EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R0856

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/856 tas-26 ta' Frar 2019 li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-operat tal-Fond għall-innovazzjoni (Test b'rilevanza għaż-ŻEE.)

C/2019/1492

ĠU L 140, 28.5.2019, p. 6–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 21/11/2023

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2019/856/oj

28.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 140/6


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/856

tas-26 ta' Frar 2019

li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-operat tal-Fond għall-innovazzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b'mod partikulari r-raba' subparagrafu tal-Artikolu 10a(8) tagħha,

Billi:

(1)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ddettaljati dwar l-operat tal-Fond għall-innovazzjoni stabbilit bid-Direttiva 2003/87/KE u implimentat abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE (2) billi jitqies it-tagħlim li ħareġ mill-programm NER 300; b'mod partikulari, jenħtieġ li jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (3).

(2)

Sabiex jiġu koperti l-profittabbiltà iktar baxxa u r-riskji teknoloġiċi ogħla tal-proġetti eliġibbli meta mqabbla ma' dawk ta' teknoloġiji konvenzjonali, jenħtieġ li parti konsiderevoli mill-finanzjament tal-Fond għall-innovazzjoni tingħata fil-forma ta' għotja. Għalhekk jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ddettaljati dwar l-għoti tal-għotjiet.

(3)

Minħabba li r-riskji u l-profittabbiltà tal-proġetti eliġibbli jistgħu jvarjaw minn settur għall-ieħor u skont l-attivitajiet ta' dawk il-proġetti u jistgħu wkoll jevolvu maż-żmien, huwa xieraq li parti mill-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni titħalla tingħata fil-forma ta' kontribuzzjonijiet għal operazzjonijiet ta' taħlit li jsiru fil-kuntest tal-istrument tal-Unjoni għall-appoġġ għall-investiment, kif ukoll f'forom oħrajn previsti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”).

(4)

Huwa xieraq li d-differenza bejn l-ispejjeż totali ta' proġett eliġibbli u l-ispejjeż totali ta' proġett ekwivalenti li juża teknoloġija konvenzjonali titqies bħala spiża rilevanti għall-finijiet ta' finanzjament fil-kuntest tal-Fond għall-innovazzjoni. Madankollu, sabiex jiġi evitat piż amministrattiv żejjed għall-proġetti fuq skala żgħira u sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet speċifiċi tagħhom biex jiksbu finanzjament, jenħtieġ li l-ispejjeż rilevanti ta' proġett fuq skala żgħira jkunu jikkorrispondu għall-ispiża kollha tan-nefqa kapitali tat-tali proġett.

(5)

Sabiex il-proġetti eliġibbli jkollhom ir-riżorsi finanzjarji adegwati għad-dispożizzjoni tagħhom fil-ħin, jenħtieġ li l-għotjiet jingħataw abbażi tal-ilħiq ta' stadji importanti. Għall-proġetti kollha, jenħtieġ li l-istadji importanti jkunu jinkludu l-għeluq finanzjarju u d-dħul fit-tħaddim. Minħabba li jista' jkun li xi proġetti jkollhom bżonn jingħataw l-appoġġ f'punt taż-żmien differenti, huwa xieraq li tiġi prevista l-possibbiltà li fid-dokumentazzjoni kuntrattwali jiġu stabbiliti stadji importanti addizzjonali.

(6)

Sabiex tiżdied il-probabbiltà li l-proġetti jkollhom suċċess, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-possibbiltà li parti mill-għotja tingħata qabel ma l-proġett jibda jitħaddem. Fil-prinċipju, jenħtieġ li l-għotjiet jibdew jingħataw mal-għeluq finanzjarju u jkomplu waqt li l-proġett ikun qed jiġi zviluppat u waqt li jkun qed jitħaddem.

(7)

Jenħtieġ li l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni jkun jiddependi, fil-biċċa l-kbira tiegħu, fuq l-evitar ivverifikat tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Għalhekk jenħtieġ li, jekk ikun hemm ferm inqas emissjonijiet tal-gassijiet serra evitati milli kien ippjanat, dan iwassal biex l-ammont tal-appoġġ li kien jiddependi fuq it-tali evitar jitnaqqas u jiġi rkuprat. Madankollu, jenħtieġ li l-mekkaniżmu għat-tnaqqis u għall-irkupru jkun flessibbli biżżejjed biex iqis in-natura innovattiva tal-proġetti appoġġati mill-Fond għall-innovazzjoni.

(8)

Jenħtieġ li l-għotjiet mogħtija fil-kuntest tal-Fond għall-innovazzjoni jingħataw wara proċess tal-għażla kompetittiv permezz ta' sejħiet għall-proposti. Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għal dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti, jenħtieġ li tiġi stabbilita proċedura tal-applikazzjoni b'żewġ fażijiet, li tkun tikkonsisti f'espressjoni ta' interess u fl-applikazzjoni sħiħa.

(9)

Jenħtieġ li l-proġetti li għalihom tkun intbagħtet applikazzjoni għall-appoġġ mill-Fond għall-innovazzjoni jiġu vvalutati abbażi ta' kriterji kwalitattivi u kwantitattivi. Jenħtieġ li l-kombinament tat-tali kriterji jiżgura l-kompletezza tal-valutazzjoni tal-proġetti f'termini tal-potenzjal teknoloġiku u kummerċjali tagħhom. Sabiex tiġi żgurata għażla ġusta u bbażata fuq il-merti, jenħtieġ li l-proġetti jingħażlu abbażi tal-istess kriterji tal-għażla, iżda jiġu evalwati u kklassifikati l-ewwel fil-konfront ta' proġetti oħrajn fl-istess settur u, wara, fil-konfront ta' proġetti oħrajn fis-setturi kollha.

