Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22015D1807

    Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 248/2014 tat-13 ta' Novembru 2014 li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet [2015/1807]

    ĠU L 263, 8.10.2015, p. 38–39 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1807/oj

    8.10.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 263/38


    DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

    Nru 248/2014

    tat-13 ta' Novembru 2014

    li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet [2015/1807]

    IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    In-Norveġja ħadet sehem u kkontribwiet finanzjarjament għall-attivitajiet tal-Programmi tal-GNSS Ewropej li jirriżultaw mir-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u se tkompli tipparteċipa u tikkontribwixxi finanzjarjament għall-attivitajiet li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 (2) permezz tal-inklużjoni ta' dawk ir-Regolamenti fil-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE.

    (2)

    In-Norveġja u l-Islanda għandhom interess fis-servizzi kollha li se jiġu offruti mis-sistema stabbilita skont il-programm Galileo, inkluż is-Servizz Pubbliku Regolat (“PRS”).

    (3)

    Huwa għalhekk xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim ŻEE tiġi estiża sabiex tinkludi d-Deċiżjoni Nru 1104/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar ir-regoli ta' aċċess għas-servizz pubbliku regolat offrut mis-sistema dinjija ta' navigazzjoni bis-satellita li ġiet stabbilita taħt il-programm Galileo (3).

    (4)

    In-Norveġja tista' ssir parteċipant fil-PRS soġġett għall-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3(5) tad-Deċiżjoni 1104/2011/UE.

    (5)

    Il-Ftehim bejn ir-Renju tan-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata (4), li ġie ffirmat fit-22 ta' Novembru 2004, japplika mill-1 ta' Diċembru 2004.

    (6)

    Il-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar in-Navigazzjoni bis-Satellita bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Renju tan-Norveġja (5), li ġie ffirmat fit-22 ta' Settembru 2010, japplika provviżorjament mill-1 ta' Mejju 2011.

    (7)

    Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex jippermetti din il-kooperazzjoni estiża,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu 8aa fl-Artikolu 1 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE:

    “8ab.

    (a)

    L-Istati tal-EFTA jipparteċipaw fl-attivitajiet li jistgħu jirriżultaw mill-att tal-Unjoni li ġej:

    32011 D 1104: Id-Deċiżjoni Nru 1104/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar ir-regoli ta' aċċess għas-servizz pubbliku regolat offrut mis-sistema dinjija ta' navigazzjoni bis-satellita li ġiet stabbilita taħt il-programm Galileo (ĠU L 287, 4.11.2011, p. 1).

    (b)

    L-Istati tal-EFTA jistgħu jsiru parteċipanti fil-PRS soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 3(5)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 1104/2011/UE.

    (c)

    Il-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA f'diversi kumitati u gruppi ta' esperti relatati mal-PRS għandha tiġi indirizzata fir-regoli ta' proċedura korrispondenti tagħhom.

    (d)

    L-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 1104/2011/UE ma japplikax għall-Istati tal-EFTA.

    (e)

    Dan il-paragrafu ma japplikax għal-Liechtenstein.

    (f)

    Fir-rigward tal-Islanda, dan il-paragrafu huwa sospiż sakemm jiġi deċiż mod ieħor mill-Kumitat Konġunt taż-ZEE.”

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*).

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata fit-Taqsima ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Supplement taż-ŻEE tiegħu.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Novembru 2014.

    Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    Il-President

    Kurt JÄGER


    (1)  ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1.

    (2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1.

    (3)  ĠU L 287, 4.11.2011, p. 1.

    (4)  ĠU L 362, 9.12.2004, p. 29.

    (5)  ĠU L 283, 29.10.2010, p. 12.

    (*)  L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma indikati.


    Top