This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021D1956
Commission Implementing Decision (EU) 2021/1956 of 10 November 2021 on the establishment and organisation of the Union Civil Protection Knowledge Network (notified under document C(2021) 7939) (Text with EEA relevance)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1956 tal-10 ta’ Novembru 2021 dwar l-istabbiliment u l-organizzazzjoni tan-Netwerk tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili (notifikata bid-dokument C(2021) 7939) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1956 tal-10 ta’ Novembru 2021 dwar l-istabbiliment u l-organizzazzjoni tan-Netwerk tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili (notifikata bid-dokument C(2021) 7939) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
C/2021/7939
ĠU L 399, 11.11.2021, pp. 1–7
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
11.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 399/1 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1956
tal-10 ta’ Novembru 2021
dwar l-istabbiliment u l-organizzazzjoni tan-Netwerk tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili
(notifikata bid-dokument C(2021) 7939)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(1), il-punt (h) tagħha,
Billi:
|
(1) |
Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (“il-Mekkaniżmu tal-Unjoni”) stabbilit fid-Deċiżjoni 1313/2013/UE għandu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri u jiffaċilita l-koordinazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili sabiex itejjeb ir-rispons tal-Unjoni għad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, jenħtieġ li jiġi stabbilit Netwerk tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili (“Netwerk ta’ Għarfien”) bil-għan li jaggrega, jipproċessa, u jxerred l-għarfien u l-informazzjoni rilevanti għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni billi jinkludi atturi rilevanti tal-protezzjoni ċivili u tal-ġestjoni tad-diżastri, ċentri ta’ eċċellenza, universitajiet u riċerkaturi u billi jsegwi approċċ ta’ perikli multipli. |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 13(1) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, il-Kummissjoni, permezz tan-Netwerk tal-Għarfien, tappoġġa l-koerenza tal-proċessi tal-ippjanar u tat-teħid tad-deċiżjonijiet billi tiffaċilita l-iskambju kontinwu tal-għarfien u tal-informazzjoni li jinvolvi l-oqsma kollha ta’ attività taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni. Meta tiffaċilita l-iskambju kontinwu ta’ għarfien u informazzjoni, il-Kummissjoni, permezz tan-Netwerk tal-Għarfien, għandha tħejji pjanijiet strateġiċi, li se jistabbilixxu l-orjentazzjoni strateġika tan-Netwerk tal-Għarfien għas-snin li ġejjin. |
|
(4) |
Sabiex jinħolqu sinerġiji ma’ gruppi u netwerks rilevanti oħra, in-Netwerk tal-Għarfien għandu jaħdem mill-qrib mal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, kif ukoll mal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili u l-ġestjoni tad-diżastri rreġistrati fir-Reġistru tal-Kummissjoni tal-gruppi ta’ esperti u entitajiet simili oħra. In-Netwerk tal-Għarfien u ċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni għal Rispons ta’ Emerġenza (“ERCC”) għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw komplementarjetà u appoġġ reċiproku fl-attivitajiet rispettivi tagħhom. |
|
(5) |
In-Netwerk tal-Għarfien m’għandux jiddupplika iżda jagħmel użu mill-eżiti ta’ inizjattivi oħra tal-Kummissjoni rilevanti għall-ambitu tan-Netwerk. |
|
(6) |
Sabiex jiġi stabbilit formalment in-Netwerk tal-Għarfien, huwa meħtieġ li jiġu adottati regoli li jistabbilixxu l-istruttura organizzattiva u t-tħaddim tan-Netwerk tal-Għarfien. |
|
(7) |
L-istruttura organizzattiva tan-Netwerk tal-Għarfien għandha tkun magħmula minn korpi konsultattivi u segretarjat. Il-korpi konsultattivi tan-Netwerk tal-Għarfien huma l-bord u l-gruppi ta’ ħidma għal kull pilastru tan-Netwerk tal-Għarfien |