(10)

Jenħtieġ li l-proġetti li ma jkunux jidhru li huma maturi biżżejjed mil-lat tal-ippjanar, tal-mudell kummerċjali u tal-istruttura finanzjarja u legali tagħhom, b'mod partikulari fid-dawl ta' nuqqas possibbli ta' appoġġ min-naħa tal-Istati Membri kkonċernati jew ta' nuqqas possibbli tal-permessi nazzjonali meħtieġa, ma jingħażlux għall-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni. Madankollu, it-tali proġetti jaf ikunu promettenti. Għalhekk, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-possibbiltà li tingħata assistenza għall-iżvilupp ta' dawn il-proġetti. Jenħtieġ li l-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti tkun ta' benefiċċju b'mod partikulari għall-proġetti fuq skala żgħira u għall-proġetti fi Stati Membri b'introjtu iktar baxx sabiex tgħin biex l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni jitqassam b'mod ibbilanċjat mil-lat ġeografiku.

(11)

Huwa importanti li l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni jitqassam b'mod ibbilanċjat mil-lat ġeografiku. Sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn xi Stati Membri ma jkunux koperti biżżejjed, jenħtieġ li tiġi stabbilita l-possibbiltà li jiġu stabbiliti kriterji addizzjonali tal-għażla li jkollhom l-għan li jilħqu bilanċ ġeografiku fit-tieni sejħa għall-proposti jew fis-sejħiet għall-proposti ta' wara.

(12)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni. Madankollu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista' tiddelega xi wħud mill-azzjonijiet ta' implimentazzjoni, bħall-organizzazzjoni tas-sejħa għall-proposti, l-għażla minn qabel tal-proġetti jew il-ġestjoni kuntrattwali tal-għotjiet, lill-korpi ta' implimentazzjoni.

(13)

Jenħtieġ li l-ġestjoni tad-dħul tal-Fond għall-innovazzjoni, inkluż id-dħul mill-kwoti maqlubin għall-valur monetarju tagħhom fuq il-pjattaforma komuni tal-irkant skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 (5), tkun skont l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87/KE. Għalhekk jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq dan il-kompitu hija stess u tkun tista' tiddelegah lill-Bank Ewropew tal-Investiment.

(14)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tapplika regoli differenti skont il-mod ta' implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni. Meta l-Fond għall-innovazzjoni jiġi implimentat b'ġestjoni diretta, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikunu allinjati bis-sħiħ ma' dawk tar-Regolament Finanzjarju.

(15)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni. B'mod partikulari, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-Istati Membri dwar id-deċiżjonijiet ewlenin tal-implimentazzjoni, kif ukoll dwar l-iżvilupp tal-Fond għall-innovazzjoni.

(16)

Jenħtieġ li l-Fond għall-innovazzjoni jiġi implimentat skont il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju.

(17)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti arranġamenti ċari dwar ir-rappurtar, ir-responsabbiltà u l-kontroll finanzjarju sabiex ikun żgurat li l-Kummissjoni tirċievi informazzjoni kompluta u f'waqtha dwar il-progress tal-proġetti appoġġati mill-Fond għall-innovazzjoni, li l-entitajiet li jkunu qed jimmaniġġaw il-Fond għall-innovazzjoni japplikaw prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba, u li l-Istati Membri jiġu infurmati fil-ħin dwar l-implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli ddettaljati li jissupplimentaw id-Direttiva 2003/87/KE f'dak li għandu x'jaqsam mal-affarijiet li ġejjin:

(a)

l-għanijiet operattivi tal-Fond għall-innovazzjoni stabbilit bl-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE;

(b)

il-forom ta' appoġġ ipprovduti fil-kuntest tal-Fond għall-innovazzjoni;

(c)

il-proċedura tal-applikazzjoni għall-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni;

(d)

il-proċedura u l-kriterji għall-għażla tal-proġetti fil-kuntest tal-Fond għall-innovazzjoni;

(e)

l-għoti tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni;

(f)

il-governanza tal-Fond għall-innovazzjoni;

(g)

ir-rappurtar, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, il-kontroll u r-riklamar tal-operat tal-Fond għall-innovazzjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“għeluq finanzjarju” tfisser il-mument fiċ-ċiklu tal-iżvilupp tal-proġett meta l-arranġamenti kollha tal-proġett u tal-finanzjament ikunu ġew iffirmati u jkunu ntlaħqu l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa mogħtija fihom;

(2)

“dħul fit-tħaddim” tfisser il-mument fiċ-ċiklu tal-iżvilupp tal-proġett meta l-elementi u s-sistemi kollha meħtieġa biex il-proġett jitħaddem ikunu ġew ittestjati u jkunu bdew l-attivitajiet li jwasslu għall-evitar effettiv tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra;

(3)

“proġett fuq skala żgħira” tfisser proġett b'nefqa kapitali totali li ma taqbiżx is-EUR 7 500 000.

Artikolu 3

Għanijiet operattivi

Il-Fond għall-innovazzjoni għandu jkollu l-għanijiet operattivi li ġejjin:

(a)

li jappoġġa proġetti ta' dimostrazzjoni marbutin ma' teknoloġiji, proċessi jew prodotti innovattivi ħafna, li jkunu maturi biżżejjed u li jkollhom potenzjal sinifikanti biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra;

(b)

li joffri appoġġ finanzjarju li jkun adattat għall-ħtiġijiet tas-suq u għall-profili tar-riskju tal-proġetti eliġibbli, filwaqt li jattira riżorsi pubbliċi u privati addizzjonali;

(c)

li jiżgura li l-ġestjoni tad-dħul tiegħu tkun skont l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87/KE.

Artikolu 4

Forom ta' appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni

L-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni għall-proġett jista' jieħu l-forom li ġejjin:

(a)

għotjiet;

(b)

kontribuzzjonijiet għall-operazzjonijiet ta' taħlit li jsiru fil-kuntest tal-istrument tal-Unjoni għall-appoġġ għall-investiment;

(c)

meta dan ikun meħtieġ biex jinksibu l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87/KE, il-finanzjament fi kwalunkwe forma oħra minn fost dawk stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”), b'mod partikulari l-premjijiet u l-akkwisti.

