Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1818

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1818 tas-17 ta’ Lulju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards minimi għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi

C/2020/4757

ĠU L 406, 3.12.2020, p. 17–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/1818/oj

3.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 406/17


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1818

tas-17 ta’ Lulju 2020

li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards minimi għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19a(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Pariġi, adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima approvat mill-Unjoni fit-5 ta’ Ottubru 2016 (2) (“il-Ftehim ta’ Pariġi”), għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rispons għat-tibdil fil-klima, billi jippermetti fost oħrajn li l-flussi ta’ investiment jkunu konformi ma’ perkors lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet serra u żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

(2)

Fil-11 ta’ Diċembru 2019 il-Kummissjoni adottat il-komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew” (3). Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa strateġija ġdida ta’ tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-Unjoni f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva fejn fl-2050 ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta’ gassijiet serra u fejn it-tkabbir ekonomiku ma jkunx marbut mal-użu tar-riżorsi. L-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew tirrikjedi li l-investituri jiġu offruti sinjali ċari u fit-tul biex jevitaw l-assi mhux rekuperabbli u biex iżidu l-finanzi sostenibbli.

(3)

Ir-Regolament (UE) 2016/1011 jistabbilixxi l-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-metodoloġija ta’ dawn il-parametri referenzjarji hija bbażata fuq l-impenji stabbiliti fil-Ftehim ta’ Pariġi. Jeħtieġ li jiġu speċifikati l-istandards minimi applikabbli għaż-żewġ tipi ta’ parametri referenzjarji. Il-parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi jsegwu objettivi simili iżda jvarjaw fil-livell ta’ ambizzjoni tagħhom. Għalhekk, il-biċċa l-kbira tal-istandards minimi jenħtieġ li jkunu komuni għaż-żewġ tipi ta’ parametri referenzjarji, iżda l-limiti stabbiliti jenħtieġ li jvarjaw skont it-tip ta’ parametru referenzjarju.

(4)

Bħalissa ma hemmx biżżejjed data biex tiġi vvalutata l-impronta tal-karbonju li tirriżulta minn deċiżjonijiet li jittieħdu minn entitajiet sovrani. Għalhekk, jenħtieġ li l-ħruġ ibbażat fuq is-sovranità ma jkunx il-kostitwenti eliġibbli tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi.

(5)

Peress li l-metodoloġija tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi hija bbażata fuq l-impenji stabbiliti fil-Ftehim ta’ Pariġi, jeħtieġ li jintuża x-xenarju ta’ 1,5 °C, mingħajr l-ebda eċċess jew inkella eċċess limitat, imsemmi fir-Rapport Speċjali dwar it-Tisħin Globali ta’ 1,5 °C mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC, Intergovernmental Panel on Climate Change) (4) (“ix-xenarju tal-IPCC”). Dan ix-xenarju tal-IPCC huwa konformi mal-objettiv tal-Kummissjoni li tilħaq emissjonijiet żero netti ta’ gassijiet serra (GHG) sal-2050, kif stabbilit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew. Sabiex ikun hemm konformità max-xenarju tal-IPCC, jenħtieġ li l-investimenti jiġu riallokati minn attivitajiet dipendenti fuq il-fjuwils fossili għal attivitajiet ekoloġiċi jew rinnovabbli, u l-impatt fuq il-klima ta’ dawn l-investimenti jenħtieġ jitjieb sena wara sena.

(6)

Is-setturi elenkati fit-Taqsimiet minn A sa H u t-Taqsima L tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), inklużi s-setturi taż-żejt, tal-gass, tal-minjieri u tat-trasport, huma setturi li jikkontribwixxu ħafna għat-tibdil fil-klima. Biex ikun żgurat li l-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi jipprovdu stampa realistika tal-ekonomija reali, inkluża dik ta’ setturi li jenħtieġ li jnaqqsu b’mod attiv l-emissjonijiet tal-GHG biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi, l-esponiment ta’ dawn il-parametri referenzjarji għal dawn is-setturi ma għandux ikun inqas mill-esponiment tal-univers tal-investimenti sottostanti tagħhom. Madankollu, dan ir-rekwiżit jenħtieġ li japplika biss għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u għall-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi li jkunu parametri referenzjarji ta’ ekwità, sabiex jiġi żgurat li l-investituri tal-ekwità li jappoġġaw l-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi jżommu l-influwenza tagħhom, permezz tal-impenn u tal-vot, fuq it-tranżizzjoni tal-kumpanija lejn attivitajiet aktar sostenibbli.

