EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0875

2014/875/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 4 ta' Diċembru 2014 dwar il-pubblikazzjoni tar-referenzi tal-istandard EN 15649-2:2009+A2:2013 għall-oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma għall-użu fil-ħin liberu fl-ilma jew fuqu u tar-referenzi tal-istandard EN 957-6:2010+A1:2014 għat-tagħmir fiss għat-taħriġ f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 349, 5.12.2014, p. 65–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 09/10/2019; Imħassar b' 32019D1698

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/875/oj

5.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 349/65


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-4 ta' Diċembru 2014

dwar il-pubblikazzjoni tar-referenzi tal-istandard EN 15649-2:2009+A2:2013 għall-oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma għall-użu fil-ħin liberu fl-ilma jew fuqu u tar-referenzi tal-istandard EN 957-6:2010+A1:2014 għat-tagħmir fiss għat-taħriġ f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2014/875/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva Nru 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (1), u b'mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/95/KE, il-produtturi għandhom iqiegħdu biss prodotti siguri fis-suq.

(2)

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2001/95/KE, prodott għandu jitqies li huwa sigur, safejn għandhom x'jaqsmu r-riskji u l-kategoriji tar-riskji koperti mill-istandards nazzjonali rilevanti, meta jkun jissodisfa l-istandards nazzjonali li jittrasponu l-istandards Ewropej, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 4(2) ta' dik id-Direttiva.

(3)

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/95/KE, l-istandards Ewropej jiġu stabbiliti minn organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni skont mandati mfasslin mill-Kummissjoni.

(4)

Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/95/KE, il-Kummissjoni għandha tippubblika r-referenzi ta' dawn l-istandards.

(5)

Fil-21 ta' April 2005, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2005/323/KE (2) dwar ir-rekwiżiti ta' sigurtà li jridu jissodisfaw l-istandards Ewropej għall-oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma għall-użu fil-ħin liberu fl-ilma jew fuqu.

(6)

Fis-6 ta' Settembru 2005, il-Kummissjoni ħarġet il-mandat M/372 lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex ifasslu standards Ewropej biex jiġu indirizzati r-riskji ewlenin marbutin mal-oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma għall-użu fil-ħin liberu fl-ilma jew fuqu, jiġifieri l-inċidenti li fihom jegħreq, jew kważi jegħreq, xi ħadd, riskji oħrajn marbutin mad-disinn tal-prodotti, fosthom il-ġarr mill-kurrent, it-telf ta' qbid, il-waqgħat mill-għoli, il-qbid jew it-taħbil fuq l-ilma jew taħt wiċċ l-ilma, it-telf għall-għarrieda tal-kapaċità tal-oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma, il-qlib tagħhom u l-bidliet f'daqqa fit-temperatura, ir-riskji inerenti fl-użu ta' dawn l-oġġetti, bħall-ħabtiet u l-impatti, kif ukoll ir-riskji marbutin mar-riħ, mal-kurrenti u mal-marea.

(7)

Bi tweġiba għall-mandat mogħti lilu mill-Kummissjoni, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni adotta sensiela ta' standards Ewropej għall-oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma għall-użu fil-ħin liberu (l-istandard EN 15649, il-partijiet 1 sa 7). Fit-18 ta' Lulju 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/390/UE (3), li tistabbilixxi li l-ewwel sas-seba' parti tal-istandard Ewropew EN 15649 għall-oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma għall-użu fil-ħin liberu jissodisfaw ir-rekwiżit ta' sigurtà ġenerali mogħti fid-Direttiva 2001/95/KE għar-riskji li jkopru, u ppubblikat ir-referenzi tagħhom fil-parti C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(8)

Minn dakinhar 'l hawn, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni rreveda l-istandard Ewropew EN 15649-2:2009+A2:2013 għall-oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma għall-użu fil-ħin liberu fl-ilma jew fuqu.

(9)

L-istandard Ewropew EN 15649-2:2009+A2:2013 jissodisfa l-mandat M/372 u huwa konformi mar-rekwiżit ta' sigurtà ġenerali stabbilit fid-Direttiva 2001/95/KE. Għalhekk, ir-referenza tiegħu għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(10)

Fis-27 ta' Lulju 2011, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2011/476/UE (4) dwar ir-rekwiżiti tas-sigurtà li jridu jissodisfaw l-istandards Ewropej għat-tagħmir fiss għat-taħriġ.

