EUR-Lex Ingång till EU-rätten

Tillbaka till EUR-Lex förstasida

Det här dokumentet är ett utdrag från EUR-Lex webbplats

Dokument 32015R2046

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2046 tas-16 ta' Novembru 2015 dwar in-nuqqas ta' approvazzjoni tal-Artemisia absinthium L. bħala sustanza bażika skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 300, 17.11.2015, s. 6–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dokumentets rättsliga status Gällande

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2046/oj

17.11.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 300/6


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2046

tas-16 ta' Novembru 2015

dwar in-nuqqas ta' approvazzjoni tal-Artemisia absinthium L. bħala sustanza bażika skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(5) flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' April 2013, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni f'konformità mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, mingħand l-Institut Technique de l'Agriculture Biologique (ITAB) għall-approvazzjoni tal-Artemisia absinthium L. bħala sustanza bażika. Dik l-applikazzjoni kienet akkumpanjata mill-informazzjoni meħtieġa skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(3).

(2)

Il-Kummissjoni talbet lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”) għal għajnuna xjentifika. Fit-30 ta' Settembru 2014, l-Awtorità ppreżentat Rapport Tekniku dwar is-sustanza inkwistjoni lill-Kummissjoni (2). Fl-20 ta' Marzu 2015, il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport ta' analiżi (3) u l-abbozz ta' dan ir-Regolament dwar in-nuqqas ta' approvazzjoni tal-Artemisia absinthium L. lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

(3)

Id-dokumentazzjoni li ressaq l-applikant turi li l-Artemisia absinthium L. tissodisfa l-kriterji ta' oġġett tal-ikel kif iddefinit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Madankollu, ix-xorb alkoħoliku mill-ispeċi Artemisia huwa inkluż fil-Parti B tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li jistabbilixxi livelli massimi ta' ċerti sustanzi, li jkunu preżenti b'mod naturali fl-aromatizzanti u fl-ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti, f'ċertu ikel kompost kif ikkonsmat, li miegħu ġew miżjuda l-aromatizzanti u/jew l-ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti. Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008, fl-ikel kompost elenkat f'dik il-Parti B, il-livelli massimi ma għandhomx jinqabżu minħabba l-użu ta' aromatizzanti u/jew ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti. Għaldaqstant, l-ispeċi Artemisia ma tistax tintuża bħala oġġett tal-ikel mingħajr kwalifika.

(4)

Ġie identifikat tħassib speċifiku fir-Rapport Tekniku tal-Awtorità dwar l-esponiment għat-tujon, l-absintina u l-aċidu feruliku u, bħala riżultat ta' dan, il-valutazzjoni tar-riskju għall-operaturi, il-ħaddiema, il-persuni fil-qrib, il-konsumaturi u l-organiżmi mhux fil-mira ma setgħetx tiġi finalizzata.

(5)

Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant iressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-Rapport Tekniku tal-Awtorità u dwar l-abbozz tar-rapport ta' analiżi. L-applikant ressaq il-kummenti tiegħu, u dawn ġew eżaminati bir-reqqa.

(6)

Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa mill-applikant, it-tħassib relatat mas-sustanza ma jistax jiġi eliminat.

(7)

Għaldaqstant, kif stabbilit fir-rapport ta' analiżi tal-Kummissjoni, ma ġiex stabbilit li r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati. Għalhekk, jixraq li l-Artemisia absinthium L. ma tiġix approvata bħala sustanza bażika.

(8)

Dan ir-Regolament ma jippreġudikax is-sottomissjoni ta' applikazzjoni oħra għall-approvazzjoni tal-Artemisia absinthium L. bħala sustanza bażika skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

(9)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Nuqqas ta' approvazzjoni bħala sustanza bażika

Is-sustanza Artemisia absinthium L. mhijiex approvata bħala sustanza bażika.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' Novembru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(2)  Outcome of the consultation with Member States and EFSA on the basic substance application for Artemisia absinthium for use in plant protection as fungicide in wheat and nematicide and insecticide in vegetables. Il-pubblikazzjoni ta' sostenn tal-EFSA 2014:EN-665. 37 pp.

(3)  http://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/public/?event=activesubstance.selection&language=EN

(4)  Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolamenti (KE) Nru 2232/96 u (KE) Nru 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34).


Upp