|
(8) |
Il-Bord għandu jaġixxi primarjament bħala l-forum strateġiku billi jipprovdi orjentazzjoni strateġika lill-Kummissjoni u jkollu funzjonijiet ta’ sorveljanza konsultattiva fuq in-Netwerk tal-Għarfien. |
|
(9) |
Bil-ħsieb li tiġi żgurata organizzazzjoni effettiva u effiċjenti tal-attività tan-Netwerk tal-Għarfien, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit segretarjat tan-Netwerk tal-Għarfien. Is-segretarjat jenħtieġ li jiġi pprovdut mill-Kummissjoni u jenħtieġ li b’mod partikolari jkun qed jimmaniġġja, jamministra u jikkoordina n-Netwerk tal-Għarfien. Il-funzjoni primarja tas-segretarjat hija li jiżgura l-koerenza, is-sinerġiji u l-fluss ta’ informazzjoni bla xkiel fi ħdan in-Netwerk tal-Għarfien, kif ukoll li jikkoordina l-attivitajiet tan-Netwerk tal-Għarfien f’konformità mal-ippjanar strateġiku. |
|
(10) |
In-Netwerk tal-Għarfien u l-attivitajiet tiegħu għandhom ikunu strutturati fuq żewġ pilastri ewlenin li għandhom jipprovdu qafas għal attivitajiet ewlenin tan-Netwerk tal-Għarfien u jrawmu skambji bbażati fuq in-netwerk fl-ambitu tagħhom: il-Pilastru tal-Iżvilupp tal-Kapaċità u l-pilastru tax-Xjenza. Il-Pilastru tal-Iżvilupp tal-Kapaċità għandu jkollu l-għan li jiġbor flimkien, jippromwovi u jsaħħaħ l-inizjattivi ta’ żvilupp tal-kapaċità ta’ rilevanza għall-partijiet ikkonċernati tal-protezzjoni ċivili u l-ġestjoni tad-diżastri, b’enfasi speċjali fuq il-Mekkaniżmu tal-Unjoni. Il-Pilastru tax-Xjenza għandu jkollu l-għan li jlaqqa’ flimkien l-akkademja, il-prattikanti, u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għal kooperazzjoni multidixxiplinari, transsettorjali u transfruntiera biex japplikaw l-għarfien xjentifiku għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, u b’mod partikolari, għall-attivitajiet ta’ prevenzjoni u tħejjija b’mod aktar effiċjenti. |
|
(11) |
Il-Pilastru tal-Iżvilupp tal-Kapaċità jenħtieġ li jiffoka fuq programmi u proġetti eżistenti magħrufa sew, bħall-Programm ta’ Taħriġ u Eżerċizzji tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni, l-Iskambju ta’ Esperti tal-Protezzjoni Ċivili, is-Sħubiji tan-Netwerk tal-Għarfien u l-Programm tal-Unjoni għall-Prevenzjoni u t-Tħejjija tal-Mekkaniżmu. Dawn il-programmi għandhom jiġu kkonsolidati permezz ta’ proċess gradwali u kontinwu, u kkumplimentati minn attivitajiet oħra ta’ żvilupp tal-kapaċità. Il-Pilastru tax-Xjenza jenħtieġ li jibni fuq u jintegra l-istrutturi u n-netwerks xjentifiċi eżistenti li jappoġġaw il-Mekkaniżmu tal-Unjoni, b’mod partikolari ċ-Ċentru ta’ Għarfien dwar il-Ġestjoni tar-Riskju ta’ Diżastri, ġestit miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll il-programmi rilevanti ta’ Orizzont Ewropa li qed jiffinanzjaw Azzjonijiet ta’ Riċerka u Innovazzjoni u inizjattivi ta’ netwerking relatati fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri. |
|
(12) |
Ir-regoli dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni minn membri tan-Netwerk ta’ Għarfien għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali. |
|
(13) |
Sabiex tkun trasparenti dwar l-attivitajiet imwettqa mill-korpi tan-Netwerk tal-Għarfien, jenħtieġ li l-Kummissjoni tippubblika d-dokumenti rilevanti tal-laqgħat fuq il-pjattaforma online imsemmija fl-Artikolu 13(1)(d) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE. |
|
(14) |
Id-data personali jenħtieġ li tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2). |
|
(15) |
Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat li jissemma fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-istruttura organizzattiva u l-operat tan-Netwerk tal-Għarfien, it-twaqqif ta’ Bord, segretarjat, u gruppi ta’ ħidma tal-Pilastri, li jipprevedu l-kompożizzjoni u l-kompiti tagħhom, u jistabbilixxu regoli għall-operat tagħhom.
Artikolu 2
Network tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili
Jiġi stabbilit in-Netwerk tal-Unjoni ta’ Għarfien dwar il-Protezzjoni Ċivili.
