandu jkollha biżżejjed persunal kompetenti għad-dispożizzjoni tagħha għall-prestazzjoni korretta tal-kompiti tagħha.

Artikolu 21

Obbligu ta' informazzjoni fuq l-awtoritajiet ta' notifika

1.  
L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni dwar il-proċeduri tagħhom għall-valutazzjoni u n-notifika ta' korpi ta' valutazzjoni tal-konformità u dwar il-monitoraġġ tal-korpi ta' notifika, u dwar kwalunkwe bidla fihom.
2.  
Il-Kummissjoni għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli pubblikament.

Artikolu 22

Rekwiżiti marbuta mal-korpi nnotifikati

1.  
Għall-finijiet tan-notifika, korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi minn 2 sa 11.
2.  
Il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkun stabbilit skont il-liġi nazzjonali ta' Stat Membru u għandu jkollu personalità ġuridika.
3.  
Il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkun korp ta' parti terza indipendenti mill-organizzazzjoni li jivvaluta.

Korp li jkun jappartjeni lil xi assoċjazzjoni kummerċjali jew federazzjoni professjonali li tkun tirrappreżenta intrapriżi involuti fid-disinn, il-manifattura, il-provvista, il-muntaġġ, l-użu jew il-manutenzjoni tal-prodott li huwa jivvaluta, jista', bil-kundizzjoni li l-indipendenza tiegħu u n-nuqqas ta' kull konflitt ta' interess jintwerew, jitqies bħala tali korp ta' valutazzjoni tal-konformità.

4.  
Korp ta' valutazzjoni tal-konformità, l-ogħla livell tal-ġestjoni tiegħu u l-persunal responsabbli mit-twettiq tal-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu d-disinjatur, il-manifattur, il-fornitur, l-installatur, ix-xerrej, is-sid, l-utent jew dak responsabbli mill-manutenzjoni tal-prodott li huma jivvalutaw, u lanqas ir-rappreżentant ta' xi waħda minn dawk il-partijiet. Dan ma għandux jipprekludi l-użu tal-prodott ivvalutat li hu neċessarju għall-operazzjonijiet tal-korp ta' valutazzjoni tal-konformità jew l-użu ta' prodott bħal dan għal għanijiet personali.

Korp ta' valutazzjoni ta' konformità, l-ogħla livell tal-ġestjoni tiegħu u l-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità ma għandhomx ikunu direttament involuti fid-disinn, il-manifattura jew il-kostruzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni, l-installazzjoni, l-użu jew il-manutenzjoni ta' dak il-prodott, lanqas ma għandhom jirrappreżentaw lill-partijiet li jwettqu dawk l-attivitajiet. Dawn ma għandhom ikunu involuti fl-ebda attività li tista' toħloq kunflitt mal-indipendenza tal-ġudizzju jew l-integrità tagħhom b'rabta mal-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità li għalihom huma jkunu nnotifikati. Dan għandu japplika, b'mod partikolari, għas-servizzi ta' konsulenza.

Korpi tal-evalwazzjoni tal-konformità għandhom jiżguraw li l-attivitajiet tas-sussidjarji jew is-subappaltaturi tagħhom ma jippreġudikawx il-kunfidenzjalità, l-oġġettività jew l-imparzjalità tal-attivitajiet tal-evalwazzjoni tal-konformità tagħhom.

5.  
Korpi tal-valutazzjoni tal-konformità u l-persunal tagħhom għandhom iwettqu l-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità bl-ogħla livell ta' integrità professjonali u l-kompetenza teknika meħtieġa fil-qasam speċifiku u għandhom ikunu ħielsa minn kull pressjoni u tentazzjoni, partikolarment finanzjarji, li jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom jew ir-riżultati tal-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità tagħhom, speċjalment fir-rigward ta' persuni jew gruppi ta' persuni b'interess fir-riżultati ta' dawk l-attivitajiet.
6.  
Il-korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jkun kapaċi jwettaq il-kompiti kollha tal-valutazzjoni tal-konformità assenjati lilu permezz tal-Parti 8 jew 9 tal-Anness fir-rigward tagħhom ikun ġie nnotifikat, kemm jekk dawk il-kompiti jsiru mill-korp stess tal-valutazzjoni tal-konformità kif ukoll jekk f'ismu u taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

F'kull żmien u għal kull proċedura tal-evalwazzjoni tal-konformità u għal kull tip jew kategorija ta' prodott li dwarhom ikun innotifikat, korp tal-evalwazzjoni tal-konformità għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu in-neċessitajiet li ġejjin:

(a) 

persunal b'għarfien tekniku u b'esperjenza suffiċjenti u xierqa biex iwettaq il-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità;

(b) 

deskrizzjonijiet ta' proċeduri li f'konformità magħhom titwettaq il-valutazzjoni tal-konformità, filwaqt li jiġu żgurati t-trasparenza u l-kapaċità ta' riproduzzjoni ta' dawk il-proċeduri; hu għandu jkollu l-politiki u l-proċeduri xierqa li jiddistingwu bejn ħidmiet li jwettaq bħala korp innotifikat u attivitajiet oħra;

(c) 

proċeduri għat-twettiq ta' attivitajiet li jqisu kif xieraq id-daqs tal-impriża, is-settur li topera fih, l-istruttura tagħha, il-grad ta' kumplessità tal-prodott ikkonċernat u n-natura ta' massa jew ta' serje tal-proċess ta' produzzjoni.

Korp tal-evalwazzjoni tal-konformità għandu jkollu l-mezzi neċessarji biex jagħmel ix-xogħlijiet tekniċi u amministrattivi konnessi mal-attivitajiet tal-evalwazzjoni tal-konformità b'mod xieraq u għandu jkollu aċċess għat-tagħmir u l-faċilitajiet meħtieġa.

7.  

Il-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità għandu jkollu dawn li ġejjin:

(a) 

taħriġ tekniku u vokazzjonali sod li jkopri l-attivitajiet kollha ta' valutazzjoni tal-konformità li għalihom il-korp ta' valutazzjoni tal-konformità jkun ġie nnotifikat;

(b) 

għarfien sodisfaċenti tar-rekwiżiti tal-valutazzjonijiet li jsiru minnhom u awtorità adegwata biex jagħmlu dawk il-valutazzjonijiet;

(c) 

għarfien xieraq u fehim tar-rekwiżiti, tal-istandards armonizzati applikabbli u tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni;

(d) 

il-kapaċità li jħejji ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE jew approvazzjonijiet tas-sistema tal-kwalità, reġistri u rapporti li juru li l-valutazzjonijiet ikunu saru.

8.  
Għandha tkun iggarantita l-imparzjalità tal-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità, tal-maniġment superjuri tagħhom u tal-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità.

Ir-rimunerazzjoni ta' dawk fl-ogħla livell tal-ġestjoni u tal-persunal responsabbli biex iwettaq il-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità ta' korp tal-valutazzjoni tal-konformità ma għandhiex tiddependi fuq l-għadd ta' valutazzjonijiet li jsiru jew fuq ir-riżultati ta' dawk il-valutazzjonijiet.

9.  
Il-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità għandhom joħorġu polza ta' assigurazzjoni ta' responsabbiltà dment li l-Istat Membru ma jassumix ir-responsabbiltà skont il-liġi nazzjonali, jew dment li l-Istat Membru nnifsu ma jkunx direttament responsabbli għall-valutazzjoni tal-konformità.
10.  
Il-persunal ta' korp ta' valutazzjoni tal-konformità għandu josserva s-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha miksuba meta jwettaq il-kompiti tiegħu skont il-Partijiet 8 u 9 tal-Anness jew kwalunkwe dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali li ddaħħalhom fis-seħħ, ħlief fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih jitwettqu l-attivitajiet tiegħu. Id-drittijiet ta' proprjetà għandhom ikunu protetti.
11.  
Il-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità għandhom jipparteċipaw fi, jew jiżguraw li l-persunal tagħhom responsabbli mit-twettiq tal-kompiti ta' valutazzjoni tal-konformità jkun mgħarraf bl-attivitajiet ta' standardizzazzjoni rilevanti, l-attivitajiet regolatorji fil-qasam tal-UAS u tal-ippjanar tal-frekwenzi, u l-attivitajiet tal-grupp ta' koordinazzjoni tal-korp innotifikat stabbilit taħt il-leġiżlazzjoni ta' armonizzazzjoni tal-Unjoni rilevanti u għandhom japplikaw bħala gwida ġenerali d-deċiżjonijiet amministrattivi u d-dokumenti prodotti bħala riżultat tax-xogħol ta' dak il-grupp.

Artikolu 23

Preżunzjoni ta' konformità ta' korpi nnotifikati

Fejn korp tal-evalwazzjoni tal-konformità juri l-konformità tiegħu mal-kriterji stabbiliti bl-istandards armonizzati jew ma' partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, huwa għandu jkun preżunt konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 22 sakemm l-istandards armonizzati applikabbli jkopru dawk ir-rekwiżiti.

Artikolu 24

Sussidjarji u sottokuntrattar minn korpi nnotifikati

1.  
Meta korp innotifikat jagħti b'sottokuntratt kompiti speċifiċi konnessi mal-valutazzjoni tal-konformità jew iqabbad sussidjarju, huwa għandu jiżgura li s-sottokuntrattur jew is-sussidjarju jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 22 u għandu jinforma lill-awtorità ta' notifika dwar dan.
2.  
Korpi nnotifikati għandhom jerfgħu r-responsabbiltà sħiħa tax-xogħlijiet li jkunu saru mis-subappaltaturi jew is-sussidjarji, kull meta jiġu stabbiliti.
3.  
L-attivitajiet jistgħu jingħataw b'sottokuntratt jew jitwettqu minn sussidjarju biss meta jkun hemm il-qbil tal-klijent.
4.  
Il-korpi nnotifikati għandhom iżommu għad-dispożizzjoni tal-awtorità ta' notifika d-dokumenti rilevanti dwar il-valutazzjoni tal-kwalifiki tas-sottokuntrattur jew tas-sussidjarju u tax-xogħol imwettaq minnhom skont il-Partijiet 8 u 9 tal-Anness.

Artikolu 25

Applikazzjoni għal notifika

1.  
Korp tal-valutazzjoni tal-konformità għandu jissottometti applikazzjoni għal notifika lill-awtorità ta' notifika tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit.
2.  
L-applikazzjoni għal notifika għandha tiġi akkumpanjata minn deskrizzjoni tal-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità, il-modulu jew moduli ta' valutazzjoni ta' konformità, u l-prodott li għalih il-korp jiddikjara li huwa kompetenti, kif ukoll permezz ta' ċertifikat ta' akkreditament maħruġ minn korp ta' akkreditament nazzjonali li juri li l-korp tal-valutazzjoni tal-konformità jissodisfa r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 22.

Artikolu 26

Proċedura tan-notifika

1.  
L-awtoritajiet ta' notifika jistgħu jinnotifikaw biss lil korpi ta' valutazzjoni tal-konformità li jkunu ssodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 22.
2.  
Dawn għandhom jinnotifikaw il-korpi tal-evalwazzjoni tal-konformità lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri bil-mezz elettroniku ta' notifika żviluppat u mħaddem mill-Kummissjoni.
3.  
In-notifika għandha tinkludi d-dettalji kollha dwar l-attivitajiet tal-valutazzjoni tal-konformità, tal-modulu jew moduli tal-valutazzjoni tal-konformità, u tal-prodott ikkonċernat u taċ-ċertifikazzjoni rilevanti ta' akkreditament.
4.  
Il-korp ikkonċernat jista' jwettaq l-attivitajiet ta' korp innotifikat biss jekk ma titqajjem l-ebda oġġezzjoni mill-Kummissjoni jew minn Stati Membri oħra fi żmien ġimagħtejn (2) mid-data ta' notifika.
5.  
Korp bħal dan biss għandu jitqies bħala korp innotifikat għall-finijiet ta' dan il-Kapitolu.
6.  
L-awtorità ta' notifika għandha tinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'kull tibdil rilevanti sussegwenti fin-notifika.

Artikolu 27

Numri ta' identifikazzjoni u listi ta' korpi nnotifikati

1.  
Il-Kummissjoni għandha tassenja numru ta' identifikazzjoni lil korp innotifikat.
2.  
Għandha tassenja numru wieħed bħal dan, anki fil-każ fejn il-korp ikun innotifikat skont diversi atti tal-Unjoni.
3.  
Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-korpi nnotifikati skont dan ir-Regolament, inklużi n-numri ta' identifikazzjoni li jkunu ġew assenjati lilhom u l-attivitajiet li dwarhom ikunu ġew innotifikati.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-lista tinżamm aġġornata.

Artikolu 28

Tibdil fin-notifiki

1.  
Fejn awtorità ta' notifika taċċerta ruħha jew tkun infurmata li korp innotifikat ma jkunx għadu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 22, jew li jonqos milli jaqdi l-obbligi tiegħu, l-awtorità ta' notifika għandha tillimita, tissospendi jew tirtira n-notifika, kif xieraq, skont kemm ikun gravi n-nuqqas fir-rigward tar-rekwiżiti jew tal-obbligi li jridu jiġu ssodisfati. Hija għandha tgħarraf minnufih b'dan lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, skont il-każ.
2.  
Fil-każ ta' restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar ta' notifika, jew fejn il-korp innotifikat ma jkunx għadu attiv, l-Istat Membru ta' notifika għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-fajls ta' dak il-korp jiġu pproċessati minn korp innotifikat ieħor jew jinżammu disponibbli għall-awtorità ta' notifika u għall-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq responsabbli, fuq talba tagħhom.

Artikolu 29

Kontestazzjoni tal-kompetenza ta' korpi nnotifikati

1.  
Il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-każijiet kollha fejn ikollha dubju jew issir taf b'dubju dwar il-kompetenza ta' korp innotifikat jew l-issoktar tal-osservanza ta' korp innotifikat mar-rekwiżiti u r-responsabbiltajiet li għalihom huwa jkun soġġett.
2.  
L-Istat Membru ta' notifika għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, fuq talba, bl-informazzjoni kollha relatata mal-bażi għan-notifika jew iż-żamma tal-kompetenza tal-korp innotifikat ikkonċernat.
3.  
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni sensittiva kollha miksuba matul l-investigazzjonijiet tagħha tiġi ttrattata b'mod kunfidenzjali.
4.  
Fejn il-Kummissjoni taċċerta ruħha li korp innotifikat ma jissodisfax jew ma jkunx għadu jissodisfa r-rekwiżiti għan-notifika, hija għandha tgħarraf b'dan lill-Istat Membru kif xieraq u titolbu jieħu l-miżuri korrettivi meħtieġa, inkluż id-denotifika, jekk ikun meħtieġ.

Artikolu 30

Obbligi operazzjonali tal-korpi nnotifikati

1.  
Il-korpi nnotifikati għandhom jagħmlu l-valutazzjonijiet ta' konformità skont il-proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità stabbiliti fil-Partijiet 8 u 9 tal-Anness.
2.  
Il-valutazzjonijiet tal-konformità għandhom jitwettqu b'mod proporzjonat, billi jiġu evitati piżijiet bla bżonn għall-operaturi ekonomiċi. Il-korpi ta' valutazzjoni tal-konformità għandhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom billi jieħdu kont debitu tad-daqs tal-impriża, is-settur li fiha hija topera, l-istruttura tagħha, il-livell ta' kumplessità tal-prodott ikkonċernat u tan-natura massiva jew serjali tal-proċess ta' produzzjoni.

B'dan il-mod huma għandhom madankollu jirrispettaw il-grad ta' rigorożità u l-livell ta' protezzjoni rikjest biex il-UA jew il-UAS tkun konformi ma' dan il-Kapitolu.

