Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2055

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2055 tal-10 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex jiġi stabbilit il-programm għal tilqim ta' emerġenza ta' annimali bovini kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda (LSD) fil-Greċja u li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500 (notifikata bid-dokument C(2015) 7671) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 300, 17.11.2015, p. 31–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 15/11/2016; Imħassar b' 32016D2008

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/2055/oj

    17.11.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 300/31


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2055

    tal-10 ta' Novembru 2015

    li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex jiġi stabbilit il-programm għal tilqim ta' emerġenza ta' annimali bovini kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda (LSD) fil-Greċja u li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500

    (notifikata bid-dokument C(2015) 7671)

    (It-test bil-Grieg biss huwa awtentiku)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(4) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar kontrolli veterinarji u żootekniċi applikabbli fil-kummerċ intra-Komunitarju f'ċerti annimali ħajjin u prodotti bil-għan li jinkiseb is-suq intern (2), u partikolarment l-Artikolu 10(4) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE tas-17 ta' Diċembru 1992 li tintroduċi miżuri ġenerali Komunitarji għall-kontroll ta' ċertu mard tal-annimali u l-miżuri speċifiċi li għandhom x'jaqsmu mal-marda vexxikolari tal-ħnieżer (3), u b'mod partikolari l-Artikolu 19(1)(a), (3)(a) u (6) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (4), u b'mod partikulari l-Artikolu 4(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 92/119/KEE tistabbilixxi miżuri ġenerali għall-kontroll ta' ċertu mard tal-annimali. Dawn jinkludu l-miżuri li għandhom jittieħdu f'każ ta' suspett u l-konferma tal-marda tal-infafet fil-ġilda f'azjenda, il-miżuri li għandhom jittieħdu f'żoni ristretti u miżuri addizzjonali oħrajn sabiex tiġi kkontrollata l-marda. Dawn il-miżuri jipprevedu wkoll it-tilqim ta' emerġenza f'każ ta' tifqigħa tal-marda tal-infafet fil-ġilda b'mod supplimentari għal miżuri oħra ta' kontroll.

    (2)

    Fl-20 ta' Awwissu 2015, l-awtoritajiet Griegi nnotifikaw lill-Kummissjoni b'żewġ tifqigħat tal-marda tal-infafet fil-ġilda f'azjendi bovini b'madwar 200 annimal bovin fil-prefettura ta' Feres, fl-unità reġjonali ta' Evros fil-Greċja. Dawn it-tifqigħat jirrappreżentaw l-ewwel okkorrenza tal-marda tal-infafet fil-ġilda fl-Unjoni.

    (3)

    Sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-marda tal-imfafet fil-ġilda lejn partijiet oħra tal-Greċja, lejn Stati Membri oħra u lejn pajjiżi terzi, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1423 (5) li tipprojbixxi l-moviment u d-dispaċċ ta' annimali bovini u s-semen tagħhom, kif ukoll it-tqegħid fis-suq ta' ċertu prodotti tal-annimali mill-unità reġjonali ta' Evros.

    (4)

    Fid-dawl ta' aktar informazzjoni dwar il-qagħda epidemjoloġika fil-Greċja dawk il-miżuri interim ta' protezzjoni ġew sostitwiti b'miżuri ta' protezzjoni aktar kumplessi stabbiliti bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1500 (6).

    (5)

    Barra minn hekk, fl-10 ta' Settembru 2015, il-Greċja għarrfet lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri dwar 24 tifqigħa kkonfermati u 17-il tifqigħa suspettużi tal-marda tal-imfafet fil-ġilda f'azjendi li jinsabu f'żoni ta' protezzjoni u sorveljanza stabbiliti fl-unità reġjonali ta' Evros.

    (6)

    Barra minn hekk, fis-27 ta' Settembru 2015, l-awtoritajiet Griegi nnotifikaw lill-Kummissjoni b'tifqigħa tal-marda tal-imfafet fil-ġilda fix-xlokk tal-unità reġjonali ta' Xanthi u għal darb'oħra, fit-2 ta' Ottubru 2015, b'tifqigħa ġdida tal-marda tal-imfafet fil-ġilda fl-unità reġjonali ta' Kavala, li tinsab fil-punent tal-unità reġjonali ta' Xanthi.