(7)

Jenħtieġ li l-kalkolu tal-emissjonijiet tal-GHG jkun komparabbli u konsistenti. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar kemm-il darba dawn il-kalkoli jenħtieġ li jiġu aġġornati u, fejn applikabbli, dwar il-munita li għandha tintuża.

(8)

Id-dekarbonizzazzjoni bbażata biss fuq l-Ambitu 1 u l-Ambitu 2 tal-emissjonijiet tal-GHG tista’ twassal għal riżultati kontrointuwittivi. Għaldaqstant jenħtieġ li jiġi ċċarat li l-istandards minimi għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi ma għandhomx iqisu biss l-emissjonijiet diretti mill-kumpaniji, iżda wkoll l-emissjonijiet ivvalutati abbażi taċ-ċiklu tal-ħajja biex b’hekk jinkludu l-emissjonijiet tal-GHG tal-Ambitu 3. Madankollu, minħabba l-kwalità insuffiċjenti tad-data attwalment disponibbli għall-emissjonjiet tal-GHG tal-Ambitu 3, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita skeda ta’ żmien xierqa għall-introduzzjoni gradwali u li jiġi permess l-użu ta’ riżervi ta’ fjuwils fossili għal perijodu limitat ta’ żmien. Din l-iskeda ta’ żmien għall-intorduzzjoni gradwali għandha tkun ibbażata fuq il-lista ta’ attivitajiet ekonomiċi stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1893/2006.

(9)

L-amministraturi tal-parametri referenzjarji jenħtieġ li jkollhom il-possibbiltà li jagħtu aktar piż lill-kumpaniji abbażi tal-għanijiet ta’ dekarbonizzazzjoni stabbiliti minn dawn il-kumpaniji. Għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi relatati mal-miri ta’ dekarbonizzazzjoni rrappurtati minn kumpaniji individwali.

(10)

Il-parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi jenħtieġ li juru li huma kapaċi jiddekarbonizzaw ruħhom minn sena għall-oħra. Din it-trajettorja tad-dekarbonizzazzjoni minima jenħtieġ li tiġi kkalkulata billi jintuża x-xenarju tal-IPCC. Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat il-greenwashing, jenħtieġ li jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet biex issir devjazzjoni mit-trajettorja tad-dekarbonizzazzjoni u l-kundizzjonijiet għad-dritt li il-parametru referenzjarju jibqa’ jingħata t-tikketta ta’ Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew ta’ Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta’ Pariġi.

(11)

Il-parametru ewlieni għall-kalkolu tat-trajettorja tad-dekarbonizzazzjoni jenħtieġ li jkun l-intensità tal-GHG, peress li dan il-parametru jiżgura l-komparabbiltà bejn is-setturi u ma jkunx preġudikat favur settur partikolari jew ikun kontrih. Biex tiġi kkalkulata l-intensità tal-GHG, tkun meħtieġa l-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-kumpanija kkonċernata. Madankollu, fejn il-parametri referenzjarji japplikaw għal strumenti korporattivi b’introjtu fiss, il-kapitalizzazzjoni tas-suq tista’ ma tkunx disponibbli għal kumpaniji li ma għandhomx titoli ta’ ekwità elenkati. Għaldaqstant jenħtieġ li jiġi stabbilit li fejn il-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew il-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi japplikaw għal strumenti korporattivi b’introjtu fiss, jenħtieġ li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jitħallew jużaw l-emissjonijiet tal-GHG kkalkulati fuq bażi assoluta, aktar milli abbażi tal-intensità tal-GHG.

(12)

Sabiex jiġu żgurati l-komparabbiltà u l-konsistenza tad-data dwar l-emissjonijiet tal-GHG, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dwar kif għandhom jiġu kkalkulati l-bidliet fl-intensità tal-GHG jew fl-emissjonijiet tal-GHG assoluti.

(13)

L-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi jirrikjedi li kemm il-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE kif ukoll il-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi jkollhom tnaqqis ta’ referenza, bħala perċentwal, fl-esponiment għall-assi b’intensità ta’ GHG meta mqabbla mal-parametri referenzjarji standard tagħhom jew mal-univers tal-investiment sottostanti. Madankollu, jenħtieġ li dan it-tnaqqis perċentwali jkun aktar sinifikanti għall-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, li, min-natura tagħhom, huma aktar ambizzjużi mill-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE.