(11)

Fil-5 ta' Settembru 2012, il-Kummissjoni ħarġet il-mandat ta' standardizzazzjoni M/506 lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex dawn jiżviluppaw standards Ewropej għat-tagħmir fiss għat-taħriġ. Dawn l-istandards kellhom isegwu l-prinċipju li, f'kundizzjonijiet normali tal-użu ta' dan it-tagħmir li huma raġonevoli u prevedibbli, id-disinn jew is-salvagwardji tiegħu għandhom inaqqsu kemm jista' jkun ir-riskji ta' korriment jew ta' ħsara għas-saħħa u s-sigurtà.

(12)

Il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni adotta sensiela ta' standards Ewropej (l-istandard EN 957, il-parti 2 u l-partijiet 4 sa 10), u l-istandard Ewropew EN ISO 20957, il-parti 1. Dawn jaqgħu fl-ambitu tal-mandat tal-Kummissjoni.

(13)

Fit-13 ta' Ġunju 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/357/UE (5), li tistabbilixxi li t-tieni parti u r-raba' sal-għaxar parti tas-sensiela ta' standards Ewropej EN 957 u l-ewwel parti tal-istandard Ewropew EN ISO 20957 għat-tagħmir fiss għat-taħriġ jissodisfaw ir-rekwiżit ta' sigurtà ġenerali mogħti fid-Direttiva 2001/95/KE għar-riskji li jkopru, u ppubblikat ir-referenzi tagħhom fil-parti C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(14)

Minn dakinhar 'l hawn, il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni rreveda l-istandard Ewropew EN 957-6:2010+A1:2014 għat-tagħmir fiss għat-taħriġ.

(15)

L-istandard Ewropew EN 957-6:2010+A1:2014 jissodisfa l-mandat M/506 u huwa konformi mar-rekwiżit ta' sigurtà ġenerali mogħti fid-Direttiva 2001/95/KE. Għalhekk, ir-referenza tiegħu għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(16)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bid-Direttiva 2001/95/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-referenzi tal-istandards li ġejjin għandhom jiġu ppubblikati fil-parti C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea:

(a)

EN 15649-2:2009+A2:2013 “Oġġetti ta' divertiment li jżommu f'wiċċ l-ilma għall-użu fl-ilma jew fuqu — It-tieni parti: Tagħrif għall-konsumaturi”; u

(b)

EN 957-6:2010+A1:2014 “Tagħmir fiss għat-taħriġ — Is-sitt parti: Treadmills, rekwiżiti addizzjonali speċifiċi għas-sikurezza u metodi ta' ttestjar”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Diċembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 11, 15.1.2002, p. 4.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/323/KE tal-21 ta' April 2005 dwar il-ħtiġijiet għas-sigurtà li għandhom jitwettqu mill-istandards Ewropej għal oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma għall-użu fil-ħin liberu fuq jew fl-ilma in segwitu għad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 104, 23.4.2005, p. 39).

(3)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/390/UE tat-18 ta' Lulju 2013 dwar il-konformità tal-istandards Ewropej serje EN 15649 (partijiet 1-7) għal oġġetti li jżommu f'wiċċ l-ilma għall-użu fuq l-ilma jew fl-ilma mar-rekwiżit ta' sigurtà ġenerali tad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-pubblikazzjoni tar-referenzi ta' dawk l-istandards f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 196, 19.7.2013, p. 22).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/476/UE tas-27 ta' Lulju 2011 dwar rekwiżiti ta' sigurtà li għandhom jiġu ssodisfati mill-istandards Ewropej għal tagħmir fiss għat-taħriġ skont id-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 196, 28.7.2011, p. 16).

(5)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/357/UE tat-13 ta' Ġunju 2014 dwar il-konformità tal-istandards Ewropej serje EN 957 (partijiet 2 u 4-10) u EN ISO 20957 (parti 1) għal tagħmir fiss għat-taħriġ u ta' għaxar standards Ewropej għal tagħmir tal-ġinnastika mar-rekwiżit ta' siġurtà ġenerali tad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-pubblikazzjoni tar-referenzi ta' dawk l-istandards f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 175, 14.6.2014, p. 40).


Top