    (7)

    Barra minn hekk, fis-7 ta' Ottubru 2015 l-awtoritajiet Griegi nnotifikaw lill-Kummissjoni b'tifqigħa tal-marda tal-imfafet fil-ġilda f'azjenda għall-bovini fl-unità reġjonali ta' Limnos.

    (8)

    F'każ ta' tifqigħa tal-marda tal-infafet fil-ġilda, l-Artikolu 19 tad-Direttiva 92/119/KEE jipprevedi l-possibbiltà li jiġi applikat it-tilqim kontra dik il-marda.

    (9)

    Fis-26 ta' Awwissu 2015 il-Greċja ppreżentat lill-Kummissjoni programm ta' tilqim ta' emerġenza kontra l-marda tal-imfafet fil-ġilda ta' annimali bovini li jinżammu fi stabbilimenti fl-unità reġjonali ta' Evros fil-Greċja. Il-programm ipprovda d-dettalji li jikkonċernaw d-definizzjoni ġeografika u amministrattiva fiż-żona tat-tilqim, l-għadd ta' azjendi u ta' annimali li għandhom jitlaqqmu u ż-żmien meta t-tilqim għandu jitwettaq, kif ukoll iċ-ċirkostanzi li jimmotivaw id-deċiżjoni biex jiġu implimentati l-miżuri.

    (10)

    Skont l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA) dwar il-marda tal-infafet fil-ġilda (7) il-vaċċini ħajjin attenwati biss huma disponibbli kummerċjalment kontra l-marda tal-imfafet fil-ġilda. L-opinjoni tiddeskrivi l-vaċċin tal-vajrus attenwat bin-Neethling tal-marda tal-imfafet fil-ġilda bħala ferm effettiv fil-prevenzjoni tal-morbożità. Minħabba li l-vaċċini omologi bl-LSD huma aktar effettivi mill-vaċċini bbażati fuq il-vajrusis tal-ġidri tan-ngħaġ attenwati, l-użu tagħhom għandu jiġi rrakkomandat, soġġett għad-disponibbiltà mill-produtturi tal-vaċċini li joperaw esklussivament barra l-Unjoni.

    (11)

    M'hemm l-ebda vaċċin kontra l-LSD bl-awtorizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni. Il-vaċċinazzjoni ta' emerġenza skont l-Artikolu 19 tad-Direttiva 92/119/KEE għalhekk tista' ssir biss b'konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), li tippermetti li l-Istati Membri temporanjament jippermettu l-użu ta' vaċċini mingħajr awtorizzazzjoni ta' kummerċjalizzazzjoni f'każ ta' mard epiżotiku bħalma huwa l-każ tal-LSD.

    (12)

    Skont l-Artikolu 19(6) tad-Direttiva 92/119/KEE, il-Greċja għarrfet lill-Kummissjoni fil-5 ta' Settembru 2015 dwar l-akkwist ta' numru biżżejjed ta' dożi ta' vaċċin omologu tal-LSD u dwar il-bidu tal-vaċċinazzjoni ta' emerġenza fiż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fl-unità reġjonali ta' Evros skont il-programm ta' vaċċinazzjoni deskritt fil-premessa 9. Barra minn hekk, fis-27 ta' Settembru u fit-2 ta' Ottubru 2015 rispettivament, l-awtoritajiet Griegi infurmaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom li jintroduċu l-vaċċinazzjoni ta' annimali bovini li huma miżmuma fi stabbilimenti fl-unitajiet reġjonali ta' Rodopi, Xanthi u Kavala skont il-programm ta' vaċċinazzjoni mressaq fis-26 ta' Awwissu 2015.

    (13)

    L-għan ta' din id-Deċiżjoni huwa li tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li taħthom il-Greċja għandha tapplika l-vaċċinazzjoni ta' emerġenza. Il-firxa rapida tal-LSD fil-Greċja tikkostitwixxi riskju għal partijiet oħra tat-territorju tal-Greċja u l-pajjiżi ġirien. Għalhekk, huwa wkoll l-għan ta' din id-Deċiżjoni li jissaħħu l-miżuri ta' kontroll tal-marda applikati fil-Greċja billi jittrażżnu l-movimenti ta' annimali bovini mhux vaċċinati li għandhom iktar minn tliet xhur lejn azjendi oħra fiż-żona ristretta. Din il-limitazzjoni tal-età tippermetti l-moviment meħtieġ ta' għoġġiela żgħar lejn stabbilimenti oħra għat-trobbija matul perjodu wara t-twelid meta dawn ma jistgħux jiġu immunizzati b'mod effikaċi. Fl-istess waqt, huwa neċessarju li jiġi permess il-moviment tal-annimali mhux vaċċinati direttament lejn biċċerija li tinsab fiż-żona ristretta.