(14)

Jenħtieġ li l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi ma jikkontribwixxux għall-promozzjoni ta’ investimenti fl-istrumenti finanzjarji maħruġa minn kumpaniji li jiksru l-istandards globali bħall-Prinċipji tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNGC, United Nations Global Compact). Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kriterji ta’ esklużjoni speċifiċi li huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet relatati mal-klima jew ma’ kunsiderazzjonijiet oħra ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG). Il-parametri referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jenħtieġ li jikkonformaw ma’ dawn il-kriterji ta’ esklużjoni sal-31 ta’ Diċembru 2022, skont l-iskeda ta’ żmien stabbilita fir-Regolament (UE) 2016/1011.

(15)

Sabiex jiġu appoġġati t-tnaqqis fl-użu tas-sorsi ta’ enerġija li jniġġsu u t-tranżizzjoni xierqa għal dawk rinnovabbli, huwa xieraq ukoll li l-kumpaniji li jdaħħlu aktar minn perċentwal stabbilit tal-introjtu tagħhom mill-faħam, miż-żejt jew mill-gass jiġu esklużi mill-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi. Il-bidliet fis-sehem ta’ dawn is-sorsi tal-enerġija mill-provvista globali tal-enerġija primarja mill-2020 sal-2050, kif mistenni fix-xenarju tal-IPCC, jenħtieġ li jitqiesu biex jiġu stabbiliti dawn l-esklużjonijiet speċifiċi. B’mod partikolari, skont it-Tabella 2.6 tar-Rapport Speċjali tal-IPCC dwar tisħin globali ta’ 1,5 °C, bejn l-2020 u l-2050, l-użu tal-faħam huwa mistenni li jonqos bejn 57 % u 99 % u l-użu taż-żejt bejn 9 % u 93 %, filwaqt li l-użu tal-gass huwa mistenni li jiżdied b’85 % jew li jinżel bi 88 %. Il-gass jista’ jintuża matul it-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, b’mod partikolari bħala sostituzzjoni għall-faħam, li jispjega l-firxa wiesgħa mistennija ta’ evoluzzjoni tiegħu, għalkemm it-tnaqqis medjan mistenni tal-użu tiegħu huwa ta’ 40 %. Għall-istess raġuni, huwa meħtieġ li jiġu esklużi l-kumpaniji li jdaħħlu aktar minn perċentwal stabbilit tal-introjtu tagħhom mill-attivitajiet tal-ġenerazzjoni tal-elettriku.

(16)

Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza għall-metodoloġija użata għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u għall-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar id-divulgazzjonijiet meħtieġa li għandhom x’jaqsmu mat-trajettorja tad-dekarbonizzazzjoni u s-sorsi tad-data għaż-żewġ kategoriji ta’ parametri referenzjarji. Għall-istess raġuni, huwa xieraq li jiġu stabbiliti rekwiżiti ta’ divulgazzjoni għall-amministraturi tal-parametri referenzjarji li jużaw stimi għad-data marbutin mal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, kemm jekk ipprovduti minn fornituri tad-data esterni u kemm jekk le.

(17)

Sabiex tiġi appoġġata l-armonizzazzjoni tal-metodoloġija għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar il-kwalità u l-akkuratezza tas-sorsi tad-data,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG)” tfisser emissjonijiet tal-gassijiet serra kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (1) tar-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

(b)

“emissjonijiet tal-gassijiet serra (GHG) assoluti” tfisser tunnellati ta’ ekwivalenti ta’ CO 2, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (7) tar-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

(c)

“intensità tal-gassijiet serra (GHG)” tfisser l-emissjonijiet tal-GHG assoluti diviżi bil-valur tal-intrapriża, inklużi l-flus, f’miljuni ta’ Euro;

(d)

“valur tal-intrapriża inklużi l-flus” jew “EVIC (enterprise value including cash)” tfisser is-somma, fi tmiem is-sena fiskali, tal-kapitalizzazzjoni tas-suq ta’ ishma ordinarji, tal-kapitalizzazzjoni tas-suq ta’ ishma privileġġati, u l-valur kontabilistiku ta’ dejn totali u tal-interessi nonkontrollanti, mingħajr it-tnaqqis ta’ flus jew ekwivalenti ta’ flus;

(e)

“univers tal-investimenti” tfisser il-ġabra tal-istrumenti kollha ta’ investiment fi klassi ta’ assi partikolari jew grupp ta’ klassijiet ta’ assi;

(f)

“sena bażi” tfisser l-ewwel waħda minn serje ta’ snin f’parametru referenzjarju.

