Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D2032

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2032 tad-19 ta’ Novembru 2021 dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jiġu appoġġati l-unitajiet militari mħarrġa mill-Missjoni ta’ Taħriġ tal-UE fil-Mozambique

ST/12950/2021/INIT

ĠU L 415, 22.11.2021, p. 25–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 21/04/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/2032/oj

22.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 415/25


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/2032

tad-19 ta’ Novembru 2021

dwar miżura ta’ assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi biex jiġu appoġġati l-unitajiet militari mħarrġa mill-Missjoni ta’ Taħriġ tal-UE fil-Mozambique

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 28(1) u 41(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (1), ġiet stabbilita Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) għall-finanzjament mill-Istati Membri ta’ azzjonijiet tal-Unjoni fil-qafas tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni biex tinżamm il-paċi, jiġu pprevenuti l-konflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 21(2), punt (c), tat-Trattat. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 1(2), il-punt (b)(i), tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, l-EPF tista’ tiffinanzja azzjonijiet biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relatati ma’ kwistjonijiet militari u ta’ difiża.

(2)

Il-kriżi attwali fil-provinċja ta’ Cabo Delgado tat-Tramuntana tal-Mozambique hija multidimensjonali, b’riskju serju ta’ riperkussjoni għal provinċji oħra tal-pajjiż u għall-pajjiżi ġirien. Il-gvern tal-Mozambique laqa’ l-iskjerament ta’ Missjoni ta' Taħriġ Militari mhux eżekuttiva tal-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Approċċ Integrat tal-UE għall-kriżi f’Cabo Delgado.

(3)

Fit-12 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2021/1143 li tistabbilixxi (2) li tistabbilixxi missjoni ta’ taħriġ militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mozambique (EUTM Mozambique). L-objettiv strateġiku tal-EUTM Mozambique huwa li tappoġġa l-bini tal-kapaċitajiet għall-unitajiet tal-forzi armati tal-Mozambique magħżula biex jiffurmaw Forza ta’ Reazzjoni Rapida futura, sabiex dawk l-unitajiet ikunu jistgħu jiżviluppaw il-kapaċitajiet sostenibbli meħtieġa biex jiġu restawrati s-sikurezza u s-sigurtà f’Cabo Delgado.

(4)

Fit-30 ta’ Lulju 2021, il-Kunsill approva nota kunċettwali għal miżura ta’ assistenza taħt l-EPF biex jiġu appoġġati l-unitajiet militari mħarrġa mill-EUTM Mozambique, inkluż miżura urġenti biex jiġu pprovduti l-aktar tagħmir u provvisti meħtieġa b’mod urġenti biex jitħarrġu kif xieraq iż-żewġ kumpaniji tal-Mozambique skedati li jkunu l-ewwel li jibbenefikaw minn taħriġ mill-EUTM Mozambique.

(5)

Fl-ittra tagħha tas-27 ta’ Awwissu 2021 indirizzata lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”), il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Mozambique talbet lill-Unjoni tipprovdi tagħmir mhux iddiżinjat biex iwassal forza letali kif ukoll provvisti lill-kumpaniji kollha tal-Mozambique biex jitħarrġu mill-EUTM Mozambique.

(6)

Din il-miżura ta' assistenza trid tiġi implimentata b’kont meħud tal-prinċipji u r-rekwiżiti stabbiliti fid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u b'mod partikolari l-konformità mal-pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (3), u f’konformità mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjati taħt l-EPF.

(7)

Il-Kunsill jafferma mill-ġdid id-determinazzjoni tiegħu li jipproteġi, jippromwovi u jissodisfa d-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-prinċipji demokratiċi u li jsaħħaħ l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, f’konformità mal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari d-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Twaqqif, objettivi, kamp ta’ applikazzjoni u durata

1.   Miżura ta' assistenza għall-benefiċċju tar-Repubblika tal-Mozambique (il-"benefiċjarju")li għandha tiġi ffinanzjata mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) (il-"Miżura ta' Assistenza") hija b’dan stabbilita.