    (14)

    Iż-żona fejn għandha titwettaq il-vaċċinazzjoni kontra l-LSD tista' tkopri ż-żona ristretta kollha kif definita fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500, li hija stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

    (15)

    L-ewwel ċiklu ta' vaċċinazzjoni għandu jitlesta malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard mill-31 ta' Ottubru 2015 u t-30 ta' Novembru 2015 fl-unità reġjonali ta' Evros u l-unitajiet reġjonali ta' Rodopi, Xanthi u Kavala rispettivament. F'każ ta' tifqigħat oħra f'unitajiet reġjonali oħra, il-vaċċinazzjoni fl-unitajiet reġjonali milquta għandha titlesta fi żmien xahrejn wara konferma tal-ewwel każ ta' LSD f'dik l-unità reġjonali skont id-disponibbiltà tal-vaċċini. Minħabba li s-suċċess tal-miżuri ta' kontroll fil-Greċja jiddependi wkoll fuq is-suċċess tal-miżuri ta' kontroll f'pajjiżi terzi ġirien li rrappurtaw tifqigħat ta' LSD qrib dawk notifikati fil-Greċja, jista' jkun meħtieġ li jiġu vaċċinati l-frieħ li twieldu minn annimali bovini vaċċinati u li jiġu vaċċinati mill-ġdid l-annimali bovini fiż-żona milquta. Il-perjodu ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni dwar il-vaċċinazzjoni kontra l-LSD fil-Greċja għalhekk ġie stabbilita sal-aħħar tal-2016.

    (16)

    Ir-riskju ta' tixrid tal-marda minn annimali vaċċinati u l-prodotti tagħhom huwa differenti mir-riskji li jirriżultaw minn annimali mhux vaċċinati u annimali li possibilment qed jinkubaw. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għall-moviment ta' annimali bovini vaċċinati u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti li ġejjin minn dawn l-annimali.

    (17)

    L-għarfien dwar LSD mhux sħiħ. L-annimali bovini vaċċinati huma protetti mis-sinjali kliniċi iżda mhux neċessarjament mill-infezzjoni u mhux l-annimali kollha vaċċinati jirreaġixxu b'immunità protettiva. Għalhekk, dawn l-annimali wara perjodu ta' mill-inqas 28 jum wara l-vaċċinazzjoni għandhom jitħallew jintbagħtu direttament għall-qatla immedjata f'biċċeriji li jinsabu fit-territorju tal-Greċja.

    (18)

    Konsegwentement, il-laħam frisk u l-preparazzjonijiet tal-laħam tiegħu, kif ukoll prodotti tal-laħam soġġetti għal trattament mhux speċifiku jistgħu jikkostitwixxu riskju mhux negliġibbli ta' tixrid tal-LSD. Għaldaqstant, huwa ġġustifikat li titrażżan il-kummerċjalizzazzjoni tal-laħam frisk, il-preparazzjonijiet tal-laħam u l-prodotti tal-laħam tiegħu fit-territorju tal-Greċja, sakemm it-tali laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li huma soġġetti għal immarkar speċjali li ma jkunx ovali u li ma jkunx jixbah il-marka sanitarja għal-laħam frisk kif stipulat fil-Kapitolu III tat-Taqsima I tal-Anness I taar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u l-marka tal-identifikazzjoni għal preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam li jikkonsistu fi, jew li fihom, laħam ta' annimali bovini, kif stabbilit fit-Taqsima I tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

    (19)

    Madankollu, trattament speċifiku ta' prodotti tal-laħam f'kontenituri ssiġillati ermetikament sa valur Fo ta' tlieta jew aktar u t-trattament deskritt fil-punti minn 1.1. sa 1.5. tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE (11) ta' ħalib u prodotti tal-ħalib jiddiżattiva biżżejjed il-vajrus tal-LSD f'tali prodotti maħsuba għall-konsum mill-bniedem u għalhekk dan il-ħalib u prodotti mill-ħalib għandhom jitħallew jitqiegħdu fis-suq fit-territorju kollu tal-Greċja u fi Stati Membri oħrajn u li jiġu mibgħuta lejn pajjiżi terzi.