▼M1

3.  
Meta korp notifikat isib li manifattur ma ssodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Partijiet 1 sa 6, 16 u 17 tal-Anness jew fl-istandards armonizzati korrispondenti jew fi speċifikazzjonijiet tekniċi oħra, dan għandu jeżiġi li l-manifattur jieħu l-miżuri korrettivi xierqa u ma għandu joħroġ l-ebda ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE jew l-ebda approvazzjoni tas-sistema tal-kwalità.

▼B

4.  
Fejn, waqt li jkun qiegħed isir monitoraġġ tal-konformità wara l-ħruġ ta' ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE jew approvazzjoni tas-sistema ta' kwalità, korp innotifikat isib li prodott ma jkunx għadu konformi, il-korp innotifikat għandu jesiġi mingħand il-manifattur li dan jieħu miżuri korrettivi adegwati u għandu jissospendi jew jirtira ċ-ċerifikat tal-eżami tat-tip tal-UE jew l-approvazzjoni tas-sistema ta' kwalità jekk ikun meħtieġ.
5.  
Fejn ma jitteħdux miżuri korrettivi jew il-miżuri korrettivi li jittieqħdu ma jkollhomx l-effett mixtieq, il-korp innotifikat għandu jillimita, jissospendi jew jirtira kull ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE jew approvazzjoni tas-sistema ta' kwalità, skont il-każ.

Artikolu 31

Appell kontra deċiżjonijiet tal-korpi nnotifikati

Il-korpi nnotifikati għandhom jiżguraw li tkun disponibbli proċedura ta' appell trasparenti u aċċessibbli kontra d-deċiżjonijiet tagħhom.

Artikolu 32

Obbligi ta' informazzjoni għall-korpi nnotifikati

1.  

Il-korpi nnotifikati għandhom jinformaw lill-awtorità ta' notifika dwar dan li ġej:

(a) 

kull rifjut, restrizzjoni, sospensjoni jew irtirar ta' ċertifikat ta' eżami tat-tip tal-UE jew approvazzjoni ta' sistema ta' kwalità skont ir-rekwiżiti tal-Partijiet 8 u 9 tal-Anness;

(b) 

kull ċirkustanza li jkollha effett fuq l-ambitu jew il-kundizzjonijiet għan-notifika;

(c) 

kwalunkwe talba għal informazzjoni li huma jkunu rċevew minn awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq rigward attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità;

(d) 

fuq talba, l-attivitajiet ta' valutazzjoni tal-konformità li jsiru fil-kamp ta' applikazzjoni tan-notifika tagħhom u kwalunkwe attività oħra mwettqa, inklużi attivitajiet transfruntiera u sottokuntrattar.

2.  
Il-korpi nnotifikati għandhom, skont ir-rekwiżiti tal-Partijiet 8 u 9 tal-Anness, jipprovdu lill-korpi l-oħra nnotifikati skont dan il-Kapitolu li jkunu qed iwettqu attivitajiet simili ta' valutazzjoni tal-konformità u li jkunu jkopru l-istess kategoriji tal-UA jew tal-UAS, l-informazzjoni rilevanti dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw riżultati negattivi ta' valutazzjoni tal-konformità u, fuq talba, l-informazzjoni rilevanti dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw riżultati pożittivi.
3.  
Il-korpi nnotifikati għandhom jissodisfaw l-obbligi ta' informazzjoni skont il-Partijiet 8 u 9 tal-Anness.

Artikolu 33

Skambju ta' esperjenza

Il-Kummissjoni għandha tipprevedi l-organizzazzjoni ta' skambji ta' esperjenza bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri responsabbli mill-politika tan-notifiki.

Artikolu 34

Koordinazzjoni ta' korpi nnotifikati

1.  
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li jiġu implimentati u operati kif xieraq koordinazzjoni u kooperazzjoni xierqa bejn il-korpi nnotifikati skont dan il-Kapitolu fil-forma ta' grupp settorjali ta' korpi nnotifikati.
2.  
Il-korpi notifikati għandhom jieħdu sehem fil-ħidma ta' dak il-grupp, b'mod dirett jew permezz ta' rappreżentanti nnominati.



TAQSIMA 5

Is-sorveljanza tas-suq tal-Unjoni, il-kontroll tal-prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni u l-proċedura ta' salvagwardja tal-Unjoni

Artikolu 35

Sorveljanza tas-suq u kontroll tal-prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni

1.  
L-Istati Membri għandhom jorganizzaw u jwettqu s-sorveljanza skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 15 u l-Artikoli 16 sa 26 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-prodotti li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni.
2.  
L-Istati Membri għandhom jorganizzaw u jwettqu l-kontroll skont il-paragrafu 5 tal-Artikolu 15 u l-Artikoli 27, 28 u 29 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-prodotti li jidħlu fis-suq tal-Unjoni.
3.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet tagħhom ta' sorveljanza tas-suq u ta' kontroll fuq il-fruntiera jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti nominati skont l-Artikolu 17 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/947 dwar kwistjonijiet ta' sikurezza u għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa ta' komunikazzjoni u ta' koordinazzjoni bejniethom, billi jagħmlu l-aħjar użu tal-informazzjoni li tinsab fis-sistema ta' rapportar tal-okkorrenzi definita fir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) u s-sistemi ta' informazzjoni definiti fl-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008.

Artikolu 36

Proċedura għat-trattament ta' prodotti li jippreżentaw riskju fil-livell nazzjonali

▼M1

1.  
Meta l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru partikolari ikollhom raġunijiet biżżejjed biex jagħrfu li xi prodott jippreżenta riskju għas-saħħa jew għas-sikurezza tal-persuni jew għal xi aspetti oħra tal-protezzjoni tal-interess pubbliku li huma koperti minn dan il-Kapitolu, dawn għandhom jagħmlu evalwazzjoni fir-rigward tal-prodott konċernat, li tkun tkopri r-rekwiżiti applikabbli kollha stabbiliti f’dan il-Kapitolu. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkoperaw kif meħtieġ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għal dak il-għan.

▼B

Fejn, tul l-evalwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq isibu li l-prodott ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f'dan il-Kapitolu, huma għandhom mingħajr dewmien jeżiġu li l-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-azzjonijiet korrettivi kollha xierqa biex il-prodott isir konformi ma' dawk ir-rekwiżiti, li jirtira l-prodott mis-suq jew li jieħdu lura fi żmien raġonevoli li jkun jaqbel man-natura tar-riskju, skont kif jistabbilixxu.

L-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq għandhom jinfurmaw b'dan lil korp innotifikat relevanti.

L-Artikolu 21 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 għandu japplika għall-miżuri msemmija fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

2.  
Fejn l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq iqisu li n-nuqqas ta' konformità ma jkunx limitat għat-territorju nazzjonali tagħhom, huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bir-riżultati tal-evalwazzjoni u bl-azzjonijiet li esiġew li jieħu l-operatur ekonomiku.
3.  
L-operatur ekonomiku għandu jiżgura li jittieħdu l-miżuri korrettivi xierqa kollha fir-rigward tal-prodotti kkonċernati kollha li huwa jkun qiegħed fis-suq fl-Unjoni kollha.
4.  
Fejn l-operatur ekonomiku rilevanti ma jiħux azzjoni korrettiva xierqa fil-perjodu ta' żmien imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq għandhom jieħdu l-miżuri provviżorji xierqa kollha biex jipprojbixxu jew jillimitaw li l-prodott jitqiegħed fis-suq nazzjonali tagħhom jew biex il-prodott jiġi irtirat minn dak is-suq jew biex dan jissejjaħ lura.

L-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, mingħajr dewmien, b'dawn il-miżuri.

5.  

L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 għandha tinkludi d-dettalji disponibbli kollha, partikolarment id-data neċessarja għall-identifikazzjoni tal-prodott li mhux konformi, l-oriġini tal-prodott, in-natura tal-allegat nuqqas ta' konformità u r-riskju involut, in-natura u l-perjodu tal-miżuri nazzjonali li jkunu ttieħdu u l-argumenti mressqa mill-operatur ekonomiku rilevanti. B'mod partikolari, l-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-suq għandhom jindikaw jekk in-nuqqas ta' konformità jkunx dovut għal xi waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

(a) 

nuqqas min-naħa tal-prodott biex jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4;

(b) 

nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fl-Artikolu 12.

6.  
L-Istati Membri, barra mill-Istat Membru li jkun beda l-proċedura skont dan l-Artikolu, għandhom, mingħajr dewmien, jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'kull miżura adottata u kull informazzjoni addizzjonali fuq in-nuqqas tal-konformità tal-prodott ikkonċernat għad-dispożizzjoni tagħhom, u, jekk ma jkunx hemm qbil fuq il-miżura nazzjonali adottata, dwar l-oġġezzjonijiet tagħhom.
7.  
Fejn, fi żmien tliet xhur minn meta tasal l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5, ma tkun tressqet l-ebda oġġezzjoni minn xi Stat Membru jew mill-Kummissjoni fuq miżura provviżorja meħuda minn Stat Membru, dik il-miżura għandha titqies li tkun ġustifikata.
8.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri restrittivi adegwati fir-rigward tal-prodott ikkonċernat, bħall-irtirar tal-prodott mis-suq, mingħajr dewmien.

Artikolu 37

Proċedura ta' protezzjoni tal-Unjoni

1.  
Fejn, ladarba titlesta l-proċedura stabbilita fil-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 36, jitqajmu oġġezzjonijiet kontra miżura meħuda minn Stat Membru, jew fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li miżura nazzjonali tmur kontra l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tikkonsulta mal-Istati Membri u mal-operatur jew l-operaturi ekonomiċi rilevanti u għandha tevalwa l-miżura nazzjonali. Abbażi tar-riżultati ta' dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk il-miżura nazzjonali hijiex ġustifikata jew le.

Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri kollha u għandha tikkomunikaha minnufih lilhom u lill-operatur jew operaturi ekonomiċi rilevanti.

2.  
Jekk il-miżura nazzjonali titqies ġustifikata, l-Istati Membri kollha għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-prodott li ma jkunx konformi jiġi rtirat jew imsejjaħ lura mis-swieq tagħhom, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni skont il-każ. Jekk il-miżura nazzjonali titqies li ma tkunx ġustifikata, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirtira dik il-miżura.
3.  
Meta l-miżura nazzjonali titqies ġustifikata u n-nuqqas ta' konformità tal-prodott ikun attribwit għal nuqqasijiet fl-istandards armonizzati msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 5 tal-Artikolu 36 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

Artikolu 38

Prodott konformi li jippreżenta riskju

1.  
Fejn Stat Membru, wara li jkun wettaq valutazzjoni skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu (36), isib li, għalkemm il-prodott ikun konformi ma' dan il-Kapitolu, ikun jippreżenta riskju għas-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni jew għal aspetti oħra ta' protezzjoni ta' interess pubbliku koperti minn dan il-Kapitolu, huwa għandu jeżiġi li l-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jiżgura li l-prodott ikkonċernat, meta jitqiegħed fis-suq, ma jippreżentax aktar dak ir-riskju, jirtira l-prodott mis-suq jew jieħdu lura fi żmien raġonevoli li jkun jaqbel man-natura tar-riskju, skont kif hu jistabbilixxi.
2.  
L-operatur ekonomiku għandu jiżgura li tittieħed azzjoni korrettiva fir-rigward tal-prodotti kollha li huwa jkun qiegħed fis-suq fl-Unjoni kollha.
3.  
L-Istat Membru għandu jgħarraf immedjatament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi d-dettalji kollha disponibbli, partikolarment id-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-prodott ikkonċernat, l-oriġini u l-katina tal-provvista tal-prodott, in-natura tar-riskju involut u n-natura u t-tul ta' żmien tal-miżuri nazzjonali meħuda.
4.  
Il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tidħol f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-operatur ekonomiku jew l-operaturi ekonomiċi rilevanti u għandha tevalwa l-miżuri nazzjonali meħuda. Abbażi tar-riżultati ta' dik l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk il-miżura nazzjonali tkunx ġustifikata jew le, u fejn ikun meħtieġ, tipproponi miżuri adatti.
5.  
Il-Kummissjoni għandha tindirizza d-deċiżjoni tagħha lill-Istati Membri kollha u għandha tikkomunikaha minnufih lilhom u lill-operatur jew operaturi ekonomiċi rilevanti.

Artikolu 39

Nuqqas ta' konformità formali

1.  

Bla ħsara għall-Artikolu 36, fejn Stat Membru jasal għal xi waħda mis-sejbiet li ġejjin rigward prodotti koperti minn dan il-Kapitolu, dan għandu jeżiġi lill-operatur ekonomiku rilevanti itemm dak in-nuqqas ta' konformità kkonċernat:

(a) 

il-markatura CE tkun twaħħlet bi ksur tal-Artikolu 30 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 jew tal-Artikolu 15 jew tal-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament;

(b) 

il-markatura CE jew tat-tip ma tkunx twaħħlet;

(c) 

in-numru tal-identifikazzjoni tal-korp innotifikat, meta tkun applikata l-proċedura ta' valutazzjoni tal-konformità stabbilita fil-Parti 9 tal-Anness, ikun twaħħal bi ksur tal-Artikolu 16 jew ma jkunx twaħħal;

(d) 

it-tikketta tal-identifikazzjoni tal-klassi tal-UA ma twaħħlitx;

(e) 

l-indikazzjoni tal-livell ta' potenza akustika jekk meħtieġa ma tkunx twaħħlet;

(f) 

in-numru tas-serje ma twaħħalx inkella ma għandux il-format korrett;

(g) 

il-manwal jew l-avviż ta' informazzjoni mhux disponibbli;

(h) 

id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE ma tkunx preżenti jew ma tkunx tfasslet;

(i) 

id-dikjarazzjoni ta' konformità tal-UE ma tkunx saret b'mod korrett;

(j) 

id-dokumentazzjoni teknika ma tkunx disponibbli jew ma tkunx kompleta;

(k) 

l-isem tal-manifattur jew tal-importatur, l-isem kummerċjali rreġistrat jew it-trademark irreġistrata, l-indirizz tas-sit elettroniku jew l-indirizz postali ma jkunux preżenti.

2.  
Fejn jippersisti n-nuqqas ta' konformità msemmi fil-paragrafu 1, l-Istat Membru konċernat għandu jieħu l-miżuri xierqa kollha biex jillimita jew jipprojbixxi li l-prodott jitqiegħed fis-suq jew jiżgura li dan jiġi rtirat jew jittieħed lura mis-suq.



KAPITOLU III

▼M1

Rekwiżiti għall-UAS imħaddma fil-kategoriji “ċertifikata” u “speċifika”, għajr meta jsiru b’dikjarazzjoni

Artikolu 40

Rekwiżiti għall-UAS imħaddma fil-kategoriji “ċertifikata” u “speċifika”, għajr meta jsiru b’dikjarazzjoni.

1. 

Id-disinn, il-produzzjoni u l-manutenzjoni tal-UAS għandhom jiġu ċċertifikati jekk il-UAS tkun tissodisfa xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

għandha dimensjoni karatteristika ta’ 3 m jew aktar, u tfasslet biex titħaddem fuq gruppi ta’ persuni;

(b) 

ġiet iddisinjata biex tittrasporta lin-nies;

(c) 

tfasslet biex tittrasporta l-oġġetti perikolużi u teħtieġ livell għoli ta’ robustezza biex jittaffew ir-riskji għall-partijiet terzi f’każ ta’ inċident;

(d) 

ġiet maħsuba biex tintuża fil-kategorija “speċifika” tal-operazzjonijiet definita fl-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947 u fl-awtorizzazzjoni tat-tħaddim li trid tinħareġ mill-awtorità kompetenti, wara valutazzjoni tar-riskju kif previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947 li turi li r-riskju tal-operazzjoni ma jistax jittaffa b’mod adegwat mingħajr iċ-ċertifikazzjoni tal-UAS.