2.   L-objettiv tal-Miżura ta’ Assistenza huwa li tappoġġa l-bini tal-kapaċitajiet għall-unitajiet tal-forzi armati tal-Mozambique li għandhom jitħarrġu mill-EUTM Mozambique u l-iskjerament tagħhom sabiex dawk l-unitajiet jiżviluppaw il-kapaċitajiet sostenibbli meħtieġa biex jiġu restawrati s-sikurezza u s-sigurtà fil-provinċja ta’ Cabo Delgado tat-Tramuntana tal-Mozambique, u b’hekk jippermettu l-preżenza ta’ aġenziji tal-infurzar tal-liġi responsabbli, soġġetti għall-istat tad-dritt, biex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili u r-ritorn ta’ strutturi tal-Istat responsabbli li jipprovdu servizzi f’Cabo Delgado.

3.   Sabiex jintlaħaq l-objettiv stabbilit fil-paragrafu 2, il-Miżura ta’ Assistenza għandha tiffinanzja l-forniment tat-tagħmir mhux iddiżinjat biex iwassal forza letali u l-provvisti li ġejjin lill-unitajiet tal-Mozambique imsemmija f’ dak il-paragrafu:

(a)

tagħmir individwali għas-suldati;

(b)

tagħmir kollettiv fil-livell tal-kumpanija;

(c)

assi ta’ mobbiltà tal-art u amfibji;

(d)

apparat tekniku; u

(e)

sptar fuq il-post.

4.   It-tul ta’ żmien tal-Miżura ta’ Assistenza għandu jkun ta’ 30 xahar mid-data tal-konklużjoni tal-kuntratt bejn l-Amministratur għal Miżuri ta’ Assistenza li jaġixxi bħala uffiċċjal ta’ awtorizzazzjoni u l-entità msemmija fl-Artikolu 4(2) f’konformità mal-Art. 32(2), il-punt (a), tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

Artikolu 2

Arranġamenti finanzjarji

1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-Miżura ta' Assistenza għandu jkun ta' EUR 40 000 000.

2.   In-nefqa kollha għandha tiġi ġestita f'konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa ffinanzjata taħt l-EPF.

Artikolu 3

Arranġamenti mal-benefiċjarju

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-benefiċjarju biex jiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti u l-kondizzjonijiet stabbiliti b'din id-Deċiżjoni bħala kondizzjoni għall-għoti ta’ appoġġ taħt il-Miżura ta’ Assistenza u mill-miżura urġenti approvata mill-Kunsill fit-30 ta' Lulju 2021.

2.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet li jobbligaw lill-benefiċjarju jiżgura:

(a)

konformità tal-unitajiet tal-forzi armati tal-Mozambique imħarrġa mill-EUTM Mozambique mad-dritt internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali;

(b)

użu xieraq u effiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza għall-finijiet li għalihom ikunu ġew ipprovduti;

(c)

manutenzjoni suffiċjenti tal-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza biex tiġi żgurata l-użabilità tagħhom u d-disponibbiltà operazzjonali tagħhom matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

(d)

li l-assi kollha pprovduti taħt il-Miżura ta’ Assistenza ma jintilfux, jew jiġu ttrasferiti mingħajr il-kunsens tal-Kumitat tal-Faċilità stabbilit skont id-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 lil persuni jew entitajiet oħra għajr dawk identifikati f’dawk l-arranġamenti, fi tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom.

3.   L-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu dispożizzjonijiet dwar is-sospensjoni u t-terminazzjoni tal-appoġġ taħt il-Miżura ta’ Assistenza f’każ li l-benefiċjarju jinstab li jkun kiser l-obbligi stabbiliti fil-paragrafu 2.