    (20)

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500 għandha għaldaqstant tiġi emendata skont dan.

    (21)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Minbarra l-miżuri meħuda mill-Greċja b'konformità mal-Artikoli 4, 5 u 10 tad-Direttiva 92/119/KEE, il-Greċja tista' twettaq vaċċinazzjoni ta' emerġenza kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda tal-annimali bovini miżmuma f'ażjendi fiż-żona stabbilita fl-Anness I taħt il-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness II.

    2.   Il-programm sottomess mill-Greċja lill-Kummissjoni fis-26 ta' Awwissu 2015 għall-vaċċinazzjoni ta' emerġenza kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda tal-annimali bovini miżmuma f'ażjendi fiż-żona stipulata fl-Anness I huwa approvat.

    3.   Kull moviment lejn Stati Membri oħra ta' annimali bovini vaċċinati kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda huwa pprojbit.

    4.   Kull moviment lejn Stati Membri oħra ta' annimali bovini ta' età ta' anqas minn sitt xhur u li mhumiex vaċċinati kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda, iżda mwielda minn ommijiet vaċċinati kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda huwa pprojbit.

    Artikolu 2

    Il-Greċja għandha tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ma' din id-Deċiżjoni u għandha tinforma lill-Kummissjoni u l-Istati Membri b'konformità mal- Artikolu 19(5) tad-Direttiva 92/119/KEE.

    Artikolu 3

    Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500 hija emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 1, il-paragrafu 3 huwa mħassar;

    (2)

    fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “1.   B'deroga mill-projbizzjoni prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 3(1), l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza d-dispaċċ ta' annimali bovini u ruminanti selvaġġi miżmuma fil-magħluq minn azjendi li jinsabu fiż-żona ristretta għal biċċerija li tinsab f'partijiet oħra tal-Greċja dejjem jekk:

    (a)

    l-annimali kienu residenti mit-twelid jew għal dawn l-aħħar 28 jum, fi stabbiliment fejn l-ebda każ tal-marda tal-infafet fil-ġilda ma ġie rrappurtat uffiċjalment matul dak il-perjodu;

    (b)

    l-annimali ġew spezzjonati klinikament waqt it-tagħbija u ma ppreżentawx xi sintomi kliniċi tal-marda tal-infafet fil-ġilda;

    (c)

    l-annimali jiġu ttrasportati għall-qatla immedjata b'mod dirett, mingħajr waqfien jew ħatt;

    (d)

    il-biċċerija tiġi nnominata għal dan il-għan mill-awtorità kompetenti;

    (e)

    l-awtorità kompetenti tal-biċċerija għandha tiġi informata mill-awtorità tad-dispaċċ kompetenti bl-intenzjoni li jintbagħtu l-annimali f'dik il-biċċerija u tinnotifika lill-awtorità kompetenti tad-dispaċċ bil-wasla tagħhom;

    (f)

    mal-wasla fil-biċċerija, dawn l-annimali jinżammu u jinqatlu separatament minn annimali oħra fi żmien inqas minn 36 siegħa;

    (g)

    l-annimali maħsuba li se jiġu soġġetti għal moviment

    (i)

    jew ma ġewx vaċċinati kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda u nżammu f'azjendi

    fejn il-vaċċinazzjoni ma twettqitx u li jinsabu barra ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza; jew

    fejn il-vaċċinazzjoni twettqet u li jinsabu barra ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza u perjodu ta' stennija ta' mill-inqas seba (7) t'ijiem wara l-vaċċinazzjoni fil-merħla skada; jew

    li jinsabu f'żona ta' sorveljanza miżmuma għal aktar minn 30 jum minħabba l-okkorrenza ta' każijiet oħra tal-marda; jew

    (ii)

    ġew vaċċinati kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda mill-inqas 28 jum qabel il-moviment u ġew minn azjenda li fiha l-annimali kollha suxxettibbli kienu ġew vaċċinati għall-inqas 28 jum qabel il-moviment maħsub.”