2. 

UAS soġġetta għal ċertifikazzjoni għandha tikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 748/2012, fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/640 u fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014.

3. 

Sakemm ma jkunx meħtieġ li tiġi ċċertifikata skont il-paragrafu 1, UAS li tintuża fil-kategorija “speċifika” għandu jkollha l-kapaċitajiet tekniċi stipulati fl-awtorizzazzjoni tal-operazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti jew kif definit miċ-Ċertifikat tal-Operatur tal-UAS Ħfief (l-LUC) skont il-Parti C tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947.

4. 

Għajr meta mibnija privatament, kull UAS li mhix soġġetta għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947, għandu jkollha numru tas-serje uniku li jkun konformi mal-istandard ANSI/CTA-2063-A-2019, in-Numri tas-Serje tas-Sistemi tal-Ajru Żgħar Mingħajr Bdot Abbord, tal-2019.

5. 

Kull UA maħsub biex jitħaddem fil-kategorija “speċifika” u f’għoli ta’ inqas minn 120 metru għandu jkun mgħammar b’sistema tal-identifikazzjoni mill-bogħod li tippermetti:

(a) 

li jittella’ n-numru tar-reġistrazzjoni tal-operatur tal-UAS li hu meħtieġ skont l-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947 u kull numru addizzjonali pprovdut mis-sistema tar-reġistrazzjoni. Is-sistema għandha twettaq verifika tal-konsistenza li tivverifika l-integrità tas-sekwenza kollha mogħtija lill-operatur tal-UAS waqt ir-reġistrazzjoni. F’każ ta’ inkonsistenza, il-UAS għandha tibgħat messaġġ ta’ errur lill-operatur tal-UAS;

(b) 

it-trażmissjoni perjodika ta’ mill-inqas id-data li ġejja, f’ħin reali, waqt il-ħin kollu tat-titjira, b’mod li tkun tista’ tasal għand l-apparati mobbli eżistenti:

(i) 

in-numru tar-reġistrazzjoni tal-operatur tal-UAS u l-kodiċi ta’ verifika pprovduti mill-Istat Membru waqt il-proċess tar-reġistrazzjoni, sakemm il-kontroll tal-konsistenza definit fil-punt (a) ma jkunx għadda b’suċċess;

(ii) 

in-numru tas-serje uniku tal-UA konformi mal-paragrafu 4 jew, jekk l-UA jinbena privatament, in-numru tas-serje uniku tal-aċċessorju supplimentari, kif speċifikat fil-Parti 6 tal-Anness;

(iii) 

it-timbru tal-ħin, il-pożizzjoni ġeografika tal-UA u l-għoli tiegħu ’l fuq mis-superfiċe jew il-punt tat-tlugħ;

(iv) 

il-korsa tar-rotta mkejla kif idur l-arloġġ mit-Tramuntana ġeografika u l-veloċità fuq l-art tal-UA;

(v) 

il-pożizzjoni ġeografika tal-bdot remot;

(vi) 

indikazzjoni tal-istatus ta’ emerġenza tal-UAS.

(c) 

li titnaqqas l-abbiltà tat-tbagħbis tal-funzjonalità tas-sistema tal-identifikazzjoni diretta mill-bogħod.

▼B



KAPITOLU IV

Operaturi ta' UAS minn pajjiżi terzi

Artikolu 41

Operaturi ta' UAS minn pajjiżi terzi

1.  
L-operaturi ta' UAS li għandhom is-sede prinċipali tagħhom, huma stabbiliti, jew bir-residenza tagħhom f'pajjiż terz, għandhom jikkonformaw mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/947 għall-fini tal-operazzjonijiet ta' UAS fl-ispazju tal-ajru uniku Ewropew.
2.  
L-awtorità kompetenti għall-operatur ta' UAS ta' pajjiż terz għandha tkun l-awtorità kompetenti tal-ewwel Stat Membru fejn l-operatur ta' UAS ikun biħsiebu jopera.
3.  

B'deroga mill-paragrafu 1, ċertifikat tal-kompetenza ta' bdot mill-bogħod jew tal-operatur ta' UAS f'konformità mar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2019/947, jew dokument ekwivalenti, jista' jiġi rikonoxxut mill-awtorità kompetenti għall-fini tat-tħaddim fi ħdan, lejn, u barra mill-Unjoni, dment li:

(a) 

il-pajjiż terz ikun talab it-tali rikonoxximent;

(b) 

iċ-ċertifikat tal-kompetenza ta' bdot mill-bogħod jew iċ-ċertifikat ta' operatur ta' UAS huma dokumenti validi tal-Istat tal-ħruġ; u

(c) 

il-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-EASA, żgurat li r-rekwiżiti li fuq il-bażi tagħhom it-tali ċertifikati nħarġu jipprovdu l-istess livell ta' sikurezza bħal dan ir-Regolament.



KAPITOLU V

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 42

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼M1




ANNESS

PARTI 1

Rekwiżiti għal Sistema tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAS) tal-klassi C0

UAS tal-klassi C0 ikollha din it-tikketta għall-identifikazzjoni tal-klassi li ġejja fuq il-UA:

image

UAS tal-klassi C0 għandha tikkonforma ma’ dan li ġej:

(1) 

ikollha MTOM ta’ anqas minn 250 g, inkluż it-tagħbija utli;

(2) 

ikollha veloċità massima ta’ 19 m/s f’titjira livell;

(3) 

ikollha għoli massimu li jista’ jinkiseb ’il fuq mill-punt tat-tlugħ limitat għal 120 m;

(4) 

tkun kontrollabbli b’mod sikur fir-rigward tal-istabbiltà, tal-manuvrabbiltà u tal-prestazzjoni tal-kollegament tal-kmand u tal-kontroll, minn bdot remot li jsegwi l-istruzzjonijiet tal-manifattur, kif ikun meħtieġ fil-kundizzjonijiet operazzjonali antiċipati kollha inkluż meta tinqala’ xi ħsara f’sistema waħda jew, jekk xieraq, f’aktar minn waħda;

(5) 

tkun iddisinjata u mibnija b’mod li timminimizza l-korrimenti tal-persuni waqt it-tħaddim, il-ponot li jaqtgħu għandhom ikunu evitati, sakemm ma jkunx teknikament inevitabbli skont prattika tajba tad-disinjar u tal-manifattura. Jekk tkun mgħammra bl-iskrejjen, il-UA għandu jiġi ddisinjat b’mod li jillimita kull korriment li jistgħu jikkawżaw il-paletti tal-iskrejjen;

(6) 

tkun imħaddma esklussivament bl-elettriku;

(7) 

jekk tkun mgħammra b’modalità ta’ insegwiment u din il-funzjoni tkun attivata, tkun f’medda li ma taqbiżx il-50 m mill-bdot remot, u tagħmilha possibbli li l-bdot remot jerġa’ jikseb il-kontroll tal-UA;

(8) 

titqiegħed fis-suq bi struzzjonijiet tal-manifattur li jipprovdu:

(a) 

il-karatteristiċi tal-UA, inkluż iżda mhux biss dawn li ġejjin:

— 
il-klassi tal-UA
— 
il-massa tal-UA (b’deskrizzjoni tal-konfigurazzjoni ta’ referenza) u l-massa massima waqt it-tlugħ (l-MTOM);
— 
il-karatteristiċi ġenerali tat-tagħbijiet utli permessi f’termini ta’ massa, dimensjonijiet, interfaċċi mal-UA u restrizzjonijiet possibbli oħra;
— 
it-tagħmir u s-software għall-kontroll tal-UA mill-bogħod; u
— 
deskrizzjoni tal-imġiba tal-UA meta jintilef il-kollegament tal-kmand u tal-kontroll;
(b) 

struzzjonijiet operazzjonali ċari;

(c) 

limitazzjonijiet operazzjonali (inkluż iżda mhux biss il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi u l-operazzjonijiet binhar/billejl); u

(d) 

deskrizzjoni xierqa tar-riskji kollha relatati mal-operazzjonijiet tal-UAS adattati għall-età tal-utent;

(9) 

tinkludi notifika ta’ informazzjoni ppubblikata mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (l-EASA) li tipprovdi l-limitazzjonijiet u l-obbligi applikabbli, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947;

(10) 

il-punti (4), (5) u (6) ma japplikawx għall-UAS li huma ġugarelli skont it-tifsira tad-Direttiva 2009/48/KE dwar is-sikurezza tal-ġugarelli.

PARTI 2

Rekwiżiti għal Sistema tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAS) tal-klassi C1

UAS tal-klassi C1 ikollha din it-tikketta għall-identifikazzjoni tal-klassi li ġejja fuq il-UA:

image

UAS tal-klassi C1 għandha tikkonforma ma’ dan li ġej:

(1) 

tkun magħmula minn materjali u jkollha karatteristiċi tal-prestazzjoni u fiżiċi li jiżguraw li waqt impatt b’veloċità terminali ma’ ras ta’ bniedem, l-enerġija trażmessa lejn ir-ras tal-bniedem tkun anqas minn 80 J jew, inkella, għandu jkollha MTOM ta’ anqas minn 900 g, inkluż it-tagħbija utli;

(2) 

ikollha veloċità massima ta’ 19 m/s f’titjira livell;

(3) 

ikollha għoli massimu li jista’ jinkiseb ’il fuq mill-punt tat-tlugħ limitat għal 120 m jew tkun mgħammra b’sistema li tillimita l-għoli ’l fuq mis-superfiċe jew il-punt tat-tlugħ għal 120 m jew għal valur li jista’ jintgħażel mill-bdot remot; jekk il-valur ikun jista’ jintgħażel, il-bdot remot għandu jingħata informazzjoni ċara dwar l-għoli tal-UA ’il fuq mis-superfiċe jew il-punt tat-tlugħ waqt it-titjira;

(4) 

tkun kontrollabbli b’mod sikur fir-rigward tal-istabbiltà, tal-manuvrabbiltà u tal-prestazzjoni tal-kollegament tal-kmand u tal-kontroll, minn bdot remot b’kompetenza adegwata kif definit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947 u skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur, kif ikun meħtieġ fil-kundizzjonijiet operazzjonali antiċipati kollha inkluż meta tinqala’ xi ħsara f’sistema waħda jew, jekk xieraq, f’aktar minn waħda;

(5) 

ikollha s-saħħa mekkanika meħtieġa għall-UA, li tinkludi kull fattur tas-sikurezza meħtieġa u, meta xieraq, l-istabbiltà biex tiflaħ għal kull strapazz li tkun soġġetta għalih waqt l-użu mingħajr tkissir jew deformazzjoni li jistgħu jinterferixxu mat-titjir sikur tiegħu;

(6) 

tkun iddisinjata u mibnija b’mod li jiġu minimizzati l-korrimenti tal-persuni waqt it-tħaddim, il-ponot li jaqtgħu tal-UA għandhom ikunu evitati, sakemm ma jkunx teknikament inevitabbli skont prattika tajba tad-disinjar u tal-manifattura; jekk tkun mgħammra bl-iskrejjen, il-UA għandu jiġi ddisinjat b’mod li jillimita kull korriment li jistgħu jikkawżaw il-paletti tal-iskrejjen;

(7) 

jekk jintilef il-kollegament tal-kmand u tal-kontroll, ikollha metodu affidabbli u prevedibbli biex il-UA jirkupra l-kollegament tal-kmand u tal-kontroll jew jekk dan ifalli, itemm it-titjira b’mod li jnaqqas l-effett fuq il-partijiet terzi fl-ajru jew fuq l-art;

(8) 

sakemm ma jkunx UA bi ġwienaħ fissi, ikollu livell tal-potenza akustika ponderat-A garantit LWA iddeterminat skont il-Parti 13, li ma jaqbiżx il-livelli stabbiliti fil-Parti 15;

(9) 

sakemm ma jkunx UA bi ġwienaħ fissi, ikollu indikazzjoni tal-livell tal-potenza akustika ponderat-A garantit imwaħħla fuq il-UA u/jew fuq l-imballaġġ tiegħu skont il-Parti 14;

(10) 

tkun imħaddma esklussivament bl-elettriku;

(11) 

ikollha numru tas-serje uniku li jkun konformi mal-istandard ANSI/CTA-2063-A-2019, in-Numri tas-Serje tas-Sistemi tal-Ajru Żgħar Mingħajr Bdot Abbord, tal-2019;

(12) 

ikollha sistema għall-identifikazzjoni diretta mill-bogħod li:

(a) 

tippermetti li jittella’ n-numru tar-reġistrazzjoni tal-operatur tal-UAS li hu meħtieġ skont l-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947 u kull numru addizzjonali pprovdut mis-sistema tar-reġistrazzjoni; is-sistema għandha twettaq verifika tal-konsistenza li tivverifika l-integrità tas-sekwenza kollha mogħtija lill-operatur tal-UAS waqt ir-reġistrazzjoni; f’każ ta’ inkonsistenza, il-UAS għandha tibgħat messaġġ ta’ errur lill-operatur tal-UAS;

(b) 

tiżgura, f’ħin reali waqt id-durata sħiħa tat-titjira, ix-xandir perjodiku dirett mill-UA bl-użu ta’ protokoll ta’ trażmissjoni miftuħ u dokumentat, ta’ mill-inqas din id-data li ġejja, b’mod li jkunu jistgħu jirċevuha apparati mobbli eżistenti fi ħdan il-medda tax-xandir:

in-numru tar-reġistrazzjoni tal-operatur tal-UAS u l-kodiċi ta’ verifika pprovduti mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni waqt il-proċess tar-reġistrazzjoni, sakemm ma tkunx għaddiet il-verifika tal-konsistenza definita fil-punt (a);

ii 

in-numru tas-serje fiżiku uniku tal-UA konformi mal-punt (11);

iii 

it-timbru tal-ħin, il-pożizzjoni ġeografika tal-UA u l-għoli tiegħu ’l fuq mis-superfiċe jew il-punt tat-tlugħ;

iv 

il-korsa tar-rotta mkejla kif idur l-arloġġ mit-Tramuntana ġeografika u l-veloċità fuq l-art tal-UA;

il-pożizzjoni ġeografika tal-bdot remot jew, jekk ma tkunx disponibbli, il-punt tat-tlugħ; u

vi 

indikazzjoni tal-istatus ta’ emerġenza tal-UAS;

(c) 

tnaqqas l-abbiltà ta’ tbagħbis tal-funzjonalità tas-sistema tal-identifikazzjoni diretta mill-bogħod;

(13) 

tkun mgħammra b’funzjoni ta’ ġeokonsapevolezza li tipprovdi:

(a) 

interfaċċa li tillowdja u taġġorna d-data b’informazzjoni dwar il-limitazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru b’rabta mal-pożizzjoni tal-UA u l-għoli impost miż-żoni ġeografiċi tal-UAS, kif definit bl-Artikolu 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947, li jiżgura li l-proċess tal-illowdjar jew tal-aġġornar ta’ din id-data ma jdgħajjifx l-integrità u l-validità tagħha;

(b) 

avviż ta’ twissija lill-bdot remot meta jinstab xi ksur potenzjali tal-limitazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru; u

(c) 

informazzjoni lill-bdot remot dwar l-istatus tal-UA u avviż ta’ twissija meta s-sistemi tal-pożizzjonament jew tan-navigazzjoni tiegħu ma jkunux jistgħu jiżguraw il-funzjonament xieraq tas-sistema tal-ġeokonsapevolezza;