KAPITOLU II

Dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għall-għotjiet

Artikolu 5

Spejjeż rilevanti

1.   Għall-finijiet tar-raba' sentenza tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE, l-ispejjeż rilevanti għandhom ikunu l-ispejjeż addizzjonali li dak li jkun qed jipproponi l-proġett iġarrab minħabba l-applikazzjoni tat-teknoloġija innovattiva marbuta mat-tnaqqis jew mal-evitar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. L-ispejjeż rilevanti għandhom jiġu kkalkulati bħala d-differenza bejn l-aħjar stima tan-nefqa kapitali totali, il-valur attwali nett tal-ispejjeż operattivi u l-benefiċċji li jkun hemm matul għaxar snin wara d-dħul fit-tħaddim tal-proġett meta mqabbla mar-riżultat tal-istess kalkolu għal produzzjoni konvenzjonali bl-istess kapaċità f'termini tal-produzzjoni effettiva tal-prodott aħħari rispettiv.

Meta ma tkunx teżisti l-produzzjoni konvenzjonali msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-ispejjeż rilevanti għandhom ikunu l-aħjar stima tan-nefqa kapitali totali u l-valur attwali nett tal-ispejjeż operattivi u l-benefiċċji li jkun hemm matul għaxar snin wara d-dħul fit-tħaddim tal-proġett.

2.   L-ispejjeż rilevanti ta' proġett fuq skala żgħira għandhom ikunu l-ispejjeż tan-nefqa kapitali totali ta' dak il-proġett.

Artikolu 6

Għoti tal-għotjiet

1.   L-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li jingħata fil-forma ta' għotja għandu jingħata malli jintlaħqu l-istadji importanti stabbiliti minn qabel.

2.   Għall-proġetti kollha, l-istadji importanti msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jissejsu fuq iċ-ċiklu tal-iżvilupp tal-proġett u għandhom jinkludu tal-inqas dawn li ġejjin:

(a)

l-għeluq finanzjarju;

(b)

id-dħul fit-tħaddim.

3.   Meta titqies it-teknoloġija mħaddma u ċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-settur jew tas-setturi li fihom tkun qed tintuża, jistgħu jiġu stabbiliti stadji importanti speċifiċi addizzjonali fid-dokumenti kuntrattwali.

4.   Sa 40 % tal-ammont totali tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni għal proġett speċifiku, inkluża l-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti, għandu jingħata mal-għeluq finanzjarju jew malli jintlaħaq stadju importanti speċifiku qabel l-għeluq finanzjarju meta jkun ġie stabbilit it-tali stadju importanti skont il-paragrafu 3.

5.   Sal-grad li fih l-ammont totali tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni għal proġett speċifiku ma jkunx ingħata skont il-paragrafu 4, dan l-ammont għandu jingħata wara l-għeluq finanzjarju. Dan jista' jingħata b'mod parzjali qabel id-dħul fit-tħaddim u f'pagamenti akkont annwali wara d-dħul fit-tħaddim.

6.   Għall-finijiet tal-paragrafi 4 u 5 ta' dan l-Artikolu, l-ammont totali tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li jingħata lil proġett speċifiku għandu jinkludi l-ammont tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni mogħti lil dak il-proġett bħala assistenza għall-iżvilupp tal-proġett skont l-Artikolu 13.

Artikolu 7

Regoli ġenerali dwar l-irkupru

1.   Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li, meta jiġu implimentati l-attivitajiet iffinanzjati skont dan ir-Regolament, jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Fond għall-innovazzjoni billi jiġu applikati miżuri preventivi kontra l-frodi, l-korruzzjoni u kull attività illegali oħra, billi jsiru kontrolli effettivi u, jekk jinstabu irregolaritajiet, billi jiġu rkuprati l-ammonti li jkunu tħallsu b'mod mhux dovut u, meta dan ikun xieraq, billi jkun hemm pieni amministrattivi u finanzjarji effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.   L-irkupru għandu jsir skont ir-Regolament Finanzjarju.

3.   Ir-raġunijiet għall-irkupru kif ukoll il-proċeduri tal-irkupru għandhom jiġu speċifikati iktar fid-dokumentazzjoni kuntrattwali.

Artikolu 8

Regoli speċjali dwar l-irkupru

1.   L-ammont tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni mogħti wara l-għeluq finanzjarju skont l-Artikolu 6(5) għandu jkun jiddependi fuq l-evitar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra vverifikat abbażi tar-rapporti annwali ppreżentati minn dak li jkun qed jipproponi l-proġett għal perjodu ta' bejn tliet u għaxar snin wara d-dħul fit-tħaddim. Ir-rapport annwali finali ppreżentat minn dak li jkun qed jipproponi l-proġett għandu jinkludi l-ammont totali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra evitati matul il-perjodu kollu tar-rappurtar.

2.   Meta l-ammont totali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra evitati matul il-perjodu kollu tar-rappurtar ikun inqas minn 75 % mill-ammont totali tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra li kien ippjanat li jiġu evitati, l-ammont li jkun tħallas lil dak li jkun qed jipproponi l-proġett jew li jkollu jitħallas lilu skont l-Artikolu 6(5) għandu jiġi rkuprat jew jitnaqqas b'mod proporzjonali.

3.   Meta l-proġett jonqos milli jibda jitħaddem saż-żmien stabbilit minn qabel jew dak li jkun qed jipproponi l-proġett jonqos milli juri li ġew evitati fir-realtà l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, l-ammont li jkun tħallas wara l-għeluq finanzjarju skont l-Artikolu 6(5) għandu jiġi rkuprat bis-sħiħ.

4.   Meta s-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 u 3 jseħħu minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali li ma jkunux fil-kontroll ta' dak li jkun qed jipproponi l-proġett u dak li jkun qed jipproponi l-proġett juri l-potenzjal tal-proġett li jevita l-emissjonijiet tal-gassijiet serra f'ammont li jmur lil hinn minn dak irrappurtat, jew meta dak li jkun qed jipproponi l-proġett juri li l-proġett jista' jikseb benefiċċji konsiderevoli marbutin mal-innovazzjoni b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li ma tapplikax il-mekkaniżmi tal-irkupru previsti fil-paragrafi 2 u 3.