    (3)

    L-Artikolu 5 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 5

    Deroga mill-projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq ta' laħam frisk u preparazzjonijiet tal-laħam ta' annimali bovini u ruminanti selvaġġi

    1.   B'deroga mill-projbizzjoni prevista fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 3(2), l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza t-tqegħid fis-suq barra ż-żona ristretta tal-laħam frisk, eskluż il-ġewwieni minbarra l-fwied, u preparazzjonijiet tal-laħam tiegħu, kif ukoll ġlud friski miksuba minn annimali bovini u ruminanti selvaġġi:

    (a)

    miżmuma f'azjendi fiż-żona ristretta li ma kinux taħt restrizzjonijiet skont id-Direttiva 92/119/KEE; jew

    (b)

    li nqatlu jew ġew ikkaċċjati qabel il-21 ta' Awwissu 2015; jew

    (c)

    huma msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 4.

    L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li laħam frisk, eskluż il-ġewwieni minbarra l-fwied, u preparazzjonijiet tal-laħam tiegħu, kif ukoll il-ġlud friski msemmija fl-ewwel subparagrafu ma jintbagħtux lil Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi.

    2.   L-awtorità kompetenti għandha tawtorizza biss il-bgħit lejn Stati Membri oħra ta' konsenji ta' laħam frisk u preparazzjonijiet tal-laħam prodotti minn dan il-laħam frisk miksuba minn annimali bovini li huma miżmuma u maqtula barra ż-żona ristretta, sakemm dan il-laħam u l-preparazzjonijiet tal-laħam kienu prodotti, maħżuna u mqandla mingħajr ma ġew f'kuntatt ma' laħam u preparazzjoniiet tal-laħam mhux awtorizzati biex jintbagħtu lil Stati Membri oħra, u l-kunsinni huma akkumpanjati minn ċertifikat uffiċjali tas-saħħa kif stabbilit fl-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 599/2004 (*), li mal-Parti II tiegħu għandu jkollu l-attestazzjoni li ġejja:

    ‘Laħam frisk jew preparazzjonijiet tal-laħam li jikkonformaw mad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1500 tas-7 ta' Settembru 2015 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja’.

    (*)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 599/2004 tat-30 ta' Marzu 2004 li jikkonċerna l-adozzjoni ta' mudell armonizzat ta' ċertifikat u rapport tal-ispezzjoni marbuta mal-kummerċ intra-Komunitarju fl-annimali u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali (ĠU L 94, 31.3.2004, p. 44).”"

    (4)

    L-Artikolu 6 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 6

    Deroga mill-projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq ta' prodotti tal-laħam li jikkonsistu fi, jew li fihom, laħam ta' annimali bovini u ruminanti selvaġġi

    1.   B'deroga mill-projbizzjoni prevista fil-punt (a) tal-Artikolu 3(2), l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza it-tqegħid fis-suq ta' prodotti tal-laħam prodotti fiż-żona ristretta minn laħam frisk ta' annimali bovini u ruminanti selvaġġi:

    (a)

    miżmuma f'azjendi fiż-żona ristretta li ma kinux taħt restrizzjonijiet skont id-Direttiva 92/119/KEE; jew

    (b)

    li nqatlu jew ġew ikkaċċjati qabel il-21 ta' Awwissu 2015; jew

    (c)

    huma msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 4; jew

    (d)

    miżmuma u maqtula barra miż-żona ristretta.

    2.   L-awtorità kompetenti għandha tawtorizza t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-laħam imsemmija fil-paragrafu 1, li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tal-punti (a), (b) jew (c) ta' dak il-paragrafu, fit-territorju tal-Greċja biss, sakemm il-prodotti tal-laħam li jkunu ġew suġġett għal trattament mhux speċifiku li jiżgura li l-wiċċ maqtugħ tal-prodotti tal-laħam ma jibqax juri l-karatteristiċi ta' laħam frisk.

    L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-prodotti tal-laħam imsemmija fl-ewwel subparagrafu ma jintbagħtux lil Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi.

    3.   L-awtorità kompetenti għandha tawtorizza biss il-bgħit ta' kunsinji ta' prodotti tal-laħam prodotti minn laħam frisk miksub minn annimali li għalihom jirreferi l-paragrafu 1(a), (b) u (c) lejn Stati Membri oħra, bil-kundizzjoni li l-prodotti tal-laħam ġew soġġetti għal trattament speċifiku f'kontenituri ssiġillati ermetikament sa valur Fo ta' tlieta jew aktar, u jkunu akkumpanjati minn ċertifikat uffiċjali tas-saħħa kif stabbilit fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 599/2004, li mal-Parti II tiegħu għandu jkollu l-attestazzjoni li ġejja:

    ‘Prodotti tal-laħam konformi mad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1500 tas-7 ta' Settembru 2015 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja’.