Għandu jkollha l-għan li jikseb l-objettivi u jwettaq il-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE.
Artikolu 3
Kompożizzjoni tan-Netwerk tal-Għarfien
L-istruttura organizzattiva tan-Netwerk tal-Għarfien għandha tkun magħmula mill-korpi konsultattivi li ġejjin:
|
(a) |
il-Bord; |
|
(b) |
il-gruppi ta’ ħidma tal-Pilastri. |
Artikolu 4
Il-Bord
Il-Bord għandu jagħti pariri lill-Kummissjoni fil-ġestjoni tan-Netwerk tal-Għarfien, filwaqt li jiżgura li l-għan ġenerali tan-Netwerk tal-Għarfien jintlaħaq flimkien mal-għanijiet ewlenin tiegħu, skont l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE.
Artikolu 5
Kompożizzjoni tal-Bord
1. Il-Bord għandu jkun magħmul minn rappreżentant tal-Kummissjoni u rappreżentant ta’ kull wieħed mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinnominaw rappreżentant u viċi rappreżentant għall-Bord. Għandha tiġi promossa l-parteċipazzjoni bbilanċjata bejn is-sessi.
2. Il-membri tal-Bord li jirrappreżentaw lill-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala “membri tat-Tip D” skont it-tifsira tal-punt (d) tal-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 finali tat-30.5.2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u t-tħaddim tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.
Artikolu 6
Il-Kompiti tal-Bord
1. Il-kompiti tal-Bord għandhom ikunu, b’mod partikolari:
|
(1) |
jagħti pariri dwar l-orjentazzjoni strateġika tan-Netwerk tal-Għarfien stabbilit mill-Kummissjoni; |
|
(2) |
ir-reviżjoni, il-monitoraġġ u l-iżgurar tal-konformità mar-regoli ta’ proċedura, is-sħubija u l-politiki ta’ governanza tan-Netwerk tal-Għarfien; |
|
(3) |
l-approvazzjoni tar-rapport annwali tan-Netwerk tal-Għarfien; |
|
(4) |
rapportar tal-attivitajiet tiegħu lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE. |
2. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-ħidma tal-Bord titwettaq f’koordinazzjoni mill-qrib mal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, kif ukoll mal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili u l-ġestjoni tad-diżastri rreġistrati fir-Reġistru tal-Kummissjoni tal-gruppi ta’ esperti u entitajiet simili oħra.
Artikolu 7
L-Operat tal-Bord
1. Il-Bord għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni u kopresedut minn rappreżentant tal-Istat Membru li jkollu l-presidenza preċedenti b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fiż-żmien tal-laqgħa. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jsejjaħ laqgħa b’konsultazzjoni mal-Kopresident mill-inqas darba fis-sena. Il-laqgħat tal-Bord għandhom isiru personalment jew mill-bogħod.
2. Il-President u l-Kopresident, assistiti mis-segretarjat, għandhom ifasslu l-aġenda u jqassmuha lill-membri tal-Bord. Il-membri tal-Bord jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom stess, jissuġġerixxu punti li għandhom jiġu inklużi fl-aġenda sa mhux aktar tard mill-bidu tal-laqgħa. L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Bord fil-bidu ta’ kull laqgħa.
3. Il-Bord għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti adottati mill-Kummissjoni (3).
4. Il-Bord għandu jadotta rakkomandazzjonijiet u rapporti mhux vinkolanti b’kunsens. F’każ li ma jintlaħaqx kunsens, għandu jittieħed vot fuq rakkomandazzjonijiet jew rapporti mhux vinkolanti, għandha tkun meħtieġa maġġoranza sempliċi tal-membri preżenti.
Ir-rakkomandazzjonijiet u r-rapporti mhux vinkolanti adottati mill-Bord għandhom ikunu ta’ natura preparatorja sabiex jassistu l-ħidma tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE.
Artikolu 8
Rimborż tal-ispejjeż imġarrba mill-membri tal-Bord
1. Il-membri tal-Bord m’għandhomx jitħallsu għas-servizzi tagħhom.
2. L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni mġarrba mill-membri tal-Bord għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Bordijiet għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni skont id-dispożizzjonijiet (4) fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni.
3. L-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiġu rimborżati sal-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.