(14) 

jekk il-UA ikollu funzjoni li tillimita l-aċċess tiegħu għal ċerti żoni jew volumi tal-ispazju tal-ajru, din il-funzjoni għandha topera b’mod li tinteraġixxi bla xkiel mas-sistema tal-kontroll tat-titjir tal-UA mingħajr ma taffettwa ħażin is-sikurezza tat-titjir; barra minn hekk, għandha tingħata informazzjoni ċara lill-bdot remot meta l-funzjoni tagħha tipprevjeni lill-UA milli jidħol f’dawn iż-żoni jew il-volumi tal-ispazju tal-ajru;

(15) 

tagħti twissija ċara lill-bdot remot meta l-batterija tal-UA jew tal-istazzjon tal-kontroll tiegħu jkunu f’livell baxx ħalli l-bdot remot ikollu biżżejjed ħin biex iniżżel il-UA b’mod sikur;

(16) 

tkun mgħammra:

(a) 

bi dwal għall-fini tal-kontrollabbiltà tal-UA; u

(b) 

b’mill-inqas dawl aħdar wieħed li jpetpet għall-fini tal-konspikwità tal-UA billejl ħalli l-persuni fl-art ikunu jistgħu jiddistingwu bejn UA u inġenju tal-ajru bl-ekwipaġġ;

(17) 

jekk tkun mgħammra b’modalità ta’ insegwiment u din il-funzjoni tkun attivata, tkun f’medda li ma taqbiżx il-50 m mill-bdot remot, u tagħmilha possibbli li l-bdot remot jerġa’ jikseb il-kontroll tal-UA;

(18) 

titqiegħed fis-suq bi struzzjonijiet tal-manifattur li jipprovdu:

(a) 

il-karatteristiċi tal-UA, inkluż iżda mhux biss dawn li ġejjin:

— 
il-klassi tal-UA;
— 
il-massa tal-UA (b’deskrizzjoni tal-konfigurazzjoni ta’ referenza) u l-massa massima waqt it-tlugħ (l-MTOM);
— 
il-karatteristiċi ġenerali tat-tagħbijiet utli permessi f’termini ta’ massa, dimensjonijiet, interfaċċi mal-UA u restrizzjonijiet possibbli oħra;
— 
it-tagħmir u s-software għall-kontroll tal-UA mill-bogħod;
— 
il-proċeduri biex in-numru tar-reġistrazzjoni tal-operatur tal-UAS jittella’ fis-sistema tal-identifikazzjoni mill-bogħod;
— 
referenza tal-protokoll ta’ trażmissjoni użat għall-emissjoni tas-sistema tal-identifikazzjoni diretta mill-bogħod;
— 
il-livell tal-potenza akustika; u
— 
deskrizzjoni tal-imġiba tal-UA jekk jintilef il-kollegament tad-data; u l-metodu għall-irkupru tal-kollegament tal-kmand u tal-kontroll tal-UA.

(b) 

struzzjonijiet operazzjonali ċari;

(c) 

proċeduri biex il-limitazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru jittellgħu fil-funzjoni tal-ġeokonsapevolezza;

(d) 

struzzjonijiet għall-manutenzjoni;

(e) 

il-proċeduri tal-individwazzjoni ta’ soluzzjoni;

(f) 

limitazzjonijiet operazzjonali (inkluż iżda mhux biss il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi u l-operazzjonijiet binhar/billejl); u

(g) 

deskrizzjoni xierqa tar-riskji kollha relatati mal-operazzjonijiet tal-UAS;

(19) 

tinkludi notifika ta’ informazzjoni ppubblikata mill-EASA li tipprovdi l-limitazzjonijiet u l-obbligi applikabbli, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947;

(20) 

jekk tkun mgħammra b’sistema ta’ network tal-identifikazzjoni mill-bogħod, din għandha:

(a) 

tippermetti, f’ħin reali waqt id-durata sħiħa tat-titjira, it-trażmissjoni mill-UA bl-użu ta’ protokoll ta’ trażmissjoni miftuħ u dokumentat, ta’ mill-inqas din id-data li ġejja, b’mod li jkunu jistgħu jirċevuha minn network;

in-numru tar-reġistrazzjoni tal-operatur tal-UAS u l-kodiċi ta’ verifika pprovduti mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni waqt il-proċess tar-reġistrazzjoni, sakemm ma tkunx għaddiet il-verifika tal-konsistenza definita fil-punt (a);

ii 

in-numru tas-serje uniku tal-UA konformi mal-punt (11);

iii 

it-timbru tal-ħin, il-pożizzjoni ġeografika tal-UA u l-għoli tiegħu ’l fuq mis-superfiċe jew il-punt tat-tlugħ;

iv 

il-korsa tar-rotta mkejla kif idur l-arloġġ mit-Tramuntana ġeografika u l-veloċità fuq l-art tal-UA;

il-pożizzjoni ġeografika tal-bdot remot jew, jekk ma tkunx disponibbli, il-punt tat-tlugħ; u

vi 

indikazzjoni tal-istatus ta’ emerġenza tal-UAS;

(b) 

tnaqqas l-abbiltà ta’ tbagħbis tal-funzjonalità tas-sistema tal-identifikazzjoni diretta mill-bogħod.

PARTI 3

Rekwiżiti għal Sistema tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAS) tal-klassi C2

UAS tal-klassi C2 ikollha din it-tikketta għall-identifikazzjoni tal-klassi li ġejja fuq il-UA:

image

UAS tal-klassi C2 għandha tikkonforma ma’ dan li ġej:

(1) 

ikollha MTOM ta’ anqas minn 4 kg, inkluż it-tagħbija utli;

(2) 

ikollha għoli massimu li jista’ jinkiseb ’il fuq mill-punt tat-tlugħ limitat għal 120 m jew tkun mgħammra b’sistema li tillimita l-għoli ’l fuq mis-superfiċe jew il-punt tat-tlugħ għal 120 m jew għal valur li jista’ jintgħażel mill-bdot remot. Jekk il-valur ikun jista’ jintgħażel, il-bdot remot għandu jingħata informazzjoni ċara dwar l-għoli tal-UA ’il fuq mis-superfiċe jew il-punt tat-tlugħ waqt it-titjira;

(3) 

tkun kontrollabbli b’mod sikur fir-rigward tal-istabbiltà, tal-manuvrabbiltà u tal-prestazzjoni tal-kollegament tal-kmand u tal-kontroll, minn bdot remot b’kompetenza adegwata kif definit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947 u skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur, kif ikun meħtieġ fil-kundizzjonijiet operazzjonali antiċipati kollha inkluż meta tinqala’ xi ħsara f’sistema waħda jew, jekk xieraq, f’aktar minn waħda;

(4) 

ikollha s-saħħa mekkanika meħtieġa għall-UA, li tinkludi kull fattur tas-sikurezza meħtieġa u, meta xieraq, l-istabbiltà biex tiflaħ għal kull strapazz li tkun soġġetta għalih waqt l-użu mingħajr tkissir jew deformazzjoni li jistgħu jinterferixxu mat-titjir sikur tiegħu;

(5) 

fil-każ ta’ UA marbut, l-irbit ma jkunx itwal minn 50 m u saħħa mekkanika ma tkunx anqas minn:

(a) 

għall-inġenji tal-ajru itqal mill-arja, 10 darbiet tal-piż tal-ajrudina bil-massa massima;

(b) 

għall-inġenji tal-ajru eħfef mill-arja, 4 darbiet tal-forza eżerċitata mill-kombinament tal-imbottatura statika massima u tal-forza ajrudinamika tal-veloċità permessa massima tar-riħ waqt it-titjir;

(6) 

tkun iddisinjata u mibnija b’mod li jiġu minimizzati l-korrimenti tal-persuni waqt it-tħaddim, il-ponot li jaqtgħu tal-UA għandhom ikunu evitati, sakemm ma jkunx teknikament inevitabbli skont prattika tajba tad-disinjar u tal-manifattura; jekk tkun mgħammra bl-iskrejjen, il-UA għandu jiġi ddisinjat b’mod li jillimita kull korriment li jistgħu jikkawżaw il-paletti tal-iskrejjen;

(7) 

sakemm ma tkunx marbuta, jekk jintilef il-kollegament tal-kmand u tal-kontroll, ikollha metodu affidabbli u prevedibbli biex il-UA jirkupra l-kollegament tal-kmand u tal-kontroll jew, jekk dan ifalli, itemm it-titjira b’mod li jnaqqas l-effett fuq il-partijiet terzi fl-ajru jew fuq l-art;

(8) 

sakemm ma tkunx marbuta, tkun mgħammra b’kollegament tal-kmand u tal-kontroll protett mill-aċċess mhux awtorizzat għall-funzjonijiet tal-kmand u tal-kontroll;

(9) 

sakemm ma jkunx UA bi ġwienaħ fissi, ikun mgħammar b’modalità ta’ veloċità baxxa li tista’ tintgħażel mill-bdot remot u tiġi limitata l-veloċità fuq l-art għal mhux aktar minn 3 m/s.

(10) 

sakemm ma jkunx UA bi ġwienaħ fissi, ikollu livell tal-potenza akustika ponderat-A garantit LWA iddeterminat skont il-Parti 13, li ma jaqbiżx il-livelli stabbiliti fil-Parti 15;

(11) 

sakemm ma jkunx UA bi ġwienaħ fissi, ikollu indikazzjoni tal-livell tal-potenza akustika ponderat-A garantit imwaħħla fuq il-UA u/jew fuq l-imballaġġ tiegħu skont il-Parti 14;

(12) 

tkun imħaddma esklussivament bl-elettriku;

(13) 

ikollha numru tas-serje uniku li jkun konformi mal-istandard ANSI/CTA-2063-A-2019, in-Numri tas-Serje tas-Sistemi tal-Ajru Żgħar Mingħajr Bdot Abbord, tal-2019;

(14) 

ikollha sistema għall-identifikazzjoni diretta mill-bogħod li:

(a) 

tippermetti li jittella’ n-numru tar-reġistrazzjoni tal-operatur tal-UAS li hu meħtieġ skont l-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947 u kull numru addizzjonali pprovdut mis-sistema tar-reġistrazzjoni. Is-sistema għandha twettaq verifika tal-konsistenza li tivverifika l-integrità tas-sekwenza kollha mogħtija lill-operatur tal-UAS waqt ir-reġistrazzjoni. F’każ ta’ inkonsistenza, il-UAS għandha tibgħat messaġġ ta’ errur lill-operatur tal-UAS;

(b) 

tiżgura, f’ħin reali waqt id-durata sħiħa tat-titjira, ix-xandir perjodiku dirett mill-UA bl-użu ta’ protokoll ta’ trażmissjoni miftuħ u dokumentat, ta’ mill-inqas din id-data li ġejja, b’mod li jkunu jistgħu jirċevuha apparati mobbli eżistenti fi ħdan il-medda tax-xandir:

in-numru tar-reġistrazzjoni tal-operatur tal-UAS u l-kodiċi ta’ verifika pprovduti mill-Istat Membru waqt il-proċess tar-reġistrazzjoni, sakemm ma tkunx għaddiet il-verifika tal-konsistenza definita fil-punt (a);

ii 

in-numru tas-serje uniku tal-UA konformi mal-punt (13);

iii 

it-timbru tal-ħin, il-pożizzjoni ġeografika tal-UA u l-għoli tiegħu ’l fuq mis-superfiċe jew il-punt tat-tlugħ;

iv 

il-korsa tar-rotta mkejla kif idur l-arloġġ mit-Tramuntana ġeografika u l-veloċità fuq l-art tal-UA;

il-pożizzjoni ġeografika tal-bdot remot jew, jekk ma tkunx disponibbli, il-punt tat-tlugħ; u

vi 

indikazzjoni tal-istatus ta’ emerġenza tal-UAS;

(c) 

tnaqqas l-abbiltà ta’ tbagħbis tal-funzjonalità tas-sistema tal-identifikazzjoni diretta mill-bogħod.

(15) 

tkun mgħammra b’funzjoni ta’ ġeokonsapevolezza li tipprovdi:

(a) 

interfaċċa li tillowdja u taġġorna d-data b’informazzjoni dwar il-limitazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru b’rabta mal-pożizzjoni tal-UA u l-għoli impost miż-żoni ġeografiċi tal-UAS, kif definit bl-Artikolu 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947, li jiżgura li l-proċess tal-lowdjar jew tal-aġġornar ta’ din id-data ma jdgħajjifx l-integrità u l-validità tagħha;

(b) 

avviż ta’ twissija lill-bdot remot meta jinstab xi ksur potenzjali tal-limitazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru; u

(c) 

informazzjoni lill-bdot remot dwar l-istatus tal-UA u avviż ta’ twissija meta s-sistemi tal-pożizzjonament jew tan-navigazzjoni tiegħu ma jkunux jistgħu jiżguraw il-funzjonament xieraq tas-sistema tal-ġeokonsapevolezza;

(16) 

jekk il-UA ikollu funzjoni li tillimita l-aċċess tiegħu għal ċerti żoni jew volumi tal-ispazju tal-ajru, din il-funzjoni għandha topera b’mod li tinteraġixxi bla xkiel mas-sistema tal-kontroll tat-titjir tal-UA mingħajr ma taffettwa ħażin is-sikurezza tat-titjir; barra minn hekk, għandha tingħata informazzjoni ċara lill-bdot remot meta din il-funzjoni tipprevjeni lill-UA milli jidħol f’dawn iż-żoni jew il-volumi tal-ispazju tal-ajru;

(17) 

tagħti twissija ċara lill-bdot remot meta l-batterija tal-UA jew tal-istazzjon tal-kontroll tiegħu jkunu f’livell baxx ħalli l-bdot remot ikollu biżżejjed ħin biex iniżżel il-UA b’mod sikur;

(18) 

tkun mgħammra:

(a) 

bi dwal għall-fini tal-kontrollabbiltà tal-UA; u

(b) 

b’mill-inqas dawl aħdar wieħed li jpetpet għall-fini tal-konspikwità tal-UA billejl ħalli l-persuna fl-art tkun tista’ tiddistingwi bejn UA u inġenju tal-ajru bl-ekwipaġġ;

(19) 

titqiegħed fis-suq bi struzzjonijiet tal-manifattur li jipprovdu:

(a) 

il-karatteristiċi tal-UA, inkluż iżda mhux biss dawn li ġejjin:

— 
il-klassi tal-UA;
— 
il-massa tal-UA (b’deskrizzjoni tal-konfigurazzjoni ta’ referenza) u l-massa massima waqt it-tlugħ (l-MTOM);
— 
il-karatteristiċi ġenerali tat-tagħbijiet utli permessi f’termini ta’ massa, dimensjonijiet, interfaċċi mal-UA u restrizzjonijiet possibbli oħra;
— 
it-tagħmir u s-software għall-kontroll tal-UA mill-bogħod;
— 
il-proċeduri biex in-numru tar-reġistrazzjoni tal-operatur tal-UAS jittella’ fis-sistema tal-identifikazzjoni mill-bogħod
— 
referenza tal-protokoll ta’ trażmissjoni użat għall-emissjoni tas-sistema tal-identifikazzjoni diretta mill-bogħod;
— 
il-livell tal-potenza akustika; u
— 
deskrizzjoni tal-imġiba tal-UA meta jintilef il-kollegament tal-kmand u tal-kontroll, u l-metodu għall-irkupru tal-kollegament tal-kmand u tal-kontroll tal-UA; u

(b) 

struzzjonijiet operazzjonali ċari;

(c) 

il-proċedura biex il-limitazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru jittellgħu fil-funzjoni tal-ġeokonsapevolezza;

(d) 

struzzjonijiet għall-manutenzjoni;

(e) 

il-proċeduri tal-individwazzjoni ta’ soluzzjoni;

(f) 

limitazzjonijiet operazzjonali (inkluż iżda mhux biss il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi u l-operazzjonijiet binhar/billejl); u

(g) 

deskrizzjoni xierqa tar-riskji kollha relatati mal-operazzjonijiet tal-UAS;

(20) 

tinkludi notifika ta’ informazzjoni ppubblikata mill-EASA li tipprovdi l-limitazzjonijiet u l-obbligi applikabbli, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947;

(21) 

jekk tkun mgħammra b’sistema ta’ network tal-identifikazzjoni mill-bogħod, din għandha:

(a) 

tiżgura, f’ħin reali waqt id-durata sħiħa tat-titjira, it-trażmissjoni mill-UA bl-użu ta’ protokoll ta’ trażmissjoni miftuħ u dokumentat, ta’ mill-inqas din id-data li ġejja, b’mod li jkunu jistgħu jirċevuha minn network:

in-numru tar-reġistrazzjoni tal-operatur tal-UAS u l-kodiċi ta’ verifika pprovduti mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni waqt il-proċess tar-reġistrazzjoni, sakemm ma tkunx għaddiet il-verifika tal-konsistenza definita fil-punt 14(a);

ii 

in-numru tas-serje uniku tal-UA konformi mal-punt (13);

iii 

it-timbru tal-ħin, il-pożizzjoni ġeografika tal-UA u l-għoli tiegħu ’l fuq mis-superfiċe jew il-punt tat-tlugħ;

iv 

il-korsa tar-rotta mkejla kif idur l-arloġġ mit-Tramuntana ġeografika u l-veloċità fuq l-art tal-UA;

il-pożizzjoni ġeografika tal-bdot remot jew, jekk ma tkunx disponibbli, il-punt tat-tlugħ; u

vi 

indikazzjoni tal-istatus ta’ emerġenza tal-UAS;

(b) 

tnaqqas l-abbiltà ta’ tbagħbis tal-funzjonalità tas-sistema tal-identifikazzjoni diretta mill-bogħod.