    4.   L-awtorità kompetenti għandha tawtorizza biss il-bgħit lejn Stati Membri oħra ta' kunsinni tal-prodotti tal-laħam prodotti minn laħam frisk miksub mill-annimali msemmija fil-paragrafu 1(d), sakemm il-prodotti tal-laħam ikunu ġew soġġetti għal trattament mhux speċifiku, li jiżgura li l-wiċċ maqtugħ tal-prodotti tal-laħam ma jkunx għadu juri l-karatteristiċi ta' laħam frisk u jkun akkumpanjat b'ċertifikat uffiċjali tas-saħħa kif jistipula l-Anness tar-Regolament (KE) Nru 599/2004 u li l-Parti II tiegħu għandha tkun akkumpanjata mill-attestazzjoni li ġejja:

    ‘Prodotti tal-laħam konformi mad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1500 tas-7 ta' Settembru 2015 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja’.”

    (5)

    L-Artikolu 7 jinbidel b'dan li ġej:

    “Artikolu 7

    Deroga mill-projbizzjoni fuq id-dispaċċ u t-tqegħid fis-suq tal-ħalib u prodotti tal-ħalib

    1.   B'deroga mill-projbizzjoni prevista fil-punt (b) tal-Artikolu 3(2), l-awtorità kompetenti tista' tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' ħalib għall-konsum uman, miksub minn annimali bovini miżmuma f'azjendi li jinsabu fiż-żona ristretta, u l-prodotti tal-ħalib magħmulin minnu, sakemm il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib ikun sarilhom it-trattament deskritt fil-punti minn 1.1 sa 1.5 tal-Parti A tal-Anness IX tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE (**).

    2.   L-awtorità kompetenti għandha tawtorizza biss il-bgħit lejn Stati Membri oħra ta' kunsinni ta' ħalib u prodotti tal-ħalib miskuba minn annimali bovini miżmuma f'azjendi li jinsabu fiż-żona ristretta, sakemm il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib huma maħsuba għall-konsum mill-bniedem, ġew sottoposti għat-trattament imsemmi fil-paragrafu 1 u l-kunsinni huma akkumpanjati minn ċertifikat uffiċjali tas-saħħa kif stabbilit fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 599/2004, li mal-Parti II tiegħu għandu jkollu l-attestazzjoni li ġejja:

    ‘Ħalib jew prodotti tal-ħalib konformi mad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1500 tas-7 ta' Settembru 2015 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja’.

    (**)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE tad-29 ta' Settembru 2003 dwar miżuri tal-Komunità fuq il-kontroll tal-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer li tirrevoka id-Direttiva 85/511/KEE u d-Deċiżjoni 89/531/KEE u 91/665/KEE u temmenda d-Direttiva 92/46/KEE (ĠU L 306, 22.11.2003, p. 1).”"

    (6)

    It-titolu tal-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 8

    Marka speċjali għal laħam frisk, preparazzjonijiet tal-laħam u prodotti tal-laħam imsemmija fl-Artikoli 5(1) u 6(2) rispettivament”

    (7)

    id-data fl-Artikolu 12 hija sostitwita b'“il-31 ta' Diċembru 2016”.

    (8)

    l-Anness huwa sostitwit bit-test fl-Anness III.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Novembru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

    (2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

    (3)  ĠU L 62, 15.3.1993, p. 69.

    (4)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

    (5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1423 tal-21 ta' Awwissu 2015 dwar ċerti miżuri interim ta' protezzjoni kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja (ĠU L 222, 25.8.2015, p. 7).

    (6)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1500 tas-7 ta' Settembru 2015 rigward ċerti miżuri ta' ħarsien kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda fil-Greċja u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1423 (ĠU L 234, 8.9.2015, p. 19).

    (7)  EFSA Journal 2015;13(1):3986 [73 pp.].

    (8)  Id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1).

    (9)  Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206).

    (10)  Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55).

    (11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE tad-29 ta' Settembru 2003 dwar miżuri tal-Komunità fuq il-kontroll tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer u li tirrevoka d-Direttivi 85/511/KEE u d-Deċiżjonijiet 89/531/KEE u 91/665/KEE u li temenda d-Direttiva 92/46/KEE (ĠU L 306, 22.11.2003, p. 1).