Artikolu 4

Implimentazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jkun responsabbli li jiżgura l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’konformità mad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509, u mar-regoli għall-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa taħt l-EPF, b’mod konsistenti mal-Qafas Metodoloġiku Integrat għall-valutazzjoni u l-identifikazzjoni tal-miżuri u l-kontrolli meħtieġa għall-miżuri ta’ assistenza taħt l-EPF.

2.   L-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(3) għandha titwettaq mill-Ministeru għad-Difiża tar-Repubblika Portugiża.

Artikolu 5

Monitoraġġ, kontroll u evalwazzjoni

1.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jiżgura li r-rispett tal-obbligi stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 3 mill-benefiċjarju jiġu mmonitorjati. Dan il-monitoraġġ għandu jipprovdi għarfien tal-kuntest u tar-riskji tal-ksur tal-obbligi stabbiliti f'konformità mal-Artikolu 3, u għandu jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ tali ksur, inkluż ksur tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali u atti ta' vjolenza sesswali u bbażata fuq il-ġeneru mill-unitajiet tal-forzi armati tal-Mozambique appoġġati taħt il-Miżura ta’ Assistenza.

2.   Il-kontroll ta’ wara t-trasportazzjoni tat-tagħmir u l-provvisti għandu jiġi organizzat kif ġej:

(a)

verifika tal-konsenja, li permezz tagħha ċ-ċertifikati tal-konsenja jridu jiġu ffirmati mill-forzi tal-utent aħħari mat-trasferiment tas-sjieda;

(b)

rappurtar dwar l-inventarju, li permezz tiegħu l-benefiċjarju jrid jirrapporta kull sena dwar l-inventarju tal-oġġetti magħżula; ir-rappurtar irid ikompli sakemm ma jibqax jitqies meħtieġ mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS);

(c)

kontroll fuq il-post, li permezz tiegħu il-benefiċjarju jrid jagħti lir-Rappreżentant Għoli aċċess biex iwettaq kontroll fuq il-post meta mitlub.

3.   Ir-Rappreżentant Għoli għandu jwettaq evalwazzjoni, fil-forma tal-ewwel valutazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza, sitt xhur wara li l-ewwel żewġ kumpaniji mħarrġa mill-EUTM Mozambique jiġu skjerati fir-reġjun ta’ Cabo Delgado. Dan ser jinvolvi żjarat fuq il-post biex jiġu verifikati t-tagħmir u l-provvisti kkonsenjati taħt il-Miżura ta’ Assistenza. Għandha ssir evalwazzjoni finali meta titlesta l-konsenja tat-tagħmir taħt il-Miżura ta’ Assistenza.

Artikolu 6

Rappurtar

Matul il-perijodu ta’ implimentazzjoni, ir-Rappreżentant Għoli għandu jipprovdi lill-KPS rapporti ta' kull sitt xhur dwar l-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza, f’konformità mal-Artikolu 63 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509. L-amministratur għall-miżuri ta' assistenza għandu jinforma regolarment lill-Kumitat tal-Faċilità stabbilit bid-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 dwar l-implimentazzjoni tad-dħul u n-nefqa f'konformità mal-Artikolu 38 ta' dik id-Deċiżjoni, inkluż billi jipprovdi informazzjoni dwar il-fornituri u s sottokuntratturi involuti.

Artikolu 7

Sospensjoni u terminazzjoni

Il-KPS jista’ jiddeċiedi li jissospendi kompletament jew parzjalment l-implimentazzjoni tal-Miżura ta’ Assistenza f'konformità mal-Artikolu 64 tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509.

Il-KPS jista' wkoll jirrakkomanda li l-Kunsill itemm il-Miżura ta' Assistenza.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1143 tat-12 ta’ Lulju 2021 dwar Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mozambique (EUTM Mozambique). (GU L 247, 13.7.2021, p. 93).

(3)  Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta’ Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta’ esportazzjonijiet ta’ teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335 13.12.2008, p. 99).


Top