5.   Ir-raġuni għall-irkupru u l-proċeduri tal-irkupru għandhom jiġu speċifikati iktar fid-dokumentazzjoni kuntrattwali.

6.   Ir-regoli stabbiliti fil-paragrafi 3 u 4 ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-regoli ġenerali dwar l-irkupru stabbiliti fl-Artikolu 7.

Artikolu 9

Sejħiet għall-proposti

1.   Dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti għandhom jiġu mistiedna japplikaw għall-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni permezz ta' sejħiet miftuħin għall-proposti li tniedi l-Kummissjoni.

Qabel tadotta deċiżjoni li tniedi sejħa għall-proposti, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri dwar l-abbozz tad-deċiżjoni.

2.   Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi s-sejħiet għall-proposti għandu jkun fiha tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)

l-ammont totali tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni disponibbli għas-sejħa;

(b)

l-ammont massimu tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni disponibbli għall-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti;

(c)

it-tipi ta' proġetti jew ta' setturi li qed jintalbu;

(d)

deskrizzjoni tal-proċedura tal-applikazzjoni u lista ddettaljata tal-informazzjoni u tad-dokumentazzjoni li trid tiġi ppreżentata f'kull fażi tal-proċedura tal-applikazzjoni;

(e)

informazzjoni ddettaljata dwar il-proċedura tal-għażla, fosthom il-metodoloġija għall-evalwazzjoni u għall-klassifikazzjoni;

(f)

meta jiġu applikati proċeduri speċifiċi tal-applikazzjoni u tal-għażla għall-proġetti fuq skala żgħira skont l-Artikoli 10(4) u 12(6), ir-regoli dwar dawn il-proċeduri speċifiċi;

(g)

meta l-Kummissjoni tirriżerva parti mill-ammont totali tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni disponibbli għas-sejħa għall-proġetti fuq skala żgħira, l-ammont ta' dik il-parti;

(h)

meta jiġu applikati kriterji addizzjonali tal-għażla bil-għan li l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni jitqassam b'mod ibbilanċjat mil-lat ġeografiku, skont l-Artikolu 11(2), dawk il-kriterji.

Artikolu 10

Proċedura tal-applikazzjoni

1.   Il-korp ta' implimentazzjoni għandu jiġbor l-applikazzjonijiet u jorganizza l-proċedura tal-applikazzjoni f'żewġ fażijiet sussegwenti:

(a)

l-espressjoni ta' interess;

(b)

l-applikazzjoni sħiħa.

2.   Fil-fażi tal-espressjoni ta' interess, dak li jkun qed jipproponi l-proġett għandu jintalab jippreżenta deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewlenin tal-proġett f'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fis-sejħa għall-proposti rilevanti, fosthom deskrizzjoni tal-effettività tal-proġett, tal-grad ta' innovazzjoni tiegħu u tal-maturità tiegħu kif speċifikat fl-Artikolu 11(1)(a), (b) u (c).

3.   Fil-fażi tal-applikazzjoni sħiħa, dak li jkun qed jipproponi l-proġett għandu jintalab jippreżenta deskrizzjoni ddettaljata tal-proġett u d-dokumentazzjoni kollha ta' sostenn, fosthom il-pjan ta' kondiviżjoni tal-għarfien.

4.   Tista' tiġi applikata proċedura ssimplifikata tal-applikazzjoni għall-proġetti fuq skala żgħira.

Artikolu 11

Kriterji tal-għażla

1.   L-għażla tal-proġetti għall-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni għandha tissejjes fuq il-kriterji li ġejjin:

(a)

l-effettività f'termini tal-potenzjal għall-evitar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, meta dan ikun applikabbli, meta mqabbel mal-punti ta' riferiment imsemmijin fl-Artikolu 10a(2) tad-Direttiva 2003/87/KE;

(b)

il-grad ta' innovazzjoni tal-proġetti meta mqabbel mal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku;

(c)

il-maturità tal-proġetti f'termini tal-ippjanar, tal-mudell kummerċjali u tal-istruttura finanzjarja u legali tagħhom, kif ukoll il-prospetti tagħhom li jilħqu l-għeluq finanzjarju fi żmien perjodu taż-żmien iddefinit minn qabel li ma jaqbiżx l-erba' snin mid-deċiżjoni tal-għotja;

(d)

il-potenzjal tekniku u tas-suq għal applikazzjoni wiesgħa jew għar-replikazzjoni, jew għal tnaqqis futur fl-ispejjeż;

(e)

l-effiċjenza f'termini tal-ispejjeż rilevanti tal-proġett mingħajr kwalunkwe kontribuzzjoni għal dawk l-ispejjeż min-naħa ta' dak li jkun qed jipproponi l-proġett, diviżi bl-ammont totali previst ta' emissjonijiet tal-gassijiet serra li għandhom jiġu evitati jew ta' enerġija li għandha tiġi prodotta jew li għandha tinħażen jew ta' CO2 li għandu jinħażen fl-ewwel għaxar snin tat-tħaddim.

2.   Għall-finijiet tal-għażla tal-proġetti jistgħu jiġu applikati wkoll kriterji addizzjonali bil-għan li l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni jitqassam b'mod ibbilanċjat mil-lat ġeografiku.

Artikolu 12

Proċedura tal-għażla

1.   Abbażi tal-applikazzjonijiet li jirċievi fil-fażi tal-espressjoni ta' interess, il-korp ta' implimentazzjoni għandu jivvaluta l-eliġibbiltà ta' kull proġett skont l-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE. Imbagħad il-korp ta' implimentazzjoni għandu jagħżel il-proġetti eliġibbli skont il-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.

2.   Abbażi tal-applikazzjonijiet li jirċievi fil-fażi tal-espressjoni ta' interess, il-korp ta' implimentazzjoni għandu jfassal lista tal-proġetti li jissodisfaw il-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-Artikolu 11(1)(a), (b) u (c) u għandu jistieden lil dawk li jkunu qed jipproponu dawk il-proġetti jippreżentaw applikazzjoni sħiħa għalihom.