    ANNESS I

    Il-Greċja:

    L-unitajiet reġjonali li ġejjin fil-Greċja:

    L-unità reġjonali ta' Evros;

    L-unità reġjonali ta' Kavala;

    L-unità reġjonali ta' Limnos;

    L-unità reġjonali ta' Rodopi;

    L-unità reġjonali ta' Xanthi;


    ANNESS II

    Kondizzjonijiet għall-użu tal-vaċċinazzjoni ta' emerġenza fil-kontroll u l-eradikazzjoni tal-marda tal-infafet fil-ġilda (LSD) fl-applikazzjoni tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 92/119/KEE

    1.

    Id-daqs taż-żona ġeografika li fiha trid titwettaq il-vaċċinazzjoni ta' emerġenza.

    Iż-żona fejn issir il-vaċinazzjoni għandha tkun fi ħdan iż-żona definita fl-Anness I.

    Ir-restrizzjonijiet applikabbli fiż-żona fejn issir il-vaċinazzjoni għandhom ikunu dawk stipulati f'din id-Deċiżjoni, kif ukoll fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/119/KEE.

    2.

    L-ispeċi u l-età tal-annimali li għandhom jiġu vaċċinati

    L-annimali bovini kollha indipendentement mis-sess, l-età u l-istatus produttiv jew ġestazzjonali għandhom jiġu vaċċinati fl-ewwel ċiklu ta' vaċċinazzjoni msemmi fil-punt 3.

    Il-frieħ ta' annimali bovini vaċċinati għandhom jiġu vaċċinati skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur f'età ta' mhux inqas minn erba' xhur.

    3.

    It-tul ta' żmien tal-kampanja ta' vaċċinazzjoni

    L-ewwel ċiklu ta' vaċċinazzjoni fl-unità reġjonali ta' Evros għandu jitlesta sal-31 ta' Ottubru 2015.

    L-ewwel ċiklu ta' vaċċinazzjoni fl-unitajiet reġjonali ta' Rodopi, Xanthi u Kavala għandu jitlesta sal-30 ta' Novembru 2015.

    L-ewwel ċiklu ta' vaċċinazzjoni f'xi unitajiet reġjonali oħra elenkati fl-Anness I għandu jitlesta malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard minn xahrejn wara l-konferma tal-ewwel tifqigħa f'dik l-unità reġjonali.

    4.

    Waqfien speċifiku tal-moviment ta' annimali u l-prodotti tagħhom

    Irrispettivament minn kwalunkwe miżuri oħrajn li jistgħu jkunu fis-seħħ f'żona ristretta kif definita fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500, l-annimali ta' età ta' aktar minn 90 jum ma għandhomx jiġu soġġetti għal moviment lejn impriża oħra ħlief jekk dawn kienu vaċċinati u regolarment vaċċinati mill-ġdid tal-anqas 28 jum qabel il-moviment.

    Malli jiskadu t-28 jum wara l-vaċċinazzjoni, il-miżuri għall-moviment ta' annimali bovini vaċċinati u dawk għat-tqegħid fis-suq ta' prodotti derivati minn annimali bovini vaċċinati kif stipulati fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500 japplikaw bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/119/KEE.

    Annimali mhux vaċċinati jistgħu jintbagħtu għall-qatla diretta lejn biċċerija li tinsab fi ħdan iż-żona ristretta. Ħlief fil-każ ta' qatla ta' emerġenza, għandu jiġi osservat perjodu ta' stennija ta' seba' t'ijiem wara l-vaċċinazzjoni fil-merħla qabel ma jintbagħtu għal qatla annimali mhux vaċċinati minn stabbilimenti fejn saret vaċċinazzjoni.

    Frieħ iżgħar minn sitt (6) xhur mhux vaċċinati li twieldu minn ommijiet li kienu ngħataw il-vaċċinazzjoni mill-anqas 28 jum qabel it-twellid jistgħu jiġu soġġetti għall-moviment lejn impriża oħra li tinsab fi ħdan iż-żona ristretta.

    5.

    Ir-reġistrazzjoni speċjali tal-annimali vaċċinati

    Għal kull annimal bovin vaċċinat id-dettalji tal-vaċċinazzjoni għandhom jiddaħħlu mill-awtorità lokali kompetenti fil-bażi tad-dejta onlajn iddedikata għal dan l-iskop u marbuta mal-bażi tad-dejta ċentrali stabbilita skont ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

    Id-dokumentazzjoni għandha tiżgura r-rabta bejn omm vaċċinata u wildha.