Artikolu 9
Il-Pilastri tan-Netwerk tal-Għarfien
1. Il-pilastri tan-Netwerk tal-Għarfien għandhom ikunu l-fora fejn l-attivitajiet jinbdew, jiġu ppjanati, imfassla u implimentati bil-għan ġenerali li jikkontribwixxu għall-objettivi tan-Netwerk ta’ Għarfien skont l-Artikolu 13(1) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE.
2. Il-Pilastru tal-Iżvilupp tal-Kapaċità għandu jkollu l-għan li jiġbor flimkien, jippromwovi u jsaħħaħ l-inizjattivi ta’ żvilupp tal-kapaċità ta’ rilevanza għall-partijiet ikkonċernati tal-protezzjoni ċivili u l-ġestjoni tad-diżastri, b’enfasi speċjali fuq il-Mekkaniżmu tal-Unjoni.
3. Il-Pilastru tax-Xjenza għandu jkollu l-għan li jlaqqa’ flimkien l-akkademja, il-prattikanti, u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet għal kooperazzjoni transsettorjali u transfruntiera multidixxiplinari biex japplikaw l-għarfien xjentifiku għall-ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri, u b’mod partikolari, għall-attivitajiet ta’ prevenzjoni u tħejjija b’mod aktar effiċjenti.
Artikolu 10
Sħubija u operazzjonijiet tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri
1. Il-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri għandhom ikunu magħmula minn rappreżentant tal-Kummissjoni, rappreżentant ta’ kull wieħed mill-Istati Membri u kull wieħed mill-Istati Parteċipanti għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni.
2. Il-membri tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri li jirrappreżentaw lill-Istati Membri għandhom jitqiesu bħala “Membri tat-Tip D” skont it-tifsira tal-punt (d) tal-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 finali tat-30.5.2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u l-funzjonament tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.
Il-membri tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri li jirrappreżentaw lill-Istati Parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni għandhom jitqiesu bħala “Membri tat-Tip E” skont it-tifsira tal-punt (e) tal-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 finali tat-30.5.2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u t-tħaddim tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.
3. Il-gruppi ta’ ħidma jiġu ppreseduti minn rappreżentant tal-Kummissjoni.
4. L-operazzjonijiet tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri għandhom jiġu definiti mir-Regoli ta’ Proċedura tan-Netwerk tal-Għarfien adottati mill-Bord skont l-Artikolu 7.
5. L-ebda rakkomandazzjoni jew rapport ma jiġi adottat mill-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri.
Artikolu 11
Kompiti tal-Gruppi ta’ Ħidma tal-Pilastri
1. Il-gruppi ta’ ħidma tal-pilastru tal-Iżvilupp tal-Kapaċità u tal-Pilastru tax-Xjenza għandhom jappoġġaw il-ħidma tan-Netwerk tal-Għarfien.
2. Il-kompiti tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri għandhom ikunu b’mod partikolari:
|
(a) |
il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni u l-Istati Membri u l-Istati Parteċipanti għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni, jidderieġi l-inizjattivi rilevanti minn isfel għal fuq lin-Netwerk tal-Għarfien, u jipproponi attivitajiet fi ħdan l-orjentazzjonijiet strateġiċi tan-Netwerk tal-Għarfien; |
|
(b) |
l-implimentazzjoni, u l-promozzjoni tal-attivitajiet tal-pilastri bl-appoġġ tas-segretarjat u t-tfittxija ta’ sinerġiji bejn l-inizjattivi taż-żewġ pilastri; |
|
(c) |
ir-rappurtar lill-Bord dwar l-attivitajiet tagħhom. |
3. Il-gruppi ta’ ħidma jistgħu jistabbilixxu sottogruppi dwar suġġetti speċifiċi bbażati fuq il-ħtiġijiet tal-membri tagħhom, u/jew prijoritajiet ibbażati fuq ir-riskju jew ix-xenarji fuq inizjattiva proprja.
4. Il-gruppi ta’ ħidma għandhom jiżguraw flussi ta’ informazzjoni xierqa u koordinazzjoni bejn iż-żewġ pilastri u l-attivitajiet rispettivi tagħhom.
Artikolu 12
Rimborż tal-ispejjeż imġarrba mill-membri tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri
L-Artikolu 8 għandu japplika għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni mġarrba mill-membri tal-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri.