Meta l-korp ta' implimentazzjoni jikkonkludi li proġett jissodisfa l-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-Artikolu 11(1)(a) u (b) iżda ma jissodisfax il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 11(1)(c), huwa għandu jivvaluta jekk it-tali proġett għandux il-potenzjal jissodisfa l-kriterji kollha tal-għażla jekk jiġi żviluppat aktar. Meta l-proġett ikollu t-tali potenzjal, il-korp ta' implimentazzjoni jista' jagħti assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti lill-proġett ikkonċernat jew, meta tkun il-Kummissjoni li twettaq dan il-kompitu, jipproponilha tagħti assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti lil dan il-proġett.

3.   Abbażi tal-applikazzjoni sħiħa li jirċievi skont il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-korp ta' implimentazzjoni għandu jevalwa l-proġetti u jikklassifikahom abbażi tal-kriterji kollha tal-għażla stabbiliti fl-Artikolu 11. Għall-finijiet ta' din l-evalwazzjoni, il-korp ta' implimentazzjoni għandu jqabbel il-proġetti mal-proġetti l-oħrajn tal-istess settur kif ukoll mal-proġetti ta' setturi oħrajn, u għandu jfassal lista tal-proġetti magħżulin minn qabel.

4.   Il-lista tal-proġetti magħżulin minn qabel imsemmija fil-paragrafu 3 u, meta dan ikun applikabbli, is-suġġeriment imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni u għandu jkun fihom tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)

konferma tal-konformità mal-kriterji tal-eliġibbiltà u tal-għażla;

(b)

dettalji dwar l-evalwazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-proġetti;

(c)

l-ispejjeż totali tal-proġetti u l-ispejjeż rilevanti msemmijin fl-Artikolu 5 f'euro;

(d)

it-talba għall-appoġġ totali tal-Fond għall-innovazzjoni f'euro;

(e)

l-ammont previst ta' emissjonijiet tal-gassijiet serra li għandhom jiġu evitati;

(f)

l-ammont previst ta' enerġija li għandha tiġi prodotta jew li għandha tinħażen;

(g)

l-ammont previst ta' CO2 li għandu jinħażen;

(h)

informazzjoni dwar il-forma legali tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li dak li jkun qed jipproponi l-proġett ikun qed jitlob.

5.   Abbażi ta' x'ikun intbagħat skont il-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri skont l-Artikolu 21(2), il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni tal-għotja li tispeċifika l-appoġġ għall-proġetti magħżulin u, meta dan ikun xieraq, tfassal lista ta' riżerva.

6.   Tista' tiġi applikata proċedura speċifika tal-għażla għall-proġetti fuq skala żgħira.

Artikolu 13

Assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti

1.   Wara li tikkonsulta lill-Istati Membri skont l-Artikolu 21(2)(c), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ammont massimu tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni disponibbli għall-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti.

2.   L-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti għandha tingħata mill-Kummissjoni jew mill-korp ta' implimentazzjoni, skont l-Artikolu 12(2), fil-forma ta' għotja.

3.   L-attivitajiet li ġejjin jistgħu jiġu ffinanzjati bħala assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti:

(a)

it-titjib u l-iżvilupp tad-dokumentazzjoni tal-proġett jew ta' komponenti tat-tfassil tal-proġett, bil-għan li jiġi żgurat li l-proġett ikun matur biżżejjed;

(b)

il-valutazzjoni tal-fattibbiltà tal-proġett, fosthom l-istudji tekniċi u ekonomiċi;

(c)

l-għoti ta' pariri dwar l-istruttura finanzjarja u legali tal-proġett;

(d)

il-bini tal-kapaċità ta' dak li jkun qed jipproponi l-proġett.

4.   Għall-finijiet tal-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti, l-ispejjeż rilevanti għandhom ikunu l-ispejjeż kollha marbutin mal-iżvilupp tal-proġetti. Il-Fond għall-innovazzjoni jista' jiffinanzja sa 100 % tal-ispejjeż rilevanti.

KAPITOLU III

Dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għall-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li jingħata f'forma oħra minbarra fil-forma ta' għotja

Artikolu 14

Għoti tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni permezz ta' kontribuzzjonijiet għal operazzjonijiet ta' taħlit li jsiru fil-kuntest tal-istrument tal-Unjoni għall-appoġġ għall-investiment

1.   Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni permezz ta' kontribuzzjonijiet għal operazzjonijiet ta' taħlit li jsiru fil-kuntest tal-istrument tal-Unjoni għall-appoġġ għall-investiment, l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni għandu jiġi implimentat skont ir-regoli li japplikaw għal dak l-istrument. Madankollu, l-eliġibbiltà tal-proġetti għandha tiġi vvalutata skont l-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE.

2.   Wara li tikkonsulta lill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni li tispeċifika jekk il-kontribuzzjoni għall-operazzjonijiet ta' taħlit tiħux il-forma ta' appoġġ li jista' jitħallas lura jew li ma jistax jitħallas lura jew tat-tnejn li huma, u li tindika l-ammont tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li jista' jingħata permezz tal-istrument tal-Unjoni għall-appoġġ għall-investiment.

Artikolu 15

Għoti tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni fi kwalunkwe forma oħra stabbilita fir-Regolament Finanzjarju

1.   Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni fi kwalunkwe forma stabbilita fir-Regolament Finanzjarju minbarra fil-forma ta' għotja, wara li tikkonsulta lill-Istati Membri, hija għandha tadotta deċiżjoni li tindika l-ammont tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li jista' jingħata f'dik il-forma, kif ukoll ir-regoli li japplikaw għall-applikazzjoni għal dan it-tip ta' appoġġ, għall-għażla tal-proġetti u għall-għoti tal-appoġġ.

2.   Il-proġetti li jirċievu l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni skont dan l-Artikolu għandhom jikkonformaw mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

KAPITOLU IV

Governanza

Artikolu 16

Implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta l-Fond għall-innovazzjoni b'ġestjoni diretta skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikoli 125 sa 153 tar-Regolament Finanzjarju jew b'ġestjoni indiretta permezz tal-korpi msemmijin fl-Artikolu 62(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju.