PARTI 4

Rekwiżiti għal Sistema tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAS) tal-klassi C3

UAS tal-klassi C3 ikollha din it-tikketta għall-identifikazzjoni tal-klassi li ġejja fuq il-UA:

image

UAS tal-klassi C3 għandha tikkonforma ma’ dan li ġej:

(1) 

ikollha MTOM ta’ anqas minn 25 kg, inkluż it-tagħbija utli, u jkollha dimensjoni karatteristika massima ta’ inqas minn 3 m;

(2) 

ikollha għoli massimu li jista’ jinkiseb ’il fuq mill-punt tat-tlugħ limitat għal 120 m jew tkun mgħammra b’sistema li tillimita l-għoli ’l fuq mis-superfiċe jew il-punt tat-tlugħ għal 120 m jew għal valur li jista’ jintgħażel mill-bdot remot. Jekk il-valur ikun jista’ jintgħażel, il-bdot remot għandu jingħata informazzjoni ċara dwar l-għoli tal-UA ’il fuq mis-superfiċe jew il-punt tat-tlugħ waqt it-titjira;

(3) 

tkun kontrollabbli b’mod sikur fir-rigward tal-istabbiltà, tal-manuvrabbiltà u tal-prestazzjoni tal-kollegament tal-kmand u tal-kontroll, minn bdot remot b’kompetenza adegwata kif definit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947 u skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur, kif ikun meħtieġ fil-kundizzjonijiet operazzjonali antiċipati kollha inkluż meta tinqala’ xi ħsara f’sistema waħda jew, jekk xieraq, f’aktar minn waħda;

(4) 

fil-każ ta’ UA marbut, l-irbit ma jkunx itwal minn 50 m u saħħa mekkanika ma tkunx anqas minn:

(a) 

għall-inġenji tal-ajru itqal mill-arja, 10 darbiet tal-piż tal-ajrudina bil-massa massima;

(b) 

għall-inġenji tal-ajru eħfef mill-arja, 4 darbiet tal-forza eżerċitata mill-kombinament tal-imbottatura statika massima u tal-forza ajrudinamika tal-veloċità permessa massima tar-riħ fit-titjira;

(5) 

sakemm ma tkunx marbuta, jekk jintilef il-kollegament tal-kmand u tal-kontroll, ikollha metodu affidabbli u prevedibbli biex il-UA jirkupra l-kollegament tal-kmand u tal-kontroll jew, jekk dan ifalli, itemm it-titjira b’mod li jnaqqas l-effett fuq il-partijiet terzi fl-ajru jew fuq l-art;

(6) 

sakemm ma jkunx UA bi ġwienaħ fissi, ikollu indikazzjoni tal-livell tal-potenza akustika ponderat-A garantit LWA iddeterminata skont il-Parti 13 imwaħħla fuq il-UA u/jew fuq l-imballaġġ tiegħu skont il-Parti 14;

(7) 

tkun imħaddma esklussivament bl-elettriku;

(8) 

ikollha numru tas-serje uniku li jkun konformi mal-istandard ANSI/CTA-2063-A-2019, in-Numri tas-Serje tas-Sistemi tal-Ajru Żgħar Mingħajr Bdot Abbord, tal-2019;

(9) 

sakemm ma tkunx marbuta, ikollha sistema diretta għall-identifikazzjoni mill-bogħod li:

(a) 

tippermetti li jittella’ n-numru tar-reġistrazzjoni tal-operatur tal-UAS li hu meħtieġ skont l-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947 u kull numru addizzjonali pprovdut mis-sistema tar-reġistrazzjoni; is-sistema għandha twettaq verifika tal-konsistenza li tivverifika l-integrità tas-sekwenza kollha mogħtija lill-operatur tal-UAS waqt ir-reġistrazzjoni; f’każ ta’ inkonsistenza, il-UAS għandha tibgħat messaġġ ta’ errur lill-operatur tal-UAS;

(b) 

tiżgura, f’ħin reali waqt id-durata sħiħa tat-titjira, ix-xandir perjodiku dirett mill-UA bl-użu ta’ protokoll ta’ trażmissjoni miftuħ u dokumentat, ta’ mill-inqas din id-data li ġejja, b’mod li jkunu jistgħu jirċevuha apparati mobbli eżistenti fi ħdan il-medda tax-xandir:

in-numru tar-reġistrazzjoni tal-operatur tal-UAS u l-kodiċi ta’ verifika pprovduti mill-Istat Membru waqt il-proċess tar-reġistrazzjoni, sakemm ma tkunx għaddiet il-verifika tal-konsistenza definita fil-punt (a);

ii 

in-numru tas-serje uniku tal-UA konformi mal-punt (8);

iii 

it-timbru tal-ħin, il-pożizzjoni ġeografika tal-UA u l-għoli tiegħu ’l fuq mis-superfiċe jew il-punt tat-tlugħ;

iv 

il-korsa tar-rotta mkejla kif idur l-arloġġ mit-Tramuntana ġeografika u l-veloċità fuq l-art tal-UA;

il-pożizzjoni ġeografika tal-bdot remot jew, jekk ma tkunx disponibbli, il-punt tat-tlugħ; u

vi 

indikazzjoni tal-istatus ta’ emerġenza tal-UAS;

(c) 

tnaqqas l-abbiltà ta’ tbagħbis tal-funzjonalità tas-sistema tal-identifikazzjoni diretta mill-bogħod;

(10) 

tkun mgħammra b’funzjoni ta’ ġeokonsapevolezza li tipprovdi:

(a) 

interfaċċa li tillowdja u taġġorna d-data b’informazzjoni dwar il-limitazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru b’rabta mal-pożizzjoni tal-UA u l-għoli impost miż-żoni ġeografiċi tal-UAS, kif definit bl-Artikolu 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947, li jiżgura li l-proċess tal-lowdjar jew tal-aġġornar ta’ din id-data ma jdgħajjifx l-integrità u l-validità tagħha;

(b) 

avviż ta’ twissija lill-bdot remot meta jinstab xi ksur potenzjali tal-limitazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru; u

(c) 

informazzjoni lill-bdot remot dwar l-istatus tal-UA u avviż ta’ twissija meta s-sistemi tal-pożizzjonament jew tan-navigazzjoni tiegħu ma jkunux jistgħu jiżguraw il-funzjonament xieraq tas-sistema tal-ġeokonsapevolezza;

(11) 

jekk il-UA ikollu funzjoni li tillimita l-aċċess tiegħu għal ċerti żoni jew volumi tal-ispazju tal-ajru, din il-funzjoni għandha topera b’mod li tinteraġixxi bla xkiel mas-sistema tal-kontroll tat-titjir tal-UA mingħajr ma taffettwa ħażin is-sikurezza tat-titjir; barra minn hekk, għandha tingħata informazzjoni ċara lill-bdot remot meta din il-funzjoni tipprevjeni lill-UA milli jidħol f’dawn iż-żoni jew il-volumi tal-ispazju tal-ajru;

(12) 

sakemm ma tkunx marbuta, tkun mgħammra b’kollegament tal-kmand u tal-kontroll protett mill-aċċess mhux awtorizzat għall-funzjonijiet tal-kmand u tal-kontroll;

(13) 

tagħti twissija ċara lill-bdot remot meta l-batterija tal-UA jew tal-istazzjon tal-kontroll tiegħu jkunu f’livell baxx biex il-bdot remot ikollu biżżejjed ħin biex iniżżel il-UA b’mod sikur;

(14) 

tkun mgħammra:

(a) 

bi dwal għall-fini tal-kontrollabbiltà tal-UA; u

(b) 

b’mill-inqas dawl aħdar wieħed li jpetpet għall-fini tal-konspikwità tal-UA billejl ħalli l-persuna fl-art tkun tista’ tiddistingwi bejn UA u inġenju tal-ajru bl-ekwipaġġ;

(15) 

titqiegħed fis-suq bi struzzjonijiet tal-manifattur li jipprovdu:

(a) 

il-karatteristiċi tal-UA, inkluż iżda mhux biss dawn li ġejjin:

— 
il-klassi tal-UA;
— 
il-massa tal-UA (b’deskrizzjoni tal-konfigurazzjoni ta’ referenza) u l-massa massima waqt it-tlugħ (l-MTOM);
— 
il-karatteristiċi ġenerali tat-tagħbijiet utli permessi f’termini ta’ massa, dimensjonijiet, interfaċċi mal-UA u restrizzjonijiet possibbli oħra;
— 
it-tagħmir u s-software għall-kontroll tal-UA mill-bogħod;
— 
il-proċeduri biex in-numru tar-reġistrazzjoni tal-operatur tal-UAS jittella’ fis-sistema tal-identifikazzjoni mill-bogħod;
— 
referenza tal-protokoll ta’ trażmissjoni użat għall-emissjoni tas-sistema tal-identifikazzjoni diretta mill-bogħod;
— 
il-livell tal-potenza akustika;
— 
deskrizzjoni tal-imġiba tal-UA meta jintilef il-kollegament tal-kmand u tal-kontroll, u l-metodu għall-irkupru tal-kollegament tal-kmand u tal-kontroll tal-UA.
(b) 

struzzjonijiet operazzjonali ċari;

(c) 

il-proċedura biex il-limitazzjonijiet tal-ispazju tal-ajru jittellgħu fil-funzjoni tal-ġeokonsapevolezza;

(d) 

struzzjonijiet għall-manutenzjoni;

(e) 

il-proċeduri tal-individwazzjoni ta’ soluzzjoni;

(f) 

limitazzjonijiet operazzjonali (inkluż iżda mhux biss il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi u l-operazzjonijiet binhar/billejl); u

(g) 

deskrizzjoni xierqa tar-riskji kollha relatati mal-operazzjonijiet tal-UAS;

(16) 

tinkludi notifika ta’ informazzjoni ppubblikata mill-EASA li tipprovdi l-limitazzjonijiet u l-obbligi applikabbli, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947;

(17) 

jekk tkun mgħammra b’sistema ta’ network tal-identifikazzjoni mill-bogħod, din għandha:

(a) 

tiżgura, f’ħin reali waqt id-durata sħiħa tat-titjira, it-trażmissjoni mill-UA bl-użu ta’ protokoll ta’ trażmissjoni miftuħ u dokumentat, ta’ mill-inqas din id-data li ġejja, b’mod li jkunu jistgħu jirċevuha minn network:

i. 

in-numru tar-reġistrazzjoni tal-operatur tal-UAS u l-kodiċi ta’ verifika pprovduti mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni waqt il-proċess tar-reġistrazzjoni, sakemm ma tkunx għaddiet il-verifika tal-konsistenza definita fil-punt 9(a);

ii. 

in-numru tas-serje uniku tal-UA konformi mal-punt (8);

iii. 

it-timbru tal-ħin, il-pożizzjoni ġeografika tal-UA u l-għoli tiegħu ’l fuq mis-superfiċe jew il-punt tat-tlugħ;

iv. 

il-korsa tar-rotta mkejla kif idur l-arloġġ mit-Tramuntana ġeografika u l-veloċità fuq l-art tal-UA;

v. 

il-pożizzjoni ġeografika tal-bdot remot jew, jekk ma tkunx disponibbli, il-punt tat-tlugħ; u

vi. 

indikazzjoni tal-istatus ta’ emerġenza tal-UAS;

(b) 

tnaqqas l-abbiltà ta’ tbagħbis tal-funzjonalità tas-sistema tal-identifikazzjoni diretta mill-bogħod.

PARTI 5

Rekwiżiti għal Sistema tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAS) tal-klassi C4

UAS tal-klassi C4 ikollha din it-tikketta li ġejja fuq il-UA b’mod viżibbli:

image

UAS tal-klassi C4 għandha tikkonforma ma’ dan li ġej:

(1) 

ikollha MTOM ta’ anqas minn 25 kg, inkluż it-tagħbija utli;

(2) 

tkun kontrollabbli u manuvrabbli b’mod sikur minn bdot remot li jsegwi l-istruzzjonijiet tal-manifattur, kif ikun meħtieġ fil-kundizzjonijiet operazzjonali antiċipati kollha inkluż meta tfalli xi sistema waħda jew, jekk xieraq, aktar minn waħda;

(3) 

ma jkollhiex modalitajiet tal-kontroll awtomatiku ħlief għall-assistenza tal-istabbilizzazzjoni tat-titjir bl-ebda effett dirett fuq it-trajettorja u l-assistenza meta jintilef kollegament diment li jkun hemm disponibbli pożizzjoni fissa predeterminata tal-kontrolli tat-titjir meta l-kollegament mitluf ikun disponibbli;

(4) 

titqiegħed fis-suq bi struzzjonijiet tal-manifattur li jipprovdu:

(a) 

il-karatteristiċi tal-UA, inkluż iżda mhux biss dawn li ġejjin:

— 
il-klassi tal-UA
— 
il-massa tal-UA (b’deskrizzjoni tal-konfigurazzjoni ta’ referenza) u l-massa massima waqt it-tlugħ (l-MTOM);
— 
il-karatteristiċi ġenerali tat-tagħbijiet utli permessi f’termini ta’ massa, dimensjonijiet, interfaċċi mal-UA u restrizzjonijiet possibbli oħra;
— 
it-tagħmir u s-software għall-kontroll tal-UA mill-bogħod; u
— 
deskrizzjoni tal-imġiba tal-UA meta jintilef il-kollegament tal-kmand u tal-kontroll;
(b) 

struzzjonijiet operazzjonali ċari;

(c) 

struzzjonijiet għall-manutenzjoni;

(d) 

il-proċeduri tal-individwazzjoni ta’ soluzzjoni;

(e) 

limitazzjonijiet operazzjonali (inkluż iżda mhux biss il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi u l-operazzjonijiet binhar/billejl); u

(f) 

deskrizzjoni xierqa tar-riskji kollha relatati mal-operazzjonijiet tal-UAS;

(5) 

tinkludi notifika ta’ informazzjoni ppubblikata mill-EASA li tipprovdi l-limitazzjonijiet u l-obbligi applikabbli, skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947.

