Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1366

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1366 tal-10 ta' Awwissu 2016 li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Estonja fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali

C/2016/5137

ĠU L 216, 11.8.2016, p. 23–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1366/oj

11.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 216/23


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1366

tal-10 ta' Awwissu 2016

li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Estonja fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 328(1) u l-Artikolu 331(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/405/UE tat-12 ta' Lulju 2010 li tawtorizza kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi li tapplika għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (1),

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1259/2010 tal-20 ta' Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (2),

Wara li kkunsidrat in-notifika mill-Estonja tal-intenzjoni tagħha li tipparteċipa fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Lulju 2010, il-Kunsill iddeċieda li jawtorizza kooperazzjoni msaħħa bejn il-Belġju, il-Bulgarija, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Latvja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, Malta, l-Awstrija, il-Portugall, ir-Rumanija u s-Slovenja fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali.

(2)

Fl-20 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 1259/2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi li tapplika għad-divorzju u għas-separazzjoni legali.

(3)

Fil-21 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2012/714/UE li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Litwanja fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali (3).

(4)

Fis-27 ta' Jannar 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2014/39/UE li tikkonferma l-parteċipazzjoni tal-Greċja fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali (4).

(5)

L-Estonja nnotifikat l-intenzjoni tagħha li tipparteċipa f'kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali b'ittra datata t-13 ta' April 2016, li l-Kummissjoni rreġistrat li rċevietha fit-18 ta' April 2016.

(6)

Il-Kummissjoni tinnota li la d-Deċiżjoni 2010/405/UE u lanqas ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 ma jippreskrivu xi kundizzjoni partikolari għall-parteċipazzjoni f'kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali u jeħtieġ li l-parteċipazzjoni tal-Estonja ssaħħaħ il-benefiċċji ta' din il-kooperazzjoni msaħħa.

(7)

Jeħtieġ għalhekk li l-parteċipazzjoni tal-Estonja fil-kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali tiġi kkonfermata.

(8)

Jeħtieġ li l-Kummissjoni tadotta miżuri tranżitorji meħtieġa għall-Estonja għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010.

(9)

Jeħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1259/2010 jidħol fis-seħħ fl-Estonja fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Parteċipazzjoni tal-Estonja f'kooperazzjoni msaħħa

1.   Il-parteċipazzjoni tal-Estonja f'kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u s-separazzjoni legali awtorizzata permezz tad-Deċiżjoni 2010/405/UE hija kkonfermata.

2.   Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu japplika għall-Estonja skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Informazzjoni li għandha tingħata mill-Estonja

Mill-11 ta' Mejju 2017 l-Estonja għandha tikkomunika lill-Kummissjoni id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħha, jekk ikun hemm, dwar:

(a)

ir-rekwiżiti formali applikabbli għall-ftehimiet dwar l-għażla tal-liġi applikabbli skont l-Artikolu 7(2) sa (4) tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010; kif ukoll

(b)

il-possibbiltà li tintgħażel il-liġi applikabbli skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010.

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet tranżitorji għall-Estonja

1.   Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu japplika għall-Estonja biss fir-rigward tal-proċedimenti ġuridiċi mibdija kif ukoll għall-ftehimiet tat-tip imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010 konklużi mill-11 ta' Frar 2018.

Madankollu, għandu jingħata effett ukoll fl-Estonja l-ftehim dwar l-għażla tal-liġi applikabbli, konkluż qabel il-11 ta' Frar 2018, sakemm ikun konformi mal-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010.

2.   Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu japplika għall-Estonja bla preġudizzju għall-ftehimiet dwar l-għażla tal-liġi applikabbli konklużi skont il-liġi tal-Istat Membru li quddiem il-qorti tiegħu jittella' l-każ qabel il-11 ta' Frar 2018.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ u data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010 fl-Estonja

Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu jidħol fis-seħħ fl-Estonja fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Ir-Regolament (UE) Nru 1259/2010 għandu japplika għall-Estonja mill-11 ta' Frar 2018.

Artikolu 5

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Awwissu 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 189, 22.7.2010, p. 12.

(2)  ĠU L 343, 29.12.2010, p. 10.

(3)  ĠU L 323, 22.11.2012, p. 18.

(4)  ĠU L 23, 28.1.2014, p. 41.


Top