KAPITOLU II

STANDARDS MINIMI GĦAT-TFASSIL TAL-METODOLOĠIJA TAL-PARAMETRI REFERENZJARJI

TAQSIMA 1

STANDARDS MINIMI KOMUNI GĦALL-PARAMETRI REFERENZJARJI TAT-TRANŻIZZJONI KLIMATIKA TAL-UE U L-PARAMETRI REFERENZJARJI TAL-UE ALLINJATI MAL-FTEHIM TA’ PARIĠI

Artikolu 2

Ix-xenarju tat-temperatura ta’ referenza

L-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi għandhom jużaw ix-xenarju ta’ 1,5 °C, mingħajr l-ebda eċċess jew inkella eċċess limitat, imsemmi fir-Rapport Speċjali dwar it-Tisħin Globali ta’ 1,5 °C mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC, Intergovernmental Panel on Climate Change) bħala x-xenarju tat-temperatura ta’ referenza biex ifasslu l-metodoloġija biex isawru dawn il-parametri referenzjarji.

Artikolu 3

Restrizzjonijiet għall-allokazzjoni tal-ekwità

Il-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi li huma bbażati fuq titoli ta’ ekwità elenkati f’suq pubbliku fl-Unjoni jew f’ġuriżdizzjoni oħra, għandhom ikollhom esponiment aggregat għas-setturi elenkati fit-Taqsimiet minn A sa H u t-Taqsima L tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1893/2006 li jkun mill-inqas ekwivalenti għall-esponiment aggregat tal-univers tal-investimenti sottostanti ta’ dawn is-setturi.

Artikolu 4

Il-kalkolu tal-intensità tal-GHG jew tal-emissjonijiet tal-GHG assoluti

1.   L-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi għandhom jikkalkulaw l-intensità tal-GHG, jew fejn applikabbli, l-emissjonijiet tal-GHG assoluti ta’ dawk il-parametri referenzjarji li jużaw l-istess munita għall-assi sottostanti kollha tagħhom.

2.   L-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi għandhom jikkalkulaw mill-ġdid l-intensità tal-GHG u l-emissjonijiet tal-GHG assoluti ta’ dawn il-parametri referenzjarji fuq bażi annwali.

Artikolu 5

L-introduzzjoni gradwali tad- data dwar l-emissjonijiet tal-GHG tal-Ambitu 3 fil-metodoloġija tal-paramentri referenzjarji

1.   Il-metodoloġija tal-parametri referenzjarji għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew il-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi għandhom jinkludu d-data dwar l-emissjonijiet tal-GHG tal-Ambitu 3 b’dan il-mod:

(a)

Mit-23 ta’ Diċembru 2020, id-data dwar l-emissjonijiet tal-GHG tal-Ambitu 3 għal mill-inqas is-setturi tal-enerġija u tat-tħaffir fil-minjieri msemmijin fid-Diviżjonijiet minn 05 sa 09, 19 u 20 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1893/2006;

(b)

fi żmien sentejn mit-23 ta’ Diċembru 2020, id-data dwar l-emissjonijiet tal-GHG tal-Ambitu 3 għal mill-anqas is-setturi tat-trasport, tal-kostruzzjoni, tal-bini, tal-materjali u s-setturi industrijali msemmijin fid-Diviżjonijiet minn 10 sa 18, minn 21 sa 33, 41, 42 u 43, minn 49 sa 53 u d-Diviżjoni 81 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1893/2006;

(c)

fi żmien erba’ snin mit-23 ta’ Diċembru 2020, id-data dwar l-emissjonijiet tal-GHG tal-Ambitu 3 għas-setturi l-oħrajn kollha msemmija fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1893/2006.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (a), mit-23 ta’ Diċembru 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2021, l-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi jistgħu jużaw riżervi tal-fjuwils fossili, meta juru li ma jistgħux jikkalkulaw u lanqas jagħtu stima tad-data dwar l-emissjonijiet tal-GHG tal-Ambitu 3.