PARTI 6

Rekwiżiti għal aċċessorju supplimentari tal-identifikazzjoni diretta mill-bogħod

Aċċessorju supplimentari għall-identifikazzjoni diretta mill-bogħod għandu jikkonforma ma’ dawn li ġejjin:

(1) 

jippermetti li jittella’ n-numru tar-reġistrazzjoni tal-operatur tal-UAS li hu meħtieġ skont l-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/947 u kull numru addizzjonali pprovdut mis-sistema tar-reġistrazzjoni; is-sistema għandha twettaq verifika tal-konsistenza li tivverifika l-integrità tas-sekwenza kollha mogħtija lill-operatur tal-UAS waqt ir-reġistrazzjoni; f’każ ta’ inkonsistenza, il-UAS għandha tibgħat messaġġ ta’ errur lill-operatur tal-UAS;

(2) 

ikollu numru tas-serje uniku li jkun konformi mal-istandard ANSI/CTA-2063-A-2019, in-Numri tas-Serje tas-Sistemi tal-Ajru Żgħar Mingħajr Bdot Abbord, tal-2019, imwaħħal mal-aċċessorju supplimentari u mal-imballaġġ tiegħu jew fl-istruzzjonijiet tal-manifattur b’mod li jinqara;

(3) 

jiżgura, f’ħin reali waqt id-durata sħiħa tat-titjira, ix-xandir perjodiku dirett mill-UA bl-użu ta’ protokoll ta’ trażmissjoni miftuħ u dokumentat, ta’ mill-inqas din id-data li ġejja, b’mod li jkunu jistgħu jirċevuha apparati mobbli eżistenti fi ħdan il-medda tax-xandir:

in-numru tar-reġistrazzjoni tal-operatur tal-UAS u l-kodiċi ta’ verifika pprovduti mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni waqt il-proċess tar-reġistrazzjoni, sakemm ma tkunx għaddiet il-verifika tal-konsistenza definita fil-punt (a);

ii 

in-numru tas-serje uniku tal-aċċessorju supplimentari konformi mal-punt (2);

iii 

it-timbru tal-ħin, il-pożizzjoni ġeografika tal-UA u l-għoli tiegħu ’l fuq mis-superfiċe jew il-punt tat-tlugħ;

iv 

il-korsa tar-rotta mkejla kif idur l-arloġġ mit-Tramuntana ġeografika u l-veloċità fuq l-art tal-UA; u

il-pożizzjoni ġeografika tal-bdot remot jew, jekk ma tkunx disponibbli, il-punt tat-tlugħ;

(4) 

inaqqas l-abbiltà ta’ tbagħbis tal-funzjonalità tas-sistema tal-identifikazzjoni diretta mill-bogħod; u

(5) 

jitqiegħed fis-suq bi struzzjonijiet tal-manifattur li jagħtu r-referenza tal-protokoll tat-trażmissjoni użat għall-emissjoni tal-identifikazzjoni diretta mill-bogħod u l-istruzzjoni biex:

(a) 

il-modulu jiġi installat fuq il-UA; u

(b) 

jittella’ n-numru tar-reġistrazzjoni tal-operatur tal-UAS.

PARTI 7

Il-Modulu A tal-valutazzjoni tal-konformità – Kontroll intern tal-produzzjoni

1. Il-kontroll intern tal-produzzjoni hu l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li biha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2, 3, u 4 ta’ din il-Parti, u jiżgura u jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu, li l-prodotti kkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Partijiet 1, 5, 6, 16 jew 17 li japplikaw għalihom.

2. Dokumentazzjoni teknika

Il-manifattur għandu jiżviluppa d-dokumentazzjoni teknika skont l-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament.

3.  Il-manifattura

Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri meħtieġa kollha biex il-proċess tal-manifattura u l-monitoraġġ tiegħu jiżguraw li l-prodott manifatturat jikkonforma mad-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 2 ta’ din il-Parti u mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Partijiet 1, 5, 6, 16 jew 17 li japplikaw għalihom.

4.  L-immarkar CE u d-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE

(1) 

Skont l-Artikoli 15 u 16 ta’ dan ir-Regolament, il-manifattur għandu jwaħħal il-marka CE u, meta applikabbli, it-tikketta għall-identifikazzjoni tal-klassi tal-UA, fuq kull prodott individwali li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fil-Partijiet 1, 5, 6, 16 jew 17 li japplikaw għalihom.

(2) 

Il-manifattur għandu jagħmel dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE bil-miktub għal kull mudell ta’ prodott u jehmiżha mad-dokumentazzjoni teknika, għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal għaxar (10) snin minn meta l-prodott jitqiegħed fis-suq. Id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għandha tidentifika biċ-ċar il-prodott li għalih tkun tfasslet.

Kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għandha tingħata lill-awtoritajiet rilevanti meta tintalab.

5. Rappreżentant awtorizzat

L-obbligi tal-manifattur stabbiliti fil-punt 4 jista’ jissodisfahom rappreżentant awtorizzat, f’ismu u fir-responsabbiltà tiegħu, diment li dawn ikunu speċifikati fil-mandat.

PARTI 8

Il-Moduli B u C tal-valutazzjoni tal-konformità – Eżami tat-tip tal-UE u konformità mat-tip abbażi tal-kontroll intern tal-produzzjoni

Meta ssir referenza għal din il-Parti, il-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità għandha ssegwi l-Moduli B (l-eżami tat-tip tal-UE) u C (il-konformità mat-tip abbażi tal-kontroll intern tal-produzzjoni) ta’ din il-Parti.

Il-Modulu B

L-eżami tat-tip tal-UE

1. L-eżami tat-tip tal-UE hu l-parti minn proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li matulha korp notifikat jeżamina d-disinn tekniku tal-prodott u jivverifika u jixhed li d-disinn tekniku tal-prodott jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fil-Partijiet 1 sa 6, 16 u 17.

2. L-eżami tat-tip tal-UE għandu jsir b’valutazzjoni tal-adegwatezza tad-disinn tekniku tal-prodott b’eżami tad-dokumentazzjoni teknika u tal-evidenza ta’ sostenn imsemmija fil-punt 3, flimkien ma’ eżami tal-eżemplari, rappreżentattivi tal-produzzjoni prevista, ta’ parti waħda kritika jew aktar tal-prodott (kombinament tat-tip tal-produzzjoni u tat-tip tad-disinn).

3. Il-manifattur għandu jippreżenta applikazzjoni għal eżami tat-tip tal-UE lil korp notifikat wieħed tal-għażla tiegħu.

L-applikazzjoni għandha tinkludi:

(1) 

l-isem u l-indirizz tal-manifattur u, jekk l-applikazzjoni jippreżentaha r-rappreżentant awtorizzat, l-isem u l-indirizz tiegħu wkoll;

(2) 

dikjarazzjoni bil-miktub li l-istess applikazzjoni ma ġietx ippreżentata ma’ xi korp notifikat ieħor;

(3) 

id-dokumentazzjoni teknika; id-dokumentazzjoni teknika għandha tippermetti li ssir valutazzjoni tal-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament u għandha tinkludi analiżi u valutazzjoni xierqa tar-riskju/i; id-dokumentazzjoni teknika għandu jkun fiha l-elementi stabbiliti fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament, kull fejn applikabbli;

(4) 

l-eżemplari rappreżentattivi tal-produzzjoni prevista; il-korp notifikat jista’ jitlob aktar eżemplari jekk ikunu meħtieġa għat-twettiq tal-programm tat-test;

(5) 

l-evidenza ta’ sostenn tal-adegwatezza tas-soluzzjoni tad-disinn tekniku; din l-evidenza ta’ sostenn għandha ssemmi kull dokument użat, b’mod partikolari fejn l-istandards armonizzati rilevanti u/jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma jkunux ġew applikati jew ma jkunux ġew applikati għalkollox; l-evidenza ta’ sostenn għandha tinkludi, meta meħtieġ, ir-riżultati tat-testijiet imwettqa f’konformità ma’ speċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti oħra mil-laboratorju xieraq tal-manifattur jew minn laboratorju tal-ittestjar ieħor f’ismu u fir-responsabbiltà tiegħu.

4. Il-korp notifikat għandu:

Għall-prodott:

(1) 

jeżamina d-dokumentazzjoni teknika u l-evidenza ta’ sostenn biex jevalwa l-adegwatezza tad-disinn tekniku tal-prodott.

Għall-eżemplari:

(2) 

jivverifika li l-eżemplari ġew manifatturati f’konformità mad-dokumentazzjoni teknika, u jidentifika l-elementi li tfasslu skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-istandards armonizzati rilevanti u/jew tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, kif ukoll l-elementi li tfasslu mingħajr l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawk l-istandards;

(3) 

jagħmel l-eżamijiet u t-testijiet xierqa, jew iqabbad lil min jagħmilhom, biex jivverifika jekk, meta l-manifattur għażel li japplika s-soluzzjonijiet fl-istandards armonizzati rilevanti u/jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, dawn ġewx applikati sew;

(4) 

jagħmel l-eżamijiet u t-testijiet adegwati, jew iqabbad lil min jagħmilhom, biex jivverifika jekk, meta jiġux applikati s-soluzzjonijiet fl-istandards armonizzati rilevanti u/jew fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, is-soluzzjonijiet adottati mill-manifattur jissodisfawx ir-rekwiżiti essenzjali korrispondenti tal-istrument leġiżlattiv;

(5) 

jagħmel ftehim mal-manifattur dwar il-post fejn se jsiru l-eżamijiet u t-testijiet.

5. Il-korp notifikat għandu jfassal rapport ta’ evalwazzjoni li jirreġistra l-attivitajiet li jkunu saru skont il-punt 4 u l-eżiti tagħhom. Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tiegħu previsti fil-punt 8, il-korp notifikat għandu joħroġ il-kontenut ta’ dan ir-rapport, kollu kemm hu jew parti minnu, biss bi qbil mal-manifattur.

6. Meta t-tip ikun jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, il-korp notifikat għandu joħroġ ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE lill-manifattur. Dan iċ-ċertifikat għandu jinkludi l-isem u l-indirizz tal-manifattur, il-konklużjonijiet tal-eżami, l-aspetti rilevanti tar-rekwiżiti koperti mill-eżami, il-kundizzjonijiet (jekk hemm) għall-validità tiegħu, u d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tat-tip approvat. Maċ-ċertifikat jista’ jinhemeż anness wieħed jew aktar.

Iċ-ċertifikat tal-UE u l-annessi tiegħu għandhom jinkludu l-informazzjoni rilevanti kollha biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-konformità tal-prodotti manifatturati mat-tip eżaminat u biex ikun hemm lok għal kontroll fis-servizz.

Meta t-tip ma jkunx jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament, il-korp notifikat għandu jirrifjuta li joħroġ ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u għandu jinforma lill-applikant b’dan u jagħtih raġunijiet dettaljati għar-rifjut tiegħu.

7. Il-korp notifikat għandu jibqa’ aġġornat dwar kull żvilupp fl-aqwa avvanzi rikonoxxuti ġeneralment li jkun jindika li t-tip approvat jaf ma jibqax jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament, u għandu jiddetermina jekk dan l-iżvilupp jeħtieġx aktar investigazzjoni. Jekk dan ikun il-każ, il-korp notifikat għandu jinforma lill-manifattur b’dan.

Il-manifattur għandu jinforma lill-korp notifikat li għandu d-dokumentazzjoni teknika relatata maċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE, bil-bidliet kollha fit-tip approvat li jaf jaffettwaw il-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti essenzjali ta’ dan ir-Regolament jew mal-kundizzjonijiet għall-validità taċ-ċertifikat. Dawn il-bidliet għandhom jeżiġu approvazzjoni addizzjonali u jinhemżu maċ-ċertifikat oriġinali tal-eżami tat-tip tal-UE.

8. Kull korp notifikat għandu jinforma lill-awtorità ta’ notifika tiegħu dwar iċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE u/jew kull żieda magħhom li dan ikun ħareġ jew irtira u, b’mod perjodiku jew meta jintalab, għandu jagħmel disponibbli għall-awtorità ta’ notifika tiegħu l-lista taċ-ċertifikati u/jew ta’ kull żieda magħhom li ġew rifjutati, sospiżi jew inkella ristretti.

Kull korp notifikat għandu jinforma lill-korpi notifikati l-oħra dwar iċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE u/jew kull żieda magħhom, li dan ikun irrifjuta, irtira, issospenda jew inkella rrestrinġa u, meta jintalab, dwar iċ-ċertifikati u/jew iż-żidiet magħhom li jkun ħareġ.

Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-korpi notifikati l-oħra jistgħu, meta jitolbuha, jiksbu kopja taċ-ċertifikati tal-eżami tat-tip tal-UE u/jew taż-żidiet magħhom. Meta jagħmlu talba motivata, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jiksbu kopja tad-dokumentazzjoni teknika u tar-riżultati tal-eżamijiet li għamel il-korp notifikat.

Il-korp notifikat għandu jżomm kopja taċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE, tal-annessi u taż-żidiet miegħu, kif ukoll il-fajl tekniku li jinkludi d-dokumentazzjoni li ppreżenta l-manifattur għal għaxar (10) snin minn meta jkun ġie vvalutat il-prodott jew sakemm tiskadi l-validità taċ-ċertifikat.

9. Il-manifattur għandu jżomm kopja taċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE, tal-annessi u taż-żidiet miegħu, flimkien mad-dokumentazzjoni teknika għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali għal għaxar (10) snin minn meta l-prodott jitqiegħed fis-suq.

10. Ir-rappreżentant awtorizzat tal-manifattur jista’ jippreżenta l-applikazzjoni msemmija fil-punt 3 u jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 7 u 9, diment li dawn ikunu speċifikati fil-mandat.

Il-Modulu C

Il-konformità mat-tip abbażi tal-kontroll intern tal-produzzjoni

1. Il-konformità mat-tip abbażi tal-kontroll intern tal-produzzjoni hi l-parti mill-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li biha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-punti 2 u 3, u jiżgura u jiddikjara li l-prodotti kkonċernati huma konformi mat-tip deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament.

2. Il-manifattura

Il-manifattur għandu jieħu l-miżuri meħtieġa kollha biex il-proċess tal-manifattura u l-monitoraġġ tiegħu jiżguraw il-konformità tal-prodott manifatturat mat-tip approvat, kif deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE, u mar-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fil-Partijiet 1 sa 6, 16 u 17.

3. L-immarkar CE u d-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE

(1) 

Il-manifattur għandu jwaħħal il-marka CE u, meta rilevanti, it-tikketta għall-identifikazzjoni tal-klassi tal-UA skont l-Artikoli 15 u 16 ta’ dan ir-Regolament fuq kull prodott li jkun konformi mat-tip deskritt fiċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fil-Partijiet 1 sa 6, 16 u 17.

(2) 

Il-manifattur għandu jagħmel dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE bil-miktub għal kull tip ta’ prodott u jżommha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, għal perjodu ta’ għaxar (10) snin minn meta l-prodott jitqiegħed fis-suq. Id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għandha tidentifika b’mod ċar it-tip ta’ prodott li għalih tkun tfasslet.

Kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għandha tingħata lill-awtoritajiet rilevanti meta tintalab.

4. Ir-rappreżentant awtorizzat

L-obbligi tal-manifattur stabbiliti fil-punt 3 jista’ jissodisfahom ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f’ismu u fir-responsabbiltà tiegħu, diment li dawn ikunu speċifikati fil-mandat.