2.   L-ispejjeż imġarrbin b'rabta mal-attivitajiet ta' implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni, inklużi l-ispejjeż amministrattivi u ta' ġestjoni, għandhom jiġu ffinanzjati mill-Fond innifsu.

Artikolu 17

Ħatra tal-korpi ta' implimentazzjoni

1.   Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiddelega ċerti kompiti marbutin mal-implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni lil korp ta' implimentazzjoni, hija għandha tadotta deċiżjoni li biha taħtar it-tali korp ta' implimentazzjoni.

Il-Kummissjoni u l-korp ta' implimentazzjoni maħtur għandhom jikkonkludu ftehim bejniethom li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi li bihom il-korp ta' implimentazzjoni għandu jwettaq il-kompiti tiegħu.

2.   Meta l-Kummissjoni timplimenta l-Fond għall-innovazzjoni b'ġestjoni diretta u tiddeċiedi li tiddelega ċerti kompiti ta' implimentazzjoni lil korp ta' implimentazzjoni, hija għandha taħtar aġenzija eżekuttiva bħala l-korp ta' implimentazzjoni.

3.   Meta l-Kummissjoni timplimenta l-Fond għall-innovazzjoni b'ġestjoni indiretta, hija għandha taħtar korp imsemmi fl-Artikolu 62(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju bħala l-korp ta' implimentazzjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha twettaq il-kompiti marbutin mal-implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni li ma jkunux ġew iddelegati lil korp ta' implimentazzjoni.

Artikolu 18

Kompiti tal-korp ta' implimentazzjoni

Il-korp ta' implimentazzjoni maħtur skont l-Artikolu 17(1) jista' jiġi fdat bil-ġestjoni globali tas-sejħa għall-proposti, bl-għoti tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni u bil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proġetti magħżulin. Għal dan il-għan, il-korp ta' implimentazzjoni jista' jiġi fdat bil-kompiti li ġejjin:

(a)

l-organizzazzjoni tas-sejħa għall-proposti;

(b)

l-organizzazzjoni tal-proċedura tal-applikazzjoni, fosthom il-ġbir tal-applikazzjonijiet u l-analiżi tad-dokumenti kollha ta' sostenn;

(c)

l-organizzazzjoni tal-għażla tal-proġetti, fosthom l-evalwazzjoni tal-proġetti jew il-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta u l-klassifikazzjoni tal-proġetti;

(d)

l-għoti ta' pariri lill-Kummissjoni dwar il-proġetti li għandhom jingħataw l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni u dwar il-proġetti li għandhom jiddaħħlu fil-lista ta' riżerva;

(e)

l-għoti jew il-forniment ta' assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti;

(f)

l-iffirmar tal-ftehimiet tal-għotja u ta' kuntratti oħrajn skont il-forma ta' appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni;

(g)

it-tħejjija u l-ġestjoni tad-dokumentazzjoni kuntrattwali marbuta mal-proġetti magħżulin;

(h)

il-verifika li l-kundizzjonijiet għall-finanzjament ġew issodisfati u l-għoti tad-dħul tal-Fond għall-innovazzjoni lil dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti;

(i)

il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proġetti;

(j)

il-komunikazzjoni ma' dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti;

(k)

ir-rappurtar lill-Kummissjoni, fosthom dwar l-orjentazzjoni ġenerali għall-iżvilupp ulterjuri tal-Fond għall-innovazzjoni;

(l)

ir-rappurtar finanzjarju;

(m)

l-azzjonijiet ta' informazzjoni, ta' komunikazzjoni u ta' promozzjoni, fosthom il-produzzjoni tal-materjal ta' promozzjoni u l-iżvilupp tal-logo tal-Fond għall-innovazzjoni;

(n)

il-ġestjoni tal-kondiviżjoni tal-għarfien;

(o)

l-għoti ta' appoġġ lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-Fond għall-innovazzjoni u biex jikkomunikaw ma' dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti;

(p)

kwalunkwe kompitu ieħor marbut mal-implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni.

Artikolu 19

Dispożizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għall-implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni b'ġestjoni diretta

1.   Meta l-Kummissjoni taħtar aġenzija eżekuttiva bħala l-korp ta' implimentazzjoni skont l-Artikolu 17(1) ta' dan ir-Regolament, it-tali deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun suġġetta għar-riżultat tal-analiżi tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 (6) u l-ftehim imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(1) ta' dan ir-Regolament għandu jieħu l-forma ta' strument tad-delegazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 58/2003.

2.   Meta l-ammonti li jingħataw fil-kuntest tal-ġestjoni diretta jiġu rkuprati skont l-Artikoli 7 u 8 ta' dan ir-Regolament, l-ammonti rkuprati għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Finanzjarju u għandhom jintużaw biex jiffinanzjaw l-operazzjonijiet tal-Fond għall-innovazzjoni.

3.   Għall-kompiti kollha ta' implimentazzjoni li twettaq il-Kummissjoni, anke permezz ta' aġenzija eżekuttiva, id-dħul tal-Fond għall-innovazzjoni għandu jikkostitwixxi dħul assenjat estern skont it-tifsira tal-Artikolu 21(1) u (5) tar-Regolament Finanzjarju. Dan id-dħul assenjat għandu jkopri wkoll l-ispejjeż amministrattivi kollha marbutin mal-implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni. Il-Kummissjoni tista' tuża ammont massimu ta' 5 % mill-pakkett tal-Fond għall-innovazzjoni biex tkopri l-ispejjeż ta' ġestjoni tagħha stess.

4.   Proġett li jkun irċieva l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni jista' jirċievi wkoll kontribuzzjoni minn kull programm ieħor tal-Unjoni, inklużi l-Fondi b'ġestjoni kondiviża, dejjem jekk il-kontribuzzjonijiet ma jkunux ikopru l-istess spejjeż. L-ammont kumulattiv tal-finanzjament ma għandux jaqbeż l-ispejjeż totali eliġibbli tal-proġett u l-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista' jiġi kkalkulat fuq bażi pro rata.