Artikolu 6

Il-kumpaniji li jistipulaw u jippubblikaw il-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-GHG.

L-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi jistgħu jżidu f’dawn il-parametri referenzjarji il-piż mogħti lill-emittenti tat-titoli kostitwenti li jistabbilixxu u jippubblikaw il-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-GHG, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-emittenti tat-titoli kostitwenti jippubblikaw b’mod konsistenti u bir-reqqa l-emissjonijiet tal-GHG tal-Ambiti 1, 2 u 3;

(b)

l-emittenti tat-titoli kostitwenti jkunu naqqsu l-intensità tal-GHG tagħhom jew, fejn applikabbli, l-emissjonijiet tal-GHG assoluti tagħhom, inkluż l-emissjonijiet tal-GHG tal-Ambiti 1, 2 u 3 b’medja ta’ mill-inqas 7 % fis-sena għal mill-inqas tliet snin konsekuttivi.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-emissjonijiet tal-GHG tal-Ambitu 3 għandhom jinftiehmu f’konformità mal-perjodu ta’ implimentazzjoni gradwali stabbilit fl-Artikolu 5.

Artikolu 7

L-istabbiliment tat-trajettorja tad-dekarbonizzazzjoni

1.   It-trajettorja tad-dekarbonizzazzjoni għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u għall-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi għandu jkollha l-miri li ġejjin:

(a)

għat-titoli ta’ ekwità elenkati f’suq pubbliku fl-Unjoni jew f’ġuriżdizzjoni oħra, tnaqqis ta’ mill-inqas 7 % tal-intensità tal-GHG bħala medja fis-sena;

(b)

għat-titoli ta’ dejn minbarra dawk maħruġa minn emittent sovran, fejn l-emittent ta’ dawn it-titoli tad-dejn ikollu titoli ta’ ekwità li huma elenkati f’suq pubbliku fl-Unjoni jew f’ġuriżdizzjoni oħra, tnaqqis ta’ mill-inqas 7 % fl-intensità tal-GHG bħala medja fis-sena jew tnaqqis ta’ mill-inqas 7 % tal-emissjonijiet tal-GHG assoluti bħala medja fis-sena;

(c)

għat-titoli ta’ dejn minbarra dawk maħruġa minn emittent sovran, fejn l-emittent ta’ dawn it-titoli ta’ dejn ma jkollux titoli ta’ ekwità li huma elenkati f’suq pubbliku fl-Unjoni jew f’ġuriżdizzjoni oħra, tnaqqis ta’ mill-inqas 7 % tal-emissjonijiet tal-GHG assoluti bħala medja fis-sena.

2.   Il-miri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu kkalkulati b’mod ġeometriku u dan ifisser li t-tnaqqis minimu annwali ta’ 7 % tal-intensità tal-GHG jew tal-emissjonijiet tal-GHG assoluti għas-sena “n” għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-intensità tal-GHG jew tal-emissjonijiet tal-GHG assoluti għas-sena n-1, fi progressjoni ġeometrika mis-sena bażi.

3.   Meta l-EVIC medju tat-titoli kostitwenti tal-parametru referenzjarju jkun żdied jew naqas matul l-aħħar sena kalendarja, l-EVIC ta’ kull kostitwent għandu jiġi aġġustat billi jiġi diviż b’fattur ta’ aġġustament għall-inflazzjoni tal-valur tal-intrapriża. Dan il-fattur ta’ aġġustament għall-inflazzjoni tal-valur tal-intrapriża għandu jiġi kkalkulat billi jiġi diviż l-EVIC medju tal-kostitwenti tal-parametru referenzjarju fi tmiem is-sena kalendarja bl-EVIC medju tal-kostitwenti tal-parametru referenzjarju fi tmiem is-sena kalendarja preċedenti.

4.   L-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi, għal kull sena li fiha l-miri stabbiliti fil-paragrafu 1 ma jintlaħqux, għandhom jagħtu kumpens għal dawk il-miri li ma ntlaħqux billi jaġġustaw ’l fuq il-miri tat-trajettorja tad-dekarbonizzazzjoni tagħhom għas-sena ta’ wara.