PARTI 9

Il-Modulu H – Valutazzjoni tal-Konformità – Konformità bbażata fuq assigurazzjoni sħiħa tal-kwalità

1. Il-konformità bbażata fuq assigurazzjoni sħiħa tal-kwalità hi l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità li biha l-manifattur jissodisfa l-obbligi stabbiliti fil-paragrafi 2 u 5, u jiżgura u jiddikjara fir-responsabbiltà unika tiegħu li l-prodott ikkonċernat jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli stabbiliti fil-Partijiet 1 sa 6, 16 u 17.

2. Il-manifattura

Il-manifattur għandu jħaddem sistema tal-kwalità approvata għad-disinn, il-manifattura, l-ispezzjoni finali u l-ittestjar tal-prodott ikkonċernat kif speċifikat fil-punt 3 u għandu jkun soġġett għas-sorveljanza kif speċifikat fil-punt 4.

3. Is-sistema tal-kwalità

(1) 

Il-manifattur għandu jippreżenta applikazzjoni għall-valutazzjoni tas-sistema tal-kwalità tiegħu lill-korp notifikat tal-għażla tiegħu għall-prodott ikkonċernat.

L-applikazzjoni għandha tinkludi:

(a) 

l-isem u l-indirizz tal-manifattur u, jekk l-applikazzjoni jippreżentaha r-rappreżentant awtorizzat, l-isem u l-indirizz tiegħu wkoll;

(b) 

id-dokumentazzjoni teknika għal kull tip ta’ prodott previst li jiġi manifatturat, li jkun fiha l-elementi stabbiliti fil-Parti 10 meta applikabbli;

(c) 

id-dokumentazzjoni dwar is-sistema tal-kwalità;

(d) 

dikjarazzjoni bil-miktub li l-istess applikazzjoni ma ġietx ippreżentata ma’ xi korp notifikat ieħor.

(2) 

Is-sistema tal-kwalità għandha tiżgura l-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

L-elementi, ir-rekwiżiti u d-dispożizzjonijiet kollha adottati mill-manifattur għandhom jiġu dokumentati b’mod sistematiku u b’mod ordnat bil-għamla ta’ dikjarazzjonijiet ta’ politika, proċeduri u struzzjonijiet miktuba. Din id-dokumentazzjoni ta’ sistema tal-kwalità għandha tippermetti interpretazzjoni konsistenti tal-programmi, tal-pjanijiet, tal-manwali u tar-rekords tal-kwalità.

Id-dokumentazzjoni għandha tinkludi, b’mod partikolari, deskrizzjoni adegwata ta’:

(a) 

l-objettivi tal-kwalità u l-istruttura organizzattiva, ir-responsabbiltajiet u s-setgħat tal-maniġment fir-rigward tat-tfassil u l-kwalità tal-prodott;

(b) 

l-ispeċifikazzjonijiet tad-disinn tekniku, inkluż l-istandards, li se jiġu applikati, u meta l-istandards armonizzati rilevanti mhux se jiġu applikati għalkollox, il-mezzi li se jintużaw biex ikun żgurat li se jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament;

(c) 

it-tekniki tal-kontroll tad-disinn u tal-verifika tad-disinn, il-proċessi u l-azzjonijiet sistematiċi li se jintużaw waqt it-tfassil tal-prodotti li jappartjenu għat-tip ta’ prodott kopert;

(d) 

il-manifattura korrispondenti, it-tekniki tal-kontroll tal-kwalità u tal-assigurazzjoni tal-kwalità, il-proċessi u l-azzjonijiet sistematiċi li se jintużaw;

(e) 

l-eżamijiet u t-testijiet li se jsiru qabel, waqt u wara l-manifattura, u l-frekwenza tagħhom;

(f) 

ir-reġistri tal-kwalità, bħar-rapporti tal-ispezzjonijiet u d-data tat-testijiet, data dwar il-kalibrazzjoni, rapporti dwar il-kwalifiki jew l-approvazzjonijiet tal-persuni kkonċernati, eċċ.;

(g) 

il-mezz li jimmonitorja li qed tinkiseb il-kwalità meħtieġa tad-disinn u tal-prodott, u t-tħaddim effettiv tas-sistema tal-kwalità.

(3) 

Il-korp notifikat għandu jivvaluta s-sistema tal-kwalità biex jiddetermina jekk din tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-punt 3(2).

Għandu jassumi l-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti fir-rigward tal-elementi tas-sistema tal-kwalità li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti tal-istandard armonizzat rilevanti.

Minbarra esperjenza fis-sistemi tal-ġestjoni tal-kwalità, it-tim tal-awditjar għandu jkollu mill-anqas membru wieħed esperjenzat bħala assessur fil-qasam tal-prodott rilevanti u fit-teknoloġija tal-prodott ikkonċernat, u li jkollu għarfien fir-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament. L-awditjar għandu jinkludi żjara ta’ valutazzjoni fil-post tal-manifattur. It-tim tal-awditjar għandu jeżamina d-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 3(1)(b) biex jivverifika l-abbiltà tal-manifattur li jidentifika r-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament u biex jagħmel l-eżamijiet meħtieġa ħalli jiżgura l-konformità tal-prodott ma’ dawn ir-rekwiżiti.

Il-manifattur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandu jiġi notifikat bid-deċiżjoni.

In-notifika għandha tinkludi l-konklużjonijiet tal-awditjar u d-deċiżjoni motivata tal-valutazzjoni.

(4) 

Il-manifattur għandu jimpenja ruħu li jwettaq l-obbligi li timponi s-sistema tal-kwalità kif approvata u jmantniha biex din tibqa’ adegwata u effiċjenti.

Il-manifattur għandu jinforma lill-korp notifikat li approva s-sistema tal-kwalità dwar kull bidla intiża fis-sistema tal-kwalità.

(5) 

Il-korp notifikat għandu jevalwa kull bidla proposta u jiddeċiedi jekk is-sistema tal-kwalità modifikata għadhiex tissodisfa r-rekwiżiti msemmija fil-punt 3(2) jew jekk hemmx bżonn valutazzjoni ġdida.

Il-korp notifikat għandu jinnotifika lill-manifattur bid-deċiżjoni tiegħu. In-notifika għandha tinkludi l-konklużjonijiet tal-eżami u d-deċiżjoni motivata tal-valutazzjoni.

4. Is-sorveljanza li hu responsabbli għaliha l-korp notifikat

(1) 

Is-sorveljanza ssir bl-iskop li tiżgura li l-manifattur jissodisfa kif xieraq l-obbligi li timponi s-sistema tal-kwalità approvata.

(2) 

Għall-finijiet tal-valutazzjoni, il-manifattur għandu jagħti aċċess lill-korp notifikat għas-siti tad-disinn, tal-manifattura, tal-ispezzjoni, tal-ittestjar u tal-ħażna, u għandu jagħtih kull informazzjoni meħtieġa, b’mod partikolari:

(a) 

id-dokumentazzjoni tas-sistema tal-kwalità;

(b) 

ir-reġistri tal-kwalità kif previsti mill-parti tad-disinn tas-sistema tal-kwalità, fosthom ir-riżultati ta’ analiżijiet, kalkoli, testijiet eċċ.;

(c) 

ir-reġistri tal-kwalità kif previsti mill-parti tal-manifattura tas-sistema tal-kwalità, bħar-rapporti tal-ispezzjonijiet u d-data tat-testijiet, data dwar il-kalibrazzjoni, rapporti dwar il-kwalifiki tal-persunal, eċċ.

(3) 

Il-korp notifikat għandu jwettaq awditjar perjodiku biex jiżgura li l-manifattur imantni u japplika s-sistema tal-kwalità u għandu jipprovdi rapport tal-awditjar lill-manifattur.

(4) 

Barra minn hekk, il-korp notifikat jista’ jagħmel żjarat għal għarrieda lill-manifattur. Waqt dawn iż-żjarat u meta meħtieġ, il-korp notifikat jista’ jagħmel jew iqabbad lil min jagħmillu testijiet fuq il-UA jew il-UAS, biex jivverifika li s-sistema tal-kwalità qed taħdem sew. Għandu jagħti rapport taż-żjara lill-manifattur u, jekk ikunu saru xi testijiet, jagħtih rapport tat-testijiet.

5. L-immarkar CE u d-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE

(1) 

Il-manifattur għandu jwaħħal il-marka CE u, meta rilevanti, it-tikketta għall-identifikazzjoni tal-klassi tal-UAS skont l-Artikoli 15 u 16 ta’ dan ir-Regolament u, bir-responsabbiltà tal-korp notifikat imsemmi fil-punt 3(1) ta’ din il-Parti, in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar ma’ kull prodott individwali li jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli ta’ dan ir-Regolament.

(2) 

Il-manifattur għandu jagħmel dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE bil-miktub għal kull tip ta’ prodott u jżommha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, għal perjodu ta’ għaxar (10) snin minn meta l-prodott jitqiegħed fis-suq. Id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għandha tidentifika it-tip ta’ prodott li għalih tkun tfasslet.

Kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE għandha tingħata lill-awtoritajiet rilevanti meta tintalab.

6. Għal perjodu li jintemm għaxar (10) snin wara li l-prodott ikun tqiegħed fis-suq, il-manifattur għandu jżomm għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali:

(1) 

id-dokumentazzjoni teknika msemmija fil-punt 3(1);

(2) 

id-dokumentazzjoni dwar is-sistema tal-kwalità msemmija fil-punt 3(1);

(3) 

il-bidliet imsemmija fil-punt 3(5), kif approvati;

(4) 

id-deċiżjonijiet u r-rapporti tal-korp notifikat imsemmija fil-punti 3(5), 4(3) u 4(4).

7. Kull korp notifikat għandu jinforma lill-awtorità ta’ notifika tiegħu dwar l-approvazzjonijiet tas-sistema tal-kwalità li dan ikun ħareġ jew irtira u, b’mod perjodiku jew meta jintalab, għandu jagħmel disponibbli għall-awtorità ta’ notifika tiegħu l-lista tal-approvazzjonijiet tas-sistema tal-kwalità li ġew rifjutati, sospiżi jew inkella ristretti.

Kull korp notifikat għandu jinforma lill-korpi notifikati l-oħra dwar l-approvazzjonijiet tas-sistema tal-kwalità li dan ikun irrifjuta, issospenda jew irtira u, meta jintalab, dwar l-approvazzjonijiet tas-sistema tal-kwalità li jkun ħareġ.

8. Ir-rappreżentant awtorizzat

L-obbligi tal-manifattur stabbiliti fil-punti 3(1), 3(5), 5 u 6 jista’ jissodisfahom ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu, f’ismu u fir-responsabbiltà tiegħu, diment li dawn ikunu speċifikati fil-mandat.

PARTI 10

Il-kontenut tad-dokumentazzjoni teknika

Il-manifattur għandu jistabbilixxi d-dokumentazzjoni teknika. Id-dokumentazzjoni għandha tippermetti l-valutazzjoni tal-konformità tal-prodott mar-rekwiżiti applikabbli.

Meta applikabbli, id-dokumentazzjoni teknika għandha tinkludi mill-anqas l-elementi li ġejjin:

1. 

deskrizzjoni sħiħa tal-prodott li tinkludi:

(a) 

ritratti jew tpinġijiet li juru l-karatteristiċi esterni, il-marki u t-tifsila interna tiegħu;

(b) 

il-verżjonijiet ta’ kull software jew firmware involut fil-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti minn dan ir-Regolament;

(c) 

l-istruzzjonijiet tal-manifattur u tal-installazzjoni;

2. 

id-disinn kunċettwali u d-disinji tal-manifattura u l-iskemi tal-komponenti, is-subassemblaġġi, iċ-ċirkwiti u elementi simili rilevanti oħra;

3. 

deskrizzjonijiet u spjegazzjonijiet meħtieġa biex jinftiehmu dawk id-disinji u l-iskemi, u kif jaħdem il-prodott;

4. 

lista tal-istandards armonizzati applikati bis-sħiħ jew parzjalment, li r-referenzi tagħhom ġew pubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u, meta dawk l-istandards armonizzati ma jkunux ġew applikati, deskrizzjonijiet tas-soluzzjonijiet adottati biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikolu 4, inkluż lista ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti oħra applikati. Jekk l-istandards armonizzati ikunu ġew applikati parzjalment, id-dokumentazzjoni teknika għandha tispeċifika f’liema partijiet ġew applikati;

5. 

kopja tad-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE;

6. 

meta jkun ġie applikat il-Modulu tal-valutazzjoni tal-konformità fil-Parti 8, kopja taċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip tal-UE u l-annessi tiegħu kif imwassla mill-korp notifikat involut;

7. 

ir-riżultati tal-kalkoli tad-disinn li jkunu saru, l-eżamijiet li twettqu, u elementi simili rilevanti oħra;

8. 

ir-rapporti tat-testijiet;

9. 

kopji tad-dokumenti li l-manifattur ikun ippreżenta lill-korp notifikat, jekk kien hemm xi wieħed involut;

10. 

l-evidenza ta’ sostenn tal-adegwatezza tas-soluzzjoni tad-disinn tekniku. Din l-evidenza ta’ sostenn għandha ssemmi kull dokument użat, b’mod partikolari meta l-istandards armonizzati rilevanti u/jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma jkunux ġew applikati għalkollox. L-evidenza ta’ sostenn għandha tinkludi, meta meħtieġ, ir-riżultati tat-testijiet imwettqa mil-laboratorju xieraq tal-manifattur jew minn laboratorju tal-ittestjar ieħor f’ismu u fir-responsabbiltà tiegħu.

11. 

l-indirizzi tal-postijiet tal-manifattura u tal-ħażna.

PARTI 11

Id-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE

1. Il-prodott (it-tip, il-lott jew in-numru tas-serje).

2. L-isem u l-indirizz tal-manifattur jew tar-rappreżentant awtorizzat tiegħu.

3. Din id-dikjarazzjoni tal-konformità tinħareġ fir-responsabbiltà unika tal-manifattur. [f’każ ta’ sett tal-aċċessorji, il-manifattur tas-sett tal-aċċessorji jista’ jindika li dan iċ-ċertifikat jiddependi fuq iċ-ċertifikat tal-UAS li s-sett tal-aċċessorji jiżgura l-konverżjoni.]

4. L-oġġett tad-dikjarazzjoni [Identifikazzjoni tal-prodott li tippermetti t-traċċabbiltà; din tista’ tinkludi stampa bil-kulur b’biżżejjed riżoluzzjoni skont il-ħtieġa għall-identifikazzjoni tal-prodotti; fil-każ ta’ sett tal-aċċessorji, indika t-tip ta’ UAS li għalihom is-sett tal-aċċessorji jiżgura l-konverżjoni.]

5. L-oġġett tad-dikjarazzjoni deskritt hawn fuq hu tal-klassi… [għal UAS, inkludi n-numru tal-klassi kif definit mill-Partijiet 1 sa 5, 16 u 17 ta’ dan l-Anness; għal sett tal-aċċessorji, indika l-klassi li għaliha l-UAS qed tiġi konvertita].

6. Il-livell tal-potenza akustika garantit għal dan it-tagħmir tal-UAS hu … dB(A) [għall-UAS mingħajr ġwienaħ fissi tal-klassijiet 1 sa 3 biss].

7. L-oġġett tad-dikjarazzjoni deskritta hawn fuq hu konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni:

— 
[inkludi r-referenza għal dan ir-Regolament u l-Anness rilevanti għall-klassi tal-prodott];
— 
jew leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni meta applikabbli.

8. Ir-referenzi għall-istandards armonizzati rilevanti użati jew ir-referenzi għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi l-oħrajn li għalihom hi ddikjarata l-konformità. Ir-referenzi jridu jkunu elenkati bin-numru ta’ identifikazzjoni u bil-verżjoni tagħhom u, meta applikabbli, bid-data tal-ħruġ.