Artikolu 20

Ġestjoni tad-dħul tal-Fond għall-innovazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kwoti maħsubin għall-Fond għall-innovazzjoni jiġu rkantati skont il-prinċipji u l-modalitajiet stabbiliti fl-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2003/87/KE u għandha timmaniġġa d-dħul tal-Fond għall-innovazzjoni skont l-għanijiet ta' dik id-Direttiva.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-dħul imsemmi fil-paragrafu 1 jingħadda fil-ħin lill-korp ta' implimentazzjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu ffinanzjati l-ispejjeż marbutin mal-attivitajiet ta' implimentazzjoni u jkunu jistgħu jingħataw il-fondi lill-proġetti magħżulin.

3.   Il-Kummissjoni tista' tiddelega l-konverżjoni tal-kwoti f'valur monetarju u l-ġestjoni tad-dħul tal-Fond għall-innovazzjoni lill-Bank Ewropew tal-Investiment (il-BEI). F'każ li jkun hemm it-tali delega, il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jikkonkludu ftehim bejniethom li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet speċifiċi li bihom il-BEI għandu jwettaq il-kompiti tiegħu marbutin mal-ġestjoni tad-dħul tal-Fond għall-innovazzjoni.

4.   Suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87/KE, id-dħul tal-Fond għall-innovazzjoni li jkun għad fadal fi tmiem il-perjodu tal-eliġibbiltà għall-proġetti appoġġati għandu jintuża biex jappoġġa proġetti ġodda li jissodisfaw il-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE sakemm id-dħul kollu jkun intuża għall-għanijiet tal-Fond għall-innovazzjoni. Dawn il-proġetti l-ġodda għandhom jintgħażlu permezz ta' sejħiet ġodda għall-proposti skont l-Artikolu 9 jew jiġu appoġġati skont l-Artikoli 14 jew 15.

Artikolu 21

Rwol tal-Istati Membri

1.   Hija u timplimenta l-Fond għall-innovazzjoni, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istati Membri u tiġi megħjuna minnhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiġu kkonsultati dwar l-affarijiet li ġejjin:

(a)

il-lista tal-proġetti magħżulin minn qabel, fosthom il-lista ta' riżerva, u l-lista tal-proġetti proposti għall-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti skont l-Artikolu 12(2), qabel ma jingħata l-appoġġ;

(b)

l-abbozzi tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni msemmijin fl-Artikoli 9(1), 14(2) u 15(1);

(c)

l-ammont massimu tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti.

3.   Jekk il-Kummissjoni titlobhom dan, l-Istati Membri għandhom jagħtuha pariri dwar l-affarijiet li ġejjin u jgħinuha fihom:

(a)

l-istabbiliment tal-orjentazzjonijiet ġenerali tal-Fond għall-innovazzjoni;

(b)

l-indirizzar ta' problemi eżistenti jew emerġenti fl-implimentazzjoni tal-proġetti;

(c)

l-indirizzar ta' kull kwistjoni oħra marbuta mal-implimentazzjoni tal-proġetti.

4.   Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Istati Membri dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u b'mod partikulari dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-għotja msemmijin fl-Artikolu 12(5).

Artikolu 22

Rwol tal-partijiet interessati

Il-Kummissjoni tista' tinvolvi lill-partijiet interessati fid-diskussjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni, fosthom dwar il-kwistjonijiet imniżżlin fl-Artikolu 21(3).

KAPITOLU V

Monitoraġġ, rappurtar u evalwazzjoni

Artikolu 23

Monitoraġġ u rappurtar

1.   Il-korp ta' implimentazzjoni għandu jimmonitorja l-operat tal-Fond għall-innovazzjoni, fosthom l-ammonti tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li jkun ingħata.

2.   Bil-għan li jiġi żgurat li d-data għall-monitoraġġ imsemmija fil-paragrafu 1 u r-riżultati jinġabru b'mod effiċjenti u effettiv u fil-ħin, jistgħu jiġu imposti rekwiżiti proporzjonati tar-rappurtar fuq dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti. Ir-rapporti ta' dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti għandu jkun fihom l-informazzjoni dwar l-azzjonijiet ta' kondiviżjoni tal-għarfien li jkunu ttieħdu skont l-Artikolu 27.

3.   Il-korp ta' implimentazzjoni għandu jinforma lill-Kummissjoni b'mod regolari dwar il-prestazzjoni tal-kompiti tiegħu.

4.   Il-korp ta' implimentazzjoni għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar iċ-ċiklu kollu tal-għoti tal-appoġġ u, b'mod partikulari, dwar l-organizzazzjoni tas-sejħiet għall-proposti u dwar l-iffirmar tal-kuntratti ma' dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti.

5.   Wara li titlesta kull sejħa għall-proposti, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta' dik is-sejħa għall-proposti.

6.   Ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni.

7.   Il-korpi ta' implimentazzjoni, minbarra l-aġenziji eżekuttivi, u l-entitajiet li lilhom tkun ġiet iddelegata l-ġestjoni tad-dħul tal-Fond għall-innovazzjoni skont l-Artikolu 20(3) għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-affarijiet li ġejjin:

(a)

sal-15 ta' Frar, dikjarazzjonijiet finanzjarji mhux awditjati b'rabta mal-attivitajiet iddelegati lilhom, li jkunu jkopru s-sena finanzjarja ta' qabel, li għandha tkun mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru;

(b)

sal-15 ta' Marzu tas-sena meta jintbagħtu d-dikjarazzjonijiet finanzjarji mhux awditjati, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji awditjati b'rabta mal-attivitajiet iddelegati lilhom, li jkunu jkopru s-sena finanzjarja ta' qabel, li għandha tkun mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru.

Il-Kummissjoni għandha tħejji l-kontijiet annwali tal-Fond għall-innovazzjoni għal kull sena finanzjarja, li għandha tkun mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru, abbażi tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji pprovduti skont l-ewwel subparagrafu. Dawn il-kontijiet għandu jsirilhom awditjar estern indipendenti.