5.   L-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi ma għandhomx jibqgħu jimmarkaw il-parametri referenzjarji tagħhom bħala tali meta:

(a)

il-miri stipulati fil-paragrafu 1 ma jintlaħqux f’sena partikolari u l-miri li ma jintlaħqux ma jiġux ikkumpensati fis-sena ta’ wara; jew

(b)

il-miri stabbiliti fil-paragrafu 1 ma jintlaħqux fi tliet okkażjonijiet waqt kwalunkwe perjodu konsekuttiv ta’ 10 snin.

L-amministraturi tal-parametri referenzjarji jistgħu jerġgħu jimmarkaw parametru referenzjarju bħala Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew bħala Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta’ Pariġi meta dan il-parametru referenzjarju jissodisfa l-mira tat-trajettorja tad-dekarbonizzazzjoni għal sentejn konsekuttivi wara li jitlef it-tikketta, dment li dan il-parametru referenzjarju ma jkunx tilef din it-tikketta darbtejn.

Artikolu 8

Bidla fl-intensità tal-GHG u fl-emissjonijiet tal-GHG assoluti

1.   Il-bidla fl-intensità tal-GHG jew fl-emissjonijiet tal-GHG assoluti għandha tiġi kkalkulata bħala l-bidla perċentwali bejn, fuq naħa waħda, l-intensità medja ponderata tal-GHG jew tal-emissjonijiet tal-GHG assoluti tal-kostitwenti kollha tal-Parametru Referenzjarju tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew il-Parametru Referenzjarju tal-UE allinjat mal-Ftehim ta’ Pariġi fl-aħħar tas-sena “n” u, min-naħa l-oħra, l-intensità medja ponderata tal-GHG jew tal-emissjonijiet tal-GHG assoluti tal-kostitwenti kollha tal-paramentri referenzjarji fl-aħħar tas-sena n-1.

2.   L-amministraturi tal-parametri referenzjarji għandhom jużaw sena bażi ġdida kull meta jseħħu bidliet sinifikanti fil-metodoloġija ta’ kalkolu tal-intensità tal-GHG jew tal-emissjonijiet tal-GHG assoluti.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, sena ta’ bażi ġdida għandha tfisser is-sena li fiha tiġi kkalkulata t-trajettorja tad-dekarbonizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 7.

L-għażla ta’ sena bażi ġdida għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 7(5).

TAQSIMA 2

L-ISTANDARDS MINIMI GĦALL-PARAMETRI REFERENZJARJI TAT-TRANŻIZZJONI KLIMATIKA TAL-UE

Artikolu 9

It-tnaqqis ta’ referenza tal-intensità tal-GHG jew tal-emissjonijiet tal-GHG assoluti għall-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE.

L-intensità tal-GHG jew, fejn applikabbli, l-emissjonijiet tal-GHG assoluti għal Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE, inklużi l-Ambiti 1, 2 u 3 u l-emissjonijiet tal-GHG, għandhom ikunu mill-inqas 30 % inqas mill-intensità tal-GHG jew mill-emissjonijiet tal-GHG assoluti tal-univers tal-investimenti.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-emissjonijiet tal-GHG tal-Ambitu 3 għandhom jinftiehmu f’konformità mal-perjodu ta’ implimentazzjoni gradwali stabbilit fl-Artikolu 5.

Artikolu 10

L-esklużjoni mill-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE

1.   L-amministraturi tal-Parametru Referenzjarju tat-Tranżazzjoni Klimatika tal-UE għandhom jiddivulgaw fil-metodoloġija tagħhom jekk jeskludux kumpaniji u kif jagħmlu dan.

2.   Sal-31 ta’ Diċembru 2022, l-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 12(1), il-punti (a), (b) u (c), u l-Artikolu 12(2).

TAQSIMA 3

L-ISTANDARDS MINIMI GĦALL-PARAMETRI REFERENZJARJI TAL-UE ALLINJATI MAL-FTEHIM TA’ PARIĠI

Artikolu 11

It-tnaqqis ta’ referenza tal-intensità tal-GHG jew tal-emissjonijiet tal-GHG assoluti għall-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-ftehim ta’ Pariġi.

L-intensità tal-GHG jew, fejn applikabbli, l-emissjonijiet tal-GHG assoluti għal Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-ftehim ta’ Pariġi, inklużi l-Ambiti 1, 2 u 3 u l-emissjonijiet tal-GHG, għandhom ikunu mill-inqas 50 % inqas mill-intensità tal-GHG jew mill-emissjonijiet tal-GHG assoluti tal-univers tal-investimenti.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-emissjonijiet tal-GHG tal-Ambitu 3 għandhom jinftiehmu f’konformità mal-perjodu ta’ implimentazzjoni gradwali stabbilit fl-Artikolu 5.