    6.

    Kwistjonijiet oħra xierqa għas-sitwazzjoni ta' emerġenza.

    6.1.

    Żona ta' sorveljanza madwar iż-żona tal-vaċċinazzjoni fil-Greċja

    Żona ta' sorveljanza ta' mill-anqas 10 km madwar iż-żona tal-vaċċinazzjoni msemmija fil-punt 1 għandha tiġi stabbilita, fejn għandha titwettaq sorveljanza intensiva u l-moviment tal-annimali bovini għandu jkun soġġett għal kontrolli mill-awtorità kompetenti.

    Annimali bovini mhux vaċċinati kontra l-marda tal-infafet fil-ġilda u li jinżammu fi stabbilimenti li jinsabu f'żona ta' sorveljanza madwar iż-żona tal-vaċċinazzjoni m'għandhomx iħallu l-azjendi tagħhom sa perjodu ta' stennija ta' mill-inqas seba (7) t'ijiem wara l-vaċċinazzjoni fi stabbilimenti li jinsabu fiż-żona fejn issir il-vaċinazzjoni f'distanza ta' inqas minn 10 km.

    6.2.

    Il-perjodu li matulu jinżammu l-miżuri applikati fiż-żoni stabbiliti skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/119/KEE u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500

    Il-miżuri applikati fiż-żona fejn issir il-vaċinazzjoni għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu revokati b'konformità mal-Artikolu 19(6) tad-Direttiva 92/119/KEE.

    6.3.

    Eżekuzzjoni tal-kampanja ta' vaċċinazzjoni

    Il-vaċċinazzjoni għandha titwettaq minn uffiċjal tal-awtorità kompetenti jew veterinarju privat maħtur mill-awtorità kompetenti u taħt is-superviżjoni tagħha.

    Għandha tingħata prijorità għall-vaċċinazzjoni tal-annimali miżmuma fi stabbilimenti li jinsabu fiż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza u fiż-żoni li jmissu ma' Stati Membri oħra u l-unitajiet reġjonali fil-Greċja li huma ħielsa mil-LSD.

    Miżuri neċessarji għandhom ikunu fis-seħħ sabiex tiġi evitata l-firxa possibbli tal-virus. Kull kwantità residwa tal-vaċċin għandha tintbagħat lura fil-punt tad-distribuzzjoni tat-tilqim b'rekord miktub dwar in-numru ta' annimali mlaqqma u n-numru ta' dożi li ntużaw.

    6.4.

    Il-vaċċin li għandu jintuża

    Vaċċin tal-vajrus ħaj omologu u attenwat kontra l-LSD (Varjant Neethling), “Lumpy Skin Disease Vaccine For Cattle”, Onderstepoort Biological Products, l-Afrika t'Isfel.

    Jew inkella: vaċċin ħaj u mmoderat kontra l-LSD (tip SIS), “Lumpyvax”, MSD Animal Health, Intervet, l-Afrika t'Isfel.

    Il-vaċċin għandu jintuża skont l-istruzzjonijiet tal-manifattur u l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2001/82/KE taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti ċentrali.

    6.5.

    Rapporti dwar il-Progress u Rapport Finali

    Rapport dwar il-Progress rigward l-eżekuzzjoni tal-programm għandu jiġi pprovdut lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b'konformità mal-Artikolu 19(5) tad-Direttiva 92/119/KEE.

    Rapport dettaljat dwar il-kompletezza tal-programm għandu jiġi pprovdut lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri b'konformità mal-Artikolu 19(5) tad-Direttiva 92/119/KEE qabel ma jitneħħew ir-restrizzjonijiet msemmija fil-punti 6.1 u 6.2.


    (1)  Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU L 204, 11.8.2000, p. 1).


    ANNESS III

    L-Anness tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/1500 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “ANNESS

    Il-Greċja:

    L-unitajiet reġjonali li ġejjin fil-Greċja:

    L-unità reġjonali ta' Evros;

    L-unità reġjonali ta' Kavala;

    L-unità reġjonali ta' Limnos;

    L-unità reġjonali ta' Rodopi;

    L-unità reġjonali ta' Xanthi;”


    Top