EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1165

Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1165 tat-18 ta' Lulju 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1183/2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo

ĠU L 193, 19.7.2016, p. 15–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1165/oj

19.7.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 193/15


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2016/1165

tat-18 ta' Lulju 2016

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1183/2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK tal-20 ta' Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 (2) jagħti effett lid-Deċiżjoni 2010/788/PESK u jipprevedi ċerti miżuri diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur tal-embargo fuq l-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, inkluż l-iffriżar tal-assi tagħhom.

(2)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2293 (2016) tal-21 ta' Ġunju 2016 emendat il-kriterji biex persuni u entitajiet jiġu deżinjati biex ikunu soġġetti għall-miżuri restrittivi stipulati fil-paragrafi 9 u 11 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1807 (2008) u estendiet id-dispożizzjonijiet tal-embargo fuq l-armi. Fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1173 (3), il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-kriterji skont dan.

(3)

Għaldaqstant, hemm bżonn ta' azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex tingħata effett, partikolarment bl-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 1183/2005 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1183/2005 huwa emendat kif ġej:

(1)

Il-punt li ġej jiżdied mal-Artikolu 1b(1):

“(d)

l-għoti ta' għajnuna teknika, finanzjament jew għajnuna finanzjarja jew servizzi ta' senserija relatati ma' bejgħ u forniment oħrajn ta' armi u materjal relatat, kif approvat minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet;”;

(2)

L-Artikolu 2a(1) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (e) jinbidel b'dan li ġej:

“(e)

l-ippjanar, it-tmexxija jew it-twettiq ta' atti fir-RDK li jikkostitwixxu ksur jew abbużi tad-drittijiet tal-bniedem jew ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, inkluż dawk l-atti li jinvolvu l-immirar lejn persuni ċivili, inkluż il-qtil u l-immankar, l-istupru u vjolenza sesswali oħra, il-ħtif, l-ispostament furzat u l-attakki fuq skejjel u sptarijiet;”;

(b)

Il-punt (g) jinbidel b'dan li ġej:

“(g)

l-appoġġ ta' individwi jew entitajiet, inkluż gruppi armati jew netwerks kriminali, involuti f'attivitajiet destabbilizzanti fir-RDK permezz tal-isfruttament jew tal-kummerċ illeċitu ta' riżorsi naturali, inkluż id-deheb jew il-ħlejjaq salvaġġi kif ukoll il-prodotti mill-ħlejjaq salvaġġi;”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Lulju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  ĠU L 336, 21.12.2010, p. 30.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 tat-18 ta' Lulju 2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU L 193, 23.7.2005, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1173 tat-18 ta' Lulju 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ara paġna 108 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).


Top