Artikolu 12

L-esklużjoni mill-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-ftehim ta’ Pariġi

1.   L-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi għandhom jeskludu l-kumpaniji kollha li ġejjin minn dawn il-parametri referenzjarji:

(a)

il-kumpaniji involuti fi kull attività relatata ma’ armi kontroversjali;

(b)

il-kumpaniji involuti fil-kultivazzjoni u l-produzzjoni tat-tabakk;

(c)

il-kumpaniji li l-amministraturi tal-parametru referenzjarju jaraw li jiksru l-prinċipji tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti (UNGC) jew tal-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) għall-Intrapriżi Multinazzjonali;

(d)

il-kumpaniji li jiksbu 1 % jew aktar tad-dħul tagħhom mill-esplorazzjoni, l-attivitajiet tal-minjieri, l-estrazzjoni, id-distribuzzjoni jew ir-raffinar tal-faħam u tal-linjite;

(e)

il-kumpaniji li jiksbu 10 % jew aktar tad-dħul tagħhom mill-esplorazzjoni, l-estrazzjoni, id-distribuzzjoni jew ir-raffinar tal-karburanti taż-żejt kombustibbli;

(f)

il-kumpaniji li jiksbu 50 % jew aktar tad-dħul tagħhom mill-esplorazzjoni, l-estrazzjoni, il-manifattura jew id-distribuzzjoni ta’ fjuwils gassużi;

(g)

il-kumpaniji li jiksbu 50 % jew aktar tad-dħul tagħhom mill-ġenerazzjoni tal-elettriku b’intensità tal-GHG ta’ aktar minn 100 g CO2 e/kWh.

Għall-finijiet tal-punt (a), armi kontroversjali għandhom ifissru armi kontroversjali kif imsemmi fit-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali, fil-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti u, fejn applikabbli, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

2.   L-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi għandhom jeskludu minn dawn il-parametri referenzjarji kwalunkwe kumpanija li tinstab jew li hija kkunsidrata minnhom jew mill-fornituri tad-data esterni bħala ta’ ħsara sinifikanti għal wieħed jew għal uħud mill-objettivi ambjentali msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), f’konformità mar-regoli dwar l-istimi stabbiliti fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi għandhom jiddivulgaw fil-metodoloġija tal-parametru referenzjarju tagħhom kwalunkwe kriterju ta’ esklużjoni addizzjonali li jużaw u li huwa bbażat fuq fatturi relatati mal-klima jew fuq fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) oħra.

KAPITOLU III

TRASPARENZA U AKKURATEZZA

Artikolu 13

Ir-rekwiżiti ta’ trasparenza għall-istimi

1.   Minbarra r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III tar-Regolament (UE) 2016/1011, l-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi li jużaw stimi li mhumiex ibbażati fuq data pprovduta minn fornitur tad-data estern, għandhom jifformalizzaw, jiddokumentaw u jippubblikaw il-metodoloġija li fuqha huma bbażati dawn l-stimi, inkluż:

(i)

l-approċċ li użaw biex jiġu kkalkulati l-emissjonijiet tal-GHG, u s-suppożizzjonijiet ewlenin u l-prinċipji ta’ prekawzjoni sottostanti għal dawn l-istimi;

(ii)

il-metodoloġija ta’ riċerka biex jiġu stmati l-emissjonijiet tal-GHG neqsin, mhux irrapportati, jew li ma jiġux irrapportati kollha;

(iii)

il-ġabriet tad-data esterni użati fl-istima tal-emissjonijiet tal-GHG neqsin, mhux irrapportati, jew li ma jiġux irrapportati kollha;

(b)

l-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE jew tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi li jużaw stimi li huma bbażati fuq data pprovduta minn fornitur tad-data estern, għandhom jifformalizzaw, jiddokumentaw u jippubblikaw l-informazzjoni kollha li ġejja:

(i)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-fornitur tad-data;

(ii)

il-metodoloġija użata u s-suppożizzjonijiet ewlenin u l-prinċipji ta’ prekawzjoni, fejn disponibbli;

(iii)

hyperlink għas-sit web tal-fornitur tad-data, u għall-metodoloġija rilevanti użata, fejn disponibbli.