Artikolu 13
Osservaturi
1. L-Istati Parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni għandu jkollhom status ta’ osservatur fil-Bord. Kull wieħed mill-Istati Parteċipanti għandu jinnomina rappreżentant u viċi rappreżentant għall-Bord bħala osservatur. Għandha tiġi promossa l-parteċipazzjoni bbilanċjata bejn is-sessi.
2. L-osservaturi għandhom jieħdu sehem fid-diskussjonijiet u jipprovdu għarfien espert. Madankollu, m’għandux ikollhom drittijiet tal-vot.
3. L-osservaturi għandhom jitqiesu bħala “Membri tat-Tip E” skont it-tifsira tal-punt (e) tal-Artikolu 7(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016) 3301 finali tat-30.5.2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u t-tħaddim tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.
Artikolu 14
Segretarjat
1. Is-Segretarjat għandu jappoġġa l-ħidma tal-korpi tan-Netwerk tal-Għarfien biex jiżgura l-koordinazzjoni, il-koerenza u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni tagħhom.
2. Is-segretarjat għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni.
3. Il-kompiti tas-segretarjat għandhom ikunu:
|
(a) |
it-tħejjija u l-iżgurar tal-implimentazzjoni tal-pjan strateġiku, kif ukoll l-attivitajiet adottati fil-programm ta’ ħidma annwali jew pluriennali tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili; |
|
(b) |
il-ġestjoni, l-amministrazzjoni u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tan-Netwerk tal-Għarfien; |
|
(c) |
it-twettiq tar-rappurtar tal-attivitajiet tan-Netwerk tal-Għarfien. |
4. Is-segretarjat għandu jassisti, fejn meħtieġ, fil-laqgħat tal-korpi konsultattivi tan-Netwerk tal-Għarfien.
Artikolu 15
Kunfidenzjalità
Il-membri tal-Bord, is-segretarjat u l-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fit-Trattati u fir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-Unjoni, stabbiliti fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (5). Jekk jonqsu milli jirrispettaw dawn l-obbligi, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa.
Artikolu 16
Trasparenza
1. Fir-rigward tal-kompożizzjoni tan-Netwerk tal-Għarfien, id-data li ġejja għandha tiġi ppubblikata fir-Reġistru tal-Kummissjoni tal-gruppi ta’ esperti u entitajiet simili oħra u fuq il-pjattaforma online li għandha tappoġġa u tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-kompiti differenti msemmija fl-Artikolu 13(1), il-punt (d) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE:
|
(a) |
l-ismijiet tal-Istati Membri rrappreżentati mill-awtoritajiet li huma membri tal-Bord u l-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri; |
|
(b) |
l-ismijiet tal-awtoritajiet li jirrappreżentaw lill-Istati Parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni fil-gruppi ta’ ħidma tal-pilastri; |
|
(c) |
l-ismijiet tal-awtoritajiet li jirrappreżentaw lill-Istati Parteċipanti fil-Mekkaniżmu tal-Unjoni li lilhom jingħata l-istatus ta’ osservatur lill-Bord. |
2. Id-dokumenti kollha tal-laqgħat tal-korpi tan-Netwerk tal-Għarfien, inklużi l-aġendi, il-minuti, is-sottomissjonijiet tal-parteċipanti għandhom ikunu disponibbli fir-Reġistru tal-Kummissjoni tal-gruppi ta’ esperti u ppubblikati fuq l-istess pjattaforma online imsemmija fl-Artikolu 13(1), il-punt (d) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE. B’mod partikolari, l-aġenda u dokumenti ta’ sfond rilevanti oħra għandhom jiġu ppubblikati fi żmien debitu qabel il-laqgħa, segwiti mill-pubblikazzjoni f’waqtha tal-minuti. L-eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni għandhom ikunu ristretti għal każijiet fejn l-iżvelar ta’ dokument idgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif definit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 (6).
Artikolu 17
Protezzjoni tad-data personali
Kull ipproċessar ta’ data personali għall-fini ta’ dawn ir-regoli ta’ proċedura għandu jkun konformi mar-Regolament (UE) 2018/1725.
Artikolu 18
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Novembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Janez LENARČIČ
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924.
(2) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(3) L-Anness 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2016) 3301 finali tat-30.5.2016 li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar il-ħolqien u t-tħaddim tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni.
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 5858 tal-5 ta’ Diċembru 2007 “Regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba min-nies barra mill-Kummissjoni mistiedna jattendu laqgħat fil-kapaċità tagħhom ta’ esperti”.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).