Id-dikjarazzjonijiet finanzjarji u l-kontijiet kollha previsti f'dan il-paragrafu għandhom jitfasslu f'konformità mar-regoli tal-kontabbiltà msemmijin fl-Artikolu 80 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 24

Evalwazzjoni

1.   Fl-2025 u kull ħames snin wara dik id-data, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tal-operat tal-Fond għall-innovazzjoni. L-evalwazzjoni għandha tiffoka fuq il-valutazzjoni tas-sinerġiji bejn il-Fond għall-innovazzjoni u programmi rilevanti oħrajn tal-Unjoni, kif ukoll fuq il-proċedura tal-għoti tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni, iżda ma għandhiex tkun limitata għalihom biss.

2.   Abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti, meta dan ikun xieraq, biex tiżgura li l-Fond għall-innovazzjoni jagħmel progress fl-ilħiq tal-għanijiet tiegħu previsti fid-Direttiva 2003/87/KE u fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament.

3.   Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Fond għall-innovazzjoni iżda mhux aktar tard mill-2035, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali tal-operat tal-Fond għall-innovazzjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati tal-evalwazzjonijiet li jkunu twettqu skont il-paragrafi 1, 2 u 3.

KAPITOLU VI

Awditi, riklamar u kondiviżjoni tal-għarfien

Artikolu 25

Awditi

1.   L-awditi dwar l-użu tal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li jsiru minn awdituri esterni indipendenti, fosthom minn awdituri oħrajn minbarra dawk imqabbdin mill-istituzzjonijiet jew mill-korpi tal-Unjoni, għandhom jiffurmaw il-bażi tal-garanzija globali skont l-Artikolu 26.

2.   Kull persuna jew entità li tirċievi l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni għandha taqbel bil-miktub li tagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa kif previst fl-Artikolu 129 tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 26

Dipendenza reċiproka fuq l-awditi

Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltajiet eżistenti għat-twettiq ta' aktar awditi, meta awditur indipendenti jkun għamel awditu bbażat fuq standards tal-awditi aċċettati internazzjonalment li jipprovdu garanzija raġonevoli fuq id-dikjarazzjonijiet finanzjarji u r-rapporti li juru l-użu ta' kontribuzzjoni tal-Unjoni, dak l-awditu għandu jifforma l-bażi tal-garanzija globali, kif speċifikata aktar, fejn xieraq, fir-regoli speċifiċi għas-settur, dment li jkun hemm evidenza suffiċjenti tal-indipendenza u l-kompetenza tal-awditur. Ir-rapport tal-awditur indipendenti u d-dokumentazzjoni relatata tal-awditjar għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Awdituri u tal-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Membri fuq talba tagħhom.

Artikolu 27

Komunikazzjoni, kondiviżjoni tal-għarfien u riklamar

1.   Fuq is-siti web tagħhom, dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti għandhom jippubblikaw b'mod proattiv u sistematiku informazzjoni marbuta mal-proġetti appoġġati fil-kuntest ta' dan ir-Regolament. It-tali informazzjoni għandha tinkludi referenza espliċita għall-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li jkunu rċevew.

2.   Dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti għandhom jiżguraw li jagħtu informazzjoni koerenti, effettiva u mmirata dwar l-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni li jkunu rċevew lil diversi udjenzi, fosthom lill-midja u lill-pubbliku.

3.   Il-logo tal-Fond għall-innovazzjoni jew elementi promozzjonali oħrajn meħtieġa skont id-dokumentazzjoni kuntrattwali għandhom jintużaw għall-attivitajiet kollha ta' komunikazzjoni u ta' kondiviżjoni tal-għarfien u għandhom jidhru fuq l-avviżieri f'postijiet strateġiċi viżibbli għall-pubbliku.

4.   Dawk li jkunu qed jipproponu l-proġetti għandhom jipprovdu informazzjoni ddettaljata dwar l-azzjonijiet ippjanati skont il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu fil-pjan ta' kondiviżjoni tal-għarfien ippreżentat skont l-Artikolu 10(3).

5.   Il-korp ta' implimentazzjoni għandu jwettaq azzjonijiet ta' informazzjoni, ta' komunikazzjoni u ta' promozzjoni marbutin mal-appoġġ tal-Fond għall-innovazzjoni u mar-riżultati tiegħu. Il-korp ta' implimentazzjoni għandu jorganizza seminars u sessjonijiet ta' ħidma speċifiċi jew, meta jkun xieraq, tipi ta' attivitajiet oħrajn biex jiffaċilita l-iskambju tal-esperjenza, tal-għarfien u tal-aħjar prattiki b'rabta mat-tfassil, mat-tħejjija u mal-implimentazzjoni tal-proġetti, kif ukoll mal-effettività tal-finanzjament ipprovdut permezz tal-assistenza għall-iżvilupp tal-proġetti.

KAPITOLU VII

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 28

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta' Frar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE tat-3 ta' Novembru 2010 li tistabbilixxi l-kriterji u l-miżuri għall-finanzjament ta' proġetti kummerċjali ta' dimostrazzjoni li l-għan tagħhom huwa l-qbid u l-ħżin ġeoloġiku ta' CO2, f'kundizzjonijiet ta' sigurtà għall-ambjent, kif ukoll ta' proġetti ta' dimostrazzjoni ta' teknoloġiji innovattivi ta' enerġija rinnovabbli, fl-ambitu tal-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità, stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 290, 6.11.2010, p. 39).

(3)  Ir-Rapport Speċjali tal-5 ta' Settembru 2018 bin-numru 24/2018 imsejjaħ “Dimostrar tal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju u tas-sorsi innovattivi ta' enerġija rinnovabbli fuq skala kummerċjali ġewwa l-UE: il-progress intenzjonat ma nkisibx matul dawn l-aħħar għaxar snin”, li jinsab fis-sit web tal-Qorti tal-Awdituri fl-indirizz elettroniku li ġej: https://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR18_24/SR_CCS_MT.pdf.

(4)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1031/2010 tat-12 ta' Novembru 2010 dwar l-għażla taż-żmien, l-amministrazzjoni u aspetti oħra ta' rkantar ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità (ĠU L 302, 18.11.2010, p. 1).

(6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta' Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b'ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU L 11, 16.1.2003, p. 1).


Top