2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 12(2), l-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

l-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi li jużaw stimi li mhumiex ibbażati fuq data pprovduta minn fornitur tad-data estern, għandhom jifformalizzaw, jiddokumentaw u jippubblikaw il-metodoloġija li fuqha huma bbażati dawn l-stimi, inkluż:

(i)

l-approċċ u l-metodoloġija ta’ riċerka użati u s-suppożizzjonijiet ewlenin u l-prinċipji ta’ prekawzjoni sottostanti għal dawn l-istimi;

(ii)

il-ġabriet ta’ data esterni użati fl-istima;

(b)

l-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi li jużaw stimi li huma bbażati fuq data pprovduta minn fornitur tad-data estern, għandhom jifformalizzaw, jiddokumentaw u jippubblikaw l-informazzjoni kollha li ġejja:

(i)

l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-fornitur tad-data;

(ii)

il-metodoloġija użata u s-suppożizzjonijiet ewlenin u l-prinċipji ta’ prekawzjoni, fejn disponibbli;

(iii)

hyperlink għas-sit web tal-fornitur tad-data, u għall-metodoloġija rilevanti użata, fejn disponibbli.

Artikolu 14

Id-divulgazzjoni tat-trajettorja tad-dekarbonizzazzjoni

L-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi għandhom jifformalizzaw, jiddokumentaw u jippubblikaw it-trajettorji tad-dekarbonizzazzjoni ta’ dawn il-parametri referenzjarji, is-sena bażi użata biex jiġu ddeterminati dawn it-trajettorji tad-dekarbonizzazzjoni, u meta ma jintlaħqux il-miri stabbiliti fit-trajettorja tad-dekarbonizzazzjoni, ir-raġunijiet għal dan in-nuqqas u l-passi li se jittieħdu biex tintlaħaq il-mira aġġustata msemmija fl-Artikolu 7(4).

Artikolu 15

L-akkuratezza tas-sorsi tad- data

1.   L-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi għandhom jiżguraw li d-data dwar l-emissjonijiet tal-GHG tal-Ambiti 1, 2 u 3 tkun preċiża, skont standards globali jew Ewropej, bħall-Impronta Ambjentali tal-Prodotti (PEF, Product Environmental Footprint), il-metodi (9) tal-Impronta Ambjentali tal-Organizzazzjoni (OEF, Organisation Environmental Footprint), l-Istandard (10) tal-Kontabilità u tar-Rapportar tal-Katina tal-Valur Korporattiva (l-Ambitu 3), l-EN ISO 14064 jew l-EN ISO 14069.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u l-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi għandhom jiddivulgaw fil-metodoloġija tagħhom l-istandard li użaw.

3.   L-amministraturi tal-Parametri Referenzjarji tat-Tranżizzjoni Klimatika tal-UE u tal-Parametri Referenzjarji tal-UE allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi għandhom jiżguraw li d-data tal-emissjonijiet tal-GHG hija komparabbli u ta’ kwalità.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1841 tal-5 ta’ Ottubru 2016 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (ĠU L 282, 19.10.2016, p. 1).

(3)  COM(2019) 640 final.

(4)  IPCC, 2018: It-tisħin Globali ta’ 1,5 °C. Rapport Speċjali tal-IPCC dwar l-impatti tat-tisħin globali ta’ 1,5 °C aktar mil-livelli preindustrijali u t-trajettorja tal-emissjonijiet globali tal-gassijiet serra, fil-kuntest tat-tisħiħ tar-rispons globali għat-theddida tat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u l-isforzi biex jinqered il-faqar.

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta’ attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26).

(7)  Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli, u li jemenda r-Regolament (UE) 2019/2088 (ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13).

(9)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE tad-9 ta’ April 2013 dwar l-użu ta’ metodi komuni għall-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti u ta’ organizzazzjonijiet (ĠU L 124, 4.5.2013, p. 1).

(10)  Value Chain (Scope 3) Accounting and Reporting Standard (Settembru 2011) (L-Istandard tal-Kontabilità u tar-Rapportar tal-Katina tal-Valur (l-Ambitu 3)), li jissupplimenta l-GHG Protocol Corporate Accounting and Reporting Standard (l-Istandard Korporattiv tal-Kontabilità u tar-Rapportar għall-Protokoll tal-GHG).


Top