9. Meta applikabbli, il-korp notifikat … [l-isem, in-numru] … wettaq … [deskrizzjoni tal-intervent] … u ħareġ iċ-ċertifikat tal-eżami tal-UE tat-tip.

10. Meta applikabbli, deskrizzjoni tal-aċċessorji u tal-komponenti, inkluż is-software, li jippermettu lill-inġenju tal-ajru mingħajr bdot abbord jew lis-sistema tal-ajru mingħajr bdot abbord joperaw kif suppost u kif kopert mid-dikjarazzjoni tal-konformità tal-UE.

11. Informazzjoni addizzjonali:

Iffirmata għal u f’isem: …

[post u data tal-ħruġ]:

[isem, kariga] [firma]:

PARTI 12

Id-dikjarazzjoni simplifikata tal-konformità tal-UE

Id-dikjarazzjoni simplifikata tal-konformità tal-UE msemmija fl-Artikolu 14(3) għandha tingħata kif ġej:

— 
[Isem il-manifattur] b’dan jiddikjara li l-UAS [identifikazzjoni tal-UAS: it-tip jew in-numru tas-serje] hi tal-klassi … … [għal UAS, inkludi n-numru tal-klassi tal-prodott kif definit fil-Partijiet 1 sa 5, 16 jew 17 ta’ dan l-Anness; għal sett tal-aċċessorji, indika l-klassi li għaliha l-UAS qed tiġi konvertita] u għandha livell tal-potenza akustika garantit ta’ … dB(A) [għall-UAS mingħajr ġwienaħ fissi tal-klassijiet 1, 2, 3, 5 u 6 biss].
— 
u konformi mar-Regolamenti … [elenka r-Regolamenti kollha li l-prodott jikkonforma magħhom].
— 
Id-dikjarazzjoni sħiħa tal-konformità tal-UE tinsab fuq is-sit web li ġej: [l-indirizz tas-sit web].

PARTI 13

Kodiċi tat-test tal-istorbju

Din il-Parti tistabbilixxi l-metodi tal-kejl tal-istorbju fl-ajru li għandhom jintużaw għad-determinazzjoni tal-livelli tal-potenza akustika ponderati-A tal-klassijiet 1, 2, 3, 5 u 6 tal-UA.

Tistabbilixxi l-istandard bażiku tal-emissjonijiet tal-istorbju u l-kodiċi tat-test dettaljat biex jitkejjel il-livell tal-pressjoni tal-ħoss fuq superfiċe tal-kejl li tkun tiksi s-sors u biex jiġi kkalkulat il-livell tal-potenza akustika ġġenerat mis-sors.

1.   STANDARD BAŻIKU TAL-EMISSJONIJIET TAL-ISTORBJU

Għad-determinazzjoni tal-livell tal-potenza akustika ponderat-A LWA tal-UA, se jintużaw l-istandards bażiċi tal-emissjonijiet tal-istorbju EN ISO 3744:2010 soġġetti għas-supplimenti li ġejjin:

2.   IL-KUNDIZZJONIJIET TAL-INSTALLAZZJONI U TAL-IMMUNTAR

Żona tal-ittestjar:

Il-UA se jinżamm fl-arja fuq pjan riflessiv (akustikament iebes) wieħed. Il-UA għandu jitqiegħed ’il bogħod biżżejjed minn kull ħajt jew saqaf riflessiv jew minn kull oġġett riflessiv ħalli jiġu ssodisfati r-rekwiżiti mogħtija fl-Anness A EN ISO 3744:2010 fuq is-superfiċe tal-kejl.

Is-superfiċe tal-kejl tal-ħoss u l-arranġament tal-mikrofoni:

Il-UA ikun magħluq għalkollox f’superfiċe emisferika tal-kejl bħall-par § 7.2.3 tal-EN ISO 3744:2010.

In-numru u l-pożizzjoni tal-mikrofoni huma definiti fl-Anness F tal-EN ISO 3744:2010.

L-oriġini tas-superfiċe tal-kejl għandu jkun fil-punt O fuq il-pjan tal-art direttament taħt il-UA.

3.   IL-KUNDIZZJONIJIET OPERATTIVI WAQT IT-TEST

It-testijiet tal-istorbju għandhom isiru b’rotors tal-UA li jaħdmu b’veloċità li tikkorrispondi għal meta l-UA jisseqqer bil-massa massima waqt it-tlugħ (l-MTOM).

Jekk il-UA jitqiegħed fis-suq b’aċċessorji li jistgħu jitqabbdu miegħu, dan jista’ jiġi ttestjat b’dawn l-aċċessorji u mingħajrhom f’kull konfigurazzjoni possibbli tal-UA.

4.   KALKOLU TAL-LIVELL TA’ PRESSJONI AKUSTIKA TAS-SUPERFIĊE SKONT IL-MEDJA TAL-ĦIN

Il-livell ta’ pressjoni akustika ponderat-A tas-superfiċe skont il-medja tal-ħin għandu jiġi ddeterminat mill-anqas tliet darbiet għal kull konfigurazzjoni tal-UA. Jekk mill-anqas tnejn mill-valuri ddeterminati ma jvarjawx b’aktar minn 1 dB, ma jkunx hemm bżonn isir aktar kejl; inkella l-kejl għandu jissokta sakemm jinkisbu żewġ valuri li ma jvarjawx b’aktar minn 1 dB. Il-livell ta’ pressjoni akustika tas-superfiċe skont il-medja tal-ħin li jrid jintuża għall-kalkolu tal-livell tal-potenza akustika ta’ konfigurazzjoni tal-UA hu l-medja aritmetika tal-ogħla żewġ valuri li ma jvarjawx b’aktar minn 1 dB.

5.   INFORMAZZJONI LI TRID TIĠI RRAPPURTATA

Ir-rapport għandu jinkludi d-data teknika meħtieġa biex jiġi identifikat is-sors ittestjat kif ukoll il-kodiċi tat-test tal-istorbju u d-data akustika.

Il-valur tal-livell tal-potenza akustika ponderat-A li jrid jiġi rrappurtat hu l-ogħla valur tal-konfigurazzjonijiet differenti tal-UA ittestjati, arrotondat lejn l-eqreb numru sħiħ (jekk anqas minn 0,5 uża l-iżgħar numru; jekk 0,5 jew akbar uża l-akbar numru).

PARTI 14

Indikazzjoni tal-livell tal-potenza akustika garantit

L-indikazzjoni tal-livell tal-potenza akustika garantit trid tikkonsisti min-numru uniku tal-potenza akustika garantita f’dB, is-sinjal LWA u pittogramma b’din l-għamla li ġejja:

image

Jekk l-indikazzjoni titnaqqas skont id-daqs tat-tagħmir, iridu jiġu rispettati l-proporzjonijiet mogħtija fit-tpinġija ta’ hawn fuq. Iżda jekk possibbli, jenħtieġ li d-dimensjoni vertikali tal-indikazzjoni ma tkunx anqas minn 20 mm.

PARTI 15

Il-livell massimu tal-potenza akustika għal kull klassi tal-UA (inkluż il-perjodi tranżizzjonali)



il-klassi tal-UA

L-MTOM m fi grammi

Il-livell massimu tal-potenza akustika LWA f’dB

mid-dħul fis-seħħ

wara sentejn (2) mid-dħul fis-seħħ

wara erba’ (4) snin mid-dħul fis-seħħ

C1 u C2

m < 900

85

83

81

C2

900 ≤ m < 4 000

85 + 18,5 lgimage

83 + 18,5 lgimage

81 + 18,5 lgimage

Fejn “lg” hi l-logaritmu bażi 10.

PARTI 16

Rekwiżiti għal Sistema tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAS) tal-klassi C5 u l-aċċessorji C5

UAS tal-klassi C5 ikollha din it-tikketta għall-identifikazzjoni tal-klassi li ġejja fuq il-UA:

image

UAS tal-klassi C5 għandha tikkonforma mar-rekwiżiti definiti fil-Parti 4, ħlief dawk definiti fil-paragrafi (2) u (10) tal-Parti 4.

Barra minn hekk, għandha tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(1) 

tkun inġenju tal-ajru li mhux inġenju tal-ajru bi ġwienaħ fissi sakemm ma tkunx marbuta;

(2) 

jekk tkun mgħammra b’funzjoni tal-ġeokonsapevolezza skont il-paragrafu (10) tal-Parti 4;

(3) 

waqt it-titjira, tipprovdi informazzjoni ċara u konċiża lill-bdot remot dwar l-għoli tal-UA ’il fuq mis-superfiċe jew il-punt tat-tlugħ;

(4) 

sakemm ma tkunx marbuta, tkun mgħammra b’modalità ta’ veloċità baxxa li tista’ tintgħażel mill-bdot remot u tiġi limitata l-veloċità fuq l-art għal mhux aktar minn 5 m/s.

(5) 

sakemm ma tkunx marbuta, tkun tipprovdi mezz biex il-bdot remot itemm it-titjira tal-UA, li għandu:

(a) 

ikun affidabbli, prevedibbli u indipendenti mis-sistema awtomatika tal-kontroll u l-gwida tat-titjir; dan japplika wkoll għall-attivazzjoni ta’ dan il-mezz;

(b) 

iġiegħel it-tniżżil tal-UA u jevita l-ispostament orizzontali motorizzat tagħha; u

(c) 

jinkludi mezz li jnaqqas l-effett tad-dinamiki tal-impatt tal-UA;

(6) 

sakemm ma tkunx marbuta, tipprovdi mezz lill-bdot remot biex jimmonitorja kontinwament il-kwalità tal-kollegament tal-kmand u tal-kontroll u jirċievi twissija meta aktarx se jintilef il-kollegament jew se jiddgħajjef sal-punt li jkun jikkomprometti t-twettiq sikur tal-operazzjoni, u twissija oħra meta l-kollegament jintilef; u

(7) 

minbarra l-informazzjoni indikata fil-punt (15)(a) tal-Parti 4, fl-istruzzjonijiet tal-manifattur agħti deskrizzjoni tal-mezz li jtemm it-titjira meħtieġ fil-punt (5).

(8) 

UAS tal-klassi C5 tista’ tikkonsisti minn UAS tal-klassi C3 mgħammra b’sett tal-aċċessorji li jiżgura l-konverżjoni tal-UAS tal-klassi C3 f’UAS tal-klassi C5. F’dan il-każ, it-tikketta tal-klassi C5 għandha titwaħħal fuq l-aċċessorji kollha.

Sett tal-aċċessorji jista’ jiżgura biss il-konverżjoni ta’ UAS tal-klassi C3 li tkun konformi mal-punt (1) u tkun tipprovdi l-interfaċċi meħtieġa għall-aċċessorji.

Is-sett tal-aċċessorji ma għandux jinkludi bidliet fis-software tal-UAS tal-klassi C3.

Is-sett tal-aċċessorji għandu jiġi ddisinjat, u kull aċċessorju għandu jiġi identifikat, biex tkun żgurata installazzjoni sħiħa u korretta minn operatur tal-UAS fuq UAS tal-klassi C3 skont l-istruzzjonijiet mogħtija mill-manifattur tas-sett tal-aċċessorji.

Is-sett għall-aċċessorji jista’ jitqiegħed fis-suq indipendentement mill-UAS tal-klassi C3 li għaliha jiżguraw il-konverżjoni. F’dan il-każ, il-manifattur tas-sett tal-aċċessorji għandu jqiegħed fis-suq sett tal-aċċessorji uniku għal konverżjoni li għandu:

(1) 

ma jbiddilx il-konformità tal-UAS tal-klassi C3 mar-rekwiżiti tal-Parti 4;

(2) 

jiżgura l-konformità tal-UAS mgħammra bis-sett tal-aċċessorji mar-rekwiżiti addizzjonali kollha definiti f’din il-Parti ħlief il-punt (3) hawn fuq; u

(3) 

ikun akkumpanjat minn struzzjonijiet tal-manifattur li jipprovdu:

(i) 

il-lista tal-UAS tal-klassi C3 kollha li għalihom jista’ jiġi applikat is-sett tal-aċċessorji; u

(ii) 

struzzjonijiet dwar kif għandhom jiġi installat u operat is-sett tal-aċċessorji.

PARTI 17

Rekwiżiti għal Sistema tal-inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAS) tal-klassi C6

UAS tal-klassi C6 ikollha din it-tikketta għall-identifikazzjoni tal-klassi li ġejja fuq il-UA:

image

UAS tal-klassi C6 għandha tikkonforma mar-rekwiżiti definiti fil-Parti 4, ħlief dawk definiti fil-paragrafi (2), (7) u (10).

Barra minn hekk, għandha tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(1) 

ikollha veloċità massima fuq l-art ta’ mhux aktar minn 50 m/s f’titjira livell;

(2) 

jekk tkun mgħammra b’funzjoni tal-ġeokonsapevolezza skont il-paragrafu (10) tal-Parti 4;

(3) 

waqt it-titjira, tipprovdi informazzjoni ċara u konċiża lill-bdot remot dwar il-pożizzjoni ġeografika tal-UA, il-veloċità tiegħu, u l-għoli tiegħu ’l fuq mis-superfiċe jew il-punt tat-tlugħ;

(4) 

tipprovdi mezz li jevita li l-UA jikser il-limiti orizzontali u vertikali ta’ volum operattiv programmabbli;

(5) 

tipprovdi mezz biex il-bdot remot itemm it-titjira tal-UA, li għandu:

(a) 

ikun affidabbli, prevedibbli, indipendenti mis-sistema awtomatika tal-kontroll u l-gwida tat-titjir u indipendenti mill-mezz li jevita li l-UA jikser il-limiti orizzontali u vertikali kif meħtieġ fil-punt (4); dan japplika wkoll għall-attivazzjoni ta’ dan il-mezz; u

(b) 

iġiegħel it-tniżżil tal-UA u jevita l-ispostament orizzontali motorizzat tiegħu;

(6) 

tipprovdi mezz li jipprogramma t-trajettorja tal-UA;

(7) 

tipprovdi mezz lill-bdot remot biex jimmonitorja kontinwament il-kwalità tal-kollegament tal-kmand u tal-kontroll u jirċievi twissija meta aktarx se jintilef il-kollegament jew se jiddgħajjef sal-punt li jkun jikkomprometti t-twettiq sikur tal-operazzjoni, u twissija oħra meta l-kollegament jintilef; u

(8) 

minbarra l-informazzjoni indikata fil-punt (15)(a) tal-Parti 4, l-istruzzjonijiet tal-manifattur ikunu jinkludu:

(a) 

deskrizzjoni tal-mezzi biex tintemm it-titjira meħtieġa fil-punt (5);

(b) 

deskrizzjoni tal-mezz li jevita li l-UA jikser il-limiti orizzontali u vertikali tal-volum operattiv u d-daqs tal-volum ta’ kontinġenza meħtieġ biex jiġu akkomodati l-errur tal-valutazzjoni tal-pożizzjoni, il-ħin tar-reazzjoni u l-marġni tal-manuvrar ta’ korrezzjoni; u

(c) 

id-distanza li aktarx se jivvjaġġa l-UA wara l-attivazzjoni tal-mezz li jtemm it-titjira definit fil-punt (5), li jrid iqis l-operatur tal-UAS meta jkun qed jiddefinixxi l-buffer tar-riskju fuq l-art.



( 1 ) Ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew (ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20).

( 2 ) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 tas-26 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi regoli komuni tal-ajru u dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2011 u r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2007, (KE) Nru 1794/2006, (KE) Nru 730/2006, (KE) Nru 1033/2006 u (UE) Nru 255/2010 (ĠU L 281, 13.10.2012, p. 1).

( 3 ) Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta' okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18).

Top